Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2021 – Aeris Invest vs BĊE

(Kawża T-827/17) 1

(“Aċċess għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258/KE – Dokumenti relatati mal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront ta’ Banco Popular Español – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE – Dokumenti li jirriflettu r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-korpi deċiżjonali tal-BĊE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni protetta bħala tali skont id-dritt tal-Unjoni – Kunċett ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Derogi mill-obbligu tas-sigriet professjonali – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Aeris Invest Sàrl (il-Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: R. Vallina Hoset u E. Galán Burgos, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew (rappreżentanti: T. Filipova, D. Báez Seara u F. von Lindeiner, aġenti, assisti minn M. Kottmann, avukat)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: É. Gippini Fournier, J. Rius, C. Ehrbar u A. Steiblytė, aġenti), Banco Santander, SA (Santander, Spanja) (rappreżentanti: J. Rodríguez Cárcamo u A. Rodríguez Conde, avukati)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjonijiet LS/MD/17/405, LS/MD/17/406 u LS/MD/17/419 tal-BĊE tas-7 ta’ Novembru 2017 li jirrifjutaw l-aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti relatati mal-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni LS/MD/17/406 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas-7 ta’ Novembru 2017, hija annullata sa fejn din tirrifjuta l-aċċess għar-riżultat tal-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-BĊE li jinsab fil-minuti tal-447 laqgħa tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Aeris Invest Sàrl għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll żewġ terzi minn dawk sostnuti mill-BĊE.

Il-BĊE għandu jbati terz mill-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea u Banco Santander, SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 63, 19.2.2018.