KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ BORDONA
ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020 (1)
Kawża C‑584/19
Staatsanwaltschaft Wien
vs
A et,
bl-intervent ta’:
Staatsanwaltschaft Hamburg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti kriminali reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea — Prosekutur pubbliku li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità emittenti — Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-poter eżekuttiv — Direttiva 2014/41/UE — Awtorità ġudizzjarja bis-setgħa ta’ emissjoni — Kunċett awtonomu — Differenzi bejn ir-regolamentazzjoni tad‑Direttiva 2014/41/UE u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali — Neċessità ta’ intervent ġudizzjarju”
1. Il-Prosekuturi Pubbliċi tal-Ġermanja u tal-Awstrija huma, rispettivament, l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej (iktar ’il quddiem l-“OIE”) ittrattati skont id-Direttiva 2014/41/UE (2).
2. F’din il-kawża, l-iStaatsanwaltschaft Hamburg (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ħareġ OIE sabiex l-iStaatsanwaltschaft Wien (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, l-Awstrija) jipprovdilu informazzjoni dwar kont bankarju domiċiljat fl-Awstrija. Peress li d-dritt ta’ dan il-pajjiż tal-aħħar jeħtieġ, sabiex tiġi pprovduta din l-informazzjoni, awtorizzazzjoni minn qabel minn imħallef, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna talab din l-awtorizzazzjoni mingħand il-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna).
3. Essenzjalment, dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tal-mandati ta’ arrest Ewropej (iktar ’il quddiem il-“MAE”) skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA tistax tiġi trasposta għall-OIE (3).
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2014/41
4. L-Artikolu 1 (“L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”) jipprovdi:
“1. L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew [Ewropea] (OIE) huwa [hija] deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.
L-OIE jista’ jinħareġ [tista’ tinħareġ] ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.
3. Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali.
4. Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat”.
5. Skont l-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”):
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) ‘Stat emittenti’ tfisser l-Istat Membru li fih jinħareġ l-OIE;
(b) ‘Stat ta’ eżekuzzjoni’ tfisser l-Istat Membru li jeżegwixxi l-OIE, li fih għandha tiġi eżegwita l-miżura investigattiva;
(c) ‘awtorità emittenti’ tfisser:
(i) imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew
(ii) kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat [tintbagħat] lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat [għandha tiġi vvalidata], wara eżami tal-konformità tiegħu [tagħha] mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat [tkun ġiet ivvalidata] minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;
(d) ‘awtorità ta’ eżekuzzjoni’ tfisser awtorità b’kompetenza li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu [tagħha] f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”
6. L-Artikolu 6 (“Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”) jipprovdi:
“1. L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u
(b) il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.
3. Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit [tiġi eżegwita]. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”
B. Id-dritt nazzjonali
1. Id-dritt Ġermaniż. Il-Gerichtsverfassunsgesetz (4)
7. L-Artikolu 146 jindika li:
“L-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom jikkonformaw mal-istruzzjonijiet uffiċjali mogħtija mis-superjuri tagħhom”.
8. L-Artikolu 147 jistipula li:
“Is-setgħa ta’ superviżjoni u kontroll tikkorrispondi:
1. għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja u għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-Prosekutur Federali Ġenerali u l-prosekuturi federali;
2. għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-prosekutur pubbliku tal-Land ikkonċernat;
3. għall-ogħla uffiċjal tal-prosekutur pubbliku quddiem il-qrati superjuri reġjonali ċivili u kriminali u quddiem il-qrati ċivili u kriminali reġjonali fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-Prosekutur Pubbliku quddiem il-qorti distrettwali kkonċernata.”
2. Id-dritt Awstrijak
a) L-iStrafprozessordnung (5)
9. L-Artikolu 4(1) jattribwixxi l-inkjesti kriminali lill-Prosekutur Pubbliku.
10. Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu, il-Prosekutur Pubbliku għandu jkollu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex jimplimenta ċerti miżuri ta’ investigazzjoni partikolarment invażivi (Artikoli 101 u 105).
11. Fost dawn il-miżuri hemm il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u l-operazzjonijiet bankarji (l-Artikolu 109(4) moqri flimkien mal-Artikolu 116(4)).
b) Il-Bundesgesetz über die justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (6)
12. L-Artikolu 55c jiddikjara li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ OIE huwa dak li l-miżura mitluba li titwettaq taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.
13. L-Artikolu 55e jipprovdi li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jeżegwixxi OIE għandha tinkludi: i) informazzjoni dwar il-ħatra tal-prosekutur pubbliku, identifikazzjoni tal-persuna investigata, sa fejn ikun possibbli, id-deskrizzjoni tal-fatti u l-klassifikazzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuna affettwata mill-miżura; ii) deskrizzjoni tal-miżura li għandha tiġi eżegwita; iii) il-motivazzjoni li tiġġustifika l-legalità tagħha; u iv) kopja tal-OIE.
II. Il-fatti u d-domanda preliminari
14. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg fetaħ proċedura kriminali kontra A u persuni oħra mhux identifikati (7), fejn sabiex jiġu ċċarati l-fatti u, b’mod partikolari, jiġu identifikati l-awturi tagħhom, bagħat OIE lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna. Huwa talab li jingħatawlu kopji ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ kont bankarju Awstrijak, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2018.
15. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna talab lil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija), skont l-Artikoli 109(4) u 116 tas-StPO, l-awtorizzazzjoni sabiex jaċċedi għall-informazzjoni tal-kontijiet u t-tranżazzjonijiet bankarji, b’tali mod li l-istabbiliment bankarju jiġi obbligat jibgħatlu d-dokumenti msemmija fl-OIE.
16. Qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, din il-qorti tirrileva li peress li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwa espost għar-riskju li jirċievi, direttament jew indirettament, ordnijiet jew istruzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies bħala awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ MAE (8). Hija żżid li din l-istess konklużjoni tista’ wkoll tiġi trasposta sabiex l-OIE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg tiġi miċħuda.
17. Għalkemm id-Direttiva 2014/41 issemmi lill-Prosekutur Pubbliku bħala awtorità emittenti, mhux l-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Istati Membri kollha jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġ mill-organi ġudizzjarji. Fl-ipoteżi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-MAE tapplika għall-OIE, il-kunċett ta’ “prosekutur pubbliku” imsemmi fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix lill-Uffiċċji tal-Prosekutur esposti għar-riskju li jirċievu struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv, bħal dak ta’ Hamburg (9).
18. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Il-kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali u ta’ ‘prosekutur pubbliku’ skont l-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jifformaw parti minnhom anki l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropew, huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tas-setgħa eżekuttiva, pereżempju mis-Senatur għall-Ġustizzja ta’ Hamburg?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
19. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2019, flimkien mat-talba għal proċedura mħaffa, kif ġie deċiż.
20. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjoni preliminari
21. Il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi jekk tawtorizzax l-implimentazzjoni ta’ miżura investigattiva mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna. Kieku fl-oriġini ta’ din it-talba ma kienx intervjena l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż, ma jidhirx li kien ikun hemm diffikultajiet tad-dritt nazzjonali sabiex din tintlaqa’ u, jekk ikun il-każ, sabiex tkun fondata.
22. Bla ħsara għal dak li tifhem il-qorti tar-rinviju stess, nissupponi li, jekk din l-istess talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna kienet tressqet fuq talba tal-pulizija Awstrijaka (jiġifieri ta’ awtorità li taqa’ taħt il-poter eżekuttiv), tali fattur, waħdu, ma kienx jipprekludi lil din il-qorti milli tipproċessa t-talba.
23. Jekk dan huwa l-każ, ma narax x’inhi l-problema, anki jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż ma setax jiġi kklassifikat (minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu mill-poter eżekuttiv) bħala “awtorità ġudizzjarja”, sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq it-talba li, b’oriġini mill-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamburg u bi provenjenza immedjata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna (li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ta’ eżekuzzjoni”, skont id-dritt nazzjonali), għandha inkwistjoni quddiemha.
24. Barra minn hekk, il-Prosekutur Pubbliku Awstrijak lanqas ma jgawdi indipendenza mill-poter eżekuttiv, kif diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja (10). Jidhirli li dan ma jipprekludihx milli jressaq talbiet quddiem il-qorti tar-rinviju għal miżuri investigattivi li jqis li huma xierqa, fiċ-ċirkustanzi tal-Artikoli 109(4) u 116 tas-StPO.
25. L-istess japplika għall-pulizija jew għal awtoritajiet amministrattivi oħra (11). Id-domanda, għalhekk, hija jekk in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku Awstrijak iwassalx lill-qorti biex tiċħad talba għal aċċess għad-dokumenti ta’ kont bankarju li, fuq l-inizjattiva tal-pulizija jew ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra, hija indirizzata lilha mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna.
26. Fir-realtà, dak li huwa essenzjali sabiex il-qorti tar-rinviju tieħu d-deċiżjoni tagħha (tawtorizzax il-miżura ta’ investigazzjoni jew le) ma huwiex tant l-oriġini tat-talba iżda l-funzjoni ġudizzjarja proprja tagħha. Anki jekk MAE maħruġ minn prosekutur pubbliku Awstrijak (mhux indipendenti mill-poter eżekuttiv) jista’ jkun effikaċi wara li jkun ġie approvat mill-qorti nazzjonali kompetenti (12), li tistħarreġ il-proporzjonalità tiegħu, dan l-istess prinċipju jista’, a fortiori, japplika għal miżuri ta’ investigazzjoni li l-effett tagħhom fuq il-ħajja tal-persuna kkonċernata huwa ferm iżgħar minn dak li jirriżulta mill-MAE.
27. Fl-aħħar nett, inżid li d-dritt tal-Unjoni jinkludi regoli li jimponu d-dmir fuq l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkooperaw bejniethom sabiex jiġbru mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji ċerta data tal-kontijiet bankarji miftuħa fihom (13). Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni ma jistipulax li l-awtorità rikjedenti tkun indipendenti mill-poter eżekuttiv.
28. Id-dritt tal-Unjoni għalhekk jippermetti li l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru (li mid-definizzjoni tagħhom ma humiex indipendenti) jitolbu lill-kollegi tagħhom fi Stat Membru ieħor informazzjoni konkreta dwar kontijiet bankarji, li dawn tal-aħħar, bħala prinċipju, huma obbligati li jipprovdulhom. Bħala prinċipju, minn din il-perspettiva, ma jkunx hemm problema sabiex l-istess kriterju japplika għar-relazzjonijiet tal-Prosekuturi Pubbliċi f’dan il-qasam, meta dawn jaġixxu bħala awtoritajiet emittenti jew ta’ eżekuzzjoni ta’ OIE.
B. Awtoritajiet emittenti tal-OIE
29. Id-Direttiva 2014/41 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(1) TFUE, li jipprovdi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.
30. L-OIE hija ddefinita bħala deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (“l-Istat emittenti”) sabiex miżura jew miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”), bil-għan li jinkisbu provi (14).
31. Id-Direttiva 2014/41, li tissostitwixxi diversi strumenti konvenzjonali ta’ assistenza ġudizzjarja (15), hija intiża li ssir l-uniku strument regolatorju sabiex jitwettqu dmirijiet ta’ investigazzjoni u għall-kisba tal-provi fl-ispazju Ewropew. L-għan tagħha huwa li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kisba u t-trażmissjoni ta’ provi fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll li tittejjeb l-effikaċja tal-proċeduri ta’ investigazzjoni.
32. L-iktar karatteristika importanti tal-OIE, f’dak li jirrigwarda dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija li d-Direttiva 2014/41 tinkludi żewġ kategoriji ta’ “awtoritajiet emittenti”:
L-awtoritajiet ġudizzjarji (16), li jistgħu jkunu biss “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat” [Artikolu 2(c)(i)], jitqiesu li huma lkoll fuq livell ugwali.
Iżda l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji huma kompetenti sabiex jinvestigaw fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u jordnaw il-kisba ta’ provi skont id-dritt nazzjonali [Artikolu 2(c)(ii)] (17). L-OIE maħruġa minn waħda jew l-oħra minnhom għandhom jiġu vvalidati minn awtorità ġudizzjarja (18).
33. L-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 jsemmi lill-prosekutur pubbliku, b’mod partikolari, fost l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ta’ OIE. Sa issa, ma kien hemm l-ebda dubju li din l-indikazzjoni ċara kienet tippermetti lill-prosekuturi pubbliċi kompetenti (skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom) joħorġu dawn l-ordnijiet direttament.
34. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jqumu, kif rajna, minħabba s-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) dwar il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Peress li f’din is-sentenza ntqal li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż ma kienx jissodisfa l-elementi ta’ indipendenza indispensabbli għall-ħruġ ta’ MAE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ma jissodisfahomx lanqas għall-ħruġ ta’ OIE, peress li ma għandux il-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja (19) indipendenti.
35. Li jintlaqa’ dan l-argument ikun ifisser li, fil-Ġermanja, il-prosekuturi pubbliċi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, u li l-OIE maħruġa minnhom ikunu jeħtieġu validazzjoni. Fi kliem ieħor, dawn ikunu jaqgħu taħt il-punt (ii). Bħala konsegwenza addizzjonali, u għall-kuntrarju tal-kliem ta’ dan l-istess punt (ii), huma lanqas ma jistgħu jaġixxu bħala awtorità li tivvalida l-OIE maħruġa minn awtoritajiet (amministrattivi) oħra.
36. Fil-punti li ġejjin, ser insostni li l-frażi “awtorità ġudizzjarja” ma għandhiex neċessarjament tiġi interpretata bl-istess mod għal kull wieħed mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
37. Jiena nqis li ma hemm ebda rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni, li din l-interpretazzjoni tkun unitarja. Wieħed jista’ jaħseb li definizzjoni unika ta’ dan il-kunċett, valida għall-oqsma kollha tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali, tissemplifika d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni. Madankollu, nemmen li jiġri l-oppost: jekk wieħed iċedi għal tali tentazzjoni ermenewtika, dan jikkawża iktar problemi milli dawk li apparentement isolvi.
38. Il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa liberu li jinkludi f’dan il-kunċett – fl-osservanza tal-kontenut essenzjali tiegħu, jiġifieri li ma jestendihx għal entitajiet barranin għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja – kwalunkwe waħda mill-istituzzjonijiet li jipparteċipaw f’din tal-aħħar. Kollox jiddependi mill-kuntest leġiżlattiv li taħtu taqa’ kull modalità ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.
C. Is-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)
39. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddelimitat il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fil-konfront tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, u għalhekk:
Hija rrilevat li dan il-kunċett huwa ta’ natura awtonoma u għandu jinftiehem b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, fid-dawl tal-formulazzjoni tar-regola interpretata, il-kuntest tagħha u l-għan tagħha (20).
Hija rreferiet espressament għat-“termini ‘awtorità ġudizzjarja’ li jissemmew f’dik id-dispożizzjoni [fid-Deċiżjoni Kwadru]” (21).
Hija semmiet il-“kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584” (22).
Analizzat il-“kuntest li jinsab fih [l-imsemmi Artikolu 6(1)]” (23).
Ikkunsidrat l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru (24).
40. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess kawża diġà indikajt li “il-modalitajiet ta’ din il-parteċipazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma varjati u s-soluzzjonijiet għal xi oqsma ma għandhomx jiġu estrapolati b’mod mekkaniku jew awtomatiku għal oħrajn ta’ natura differenti” (25).
41. Hija semmiet, preċiżament, l-eżempju tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41, li inkluda lill-prosekutur pubbliku fost l-awtoritajiet awtorizzati sabiex joħorġu OIE. Barra minn hekk, fakkret fil-konklużjonijiet tal-kawża Özçelik sabiex tenfasizza li “veru li wieħed ma jistax iqabbel, sempliċiment, l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur f’qasam (li jikkonċerna l-libertà, affettwata mid-detenzjoni tal-persuni) ma’ dak f’qasam ieħor (dak tal-kisba tal-provi) […] L-aċċettazzjoni tiegħu bħala awtorità ġudizzjarja fid-Direttiva 2014/41/UE, għall-ordnijiet ta’ investigazzjoni, ma tippreġudikax neċessarjament l-estensjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni Qafas għal dak li jikkonċerna l-mandati ta’ arrest Ewropej” (26).
42. Is-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) tikkonferma li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwa “awtorità ġudizzjarja” (27). Ir-raġunijiet sabiex dan ma jiġix rikonoxxut il-funzjoni ta’ awtorità emittenti tal-MAE jirrigwardaw in-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu, peress li huwa possibbli li dan jirċievi ordnijiet mill-poter eżekuttiv f’kawżi partikolari. Madankollu, essenzjalment, dawn huma bbażati fuq il-fatt li l-portata naturali tal-MAE tikkorrispondi għal indħil serju tal-poter pubbliku fil-ħajja ta’ persuna: iċ-ċaħda tal-libertà (proviżorja jew permezz ta’ sentenza finali) protetta mill-Artikolu 6 tal-Karta, li trid tkun riżervata, b’xi mod jew ieħor, għall-imħallfin indipendenti fis-sens strett tal-kelma (28).
43. Madankollu, jekk tiġi aċċettata din il-premessa (li jiena naqbel magħha u diġà rrakkomandajtha fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża), għandu jsir enfasi sabiex il-formula adottata fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma jkollhiex għalfejn tiġi applikata awtomatikament għad-Direttiva 2014/41.
44. Barra minn hekk, jekk wieħed jaqra l-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 flimkien, filwaqt li jitqiesu l-elementi l-oħra li jippermettu li jinftiehem aħjar il-kontenut tagħhom, huwa rakkomandat li l-Prosekutur Pubbliku (kwalunkwe prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru) jingħata rikonoxximent tal-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ġudizzjarja”, bħala “korp li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali”.
45. Ser nipprova nsemmi wħud mir-raġunijiet li għalihom is-sistema legali tal-OIE ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik tal-MAE.
D. Paragun bejn id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u d-Direttiva 2014/41
46. Hemm bosta differenzi bejn is-sistema legali tal-MAE u dik tal-OIE, li huma dovuti għad-differenza fin-natura tagħhom u l-funzjonalità eteroġena tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali. Madankollu, ser nillimita ruħi sabiex nenfasizza dawk li jirrigwardaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-emissjoni jew eżekuzzjoni tat-tnejn li huma.
1. Il-ħatra ta’ awtoritajiet emittenti
47. L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jirreferi biss, fil-każ tal-MAE, għall-“awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti”. Min-naħa l-oħra, it-trattament li tipprovdi d-Direttiva 2014/41 lill-awtorità emittenti tal-OIE huwa differenti ħafna peress li jinkludi lista ta’ awtoritajiet ġudizzjarji (fis-sens spjegat iktar ’il fuq) awtorizzati sabiex joħorġu l-OIE, li fosthom insibu b’mod nominattiv lill-prosekutur pubbliku (29).
48. Għalkemm, fil-proċedura ta’ tfassil tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-inklużjoni jew l-esklużjoni tal-Prosekutur Pubbliku baqgħet ma ġietx deċiża (30), fl-2014 id-deċiżjoni espliċita (u fl-affermattiv) tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jaċċettaha bħala awtorità emittenti tal-OIE ma tistax titqies li hija każwali jew bi żball.
49. Din id-deċiżjoni kienet intenzjonali u għandha l-għan li tinkludi, b’mod ċar u b’tali mod li ma jkunx hemm dubji, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kollha (b’mod speċifiku, il-prosekutur pubbliku) li, fil-qasam proċedurali tal-Istati Membri, ikunu fiċ-ċentru, imexxu jew jintervjenu b’mod sinjifikattiv fl-investigazzjoni kriminali.
50. Il-Protokoll ta’ spjegazzjoni tal-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Renju tal-Isvezja għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (31) jenfasizza fost l-għanijiet speċifiċi tiegħu dak li jippreżerva l-karatteristiċi partikolari tas-sistemi nazzjonali u tal-kultura ġuridika tagħhom.
51. Dan il-Protokoll jenfasizza li s-settur tal-ġbir tal-provi jinsab fost dawk li għandhom l-ikbar differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, li ħafna drabi joriġinaw kemm mill-kultura ġuridika tagħhom kif ukoll mill-istorja tal-Istati Membri. Huwa kkonkluda li huwa essenzjali li titjieb il-kooperazzjoni f’dan il-qasam, mingħajr ma jiġu affettwati l-aspetti fundamentali jew id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali.
52. Għalhekk ma huwiex b’kumbinazzjoni li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 juża s-sentenza “kompetenti fil-każ ikkonċernat”, wara li jelenka l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti tal-OIE. Lanqas ma huwa bi żball li d-dispożizzjonijiet suċċessivi ta’ din id-direttiva jirrepetu l-frażi “skont il-liġi nazzjonali”, jew frażijiet simili oħra, sabiex jirreferu għal ċerti aspetti ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura.
53. Permezz ta’ dawn il-frażijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi kwalunkwe tentattiv li l-leġiżlazzjonijiet ta’ proċedura kriminali tal-Istati Membri jiġu unifikati, filwaqt li tiġi osservata l-libertà tagħhom li jorganizzaw is-sistemi istituzzjonali rispettivi tagħhom skont ir-regoli nazzjonali tagħhom stess.
54. Il-lista tal-awtoritajiet li tinsab fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 hija konformi ma’ dan il-kriterju meta tinkludi, fuq bażi ugwali, “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku”. Dawn huma, preċiżament, id-detenturi tal-funzjonijiet ta’ tmexxija tal-investigazzjoni kriminali fid-diversi Stati Membri.
55. Konsegwentement, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa konxju tal-pluralità tal-Uffiċċji tal-Prosekutur li jeżistu f’diversi Stati Membri, l-inklużjoni tal-prosekutur pubbliku fost l-awtoritajiet emittenti kkwalifikati tista’ tinftiehem biss bħala r-riżultat ta’ rieda konxja li jinkludi t-tipi kollha ta’ prosekuturi pubbliċi responsabbli mill-investigazzjoni kriminali f’dawn l-Istati, irrispettivament mil-livell tar-rabta tagħhom mal-poter eżekuttiv.
56. Evidentement, dan il-livell (varjabbli) ta’ rabta ma setax ma jindunax bih il-leġiżlatur tal-Unjoni, li jaf li l-maġġoranza tal-Istati Membri li jagħtu lill-prosekutur pubbliku funzjonijiet istruttorji fil-kuntest tal-proċeduri kriminali żammew rabta bejnu u l-poter eżekuttiv.
57. Id-Direttiva 2014/41 ġiet adottata sabiex tħaffef il-kisba u t-trażmissjoni ta’ provi li għandhom dimensjoni tranżnazzjonali, billi jiġi ssemplifikat il-qafas regolatorju, frammentarju u kumpless, fis-seħħ sa dak iż-żmien (32). L-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li jippreċeduha ma kinux jeħtieġu l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku mill-poter eżekuttiv, fir-rigward tal-funzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-investigazzjoni, u ma hemm xejn li jagħti x’jifhem –għall-kuntrarju– li l-leġiżlatur Ewropew għażel li jistabbilixxi tali rekwiżit (ġdid). Kif ġara bl-istrumenti ta’ kooperazzjoni kriminali preeżistenti f’dan il-qasam, huwa pprefera jirrispetta l-istrutturi ta’ investigazzjoni kriminali tad-diversi Stati Membri.
2. Il-pożizzjoni msaħħa tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni
58. Id-Direttiva 2014/41 u d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhom komuni bejniethom il-possibbiltà li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li twettaq dak li huwa mitlub minnha, anki jekk dan ikun għal raġunijiet differenti. Il-partikolarità tad-Direttiva 2014/41 hija li, barra minn hekk, din tagħti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni firxa wiesgħa ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni (33) u ta’ modifika tal-portata tal-miżura ta’ investigazzjoni.
59. Għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41 jawtorizza lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrikorri għal miżuri ta’ investigazzjoni differenti minn dawk indikati fl-OIE. Hija tista’ tagħmel dan meta dawn tal-aħħar “ma [jkunux jeżistu] taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni […] jew ma [jkunux] disponibbli f’każ domestiku simili” (34) (paragrafu 1), jew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tagħżel miżura oħra li “jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi” (paragrafu 3).
60. Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma toffrix tali marġni ta’ manuvra u, għall-kuntrarju, tikkundizzjona strettament l-azzjoni tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-MAE. Iċ-ċentru ta’ gravità tal-MAE, jekk wieħed jista’ juża din l-espressjoni, huwa l-awtorità emittenti, li l-pożizzjoni ta’ indipendenza istituzzjonali tagħha (35), bħala tali, tagħti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-garanzija (36) li r-restrizzjoni għal-libertà personali, minn din il-perspettiva, ma tistax tiġi kkontestata.
61. Għall-kuntrarju, fil-qasam tal-OIE, ma huwiex essenzjali li l-awtorità emittenti jkollha l-istess livell ta’ indipendenza, sabiex ikollha rabta mal-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Minbarra l-preżunzjoni li tirriżulta mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, kif rajna, firxa ta’ possibbiltajiet sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ disfunzjonijiet.
62. Id-differenza fis-sistemi legali bejn l-MAE u l-OIE hija kkorroborata mis-suġġettar ta’ dawn tal-aħħar, bħala kriterju prinċipali tal-aġir tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni, mhux biss għad-Direttiva 2014/41, iżda wkoll għall-“proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili” (Artikolu 2(d)).
63. Minn din il-premessa tirriżulta konsegwenza li naħseb li hija rilevanti f’dan il-każ, li għaliha jirreferi l-istess Artikolu 2(d) in fine tad-Direttiva 2014/41 u li ser nerġa’ nirreferi għaliha iktar ’il quddiem: “dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu” (37).
64. Meta l-miżura investigattiva titlob awtorizzazzjoni ġudizzjarja, skont il-leġiżlazzjoni domestika tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (li huwa l-każ fl-Awstrija), din issir fattur addizzjonali ta’ garanzija proprja ġudizzjarja. Huwa l-imħallef jew il-qorti magħżula skont ir-regoli tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li għandhom jagħtu din l-awtorizzazzjoni.
65. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-implimentazzjoni effettiva tal-OIE tiddependi għalhekk, minn qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ikunu liema jkunu l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni. Id-Direttiva 2014/41 ma tispeċifikax, loġikament, f’liema Stati Membri hija imposta tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja mir-regoli proċedurali nazzjonali għall-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva.
E. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata
66. Il-qorti tar-rinviju tinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ta’ drittijiet proċedurali oħra tal-persuni kkonċernati, billi tirreferi għall-punti 67 et seq. tas-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), bħala argument supplimentari għad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.
67. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll tad-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuni suġġetti għal investigazzjonijiet fuq attivitajiet kriminali, hija preokkupazzjoni li rriżultat mill-ħidma preparatorja tad-Direttiva 2014/41 u li ġiet riflessa fiha (38).
68. Il-Protokoll kien juri bħala għan speċifiku ż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ta’ drittijiet proċedurali oħra tal-persuni suġġetti għall-investigazzjoni. Dan l-għan (u r-rifless sussegwenti tiegħu fir-regola pożittiva) huwa marbut mal-fatt li l-ġbir tal-provi fi Stat Membru ieħor ma għandux jaffettwa l-garanziji tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dritt għal proċess ġust. Huwa għalhekk li d-Direttiva 2014/41 hija marbuta ma’ Direttivi oħra dwar id-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (39).
69. Hawnhekk ukoll f’dan l-ambitu, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u d-Direttiva 2014/41 isegwu loġiċi li ma jikkoinċidux:
Kif diġà rrilevajt, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandha effett fuq id-dritt li jista’ jaffettwa bl-iktar mod qawwi l-azzjoni pubblika intiża għar-repressjoni tal-attività kriminali. L-għan immedjat u dirett tal-MAE huwa li jċaħħad lil persuna mil-libertà tagħha sabiex tiġi kkonsenjata lil Stat Membru ieħor, fejn ikollha sservi sentenza jew tkun suġġetta għal proċedura kriminali (40). Din il-libertà hija waħda minn dawk inklużi fil-Karta (l-Artikolu 6) u, għalhekk, għandu jkollha l-protezzjoni ġudizzjarja dovuta (l-Artikolu 47).
Naturalment, id-Direttiva 2014/41 tinsisti fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata (issuspettata jew akkużata) għall-miżuri investigattivi. Iżda, anki jekk uħud minn dawn il-miżuri jistgħu, min-naħa tagħhom, iwasslu għal limitazzjoni ta’ dritt fundamentali, l-ebda waħda minnhom ma għandha l-intensità ta’ MAE. Il-prattika tal-OIE għandha, mingħajr dubju, issir b’rispett għad-drittijiet fundamentali (41), iżda dan ma jfissirx li, awtomatikament, dawn dejjem ikunu limitati, tkun xi tkun il-miżura miftiehma.
70. Il-miżuri investigattivi li d-Direttiva 2014/41 tippermetti li jiġu pprattikati fil-fatt ikopru firxa varjata ħafna: ivarjaw minn dawk li ma humiex “invażivi” (42) (il-premessa 16 u l-Artikolu 10(2)) sa dawk li huma invażivi u għalhekk jistgħu jinvolvu ftit jew wisq “indħil” fuq ċerti drittijiet fundamentali (il-premessa 10).
71. Huwa possibbli wkoll li l-miżuri ordnati jiġu ordnati fuq talba tal-persuna ssuspettata jew akkużata (l-Artikolu 1(3)) u, għaldaqstant, għall-benefiċċju tagħha, li jeskludi kwalunkwe effett negattiv fuq l-isfera tad-drittijiet u l-interessi tagħha.
72. Abbażi ta’ dawn il-premessi, jidhirli li jkun utli li jiġi indirizzat separatament il-mod kif id-drittijiet tal-investigaturi huma protetti fl-istadji ta’ emissjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-intervent tal-Prosekutur Pubbliku fiż-żewġ stadji.
1. Il-protezzjoni, fl-istadju tal-emissjoni, tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata
73. L-awtorità emittenti għandha tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata: dan huwa ddikjarat fil-premessa 12 tad-Direttiva 2014/41 (43) u huwa stabbilit fl-Artikolu 6(1) u (2) tagħha.
74. Id-Direttiva 2014/41 tibda bil-preżunzjoni tar-rispett tal-Istati Membri l-oħra għad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għad-drittijiet fundamentali. (44) F’dan ir-rigward, il-formola tal-OIE tinsab fl-Anness A ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“formola”) jibda b’introduzzjoni li fiha l-awtorità emittenti għandha tiċċertifika hija stess li, b’mod partikolari, li l-OIE huwa neċessarju u proporzjonat u li d-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata ttieħdu inkunsiderazzjoni.
75. Fir-rwol tiegħu ta’ garanti tal-legalità u, b’estensjoni, tad-drittijiet individwali, meta l-Prosekutur Pubbliku jaġixxi bħala awtorità emittenti, huwa għandu josserva dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk il-formola għandha timtela bl-iktar mod xieraq sabiex l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirċeviha ma jkollhiex dubji dwar l-osservanza tar-restrizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41.
76. Il-liġi nazzjonali, filwaqt li tistabbilixxi l-Prosekutur Pubbliku bħala awtorità emittenti, tista’ tagħti lil qorti l-kompetenza li tawtorizza l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (speċjalment jekk dawn ikunu ta’ natura invażiva). Id-Direttiva 2014/41 ma tipprevedix in-neċessità ta’ tali awtorizzazzjoni qabel jinħareġ OIE, iżda xejn ma jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat teżiġi dan. F’tali ipoteżi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata tkun assigurata doppjament, sa mill-oriġini tagħha fl-Istat emittenti (45).
2. Il-protezzjoni, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata
77. Il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni hija stabbilita fil-premessa 19 (46) tad-Direttiva 2014/41 u kkonkretizzata fl-Artikolu 11(1)(f) tagħha, li jipprovdi li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4), ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu rifjutati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni […] fejn ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva […] tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta”.
78. L-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4)” (47) turi l-importanza ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/41, li ssir waħda mill-klawżoli ġenerali intiżi sabiex jirregolaw l-attività tal-awtoritajiet, emittenti jew ta’ eżekuzzjoni tal-OIE.
79. Għalhekk huwa l-Prosekutur Pubbliku, fl-Istati Membri li ħatruh bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, li għandu jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti, li jistgħu saħansitra jwassluh sabiex jirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-OIE.
80. Mingħajr ma tasal għal soluzzjoni drastika bħal din, id-Direttiva 2014/41 tagħti lill-Prosekutur Pubbliku, jekk ikun nominat bħala l-awtorità ta’ eżekuzzjoni, setgħat sabiex jirregola l-eżekuzzjoni tal-OIE: billi juża l-Artikolu 10 (miżuri investigattivi differenti minn dawk mitluba), jew il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni mal-awtorità emittenti (l-Artikoli 6(3) u 9(6)).
81. Finalment, fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-OIE, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuna ssuspettata jew akkużata diġà tkun għaddiet minn sensiela ta’ filtri u “salvagwardji” (48) li jgħinu sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju f’dan ir-rigward.
82. Iċ-ċirku ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet jintemm, fl-iskema tad-Direttiva 2014/41, billi jimponi l-istabbiliment ta’ “rimedji legali”, imsemmija fil-premessa 22 (49) u stabbiliti fl-Artikolu 14.
83. Dawn ir-rimedji legali, kemm fl-Istat emittenti kif ukoll fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (50), jimlew, biex ngħidu hekk, il-vojt li kien perċepit fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u li wassal għad-domandi preliminari magħmula minn qrati oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondihom. Għalhekk, it-tħassib espress, f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jikkorrispondix għat-termini tad-Direttiva 2014/41.
3. L-azzjoni eventwali (supplimentari) ta’ qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta, f’dan l-Istat, il-Prosekutur Pubbliku jkun awtorità ta’ eżekuzzjoni
84. Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41, l-eżekuzzjoni ta’ OIE għandha titwettaq “f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”
85. Il-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża, hija dik li għandha tawtorizza l-miżura mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, peress li dan huwa stabbilit fl-StPO. Għaldaqstant, l-intervent tagħha ma huwiex meħtieġ mid-Direttiva 2014/41, anki jekk din, fl-osservanza tal-proċeduri nazzjonali, ma tostakolax it-twettiq tagħha. Madankollu, dan l-intervent ma jagħmilx lil din il-qorti awtorità ta’ eżekuzzjoni (51).
86. Fil-loġika tad-Direttiva 2014/41, huwa pprovdut li, fl-evalwazzjoni tat-talba għal awtorizzazzjoni, il-qorti kompetenti ma tissostitwixxix lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Hija biss din tal-aħħar (f’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) li għandha s-setgħa timplimenta l-miżura mitluba.
87. Il-qorti tar-rinviju, li għandha tagħti l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni tal-kont bankarju, għalhekk ma għandhiex tinvestiga liema kienu r-rabtiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg (li aġixxa bħala awtorità emittenti) mal-poter eżekuttiv tal-Istat emittenti. Kieku kien mod ieħor, dik il-qorti kienet tintroduċi kundizzjoni addizzjonali, mhux prevista mid-Direttiva 2014/41, li lanqas ma hija imposta fuq il-korpi ta’ investigazzjonijiet nazzjonali.
88. Fi kliem ieħor, u sabiex immur lura għall-bidu ta’ din l-analiżi, il-loġika tad-Direttiva 2014/41 hija riflessa fil-fatt li l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tagħha, għandha tindirizza l-OIE li ġej indirettament mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, u direttament mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, bl-istess mod bħal talba għal awtorizzazzjoni ta’ miżuri mitluba mill-Prosekutur Pubbliku Awstrijak fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali Awstrijaka.
F. Korollarju
89. Id-Direttiva 2014/41 tinkludi leġiżlazzjoni kompleta tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE. Fi kwalunkwe mument, din il-leġiżlazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuna ssuspettata jew akkużata. Minbarra l-preżunzjoni inerenti għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, is-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali toffri, f’dan il-qasam, garanziji suffiċjenti li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni huma protetti.
90. Dan il-qafas regolatorju huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi, bħala awtoritajiet emittenti, lill-Prosekuturi Pubbliċi tal-Istati Membri kollha, tkun xi tkun il-pożizzjoni istituzzjonali tagħhom fir-rigward tal-poter eżekuttiv. F’kull każ, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tagħha humiex issodisfatti fil-kuntest tal-OIE. Kontra d-deċiżjoni tagħha, id-Direttiva 2014/41 tipprevedi r-rimedji ġudizzjarji xierqa.
91. Il-fatt li l-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru jista’ jirċievi struzzjonijiet speċifiċi mill-poter eżekuttiv għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata sistematikament l-eżekuzzjoni tal-OIE li jkunu nħarġu. Għall-kuntrarju:
Kull awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura li l-Prosekutur Pubbliku emittenti ma jkunx suġġett għal dawn l-istruzzjonijiet. Dan probabbilment joħloq inċertezza legali u dewmien kunsiderevoli (52) fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet kriminali ta’ dimensjoni transkonfinali, li jagħmel iktar diffiċli li “tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti bejn l-Istati Membri f’materji kriminali” (53).
Minn dan tirriżulta emenda impliċita tad-Direttiva 2014/41, fejn l-Artikolu 2(c)(i) tagħha, u jkollhom jiġu jeskludi l-Prosekuturi Pubbliċi ta’ ċerti pajjiżi, sabiex jiġu inklużi fil-punt (ii) tal-istess subparagrafu (c), li jfisser li lanqas ma jistgħu jivvalidaw id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra li joħorġu l-OIE.
Din hija limitata sabiex tiddefinixxi mill-ġdid it-tqassim tal-kompetenzi tal-awtoritajiet emittenti fl-Istati Membri (54), bl-effett li tinħoloq distorsjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma riedx jibdel, iżda ried jirrispetta s-sistemi istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 2014/41.
V. Konklużjoni
92. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:
“Il-Prosekuturi Pubbliċi tal-Istati Membri li ħatruhom bħala awtoritajiet emittenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala awtoritajiet ġudizzjarji emittenti fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali”.