Language of document : ECLI:EU:T:2024:336

Kawża T-766/22

Maria Canel Ferreiro

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tad29 ta’ Mejju 2024

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Proċedura dixxiplinari – Sanzjoni dixxiplinari – Twissija – Atti li jmorru kontra d-dinjità tal-funzjoni – Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal – Kompetenza tal-awtur tal-att – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Imparzjalità – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punti 22 sa 24)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi  – Motiv ibbażat fuq illegalitajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ lment – Ammissibbiltà – Natura fondata tal-motiv – Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punti 30 sa 32)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Deċiżjoni tal-amministrazzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Portata – Adozzjoni tad-deċiżjoni mill-awtur tal-att ikkontestat – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

(ara l-punti 54 sa 59)

4.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Sanzjoni dixxiplinari – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Preċiżazzjonijiet insuffiċjenti fuq il-fatti kkritikati – Inammissibbiltà

(Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25 u Anness IX, Artikolu 9)

(ara l-punti 63 sa 83)

Sunt

Adita b’rikors minn uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali, li ddeċidiet bħala Awla Estiża, annullat id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni li imponiet fuq din l-uffiċjal is-sanzjoni dixxiplinari ta’ twissija.

F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni, minn naħa, dwar il-kwistjoni mingħajr preċedenti dwar jekk id-deċiżjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari u d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment kontra din is-sanzjoni jistgħux jittieħdu mill-istess persuna waħda. Min-naħa l-oħra, is-sentenza tagħha kienet intiża sabiex ittemm id-diverġenza fil-ġurisprudenza dwar l-ordni ta’ trattament, mill-Qorti Ġenerali, tal-motivi diretti, b’mod awtonomu, kontra d-deċiżjoni adottata wara lment.

F’dan il-każ, wara investigazzjoni amministrattiva li kkonċernat lir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra kkonstatat li din tal-aħħar kienet għamlet kummenti inġurjużi u aggressivi fil-konfront tas-superjur ġerarkiku tagħha billi akkużatha b’fastidju u imponietilha s-sanzjoni dixxiplinari inkwistjoni. Ir-rikorrenti ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni li madankollu ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra. Konsegwentement, ir-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni li imponietilha t-twissija u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali fakkret li r-rikorrent għandu jkun f’pożizzjoni li jissuġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni l-legalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu meta jinvoka motiv li jirrigwarda speċifikament il-proċedura ta’ lment. Fil-fatt, li kieku r-rikorrent ikun jista’ jikkontesta biss id-deċiżjoni inizjali, kull possibbiltà ta’ kontestazzjoni relatata mal-proċedura prekontenzjuża tkun eskluża. Huwa b’hekk jitlef il-benefiċċju ta’ proċedura li jkollha l-għan li tippermetti u li tiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn il-membru tal-persunal u l-amministrazzjoni u li timponi fuq l-awtorità li minnha jiddependi dan il-membru tal-persunal l-obbligu li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha, fl-osservanza tar-regoli, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali ta’ dan l-istess membru tal-persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali qieset li kellu jiġi eżaminat, qabel kollox, il-motiv ibbażat fuq l-illegalità li tivvizzja l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar il-motivi intiżi kontra d-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-ilment. Fil-fatt, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, tkun l-amministrazzjoni li jkollha teżamina mill-ġdid l-ilment billi tiżgura r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża. Fit-tali każ, it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni inizjali jkollhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, għaliex prematuri, peress li din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti biss jekk tkun ġiet suġġetta minn qabel għal eżami mill-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża regolari.

Fir-rigward tal-persuna kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, il-Qorti Ġenerali osservat, minn naħa, li l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) bl-ebda mod ma jimponi li awtorità li ma tkunx l-Awtorità tal-Ħatra li tkun adottat l-att li jikkawża preġudizzju għandha tieħu konoxxenza tal-ilment imressaq kontra dan l-att. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li minn dan kien jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sitwazzjoni li fiha l-istess awtorità tieħu deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lill-uffiċjal, u sussegwentement tiddeċiedi dwar l-ilment imressaq kontrih.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura stess tal-proċedura ta’ lment, din ma tikkostitwixxix proċedura ta’ appell, iżda għandha l-għan li tobbliga lill-awtorità li minnha jiddependi l-uffiċjal tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-oġġezzjonijiet li jista’ jkollu.

Għalhekk, fid-dawl tan-natura tal-proċedura ta’ lment, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li ma jistax jiġi konkluż li hemm ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi d-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minħabba s-sempliċi fatt li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ittieħdet, konformement mar-regoli ta’ organizzazzjoni interna tal-Kunsill, mill-istess persuna li kienet adottat id-deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ dan l-ilment.

Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li din għandha l-għan, minn naħa, li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tal-att. In-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest fattwali u legali li fih jiġi adottat l-att ikkontestat.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, f’dan il-każ, l-espożizzjoni tal-fatti kkonstatati mill-Awtorità tal-Ħatra kontra r-rikorrenti sempliċement tirriproduċi parzjalment punt tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, li jikkostitwixxi biss sinteżi qasira tal-kunsiderazzjonijiet tal-investigaturi inklużi fil-partijiet preċedenti tal-imsemmi rapport. Iċċitata barra mill-kuntest tagħha, din is-silta ma kinitx ta’ natura li tiżvela b’eżattezza l-fatti kkonstatati kontra r-rikorrenti.

L-Awtorità tal-Ħatra lanqas ma tat lir-rikorrenti spjegazzjonijiet dwar il-fatti kkonstatati kontriha fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, minkejja l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li hija kienet qajmet insostenn tal-ilment tagħha. Din id-deċiżjoni llimitat ruħha, hija wkoll, sabiex ittenni parzjalment l-istess punt tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni.

Madankollu, minkejja d-diversi kummenti dwar il-komunikazzjoni mhux xierqa tar-rikorrenti matul il-kollaborazzjoni tagħha mas-superjura ġerakika tagħha, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li mir-rapport ta’ investigazzjoni ma jirriżultax b’mod ċar u oġġettiv liema elementi kienu l-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigaturi dwar il-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata ma ngħatatx f’kuntest kompletament mhux magħruf mir-rikorrenti, din tal-aħħar sostniet ġustament li d-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-imsemmi rapport ta’ investigazzjoni, ma kinitx tinkludi motivazzjoni suffiċjenti. In-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-fatti allegati fil-konfront tar-rikorrenti kien jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tistħarreġ il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, u dan kien jiġġustifika l-annullament tagħha.