Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fil-25 ta’ Mejju 2023 – J u A vs Reisebüro GmbH u R GmbH

(Kawża C-328/23, Reisebüro u R)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: J, A

Konvenuti: Reisebüro GmbH, R GmbH

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati ta’ dan il-post ta’ destinazzjoni, u li għandhom konsegwenzi importanti fuq l-eżekuzzjoni tal-pakkett tal-ivvjaġġar jew fuq it-trasport tal-persuni lejn il-post ta’ destinazzjoni, u li jagħtu lill-vjaġġatur id-dritt li jxolji l-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar mingħajr ma jħallas spejjeż ta’ xoljiment, u li l-vjaġġatur jinvoka, ċirkustanzi li,

–     jistgħu diġà jeżistu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar; jew

–     ma għandhomx jeżistu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, iżda li jidhru għall-ewwel darba bejn il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt u

id-dikjarazzjoni ta’ xoljiment, jew

il-mument li fih jibda l-pakkett tal-ivvjaġġar?

2.    L-Artikolu 12(2) tal-imsemmija Direttiva (UE) 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu kklassifikati bħala ċirkustanzi inevitabbli u straordinarji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ċirkustanzi li

–     ma humiex magħrufa mill-persuni kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar; jew

–     għandhom ikunu magħrufa mill-persuni kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar; jew

–     ma humiex prevedibbli jew tali li jistgħu jiġu antiċipati mill-persuni kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar; jew

–     għandhom ikunu prevedibbli jew tali li jistgħu jiġu antiċipati mill-persuni kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-ivvjaġġar – u, jekk ikun il-każ, skont liema kriterji konkreti li jirriżultaw mid-Direttiva; jew

–     huma effettivament magħrufa b’mod ġenerali mill-persuni kkonċernati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar, iżda li l-forma konkreta tagħhom għadha ma tistax tiġi evalwata (u, mill-iktar, tista’ tiġi evalwata b’ċerta probabbiltà) (pereżempju, il-kwistjoni dwar jekk, wara pandemija (f’dan il-każ, il-COVID-19) li ilha teżisti għal (f’dan il-każ, iktar minn għaxar) xhur, ittestjar addizzjonali u/jew miżuri ta’ konfinament humiex ser jiġu ordnati mill-awtoritajiet fil-post tal-vakanzi); jew

–     għandhom jiġu evalwati b’mod kompletament indipendenti mill-istat ta’ għarfien tal-persuni kkonċernati, biss fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi – u, jekk ikun il-każ, fid-dawl ta’ liema kriterji konkreti li jirriżultaw mid-Direttiva?

3.    L-Artikolu 5 tal-imsemmija Direttiva (UE) 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lill-vjaġġatur – b’mod partikolari informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(f) dwar il-“formalitajiet tas-saħħa” – tinkludi wkoll dik li, minħabba l-pandemija, tirrigwarda l-ittestjar li għandu jsir u/jew il-miżuri ta’ konfinament fil-post tal-vakanzi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda:

4.    L-Artikolu 5 tal-imsemmija Direttiva (UE) 2015/2302 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-partijiet jibdlu (jadattaw, “modifika tar-riżervazzjoni”) bi qbil bejniethom il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar wara l-konklużjoni tiegħu – pereżempju (bħalma huwa l-każ hawnhekk) f’dak li jirrigwarda wħud mis-servizzi ta’ vvjaġġar fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) bħas-servizzi ta’ trasport, l-itinerarju jew id-data tal-vjaġġ –, l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lill-vjaġġatur għandha tkun kompletament (anki jekk ma hijiex affettwata mill-“modifika tar-riżervazzjoni”) jew parzjalment mogħtija mill-ġdid jew aġġornata?

____________

1     ĠU 2015, L 326, p. 1.