Language of document : ECLI:EU:T:2024:333

Kawża T395/22

Hypo Vorarlberg Bank AG

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tad-29 ta’ Mejju 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 – Determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali tas-SRF – Limitu massimu previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 – Artikolu 291(2) TFUE – Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kunsill – Każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati – Portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Regolamenti – Regolamenti bażiċi u regolamenti ta’ implimentazzjoni – Attribuzzjoni ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill prevista fir-regolament bażiku – Assenza ta’ ġustifikazzjoni fl-imsemmi regolament  – Illegalità

(Artikoli 291(2) u 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 70(7); Regolament tal-Kunsill 2015/81)

(ara l-punti 27, 28, 32, 34, 37, u 39 sa 42)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kunsill – Metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet previst minn regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill – Alterazzjoni mir-regolament ta’ implimentazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu previst fir-regolament bażiku – Qbiż tal-limiti ta’ setgħa – Illegalità

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2); Regolament tal-Kummissjoni 2015/81, Artikolu 8(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikolu 103)

(ara l-punti 61, 65, 66, 69 sa 72, 76, 77, 79, 82 u 84)

3.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Limitu massimu annwali tal-ammont kumulattiv tal-kontribuzzjonijiet individwali għall-SRF stabbilit għal 12.5 % tal-livell fil-mira finali – Kamp ta’ applikazzjoni – Applikazzjoni matul il-perijodu inizjali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2))

(ara l-punti 98 u 106)

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Limitu massimu annwali tal-ammont kumulattiv tal-kontribuzzjonijiet individwali għall-SRF stabbilit għal 12.5 % tal-livell fil-mira finali – Portata – Nuqqas ta’ qbiż ta’ dan il-limitu massimu mill-Kunsill Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 69(1) u l-ewwel u r-raba’subparagrafu tal-Artikolu 70(2))

(ara l-punti 109, u 113 sa 116)

Sunt

Adita b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) għas-sena 2022 (1), li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 (2), minħabba li dan ir-regolament ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea prevista minn din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, jikkostitwixxi każ speċifiku debitament iġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE. Barra minn hekk, hija ċċarat il-portata tal-imsemmija setgħa, billi laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(1)(g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (3).

Hypo Vorarlberg Bank AG, ir-rikorrenti, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Awstrija. Fil-11 ta’ April 2022, is-SRB adotta deċiżjoni li fiha stabbilixxa (4) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2022 għas-SRF tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment, fosthom ir-rikorrenti. Din tal-aħħar talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernaha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali rrilevat qabelxejn li r-Regolament Nru 806/2014 (5) ma jipprovdi ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jattribwixxi s-setgħa ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-Kunsill (iktar ’il quddiem is-“setgħa kkonċernata”). Fil-fatt, dan ir-regolament isemmi biss l-għan u l-kontenut tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati kif ukoll id-deċiżjoni li l-Kunsill jingħata s-setgħa sabiex jadottahom, mingħajr ebda indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ingħata din is-setgħa minflok il-Kummissjoni.

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat sussegwentement li r-Regolament Nru 806/2014 ma jinkludix elementi oħra ta’ motivazzjoni ta’ natura li jiżvelaw ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw din l-attribuzzjoni. Barra minn hekk, minkejja li huwa possibbli, f’ċerti ċirkustanzi, li din tiġi ġġustifikata mill-kuntest tagħha, hija kkonstatat, minn naħa, li l-partijiet ma bbażaw ruħhom fuq ebda element konkret li jirriżulta mill-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 li huwa ta’ natura li jiżvela dawn ir-raġunijiet. Min-naħa l-oħra, ma jeżisti ebda element ta’ motivazzjoni li jinsab fir-Regolament Nru 806/2014 jew f’att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ din is-setgħa lill-Kunsill, minħabba r-rwol speċifiku li din l-istituzzjoni hija mitluba tassumi fil-qasam tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li jressaq “raġunijiet politiċi” bħala motiv ta’ din l-attribuzzjoni ta’ setgħa. Tali ġustifikazzjoni ma tirriżultax mir-Regolament Nru 806/2014 u ma tissodisfax, minħabba n-natura ġenerali tagħha, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, sa fejn din la hija ssostanzjata u lanqas ma hija marbuta man-natura jew mal-kontenut tar-Regolament Nru 806/2014. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Regolament Nru 806/2014 ma jinkludi ebda ġustifikazzjoni dwar l-għoti tas-setgħa kkonċernata lill-Kunsill minflok lill-Kummissjoni, u laqgħet l-eċċezzjoni ta’ illegalità, billi ddikjarat l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 inapplikabbli għal dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu 277 TFUE. Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li ġie adottat mill-Kunsill abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u li tiegħu d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni, huwa wkoll inapplikabbli għal dan il-każ.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 (6) jirriżulta, minn naħa, li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet ikkonċernati huwa bbażat fuq il-proporzjon tal-passiv nett ta’ kull istituzzjoni kkonċernata mat-total tal-passiv nett tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati “fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha”. Għalhekk, id-data ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, tal-inqas fir-rigward tal-ewwel komponent tagħha, jiġifieri l-kontribuzzjoni annwali bażika. Min-naħa l-oħra, il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mir-Regolament Nru 806/2014, u b’mod partikolari r-regola li tiddetermina d-database li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-metodu, japplika fl-intier tiegħu għal kull sena tal-perijodu inizjali, fosthom il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022.

Issa, l-għan stess tal-“metodu aġġustat”, introdott mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (7), huwa li jipprovdi li parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tiġi kkalkolata, matul kważi l-perijodu inizjali kollu, skont database differenti minn dik prevista mir-Regolament Nru 806/2014. Għalhekk, konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mad-Direttiva 2014/59 (8), għall-finijiet tal-kalkolu ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante għal dan il-perijodu, hija biss id-data kkomunikata minn istituzzjonijiet li huma awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat li tittieħed inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti l-oħra, filwaqt li l-metodu ta’ kalkolu tar-Regolament Nru 806/2014 jieħu preċiżament inkunsiderazzjoni din id-data tal-aħħar għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika. Minn dan isegwi li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jemenda l-bażi stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante previst mir-Regolament Nru 806/2014, billi jibdel id-database li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu ta’ dan il-metodu. Il-konsegwenza ta’ dan hija li l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet, ikkalkolati skont il-“metodu aġġustat”, huma neċessarjament differenti minn dawk li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu tar-Regolament Nru 806/2014. Il-portata ta’ din l-emenda hija enfasizzata mill-fatt li din tikkonċerna seba’ mit-tmien snin tal-perijodu inizjali, b’tali mod li l-imsemmi metodu jiġi mċaħħad mill-effetti sħaħ tiegħu matul kważi dan il-perijodu kollu.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, meta l-istituzzjoni kkonċernata tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, hija għandha sempliċement tippreċiża l-att bażiku mingħajr ma tbiddel il-kontenut normattiv tiegħu. Għalhekk, anki jekk jitqies li l-Kunsill segwa, bl-introduzzjoni tal-“metodu aġġustat”, l-għan li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri (9), huwa kien obbligat li josserva l-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ implimentazzjoni li kienet ingħatatlu, billi sempliċement jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tar-Regolament Nru 806/2014.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante intiżi għas-SRF huwa rregolat mill-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, u mhux mill‑Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante intiżi għall-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni. Huwa veru li, skont l-imsemmi regolament, l-aġġustament fid-dawl tal-profil tar-riskju tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandu jkun ibbażat fuq il-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2014/59. Barra minn hekk, skont dan ir-regolament, il-Kunsill għandu jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni “fil-qafas tal-atti delegati” adottati mill-Kummissjoni abbażi tad-Direttiva 2014/59 sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fid-dawl tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet. Madankollu, ir-Regolament Nru 806/2014 jirreferi biss għall-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante fid-dawl tal-profil tar-riskju previst mid-Direttiva 2014/59. F’dan il-kuntest, anki kieku l-Kunsill kellu jqis dan il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fid-dawl tal-profil tar-riskju u l-atti delegati adottati mill-Kummissjoni sabiex tippreċiża l-imsemmi kunċett, ma jirriżultax mir-Regolament Nru 806/2014, lanqas mid-Direttiva 2014/59, u lanqas mill-imsemmija atti ddelegati li huwa ngħata s-setgħa li jintroduċi metodu ta’ kalkolu aġġustat, li taħtu parti mill-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi hija kkalkolata fuq bażi nazzjonali (10), jiġifieri dik iddefinita mid-Direttiva 2014/59.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas tad-Direttiva 2014/59, ma tipprovdi jew tagħti s-setgħa lill-Kunsill li jintroduċi metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante bbażat fuq tneħħija gradwali tal-metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-bażi nazzjonali u s-sostituzzjoni progressiva tiegħu bil-metodu bbażat fuq il-bażi tal-unjoni (11). Minkejja li l-Kunsill seta’ għalhekk isegwi l-għan leġittimu li jevita distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri u minkejja li ma huwiex eskluż li l-metodu aġġustat huwa meħtieġ għal dan il-għan, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-kompitu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi għas-sostituzzjoni progressiva tal-metodu bbażat fuq il-bażi nazzjonali b’dak ibbażat fuq il-bażi tal-unjoni u, jekk ikun il-każ, li jagħti s-setgħa lill-Kunsill sabiex jippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni f’att ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill ma setax jipprevedi tali tranżizzjoni mingħajr ma jaqbeż il-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jibdel il-kontenut normattiv tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u qieset li, billi adotta l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Kunsill eċċeda s-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 291(2) TFUE.

Fid-dawl tal-kapijiet ta’ illegalità li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ddeċidiet li żżomm fis-seħħ l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sad-dħul fis-seħħ, fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ miżuri neċessarji li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza.


1      Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).


2      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


3      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad-19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).


4      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


5      Ara l-premessa 114.


6      Ara l-Artikolu 70(1) u l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2).


7      Ara l-Artikolu 8(1)


8      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU 2014, L 173, p. 190) u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).


9      Ara l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


10      Din hija d-database pprovduta mill-istituzzjonijiet approvati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.


11      Din hija d-database pprovduta mill-istituzzjonijiet kollha approvati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.