Language of document : ECLI:EU:T:2016:242

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

26 ta’ April 2016 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru°1049/2001 – Dokumenti marbuta ma’ fajl ta’ investigazzjoni tal-OLAF – Rikors għal annullament – Rifjuti impliċiti u espliċiti ta’ aċċess – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni marbuta mal-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑221/08,

Guido Strack, residenti f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn u N. Lödler, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Costa de Oliveira u B. Eggers, sussegwentement minn Eggers u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet impliċiti u espliċiti kollha tal-Kummissjoni adottati wara talbiet inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti ppreżentati minn G. Strack fit-18 u fid-19 ta’ Jannar 2008 u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánova, President, E. Buttigieg (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

37      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li ngħaqdet mal-mertu b’digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2010.

38      Wara li adatta t-talbiet tiegħu, b’mod partikolari b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent talab li l-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-deċiżjonijiet impliċiti u espliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni u għad-dokumenti tal-OLAF, kif adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ipproċessar tat-talbiet inizjali ta’ aċċess tat-18 u tad-19 ta’ Jannar 2008 u tat-talbiet konfermattivi tat-22 ta’ Frar, tat-18 ta’ April u, b’mod partikolari, tal-21 ta’ April 2008, u b’mod partikolari d-deċiżjonijiet tad-19 ta’ Mejju u tas-17 ta’ Ġunju 2008 u tat-30 ta’ April u tas-7 ta’ Lulju 2010, sa fejn jiċħdu, kompletament jew parzjalment, l-imsemmija talbiet ta’ aċċess għal dokumenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas ammont xieraq ta’ danni, li madankollu ma jistax ikun inqas minn kumpens simboliku ta’ Euro;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

40      B’ittra tal-5 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali informat lill-partijiet li, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2010, l-awla adita kienet ċaħdet it-talba għal estensjoni tas-suġġett tar-rikors għad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tas-17 ta’ Ġunju 2008 u kienet laqgħet it-talba għal estensjoni tas-suġġett tar-rikors għall-ewwel deċiżjoni tal-OLAF.

41      B’deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2010, innotifikata lill-partijiet fil-25 ta’ Novembru 2010, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrent intiża għall-estensjoni tas-suġġett tar-rikors għat-tieni deċiżjoni tal-OLAF.

42      Wara t-tluq tal-Imħallef Relatur, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid. Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

43      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Frar 2014, skont l-Artikolu 65(b) sa l-Artikolu 66(1) u skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ġiet adottata miżura istruttorja, li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi kopja tal-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti kollha marbuta mat-talba n° 590/2008, filwaqt li ġie speċifikat li dawn id-dokumenti mhux ser jiġu kkomunikati lir-rikorrent. B’ittra tal-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni kkonformat ma’ din il-miżura istruttorja.

44      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-termini stabbiliti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni u r-rikorrent wieġbu, rispettivament fil-5 u fis-6 ta’ Marzu 2014, għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-risposti tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2014.

45      Fl-20 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ittra dwar deċiżjoni tal-OLAF tal-31 ta’ Lulju 2014, li għandha bħala suġġett l-“eżami mill-ġdid tar-risposta għat-talba [tiegħu] ta’ aċċess għal data personali, OF/2002/0356” (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-OLAF tal-31 ta’ Lulju 2014” ), meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru°45/2001, tabella li tiġbor fil-qosor id-dokumenti inkwistjoni u l-anness ta’ dan tal-aħħar, li jinkludi dokumenti miżmuma mill-OLAF.

46      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2014.

47      B’ittra tal-4 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq l-ittra tar-rikorrent tal-20 ta’ Ottubru 2014 (ara l-punt 45 hawn fuq).

48      Wara osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2014, dwar l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent tas-7 ta’ Novembru 2014, dwar it-tweġibiet bil-miktub tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2014 għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali bi tħejjija għas-seduta, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali għalaq il-fażi orali tal-proċedura fit-8 ta’ Diċembru 2014.

 Id-dritt

[omissis]

 II – Fuq it-talba għal annullament

[omissis]

 C – Fuq it-talba Nru°590/2008

[omissis]

 3. Fuq is-sustanza tat-talba

[omissis]

 b) Fuq il-motivi u l-ilmenti li jikkontestaw il-fondatezza tar-rifjuti parzjali jew totali ta’ aċċess għal dokumenti

[omissis]

 i) Fuq id-dokumenti inklużi fil-lista tal-OLAF tat-30 ta’ April 2010

[omissis]

 Rigward id-dokumenti żvelati preċedentement

[omissis]

128    Ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu l-għan li jirrendi d-dokumenti tal-istituzzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punti 43 u 44) u, kif l-OLAF osserva, barra minn hekk, taħt it-Titolu 7 tal-ewwel deċiżjoni tiegħu, id-dokumenti żvelati skont l-imsemmi regolament jidħlu fil-qasam pubbliku (sentenza Catinis vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2014:267, punt 62; ara, ukoll, is-sentenza Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA, punt 82 iktar ’il fuq, EU:T:2010:442, punt 116, u d-digriet tas-7 ta’ Marzu 2013, Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni, T‑64/12, EU:T:2013:116, punt 47).

129    Din il-konsegwenza hija riflessa wkoll fl-Artikolu 9(2)(e) tal-anness tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, dwar id-dispożizzjonijiet rigward l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, kif tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li temenda r-Regoli ta’ Proċedura (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 408), skont liema d-dokumenti diġà żvelati wara talba preċedenti għandhom “awtomatikament” jiġu pprovduti fuq talba.

130    Huwa minnu, kif osservat il-Kummissjoni, fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-14 ta’ Jannar 2014, Miettinen vs Il-Kunsill (T‑303/13, EU:T:2014:48, punti 17 sa 19), li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, ladarba aċċess għad-dokument mitlub ikun ingħata lir-rikorrent, dan tal-aħħar ikun kiseb l-uniku riżultat li r-rikors tiegħu seta’ jipprovdilu. Madankollu, bil-kontra tal-każ inkwistjoni hawnhekk, fil-Kawża Miettinen vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, id-dokument mitlub kien preċiżament ġie żvelat lill-pubbliku, b’tali mod li minn din id-deċiżjoni ma jistax jiġi dedott li s-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata kellha aċċess taħt titolu kwalunkwe għad-dokument mitlub jipprekludiha, f’kull każ, milli titlob aċċess għal dan l-istess dokument abbażi tar-Regolament Nru°1049/2001, anki meta dan id-dokument ma jkunx ġie żvelat lill-pubbliku.

131    Għaldaqstant, huwa manifest li l-ewwel deċiżjoni tal-OLAF, sa fejn tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għad-dokumenti indikati bil-frażi “PD” abbażi tar-Regolament Nru°1049/2001, tipprekludi, fejn xieraq u kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-imsemmija dokumenti jitqiesu li huma pubbliċi, li huwa preċiżament l-għan segwit mir-rikorrent u jikkorrispondi għall-għan segwit permezz tar-Regolament Nru 1049/2001 li jikkonsisti fl-għoti tal-usa’ aċċess possibbli għal dokumenti bl-għan li tittejjeb it-trasparenza, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali kif ukoll sabiex tiġi żgurata leġittimità, effettività u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika, kif tosserva l-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Suède u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P uC‑52/05 P, Ġabra, EU:C.2008:374, punt 45).

132    Għaldaqstant, il-fatt li r-rikorrent kellu diġà d-dokumenti li hemm riferiment għalihom fit-talba tiegħu ta’ aċċess u li l-għan ta’ din tal-aħħar ma kienx għaldaqstant li huwa jkun jista’ jsir jaf bil-kontenut tagħhom iżda, pjuttost, li jiġu żvelati lil terzi huwa bla importanza, iktar u iktar għaliex il-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tar-rikorrent li jippreżenta tali talba huma irrilevanti, għaliex ir-Regolament Nru°1049/2001 la jipprevedi li l-persuna kkonċernata għandha timmotiva t-talba tagħha ta’ aċċess għal dokumenti, u lanqas li l-motivi li jiġġustifikaw tali talba jistgħu jkollhom rwol f’jekk din tintlaqax jew tiġi miċħuda (digriet Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:T:2013:116, punt 47).

133    B’mod parallel, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-piż ta’ xogħol eċċessiv li jirriżulta, għaliha, mill-obbligu ta’ għoti ta’ aċċess għal dokumenti li huma diġà fil-pussess tal-applikant anki jekk dan tal-aħħar ma kellux aċċess għall-imsemmija dokumenti b’applikazzjoni tar-Regolament Nru°1049/2001 għandu jiġi miċħud.

134    F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, jekk istituzzjoni tista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti minħabba li l-piż tax-xogħol marbut mal-iżvelar tagħhom huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet tat-talba ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti (sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C.2014:2250, punt 28), il-Kummissjoni, f’kull każ, ma allegatx tali ċirkustanzi eċċezzjonali hawnhekk. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira dawn huma dokumenti li diġà ġew żvelati preċedentement minn din l-istituzzjoni nnifisha.

135    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li l-applikant għal aċċess kien diġà, jew kien preżunt li huwa diġà, fil-pussess tad-dokumenti mitluba, iżda taħt titolu ieħor, sabiex tirrifjuta li teżamina t-talba ta’ aċċess għal dawn l-istess dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti li, bħall-anness tad-dokument Nru°267, ġew magħmula aċċessibbli għall-pubbliku minħabba, fost l-oħrajn, il-pubblikazzjoni tagħhom.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda d-dokumenti li kienu jew li huma fil-pussess tar-rikorrent, minħabba li huwa l-awtur tagħhom, jew li ġew żvelati preċedentement fuq bażi oħra għajr dik tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr madankollu ma ġew magħmula aċċessibbli lill-pubbliku.

 Rigward id-dokumenti mhux żvelati

[omissis]

 – Fuq l-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

[omissis]

148    Qabel kollox għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, l-invokazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikabbli wara li tkun ittieħdet deċiżjoni, hija limitata b’kundizzjonijiet stretti. Hija tkopri biss ċerti tipi ta’ dokumenti u l-kundizzjoni li hija tali li tiġġustifika r-rifjut ta’ żvelar hija li din tippreġudika “serjament” il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, punt 139 iktar ’il fuq, EU:C:2012:394, punt 77).

149    Imbagħad għandu jiġi osservat li t-talba Nru°590/2008 hija kkaratterizzata mill-fatt li hija tirreferi mhux għal dokument wieħed, iżda għal sett ta’ dokumenti indikati b’mod globali. Kif jirriżulta mill-punt 69 hawn fuq, ir-rikorrent essenzjalment talab l-aċċess għal sett ta’ dokumenti, indikati b’mod ġenerali, jiġifieri l-fajl kollu tal-investigazzjoni tal-OLAF OF/2002/0356, it-traskrizzjonijiet kompleti u korretti tar-reġistrazzjonijiet awdjo li jinsabu f’dan il-fajl, id-dokumenti ta’ kull għamla li ma kinux jinsabu f’dan il-fajl, iżda li madankollu kienu jirrigwardaw il-kawża/l-investigazzjoni msemmija hawn fuq jew il-persuna tiegħu. L-ewwel deċiżjoni tal-OLAF tispeċifika f’dan ir-rigward li l-fajl tal-OLAF jinkludi d-dokumenti kollha marbuta mal-imsemmija kawża u li ma jeżistux dokumenti marbuta mal-kawża li ma humiex fil-fajl u li huma inklużi fit-talba Nru°590/2008.

150    Kif ġie osservat fil-punt 91 hawn fuq, f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ ċerta natura, fil-prinċipju, jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru°1049/2001 jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tipproċessa talba globali u twieġeb għal din b’mod korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 90 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 65 u 68).

151    L-ewwel deċiżjoni tal-OLAF tindika, f’dan ir-rigward, li d-dokumenti inklużi fil-kategorija 1 jirrigwardaw noti tal-fajl imħejjija mill-investigaturi inkarigati bil-fajl ta’ investigazzjoni inkwistjoni u jinkludu r-raġunament u l-analiżi tal-investigaturi u ta’ aġenti oħra kompetenti rigward l-iżvilupp u l-orjentazzjoni tal-investigazzjoni, fuq kwistjonijiet sostantivi kif ukoll kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni. Skont l-istess deċiżjoni, id-dokumenti tal-kategorija 2 jirrigwardaw il-korrispondenza bejn il-membri tal-persunal tal-OLAF jew bejn l-imsemmi persunal u dak tal-Kummissjoni fir-rigward tal-investigazzjoni inkwistjoni, tat-tħejjija ta’ tweġibiet lill-Ombudsman jew għal mistoqsijiet tal-Parlament Ewropew. Dawn id-dokumenti jinkludu riflessjonijiet tal-OLAF u tad-dipartimenti tal-Kummissjoni rigward l-imsemmija investigazzjoni, li wasslu għal deċiżjonijiet interni. Fl-aħħar nett, id-dokument tal-kategorija 7 huwa abbozz ta’ rapport finali tal-investigazzjoni inkwistjoni.

152    L-ewwel deċiżjoni tal-OLAF tispeċifika li, jekk l-operazzjonijiet tal-investigazzjoni waqfu, id-dokumenti tal-kategoriji 1, 2 u 7, li għalihom l-aċċess huwa rrifjutat, ġew redatti esklużivament għal użu intern, jinkludu opinjonijiet intiżi għal użu intern u jagħmlu parti mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF u l-Kummissjoni. L-imsemmija dokumenti ġew rilaxxati lill-investigaturi tal-OLAF u tad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati. Dawn id-dokumenti jinkludu pożizzjonijiet provviżorji fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investigazzjoni possibbli, l-attivitajiet operazzjonali u deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu. Huma jinkludu riflessjonijiet, l-analiżi tal-fatti u l-miżuri previsti u jirriflettu l-proċess ta’ tħejjija tal-korrispondenza esterna.

153    Bħalma tosserva ġustament l-ewwel deċiżjoni tal-OLAF, aċċess tal-pubbliku għal tali dokumenti jkun partikolarment ta’ preġudizzju għall-kapaċità tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari tal-OLAF, li twettaq il-missjoni tagħha ta’ ġlieda kontra l-frodi, fl-interess pubbliku. L-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati jkun partikolarment dannuż għall-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u tal-OLAF, għaliex jikkomprometti b’mod serju l-indipendenza sħiħa tal-investigazzjonijiet futuri tal-OLAF u l-għanijiet tagħhom billi jiżvela l-istrateġija u l-metodi ta’ xogħol tal-OLAF u billi jnaqqas il-possibbiltà ta’ dan l-aħħar li jikseb mill-kollaboraturi tiegħu evalwazzjonijiet indipendenti u li jikkonsulta d-dipartimenti tal-Kummissjoni rigward temi sensittivi ħafna. Huwa għandu mnejn, ukoll, jiskoraġġixxi lill-individwi milli jibagħtu informazzjoni rigward frodi eventwali u jċaħħad b’dan il-mod lill-OLAF u lill-Kummissjoni minn informazzjoni utli biex jibdew l-investigazzjonijiet intiżi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Catinis vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, EU:T:2014:267, punt 54, rigward investigazzjoni għaddejja tal-OLAF marbuta mal-eċċezzjoni rigward il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifiki prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru°1049/2001).

154    Dan huwa iktar u iktar il-każ għaliex, skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistgħux, meta, bħal f’din il-kawża, id-dokumenti inkwistjoni jaqgħu taħt qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività oħra ta’ preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jiġu interpretati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli speċifiċi li jirregolaw l-aċċess għal dawn id-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 90 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 83).

155    Kif huwa mfakkar fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom, tat-28 ta’ April 1999, li twaqqaf l-OLAF (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110), l-OLAF jeżerċita l-kompetenzi tiegħu ta’ investigazzjoni f’indipendenza kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet uByk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra, EU:T:2008:257, punt 255).

156    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru°1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91), adottat abbażi tal-Artikolu 324 TFUE għall-ġlieda kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jipprevedi li l-informazzjoni kollha kkomunikata jew miksuba fil-kuntest tal-investigazzjonijiet interni, fi kwalunkwe forma, hija koperta mis-sigriet professjonali. Din l-informazzjoni ma għandhiex, b’mod partikolari, tiġi kkomunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn għajr il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra .

157    Kif osservat il-Kummissjoni, il-kunfidenzjalità partikolari li jibbenefikaw minnha l-imsemmija dokumenti marbuta mal-investigazzjoni, u dan anki, sa ċertu punt, fir-rigward tal-persuni allegatament koperti minn tali investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, EU:T:2008:257, punt 255), hija ġġustifikata mhux biss sa fejn l-OLAF jiġbor, fil-kuntest ta’ tali investigazzjoni, sigrieti ta’ impriża li huma sensittivi u informazzjoni sensittiva ħafna dwar persuni li l-iżvelar tagħha jista’ jkun kunsiderevolment dannuż għar-reputazzjoni tagħhom, iżda wkoll sa fejn l-aċċess għad-dokumenti marbuta ma’ investigazzjoni interna tal-OLAF, anki wara l-għeluq tal-proċedura inkwistjoni, u b’mod iktar partikolari għal dawk li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF għandu mnejn jostakola serjament ix-xogħol ta’ dan il-korp, jiżvela l-metodoloġija u l-istrateġija ta’ istruzzjoni tal-OLAF, ikun ta’ dannu għad-disponibbiltà tal-persuni li jintervjenu fil-proċedura li jikkollaboraw fil-futur u, għaldaqstant, jikkomprometti l-funzjonament korrett tal-proċeduri inkwistjoni u t-twettiq tal-għanijiet segwiti.

158    Jekk ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1073/1999 ma jinkludux dispożizzjonijiet li jipprevedu s-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor u jekk għandu jiġi żgurat li l-applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u b’hekk tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 90 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 84), f’dan il-każ, tali applikazzjoni tiġġustifika b’mod sħiħ ir-rikonoxximent ta’ preżunzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess.

159    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni ma teħtieġx l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti bħal dik meħtieġa mill-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 90 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punt 91).

160    Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-proċeduri ta’ investigazzjoni interna tal-OLAF skont ir-Regolament Nru°1073/1999, preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-dokumenti marbuta mal-investigazzjoni u, b’mod iktar partikolari, għal dawk li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru°1049/2001, tippreżumi, mingħajr ma tagħmel eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti inkwistjoni, li aċċess tal-pubbliku għal dawn id-dokumenti, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-prinċipju jippreġudika l-interessi koperti fiha sabiex tiddeduċi minn dan li dawn id-dokumenti kollha kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

162    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-interessi protetti, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru°1049/2001, li hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandha ssir indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-talba ta’ aċċess tirrigwardax proċedura ta’ investigazzjoni diġà magħluqa jew proċedura pendenti.

163    Il-fatt li dokument dwar investigazzjoni interna tal-OLAF għandu data posterjuri għall-għeluq tal-investigazzjoni inkwistjoni lanqas ma jista’ jipprekludi r-rifjut tal-iżvelar tiegħu bis-saħħa tal-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess, ladarba dan id-dokument ikun marbut mal-imsemmija investigazzjoni, jinkludi informazzjoni marbuta ma’ opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-OLAF u jinkludi għalhekk informazzjoni li l-iżvelar tagħha għandu mnejn jikkomprometti x-xogħol tal-OLAF fil-missjoni tiegħu ta’ ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni.

164    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrent, li l-korrispondenza bejn l-OLAF u l-Kummissjoni ma tistax, f’kull każ, taqa’ taħt id-dokumenti li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu “intern” fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn l-OLAF u l-Kummissjoni ma għandhomx jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess istituzzjoni, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li r-Regolament Nru 1049/2001 huwa applikabbli għall-OLAF, sa fejn dan huwa rikonoxxut, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala li jagħmel parti mill-Kummissjoni, li hija msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament fost l-istituzzjonijiet li għalihom dan tal-aħħar japplika.

165    L-istess jgħodd għall-argument skont liema l-korrispondenza tal-OLAF ma’ terzi għandha neċessarjament tiġi eskluża mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, tali komunikazzjonijiet jistgħu manifestament jinkludu informazzjoni dwar opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u tal-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata, skont l-imsemmija dispożizzjoni, u r-rifjut tal-iżvelar tagħhom huwa għaldaqstant obbligatorju sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-OLAF u l-kunfidenzjalità tal-missjoni tiegħu.

166    Barra minn hekk, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent, id-dokument Nru°2 tal-lista tal-OLAF tat-30 ta’ April 2010 ma jistax jitqies li huwa kklassifikat b’mod żbaljat fost in-noti tal-fajl tal-investigazzjoni, sa fejn huwa “nota għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-OLAF”, li tirrigwarda riċerka marbuta mal-kawża inkwistjoni. L-istess jgħodd għad-dokument Nru°34, li jagħmel manifestament parti min-noti għall-fajl ta’ investigazzjoni inkwistjoni, kif setgħet tikkonstata l-Qorti Ġenerali.

167    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma stabbilixxiex, fit-talbiet tiegħu ta’ aċċess, l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jiġġustifika madankollu l-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti tal-investigazzjoni inkwistjoni. Huwa r-rikorrent li għandu jinvoka b’mod konkret ċirkustanzi li juru li jeżisti interess pubbliku li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2250, punt 128). Minbarra dan, mill-ewwel deċiżjoni tal-OLAF jirriżulta li dan tal-aħħar effettivament eżamina l-eżistenza ta’ interessi superjuri sabiex iqis li l-ebda element ma kien jippermettilu jikkonkludi li kien jeżisti tali interess superjuri. Is-sempliċi invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza u tal-importanza tiegħu ma tistax tkun biżżejjed f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2250, punti 129 u 131). Fl-aħħar nett, it-teżi tar-rikorrent li tgħid li jeżisti interess partikolari għat-trasparenza fil-każ speċifiku tal-investigazzjonijiet interni fil-qasam tal-frodi, bħal dik inkwistjoni, sabiex tiġi evitata, billi tiġi ggarantita trasparenza assoluta, kull apparenza ta’ aġir arbitrarju u irregolari, li tkun ta’ preġudizzju għar-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet u tal-kumpanniji implikati fl-investigazzjoni, għandha tiġi miċħuda, għaliex tali kunsiderazzjonijiet ma humiex manifestament tali li jipprevalu fuq ir-raġunijiet imperattivi li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tal-informazzjoni inkwistjoni.

168    Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni ġenerali ta’ rifjut ta’ aċċess imsemmija hawn fuq timplika li d-dokumenti koperti minnha jevitaw l-obbligu ta’ żvelar parzjali tal-kontenut tagħhom skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EnBW, punt 89 iktar ’il fuq, EU:C:2014:112, punti 134 u 135).

169    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni setgħet validament tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti indikati bil-frażi “NA” billi tibbaża ruħha fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

[omissis]

 Rigward id-dokumenti żvelati parzjalment

 –  Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

[omissis]

198    Diġà ġie deċiż li l-iżvelar ta’ data personali li tirrigwarda esklużivament l-applikant ta’ aċċess inkwistjoni ma jistax jiġi eskluż għar-raġuni li jippreġudika l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-300/10, Ġabra, EU:T:2012:247, punt 107).

199    Dan għandu jkun il-każ b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, xejn ma kien jippermetti l-kunsiderazzjoni li r-rikorrent, li xtaq b’mod partikolari jirrendi pubbliċi l-allegati funzjonamenti ħżiena fi ħdan l-OLAF meta dan tal-aħħar ipproċessa l-ilment tiegħu, xtaq jillimita l-aċċess għad-data personali tiegħu. Barra minn hekk, l-ewwel deċiżjoni tal-OLAF kienet tatu aċċess għad-data li tikkonċernah filwaqt li ġie speċifikat li hija kienet qed tintervjeni f’dan is-sens biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru°45/2001, mingħajr ma talbitu jiċċara l-portata tat-talba tiegħu ta’ aċċess skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’tali mod li l-Kummissjoni żbaljat meta akkużat lir-rikorrent li kienx ċar f’dan ir-rigward.

200    Konsegwentement, il-Kummissjoni żbaljat, fir-rigward b’mod partikolari tad-dokumenti msemmija mir-rikorrent fil-punt 173 hawn fuq, meta rrifjutat li tiżvela l-identità tar-rikorrent abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, b’tali mod li l-motiv għandu jintlaqa’ sa dan il-punt u jiġi miċħud għall-bqija.

[omissis]

 Fir-rigward tad-Dokumenti Nri 266 u 268 u tal-iskedi ta’ ċirkulazzjoni

[omissis]

  – Fuq l-iskedi ta’ ċirkulazzjoni

[omissis]

249    Il-kunċett ta’ “dokument”, li huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T-36/04, Ġabra, EU:T:2007:258, punt 59), ikopri “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [mezz] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

250    Isegwi li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li n-natura tal-mezz ta’ ħżin, it-tip u n-natura tal-kontenut maħżun, kif ukoll id-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li tista’ taqa’ taħt din id-definizzjoni hija l-kundizzjoni li dan il-kontenut għandu jikkonċerna materja relatata mal-politika, mal-attivitajiet u mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, Ġabra, EU:T:2011:634, punti 88 u 90 sa 93).

251    Għaldaqstant xejn ma jippermetti l-esklużjoni tal-iskedi ta’ ċirkulazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-portata tiegħu fl-ebda każ ma tista’ tiġi ristretta bi kwalunkwe regola ta’ organizzazzjoni interna adottata fejn ikun il-każ mill-istituzzjonijiet, bħar-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-anness tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni (ara l-punt 129 hawn fuq), li din tal-aħħar tinvoka insostenn tat-teżi tagħha li l-iskedi ta’ ċirkulazzjoni għandhom jitqiesu li huma dokumenti li jinkludu informazzjoni “mhux sostanzjali” u “effemera” u li ma hemmx lok li jiġu rreġistrati, sabiex jiġu esklużi mill-kunċett ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

252    Barra minn hekk, sa fejn l-applikant għal aċċess ma għandux jiġġustifika t-talba tiegħu ta’ aċċess għal dokumenti (digriet Henkel u Henkel France vs Il-Kummissjoni, punt 128 iktar ’il fuq, EU:T:2013:116, punt 48), huwa wkoll mingħajr importanza għall-finijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 l-interess reali li jista’ jirrappreżenta għall-applikant l-iżvelar tal-iskedi ta’ ċirkulazzjoni li, skont ir-rikorrent, jippermettu li jiġu stabbiliti eventwali responsabbiltajiet personali għat-tqegħid f’dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar l-uffiċjali li pparteċipaw fit-tħejjija ta’ dokument jew li l-approvazzjoni tagħhom hija meħtieġa u dwar l-intervent tagħhom fil-proċess ta’ tħejjija tad-dokument inkwistjoni.

253    Ma’ dan jingħad ukoll li l-Kummissjoni tammetti hija nnifisha li l-iskedi ta’ ċirkulazzjoni jistgħu jinkludu annotazzjonijiet u għaldaqstant ma humiex limitati neċessarjament għar-riproduzzjoni tal-ismijiet tal-persuni li jintervjenu fil-proċess ta’ tħejjija u ta’ adozzjoni tad-dokument li huma jirreferu għalih.

254    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi kif l-iżvelar ta’ tali skedi, ladarba jeżistu, jirrappreżenta piż ta’ xogħol sproporzjonat għall-OLAF.

[omissis]

 Dwar il-klawżola ta’ restrizzjoni ta’ użu

[omissis]

264    Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2006/291 jipprevedi li din ma tippreġudikax ir-Regolament Nru 1049/2001 u li hija ma taffettwa bl-ebda mod id-dispożizzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li dan japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur li tista’ tillimita d-dritt tad-destinatarju li jirriproduċi jew li juża d-dokumenti żvelati.

265    Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni 2006/291 tipprevedi, għall-finijiet tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti pubbliċi miżmuma minnha, kif huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni, proċedura ta’ awtorizzazzjoni distinta minn dik prevista fir-Regolament Nru 1049/2001 għal aċċess għal dawn l-istess dokumenti.

266    Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2006/291, fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni tat-talba, id-dipartiment tal-Kummissjoni jew l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jew jippermetti l-użu mill-ġdid tad-dokument mitlub u, fejn ikun rilevanti, jipprovdi kopja tad-dokument, jew jindika, permezz ta’ risposta bil-miktub, li t-talba ġiet parzjalment jew totalment miċħuda u jagħti r-raġunijiet għal dan. B’mod eċċezzjonali, it-terminu jista’, jekk l-applikant jiġi mgħarref minn qabel u jekk tingħata motivazzjoni ddettaljata, jiġi estiż b’15-il jum ta’ xogħol. Skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu, fil-każ ta’ rifjut, l-applikant għandu jiġi informat bid-dritt tiegħu li jressaq il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jew li jressaq ilment quddiem l-Ombudsman.

267    Madankollu, xejn ma jippermetti l-kunsiderazzjoni li t-talbiet ta’ aċċess tar-rikorrent kellhom jinftiehmu fis-sens li jinkludu talba taħt id-Deċiżjoni 2006/291, minkejja li sempliċement semmew l-eventwalità ta’ pubblikazzjoni tad-dokumenti mingħajr ma rreferew għall-imsemmija deċiżjoni. Minbarra dan, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tippreżupponi li d-dokumenti inkwistjoni huma identifikati b’mod preċiż u reżi pubbliċi. Fl-aħħar nett u fuq kollox, anki jekk jingħad li t-talbiet ta’ aċċess tar-rikorrent jistgħu jiġu interpretati fis-sens li inkludew talba taħt id-Deċiżjoni 2006/291 u li l-klawżola kontenzjuża tista’ tinftiehem fis-sens li tinkludi deċiżjoni impliċita ta’ rifjut ta’ aċċess min-naħa tal-OLAF, u mhux bħala sempliċi twissija li l-użu mill-ġdid tad-dokumenti inkwistjoni jippreżupponi awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, ir-rikorrent ma kkontestax din id-deċiżjoni abbażi tad-Deċiżjoni 2006/291.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok iktar li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet impliċiti ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mogħtija fil-kuntest tat-talbiet ta’ aċċess magħmula minn Guido Strack.

2)      Ma hemmx lok iktar li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet espliċiti ta’ rifjut parzjali jew totali ta’ aċċess għal dokumenti, adottati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fil-kuntest tat-talbiet konfermattivi ta’ aċċess għal dokumenti ta’ G. Strack, tat-22 ta’ Frar u tal-21 ta’ April 2008, sa fejn dawn id-dokumenti ma kinux jeżistu jew ma kinux għadhom disponibbli, sa fejn dawn id-dokumenti, jew partijiet minnhom, ġew reżi aċċessibbli għall-pubbliku jew sa fejn G. Strack jammetti l-legalità tar-rifjuti ta’ aċċess li ġew deċiżi.

3)      Id-deċiżjoni tal-OLAF tat-30 ta’ April 2010 hija annullata sa fejn:

–        l-aċċess għad-dokumenti indikati bil-frażi “PD” ġie rrifjutat;

–        l-isem ta’ G. Strack inħeba fid-dokumenti indikati bil-frażi “PA”;

–        dokumenti tħallew barra mil-lista tal-OLAF tat-30 ta’ April 2010 jew ma ġewx ikkomunikati lil G. Strack għas-sempliċi raġunijiet li huwa kien l-awtur tagħhom, li huwa kien qed iżommhom skont ir-Regolament (KE) Nru°45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jew taħt kwalunkwe titolu ieħor, mingħajr ma kienu ġew żvelati lill-pubbliku, jew li kienu esklużi mit-talba ta’ aċċess, sa fejn huma kienu qed jirreferu għall-iskambji bejn l-OLAF u l-Ombudsman Ewropew jew bejn l-OLAF u G. Strack u li kienu jikkonċernaw lil dan tal-aħħar, mingħajr ma kienu parti mill-fajl marbut mal-investigazzjoni inkwistjoni.

4)      Id-deċiżjoni tal-OLAF tas-7 ta’ Lulju 2010 hija annullata sa fejn:

–        l-aċċess għad-dokument Nru 266 ġie rrifjutat abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–        l-aċċess għad-dokument Nru 268 ġie rrifjutat, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni li G. Strack seta’ kellu aċċess għaliha abbażi tar-Regolament Nru°1049/2001 fil-kuntest tat-trażmissjoni ta’ dokumenti oħra;

–        l-isem ta’ G. Strack inħeba fl-iskedi ta’ ċirkulazzjoni annessi mal-imsemmija deċiżjoni;

5)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

6)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll tliet kwarti mill-ispejjeż ta’ G. Strack.

7)      G. Strack għandu jbati kwart mill-ispejjeż tiegħu.

Pelikánová

Buttigieg

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, is-26 ta’ April 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.