Language of document : ECLI:EU:T:2011:186

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2011 (*)

“Programm PHARE – ‘Fondi li jistgħu jiġġeddu’ miksuba mir-Repubblika Ċeka – Rimbors tas-somom imħallsa – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi bl-irkupru permezz ta’ tpaċija – Bażi legali – Ordinamenti ġuridiċi distinti – Kunċett ta’ natura ċerta u likwida tal-kreditu – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑465/08,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. van Nuffel, F. Dintilhac u Z. Malůšková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Awwissu 2008, li tipproċedi bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-“fondi li jistgħu jiġġeddu” tal-programm PHARE

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  It-Trattat KE

1        Skont l-Artikolu 274 KE:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-budget, skond id-disposizzjonijiet tar-regolamenti magħmula skond l-Artikolu 279 [KE…]”

2        L-Artikolu 292 KE jipprovdi:

“L-Istati Membri jobbligaw ruħhom li ma jissottomettux kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti fit-Trattat.”

B –  Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni

3        L-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni”), jipprovdi:

“Mid-data ta’ l-adeżjoni, id-disposizzjonjiet tat-Trattati originali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-adeżjoni ghandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att”.

4        Skont l-Artikolu 10 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni:

“L-applikazzjoni tat-Trattati oriġinali u ta’ l-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandha, bħala miżura transitorja, tkun soġġetta għad-derogi kif provdut f’dan l-Att.”

5        L-Artikolu 33 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni jipprovdi:

“1. It-tnedija għal offerti, il-kuntratti, l-implimentazzjoni u l-pagamenti ta’ l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programm ta’ Phare […] għandhom jiġu maniġġjati minn aġenziji ta’ l-implimentazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda mid-data ta’ l-adeżjoni.

[…]

2. L-impenji globali fuq l-estimi [baġitarji] li jsiru qabel l-adeżjoni taħt l-istrumenti finanzjarji ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, inklużi l-konkluzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ impenji u pagamenti legali individwali sussegwenti li jsiru wara l-adeżjoni għandhom ikomplu jkunu regolati bir-regoli u r-regolamenti ta’ l-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni u jitħallsu mill-kapitoli korrispondenti tal-budget sa l-għeluq tal-programmi u l-proġetti in kwistjoni. Minkejja dan, il-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku li nbdew wara l-adeżjoni għandhom jitwettqu skond id-Direttivi Komunitarji rilevanti.”

C –  Ftehim Qafas bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Ċeka għall-programm ta’ għajnuna tal-Komunità Ewropea

6        L-Artikolu 1 tal-Ftehim Qafas tat-12 ta’ Marzu u tat-12 ta’ Lulju 1996 konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Ċeka fil-programm ta’ għajnuna tal-Komunità Ewropea (207/1997 Sb.) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas tal-1996”), li ssostitwixxa l-Ftehim Qafas konkluż fis-7 ta’ Novembru 1990 mar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, jipprovdi:

“Għall-finijiet li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kontraenti u bil-għan li jsostnu l-proċess ta’ riforma u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali fir-Repubblika Ċeka, il-partijiet kontraenti ftehmu li jieħdu miżuri fl-oqsma finanzjarji u tekniċi, kif ukoll forom oħra ta’ kooperazzjoni definitiv fir-regolament iċċitat. Dawn il-miżuri jkunu ffinanzjati u mwettqa fil-qafas tekniku, legali u amministrattiv definit mill-ftehim preżenti. Id-dettalji speċifiċi ta’ kull miżura (jew ġabra ta’ miżuri) ikunu ffissati f’protokoll adottat miż-żewġ partijiet kontraenti [intitolat il-protokoll finanzjarju], li mudell tiegħu huwa inkluż fl-Appendiċi Ċ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont dawn il-Ftehim Qafas, numru ta’ protokolli finanzjarji stabbilixxew il-kundizzjonijiet preċiżi tal-finanzjament tal-proġetti segwenti:

–        il-protokoll finanzjarju tal-1 ta’ Ottubru 1991, għall-proġett T9106;

–        il-protokoll finanzjarju tal-5 ta’ Novembru 1992, għall-proġett CS9203 ;

–        il-protokoll finanzjarju tal-1 ta’ Frar 1994, għall-proġett CZ9302.

8        L-Artikolu 5 tal-Ftehim Qafas tal-1996 jipprovdi:

“Kull tilwim li jirrigwarda l-ftehim preżenti li ma jkunx jista’ jiġi solvut permezz ta’ negozjati jkun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ arbitraġġ skont l-Appendiċi B.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


9        L-Artikolu 18(1) tal-Appendiċi A tal-Ftehim Qafas tal-1996 jipprovdi:

“Kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-protokoll finanzjarju jew ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tkun is-suġġett ta’ negozjati bejn il-benefiċjarju u l-Kummissjoni u, f’każ ta’ bżonn, twassal għal emendar tal-protokoll finanzjarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont l-Appendiċi B tal-Ftehim Qafas tal-1996:

“Kull tilwim bejn il-partijiet kontraenti li jirriżulta mill-Ftehim Qafas jew minn protokoll finanzjarju, li ma huwiex solvut permezz tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 18 tal-kundizzjonijiet ġenerali dwar il-protokoll finanzjarju, għandu jiġi ppreżentat lil tribunal ta’ arbitraġġ b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet segwenti.

Il-partijiet għal din il-proċedura ta’ arbitraġġ ikunu, minn naħa, il-benefiċjarju, u, min-naħa l-oħra l-Kummissjoni.

It-tribunal ta’ arbitraġġ ikun kompost minn tliet arbitri, maħtura bil-mod segwenti:

–      arbitru jkun maħtur mill-benefiċjarju,

–      it-tieni arbitru jkun maħtur mill-Kummissjoni, u

–      it-tielet arbitru […] jkun maħtur bi ftehim ta’ żewġ partijiet, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, mis-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Jekk wieħed mill-partijiet ma jaħtarx arbitru, dan tal-aħħar ikun maħtur mit-[tielet arbitru].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

D –  Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

11      L-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), jipprovdi:

“Fil-każ li l-partijiet kollha għat-trattat preċedenti huma wkoll partijiet għat-trattat sussegwenti, mingħajr mat-trattat preċedenti jkun intemm jew l-applikazzjoni tiegħu jkun ġie sospiż skont l-Artikolu 59, it-trattat sussegwenti japplika biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu kompatibbli ma’ dawk tat-trattat sussegwenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

E –  Regolament (KE)Nru 1266/1999

12      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1266/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, dwar il-koordinazzjoni tal-għajnuna lill-pajjiżi applikanti fil-qafas tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 31, p. 249) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-għajnuna tal-Kommunità b’mod konformi mar-regoli ta’ trasparenza u r-Regolament Finanzjarju applikkabli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 dwar dan.”

F –  Ir-Regolament Finanzjarju

13      L-Artikolu 71(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 [1605/2002], tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jipprovdi:

“1. Stabbiliment ta’ ammont riċevibbli huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega:

a) jivverifika li d-dejn jeżisti;

b) jiddetermina jew jivverifika ir-realtà u l-ammont tad-dejn;

ċ) jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom id-dejn ikun dovut.

2. Ir-riżor[s]i tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni u xi ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss [likwidu] u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.”

14      Skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju:

“L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jaġixxi fuq ordnijiet ta’ rkupru għall-ammonti riċevibli, stabbi[li]ti kif suppost, mill-uffiċjal awtorizzanti, li huwa responsabbli. Hu/hi għandu jeżerċita diliġenza xierqa sabiex jassigura li l-Komunitajiet jirċievu l-introjtu dovut lilhom u għandu jara li d-drittijiet tagħhom ikunu ssalvagwardjati.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut.”

15      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi:

“L-impenn tal-budget huwa l-operazzjoni li tirreserva l-approprjazzjoni meħtieġa sabiex tkopri l-pagamenti sussegwenti ħalli jkun onorat impenn legali.”

16      L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdu:

“L-impenn tal-budget huwa individwali meta l-benefiċjarju u l-ammont tan-nefqa huma magħrufa.

L-impenn tal-budget huwa globali meta għall-anqas wieħed mill-elementi meħtieġa biex ikun identifikat l-impenn individwali ma jkunx għadu magħruf.”

G –  Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

17      L-Artikolu 7(1), l-Artikolu 7(1)a u l-Artikolu 7(3), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, KEEA) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jipprovdi:

“1. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi li joħorġu mill-applikazzjoni tar-regoli fl-oqsma, il-kambju bejn l-ewro u muniti oħrajn għandu jsir bir-rata ta’ dakinhar ta’ l-ewro ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

[…]

Fejn il-kambju bejn l-euro u munita oħra jkollu jsir mill-kuntratturi jew benefiċjarji, l-arranġamenti speċifiċi għall-konverżjoni inklużi fil-kuntratti ta’ l-appalti, ftehimiet ta’ għoti jew ftehimiet ta’ finanzjament għandhom japplikaw.

[…]

3. Għall-finijiet tal-kontijiet stipulati fl-Artikoli 132 sa 137 tar-Regolament Finanzjarju u soġġetta għall-Artikolu 213 ta’ dan ir-Regolament, qlib bejn l-euro u munita oħra għandu jsir bl-użu tar-rata mensili tal-kambju tal-kontabilità ta’ l-euro. Dik ir-rata tal-kambju tal-kontabilità għandha tiġi stabbilita mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni permezz ta’ kwalunkwe sors ta’ informazzjoni li jikkunsidra bħala serja, fuq il-bażi tar-rata tal-kambju fil-ġurnata tax-xogħol ta’ qabel ta’ l-aħħar tax-xahar ta’ qabel dak li għalih tkun ġiet stabbilita r-rata.”

18      Skont l-Artikolu 78 tar-Regolament ta’ implementazzjoni:

“1. Meta l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas, il-Komunitajiet jgħoddu dan il-fatt bħala stabbiliment tad-dritt li jintalab ħlas mid-detentur.

2. L-ordni ta’ rkupru tkun l-operazzjoni li biha l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jgħid lill-uffiċċjal tal-kontijiet jirkupra l-ammont stabbilit.

3. L-avviż ta’ debitu jinforma lid-detentur li:

a) l-Komunitajiet stabilixxew l-ammont li għandu jitħallas;

b) jekk il-ħlas ta’ debitu jsir qabel id-data ta’ l-għeluq speċifikat, ma jkun dovut l-ebda interess awtomatiku;

c) fin-nuqqas ta’ ħlas sad-data ta’ l-għeluq msemmija fil-punt b) id-debitu għandu jipproduċi imgħax bir-rata msemmija fl-Artikolu 86, bla ebda preġudizzju għal kwalunkwe regolamenti speċifiċi applikabbli;

d) fin-nuqqas ta’ ħlas sad-data ta’ l-għeluq imsemmija fil-punt b), l-istituzzjoni għandha teffettwa l-irkupru bi tpattija jew b’infurzar ta’ kwalunkwe garanzija ddepożitata bil-quddiem;

[…]

L-uffiċċjal li jawtorizza jibgħat l-avviż ta’ debitu lid-debitur u kopja lill-uffiċċjal tal-kontijiet.”

19      L-Artikolu 79 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“Biex jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas, l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jrid jiżgura li:

a) li għandu jitħallas huwa ċert u m’hu suġġett ta’ l-ebda kondizzjoni;

b) li għandu jitħallas hu ta’ ammont fiss, espress preċiżament f’termini ta’ flus;

ċ) li għandu jitħallas hu dovut u mhux suġġett għal xi żmien ta’ ħlas;

d) il-partikolari tad-debitur huma tajbin;

e) l-ammont li għandu jkun irkuprat imniżżel fl-oġġett it-tajjeb tal-budget;

f) id-dokumenti ta’ sostenn huma kif suppost; u

g) irid jitħares il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba, b’mod partikolri il-kriterji msemmijin fil-punt (a ta’ l-Artikolu 87(1).”

20      Skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni:

“L-ordni ta’ l-irkupru tispeċifika:

a) is-sena finanzjarja li jrid jitniżżel fiha d-dħul;

b) ir-refernzi ta’ l-atti jew rabtiet legali li minnhom ġej id-dejn u li jagħtu l-intitolament għall-irkupru;

[…]

d) l-ammont li jrid ikun irkuprat, bl-ewro;

e) l-isem u l-indirizz tad-debitur;

f) l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 78(3)(b);

g) metodu li jista’ jintuża biex isir l-irkupru, inkluż b’mod partikolari kumpens jew infurzar ta’ kull garanzija mogħtija.”

21      L-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:

“1. Fejn id-debitur għandu pretensjoni fuq il-Komunitajiet li hi ċerta, ta’ ammont fiss u dovuta, fir-rigward ta’ somma stabbilita permezz ta’ ordni ta’ ħlas, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu, wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 78(3)(b) jirkupra ammonti stabbiliti li jistgħu jiġu rċevuti permezz ta’ tpattija.

[…]

2. Qabel ma jipproċedi bi kwalunkwe rkupru skond il-paragrafu 1, l-uffiċjal awtorizzanti għandu jikkonsulta l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli u jgħarraf lid-debituri kkonċernati. Fejn id-debitur huwa awtorità nazzjonali jew waħda mill-entitajiet amministrattivi tagħha, L-uffiċjal tal-kontabilità għandu jinforma lill-Istat Membru kkonċernat mill-anqas għaxart ijiem qabel dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrikorri għall-irkupru permezz tat-tpattija. Madankollu, bi qbil ma’ l-Istat Membru jew l-entità amministrattiva kkonċernata, l-uffiċjal tal-kontabilità kkonċernat jista’ jipproċedi bl-irkupru permezz tat-tpattija qabel dik l-iskadenza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

22      Il-programm PHARE kellu bħala għan li jiżgura l-finanzjament ta’ ġabra ta’ miżuri ta’ għajnuna għar-riformi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali u orjentali li huma kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea. Din tal-aħħar ddefiniet l-oqsma li huma l-mira ta’ dawn il-miżuri u, fl-istess waqt, innegozjat ma’ dawn il-pajjiżi r-regoli għall-implementazzjoni tagħhom, sabiex b’hekk ikun iggarantit l-użu l-iktar effettiv ta’ dak li hija sejħet l-“għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni”.

23      Ir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka ġiet inkluża fil-programm PHARE, fuq il-bażi tal-Ftehim Qafas bejn ir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tas-7 ta’ Diċembru 1990. Dan il-ftehim ġie sostitwit, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika Ċeka, mill-Ftehim Qafas tal-1996, irratifikat mill-President tar-Repubblika bħala “ftehim internazzjonali tat-tip Presidenzjali”.

24      Il-Ftehim Qafas tal-1996 stabbilixxa l-qafas tekniku, legali u amministrattiv ġenerali tal-finanzjament u tat-twettiq tal-għajnuna għall-proċess tar-riformi ekonomiċi u soċjali u għall-iżvilupp tar-Repubblika Ċeka.

25      Il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull miżura ġew sussegwentement stabbiliti fuq bażi kuntrattwali bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni, fil-forma ta’ “protokolli finanzjarji”, li mudell tagħhom ġie ppreżentat fl-Appendiċi Ċ tal-Ftehim Qafas tal-1996, u tal-“protokolli ta’ ftehim”.

26      Il-“protokolli finanzjarji” jiddeterminaw l-oqsma prinċipali ta’ għajnuna koperti mill-programm, mill-baġit tiegħu, kif ukoll l-aspetti tekniċi tal-proġetti implementati fil-kuntest tal-imsemmi programm. Dawn il-proġetti jkunu huma stess deskritti fid-dettall fid-“dokumenti dwar il-proġetti” annessi mal-protokolli finanzjarji.

27      Il-“protokolli ta’ ftehim”, li għandhom wkoll in-natura ta’ ftehim internazzjonali, jiffissaw ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti fil-kuntest tal-programm. Bħala regola ġenerali, dawn id-dokumenti jillimitaw ruħhom li jiddefinixxu, jemendaw jew jippreċiżaw il-proċeduri dwar il-ġestjoni tal-programm, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet involuti fl-implementazzjoni tiegħu. Madankollu, bid-differenza tal-protokolli finanzjarji, huma ma jiddeterminawx il-kontenut tal-programm u lanqas l-orjentazzjonijiet u d-domandi li jirrigwardaw l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-proġetti. Dawn il-protokolli ta’ ftehim ikunu fil-fatt konklużi biss bil-għan li ssir eċċezzjoni għar-regoli u għall-ftehim ġenerali fir-rigward tar-rapporti bejn il-partijiet.

28      Mill-1994 sal-1996, ir-Repubblika Ċeka kisbet b’mod partikolari “fondi li jistgħu jiġġeddu” mill-programm PHARE fuq il-bażi tal-protokolli finanzjarji għall-proġett T9106 (impriżi żgħar u medji tar-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka), għall-proġett CS9203 (privatizzazzjoni, ristrutturazzjoni u żvilupp tas-settur privat) u għall-proġett CZ9302 (żvilupp tas-settur privat).

29      B’mod iktar preċiż, il-proġett T9106 għandu bħala għan li jsostni l-impriżi żgħar u medji, b’mod partikolari billi jintroduċihom għal domandi intraprenditorjali, billi jistabbilixxi kuntest legali adattat u billi jpoġġi fis-seħħ mekkaniżmi li jippermettu l-aċċess għall-kreditu. Il-proġett CS9203 kellu bħala għan il-privatizzazzjoni tal-ekonomija, ir-ristrutturazzjoni u l-iżvilupp tas-settur privat f’dak li dak iż-żmien kienet ir-Repubblika Federattiva Ċeka u Slovakka, b’mod partikolari għar-reġjuni li kellhom żvantaġġ partikolari. Fl-aħħar nett, il-proġett CZ9302 jirrigwarda r-ristrutturazzjoni tas-setturi ekonomiċi partikolari, u, b’mod partikolari, tas-settur bankarju, l-iżvilupp tas-setturi industrijali orjentati lejn l-esportazzjoni u l-appoġġ għall-modifika istituzzjonali neċessarji għall-funzjonament ta’ ekonomija tas-suq.

30      Fil-perijodu bejn il-5 ta’ Ottubru 1994 u t-2 ta’ Awwissu 1996, ir-Repubblika Ċeka b’hekk kisbet mill-Kummissjoni sitt ħlasijiet għal somma totali ta’ EUR 13 031 971.97.

31      Dawn il-fondi kienu fil-bidu ġestiti mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Ċeka, u mbagħad mill-Ministeru għall-Iżvilupp Lokali. Dan tal-aħħar kien ukoll responsabbli mill-implementazzjoni tagħhom.

32      Il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ċeka, permezz ta’ ittra bir-referenza D(2008)REG 102477, deċiżjoni ddatata t-28 ta’ Mejju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008”) bil-għan, fil-kuntest tal-proġetti T9106, CS9203 u CZ9302, ir-rimbors ta’ somma totali ta’ CZK 234 480 000 (koruna Ċeka). B’mod iktar partikolari, din is-somma tikkorrispondi għall-ħlas li sar favur ir-Regionální fondy, a.s., sa CZK 144 000 000, iċ-Českomoravský podnikatelský fond, spol. s r.o., sa CZK 4 429 000, u tar-Regionální podnikatelský fond, spol. s r.o., sa CZK 86 051 000. Ma’ din id-deċiżjoni ġiet annessa nota ta’ debitu bin-numru 3230805779 (iktar ’il quddiem “nota ta’ debitu”).

33      Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 ittieħdet sussegwentement għall-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet fil-ġestjoni ta’ fondi Komunitarji, liema fondi kienu ġew użati skont il-Kummissjoni, għall-finijiet oħra milli dawk li għalihom kienu ingħataw u ma kinux ġew ġestiti b’mod konformi mal-prinċipju tal-ġestjoni tajba.

34      In-nota ta’ debitu, li t-terminu tagħha kien ġie fissat għas-7 ta’ Awwissu 2008, tirrigwarda ammont ta’ EUR 9 354 130.93 li tikkorrispondi għall-konverżjoni tal-ammont ta’ CZK 234 480 000 li saret għall-għajnuna b’rata ta’ kambju stabbilita b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

35      Il-viċi ministru tal-Iżvilupp Reġjonali tar-Repubblika Ċeka bagħat ittra lill-Kummissjoni datata t-8 ta’ Lulju 2008. Huwa invoka, essenzjalment, bħala problema fir-rigward tar-rata ta’ kambju użata, il-fatt li la l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u lanqas il-proċeduri kriminali li tressqu quddiem il-qrati Ċeki ma kienu ġew fi tmiem u, fl-aħħar nett, il-fatt li, skont il-Ftehim Qafas bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni li jirregola l-programm PHARE, id-disputi kollha kellhom jiġu rregolati permezz ta’ negozjati u suġġetti għal proċedura ta’ arbitraġġ. Huwa konsegwentement talba li l-Kummissjoni tannulla n-nota ta’ debitu.

36      Fl-14 ta’ Lulju 2008 seħħet laqgħa bejn il-partijiet.

37      Fit-23 ta’ Lulju 2008, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka adotta d-Deċiżjoni Nru 977 li permezz tagħha, huwa ddeċieda li ma jħallasx in-nota ta’ debitu, liema deċiżjoni l-Kummissjoni ġiet infurmata dwarha fid-29 ta’ Lulju 2008.

38      Il-Kummissjoni rrispondiet għal din l-ittra permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2008 li fiha, essenzjalment tenniet il-pożizzjoni tagħha.

39      Peress li r-Repubblika Ċeka ma eżegwitx l-obbligu tagħha ta’ rimbors tas-somma ta’ EUR 9 354 130.93 fid-data tas-7 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet tipproċedi bil-kumpens bejn il-kreditu tagħha u ż-żewġ somom dovuti għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) lir-Repubblika Ċeka, bir-referenzi ESF-2003CZ161P0004 u ESF-2003CZ053D0001, għall-ammont totali ta’ EUR 10 814 475.41. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-Repubblika Ċeka b’ittra datata s-7 ta’ Awwissu 2008, bir-referenza BUDG/C3 D (2008)10.5-3956 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

40      Ir-Repubblika Ċeka bagħtet ittra lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Awwissu 2008 sabiex tesprimi in-nuqqas ta’ qbil tagħha għal din id-deċiżjoni u sostniet, essenzjalment, l-argumenti li hija kienet ressqet fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008.

 It-talbiet tal-partijiet

41      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimborsaha s-somma li kienet is-suġġett ta’ tpaċija għal ammont totali ta’ EUR 9 354 130.93, flimkien mal-interessi moratorji;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

 Id-dritt

43      Ir-Repubblika Ċeka tqajjem tliet motivi insostenn tar-rikors.

44      Hija l-ewwel nett ssostni essenzjalment li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħet tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq bażi ġuridika żbaljata, it-tieni nett, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tal-kundizzjonijiet iffissati għat-tpaċija mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni u, it-tielet nett, li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull motivazzjoni.

45      Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel żewġ motivi.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq bażi ġuridika żbaljata, u fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet iffissati għat-tpaċija mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

46      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment issostni li mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, ir-rabta ġuridika inkwistjoni fil-kawża preżenti, dwar l-użu tal-fondi li jirriżultaw mill-programm PHARE, bdiet qabel ma aderiet għall-Unjoni Ewropea fi żmien meta hija kienet pajjiż terz. L-użu tal-mezzi li jirriżultaw minn dan il-programm kien regolat mir-regoli kontenuti fi ftehim internazzjonali konklużi bejnha, bħala Stat sovran u suġġett tad-dritt internazzjonali, u l-Kummissjoni, rappreżentanta tal-Komunità, bħala suġġett distint tad-dritt internazzjonali.

47      Hija ssostni li jekk, fl-adeżjoni tagħha għall-Unjoni, id-dritt Komunitarju sar vinkolanti għaliha, dan huwa biss fil-limiti pprovduti mit-trattat ta’ adeżjoni u l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

48      Skont ir-Repubblika Ċeka, l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni biddel parzjalment il-ftehim internazzjonali dwar l-użu tal-fondi li joħorġu mill-programm PHARE għal dak li jirrigwarda, minn naħa, id-determinazzjoni tal-organi tal-Istati Membri li, sa mill-adeżjoni, jamministraw ir-riżorsi allokati, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli finali mill-Kummissjoni. Madankollu, għall-oqsma l-oħra, l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 33(2) tiegħu kien ħalla espliċitament fis-seħħ is-sistema ġuridika eżistenti, jiġifieri sistema li tinstab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, mhux biss għall-impenji meħuda qabel l-adeżjoni, iżda wkoll għall-impenji meħuda fil-perijodu ta’ wara l-adeżjoni.

49      Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, ir-Regolament Finanzjarju, li fuq il-bażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma tkunx ikklassifikata bħala regola jew regolament li jirrigwarda l-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

50      Hija fil-fatt issostni li l-kunċett ta’ regola, fis-sens tal-Artikolu 33 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, jipprovdi għall-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni u l-Istati li jkunu sejrin jaderixxu, kategorija li għaliha ma jappartjenix ir-Regolament Finanzjarju, u li min-naħa l-oħra jista’ jiġi biss kkonstatat li dan ir-regolament ma jidhirx fil-lista eżawrjenti tar-regolamenti msemmija f’din l-istess dispożizzjoni.

51      Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, ir-Regolament Finanzjarju ma jkunx ikklassifikat, hekk kif jirriżulta mill-għan tiegħu, fil-kategorija tar-regolamenti li jirrigwarda l-instrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni. Fil-fatt, jekk l-għan ta’ dawn l-aħħar imsemmija huwa li jiffissaw ir-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna tal-Unjoni għall-pajjiżi kandidati fil-kuntest tal-programmi differenti, minn naħa tiegħu ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli li jirrigwardaw, minn naħa, l-istabbiliment u l-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet.

52      Ir-Repubblika Ċeka b’hekk issostni essenzjalment, li l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju għall-impenji li jirriżultaw mir-relazzjoni legali inkwistjoni fil-każ preżenti, li taqa’ taħt l-Artikolu 33 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, tikser dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet.

53      Ir-Repubblika Ċeka barra minn hekk issostni essenzjalment li, fir-redazzjoni attwali tagħha, l-Artikolu 155 tar-Regolament Finanzjarju ma jirreferix aktar għall-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, b’mod li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għal dawn l-aħħar imsemmija. Hija ssostni wkoll li, jekk il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 155 kienet tippermetti li jiġi applikat ir-Regolament Finanzjarju għar-relazzjonijiet legali li kienu jeżistu bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, possibbiltà bħal din kienet suġġetta għall-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati.

54      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju, li huwa indirizzat lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Unjoni, tipprovdi għat-tpaċija biss favur tal-Unjoni. Hija b’hekk issostni li l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Unjoni jista’ jirrikorri għat-tpaċija biss jekk, minn naħa, l-Istat ikkonċernat ikun Stat Membru u, min-naħa l-oħra, dan ikun impenn li jirriżulta mill-appartenenza tal-imsemmi stat għall-Unjoni u jaqa’ taħt ir-Regolament Finanzjarju. Konsegwentement, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Unjoni ma jistax jirrikorri għal tali tpaċija fir-rigward tal-pajjiżi terzi mingħajr ma din il-possibbiltà tkun ġiet deċiża minn qabel. Issa, l-ebda dispożittiv ta’ tpaċija ma ġie previst fil-Ftehim Qafas tal-1996, u lanqas fil-protokolli finanzjarji jew il-protokolli ta’ ftehim. Barra minn hekk, it-tpaċija ma hijiex regola ġeneralment rikonoxxuta mid-dritt internazzjonali.

55      Ir-Repubblika Ċeka minn naħa l-oħra ssostni li l-Ftehim Qafas tal-1996, kif ukoll il-protokolli finanzjarji u l-protokolli ta’ ftehim, jikkontjenu dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-soluzzjoni ta’ tilwim li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, jiġifieri, f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ preżenti, obbligu ta’ konsultazzjoni reċiproka, kif ukoll, jekk meħtieġ, ir-rikors ulterjuri għal proċedura ta’ arbitraġġ.

56      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li dawn ir-regoli huma madankollu applikabbli. Konsegwentement, mekkaniżmu bħal dan ma jippermettix li d-disputi bejn il-partijiet ikunu solvuti unilateralment permezz, pereżempju, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza jew l-ammont ta’ kreditu favur il-baġit tal-Unjoni, jew inkella, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bil-għan tal-irkupru tal-imsemmi kreditu permezz tat-tpaċija.

57      Ir-Repubblika Ċeka ssostni li dan huwa każ, f’dan ir-rigward, ta’ eċċezzjoni għall-karattru restrittiv tad-dritt Komunitarju għall-Istati Membri wara l-mument tal-adeżjoni tagħhom għall-Unjoni Ewropea.

58      Hija tfakkar li, f’sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, Ġabra p. I‑371, punti 36 u 37), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jista’ jiġi applikat id-dritt Komunitarju fl-Istat Membru inkwistjoni biss mid-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni u biss sa fejn iċ-ċirkustanzi determinanti ta’ fatt għall-kawża seħħew wara l-adeżjoni.

59      Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, id-dritt Komunitarju sar restrittiv għaliha minħabba l-limitu stabbilit fit-trattat tal-adeżjoni u l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

60      Dawn il-kundizzjonijiet jieħdu l-forma ta’ eċċezzjonijiet, temporanji jew permanenti, għall-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju f’ċerti oqsma, kemm fir-rigward tad-dritt primarju jew ssussidjarju. Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, ġie pprovdut għal eċċezzjonijiet bħal dawn għal dak li jirrigwarda l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, peress li l-mekkaniżmu preċedenti għas-soluzzjoni tat-tilwim baqa’ fis-seħħ.

61      Ir-Repubblika Ċeka ssostni wkoll li l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju tkun f’kunflitt dirett mal-mekkaniżmi previsti f’każ ta’ disputa fir-rigward tal-implementazzjoni tal-Ftehim Qafas tal-1996.

62      Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta wkoll it-teżi tal-Kummissjoni li l-Ftehim Qafas tal-1996 ma jkunx applikabbli fl-elementi kollha tiegħu fir-rigward tal-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna.

63      Skont ir-Repubblika Ċeka, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tapplika biss għat-trattati bejn l-Istati, peress li regoli simili dwar it-trattati bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali ma setgħux jiġu adottati fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tipresupponi l-identità tal-partijiet kontraenti kollha għat-trattat preċedenti u għat-trattat sussegwenti. Issa, il-Kummissjoni, li kienet qegħda taġixxi f’dak iż-żmien għall-Komunità Ewropea u f’isimha, kienet parti kontraenti għall-Ftehim Qafas tal-1996, filwaqt li la l-Kummissjoni u lanqas il-Komunità Ewropea sussegwentement ma kienu partijiet għat-trattat ta’ adeżjoni. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-regola espressa mill-Artikolu 30(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tammonta għal konswetudni internazzjonali, is-suġġetti tal-liġi internazzjonali jistgħu, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, jiftehmu li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-trattat sussegwenti, ir-regoli li jirriżultaw mit-trattat preċendenti jibqgħu japplikaw għal ċerti rabtiet legali. Konsegwentement, tali regoli jeskludu l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet diverġenti jew kontradittorji tat-trattat sussegwenti. Fil-każ kuntrarju, il-ftehim fuq dan il-punt ikun bla sens u jkun kontradittorju mal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali li skont dan it-trattati għandhom jiġu osservati.

64      B’hekk, skont ir-Repubblika Ċeka jirriżulta li r-regoli stabbiliti permezz ta’ konvenzjonijiet fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-għajnuna qabel l-adeżjoni japplikaw, anki wara l-adeżjoni għall-Unjoni, u jipprekludu l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ieħor, jiġifieri t-tpaċija unilaterali prevista mir-Regolament Finanzjarju.

65      B’hekk jirriżulta wkoll li, skont din, ma jkunx possibbli li jiġi applikat il-prinċipju li permezz tiegħu huwa permess dak kollu li ma huwiex ipprojbit mid-dritt internazzjonali għal sitwazzjoni fejn il-partijiet ftehmu dwar sistema partikolari għar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom. Tpaċija hija barra minn hekk impliċitament ipprojbita, peress li hija tmur kontra l-proċeduri konvenzjonali tas-soluzzjoni ta’ tilwim.

66      Ir-Repubblika Ċeka żżid li l-Artikolu 307 KE jippermetti speċifikament li jinżammu fis-seħħ it-trattati konklużi mill-Istati qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom għall-Unjoni, sa fejn huma ma jmorrux kontra d-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, anki f’każ bħal dan, trattati bħal dawn ma jkunux nulli ipso facto. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 307 KE fil-fatt jipprovdi l-possibbiltà li tiġi eliminata gradwalment inkompatibbiltà bħal din.

67      Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta wkoll li t-tpaċija hija regola konswetudinarja tad-dritt internazzjonali pubbliku jew prinċipju ġenerali tal-dritt internazzjonali pubbliku.

68      Fil-każ preżenti, it-tpaċija sseħħ bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali li huma f’sitwazzjoni ta’ ugwaljanza reċiproka u, skont ir-Repubblika Ċeka, f’dan il-każ, l-għażla li tipproċedi bi tpaċija unilaterali kellha tkun speċifikament ipprovduta.

69      Bl-istess mod, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra essenzjalment, li t-tpaċija ma tkunx ikkunsidrata bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, sa fejn, minn naħa, dan ma huwiex każ ta’ prinċipju ispirat mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u fejn, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni ma ssostnix li t-tpaċija tammonta għal prinċipju bħal dan. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 1983, DEKA Getreideprodukte vs KEE (250/78, Ġabra p. 421).

70      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fl-implementazzjoni tal-għajnuna esterna torbot biss lill-Kummissjoni u mhux lir-Repubblika Ċeka, li kienet Stat terz fil-mument meta ngħatat l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni. B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma topponix ir-regoli interni tiegħu dwar l-implementazzjoni tal-baġit. Sabiex ir-regoli tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontestati, kien ikun neċessarju li r-Repubblika Ċeka tagħti l-kunsens tagħha sabiex tissottometti ruħha għaliha fil-Ftehim Qafas tal-1996, li ma kienx il-każ.

71      Ir-Repubblika Ċeka ssostni wkoll li jekk il-preambolu tal-Ftehim Qafas tal-1996 jirreferi għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3906/89, tat-18 ta’ Diċembru 1989, dwar il-għajnuna ekonomika lir-Repubblika tal-Ungerija u lir-Repubblika tal-Poplu Pollak (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17, p. 40), ċirkustanza bħal din ma tistax tkun il-bażi għall-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju fil-każ preżenti. Fil-fatt, l-uniċi dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju li għalihom jirreferi r-Regolament Nru 3906/89 jirrigwardaw il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tiddelega kompiti ta’ awtorità pubblika lil ċerti organizzazzjonijiet.

72      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ssostni, essenzjalment, li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il-Kummissjoni (T‑122/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), ma teskludix l-użu tal-kunċett ta’ ordni ġuridika rilevanti għal dak li jirrigwarda t-tpaċija. Issa, fil-każ preżenti, id-dritt rilevanti ma jipprovdix għal mekkaniżmu bħal dan.

73      B’hekk, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li billi tipproċedi bi tpaċija fuq il-bażi tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter.

74      Fir-rigward tat-tieni motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni essenzjalment, li, anki jekk jiġi preżunt li r-Regolament Finanzjarju jkun applikabbli fil-każ preżenti, il-kundizzjoni li huwa jimponi fir-rigward tal-karattru reċiproku tal-krediti u tal-natura ċerta tal-kreditu li kien is-suġġett ta’ tpaċija, huma nieqsa.

75      Ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra f’dan ir-rigward, li kien biss l-organu tal-arbitraġġ previst mill-ftehim ta’ qabel l-adeżjoni li setgħa jippronunzj ruħu fuq l-ammont ta’ kreditu eventwali. Skont din, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni (T‑346/02 u T‑347/02, Ġabra p. II‑4251, punt 225), jirriżulta li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jiddisponi minn kompetenza bħal din.

76      F’dan ir-rigward, hija tikkonfuta l-argument tal-Kummissjoni li skont din ikun kontradittorju li jiġi sostnut li, jekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tippronunċa ruħha fuq l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, fuq in-natura u l-ammont tal-kreditu, ma tkunx tista’ tippronunzja ruħha fuq it-tpaċija u b’hekk ma tkunx tista’ tannulla d-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Ċeka fil-fatt tikkunsidra li anki jekk ir-Regolament Finanzjarju kien applikabbli fil-każ preżenti, ma kienx possibbli li tiġi evitata l-proċedura prevista mill-Ftehim Qafas tal-1996 sabiex tiddetermina l-eżistenza u l-ammont tas-somom dovuti, jiġifieri l-użu tal-proċedura ta’ arbitraġġ, peress li deċiżjoni unilaterali tal-Kummissjoni ma setgħetx tkun suffiċjenti f’dan ir-rigward.

77      Ir-Repubblika Ċeka żżid li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn setgħa li tevalwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata u setgħa li tiddeċiedi tilwima skont il-Ftehim Qafas tal-1996. Hekk kif jirriżulta mill-proċedura ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ipprovduta fil-Ftehim Qafas tal-1996, il-Qorti Ġenerali b’hekk ma tevalwax il-kwistjonijiet ta’ mertu li jirrigwardaw kreditu li beda fuq il-bażi tal-imsemmi ftehim.

78      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Qorti Ġenerali, anki jekk tippreżumi li hija kompetenti sabiex tivverifika li l-kundizzjonijiet tat-tpaċija huma preżenti, għandha tikkunsidra li l-krediti li huma s-suġġett tat-tpaċija huma regolati minn ordinamenti ġuridiċi differenti.

79      Hija ssostni essenzjalment, li l-kreditu tal-Kummissjoni huwa realtà redatt mid-dritt internazzjonali, sitwazzjoni li l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni ma biddlitx.

80      Min-naħa l-oħra, il-bażijiet ġuridiċi tal-kreditu tar-Repubblika Ċeka fir-rigward tal-Kummissjoni, li jirrigwardaw il-ħlasijiet intermedjarji skont żewġ programmi operazzjonali ffinanzjati mill-fondi strutturali, huma l-Artikolu 161 KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999, tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31). Il-kreditu tar-Repubblika Ċeka huwa b’hekk irregolat mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

81      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs CCRE (C‑87/01 P, Ġabra p. I‑7617, punti 61 u 62), ikkunsidrat li t-tpaċija ta’ kreditu regolat mill-ordinamenti ġuridiċi differenti hija possibbli biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti miż-żewġ ordinamenti ġuridiċi huma rrispettati f’dan ir-rigward.

82      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-dritt internazzjonali ġenerali ma jipprovdix il-kundizzjonijiet, u lanqas il-possibbiltà ta’ tpaċija ta’ kreditu. Bl-istess mod, il-Ftehim Qafas tal-1996, il-protokolli finanzjarji u r-regoli l-oħra miftehma speċifikament bejn il-partijiet kontraenti, jew mibdula bl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, ma jipprovdux il-kundizzjonijiet, u lanqas il-possibbiltà, ta’ tpaċija ta’ kreditu. Il-kreditu tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Repubblika Ċeka b’hekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ tpaċija.

83      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kundizzjoni tar-reċiproċità prevista mill-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, ma tillimitax ruħha għall-identità biss tal-kreditu u tad-debitur. Skont din, hemm lok li tiġi kkunsidrata wkoll il-bażi ġuridika tal-kreditu mħallas.

84      Hija żżid li l-kundizzjoni tar-reċiproċità tissupponi wkoll li tiġi kkunsidrata ċ-ċirkustanza li ż-żewġ krediti mħallsa huma msemmija f’żewġ muniti differenti. Hija ma tikkontestax il-possibbiltà li tipproċedi bit-tpaċija ta’ krediti bħal dawn. Hija madankollu ssostni li regoli ċari għandhom jiġu pprovduti sabiex isseħħ il-konverżjoni tal-muniti inkwistjoni. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-każ preżenti.

85      Fir-rigward tan-natura ċerta tal-kreditu inkwistjoni, ir-Repubblika Ċeka ssostni li dan ġie kkreat fil-kuntest ta’ ftehim bejn il-partijiet. B’hekk, l-ebda waħda minn dawn ma setgħet timponi deċiżjoni fuq il-parti l-oħra għal dak li jirrigwarda d-disputi li jirriżultaw mir-relazzjoni inkwistjoni. Litiġju ta’ dan it-tip jista’ jiġi regolat biss minn ftehim tal-partijiet jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità independenti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ ipprovduta mill-Ftehim Qafas tal-1996.

86      Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni stabbiliet unilateralment l-eżistenza u l-ammont tal-kreditu inkwistjoni. Hija ssostni min-naħa l-oħra li, fil-kuntest tal-korrispondenza skambjata mal-Kummissjoni (ittri indirizzati lill-Kummissjoni fid-9 ta’ Lulju 2008 u dak tad-29 ta’ Lulju 2008), hija kkontestat il-metodu tal-istabbiliment tal-ammont tas-somma li għandha tiġi rrimborsata, kif ukoll il-metodi ta’ applikazzjoni tar-rati tal-kambju. Skont ir-Repubblika Ċeka, peress li kellhom bħala għan li tinstab soluzzjoni permezz ta’ ftehim għad-disputa, dan l-iskambju ta’ ittri kien konformi mal-Ftehim Qafas tal-1996. Ir-Repubblika Ċeka madankollu kienet imġiegħla tippreżenta r-rikors preżenti minħabba l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tad-deċiżjoni kkontestata.

87      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, peress li l-ammont tal-kreditu huwa kkontestat, il-kreditu inkwistjoni ma huwiex ċert u ma jistax ikun is-suġġett ta’ tpaċija.

88      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-irregolaritajiet li jirrigwardaw l-użu tar-riżorsi finanzjarji mogħtija lilha fil-kuntest tal-programm PHARE ma humiex stabbiliti b’mod definittiv. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tibbaża ruħha prinċipalment fuq il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kif ukoll fuq investigazzjonijiet li saru mill-OLAF, l-ebda waħda minn dawn l-investigazzjonijiet ma ġiet konkluża. Skont ir-Repubblika Ċeka, l-ammont finali tas-somma li hija jkollha tirrimborsa ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza assoluta, għall-inqas sakemm ikunu magħrufa r-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet differenti.

89      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 ma tammontax għal prova ta’ użu illegali tal-ammonti allokati. Ir-Repubblika Ċeka fil-fatt tikkunsidra li din l-ittra ma tippreċiżax il-motivi li għalihom it-tranżazzjonijiet inkwistjoni huma meqjusa bħala irregolari. Lanqas ma tagħti d-dettalji tar-riżorsi allokati li huma kkonċernati minn dawn l-irregolaritajiet. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet li saru mill-OLAF huma kontradittorji.

90      Fi kwalunkwe każ, skont ir-Repubblika Ċeka, il-konstatazzjoni eventwali ta’ reat ma jkunx determinanti sabiex jinftiehem il-mod li permezz tiegħu ir-riżorsi inkwistjoni intefqu u lanqas sabiex tiġi evalwata l-eżistenza u l-ammont tal-kreditu kontenzjuż.

91      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tas-somma totali li hija għandha tirrimborsa. Hija fil-fatt issostni li, espressa f’koruna Ċeka, l-imsemmija somma, tkun CZK 234 480 000, li tirrapreżenta 69.98 % tat-total tal-ħlasijiet li bbenefikaw ir-Regionální fondy, a.s., ir-Regionální podnikatelský fond, spol. s r.o., u ċ-Českomoravský podnikatelský fond, spol. s r.o., bejn il-5 ta’ Ottubru 1994 u t-2 ta’ Awwissu 1996, jiġifieri CZK 335 087 448.65. Hija ssostni li s-somma totali mitluba minnha f’Euro kellha xorta waħda tikkorrispondi għal 69.98 % mit-total tal-ħlasijiet inkwistjoni espressi f’Euro. It-total ta’ dawn il-ħlasijiet kien jitla’ għal EUR 9 839 490, l-ammont li kien ġie mitlub minnha kellu b’hekk ikun ta’ EUR 6 885 258.25. Issa, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni talbet ir-rimbors ta’ somma totali ta’ EUR 9 354 130.93. Skont ir-Repubblika Ċeka, il-metodu tal-kalkolu li hija tirrakkomanda, li huwa l-uniku possibbli, min-naħa l-oħra jinnewtralizza t-tibdil fir-rata ta’ kambju bejn il-koruna Ċeka u l-Euro.

92      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, meta hija kisbet l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni fis-snin 1994 sa 1996, ir-rata ta’ kambju dak iż-żmien kien f’marġni bejn CZK 33.00 u 35.00 għall-kull Euro. Issa, il-Kummissjoni, fil-kalkolu tagħha għar-rimbors inkwistjoni, użat ir-rata ta’ kambju attwali ta’ CZK 25.067 għall-kull Euro. Skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-approċċ ma jikkunsidrax is-sitwazzjoni ekonomika eżistenti fiż-żmien li fih l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni inkisbu u ġew użati. Billi tagħmel dan, ir-Repubblika Ċeka tirrimborsa t-tibdil tar-rata tal-kambju. Il-Kummissjoni teżiġi wkoll ir-rimbors tas-somom li l-valur tagħhom f’Euro jeċċedi dak li għandu jintalab f’koruna Ċeka. Il-Kummissjoni b’hekk tieħu vantaġġ inġust mit-tisħiħ tal-koruna Ċeka fir-rigward tal-Euro. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kklassifikata wkoll bħala arrikkiment indebitu favur l-Unjoni, peress li r-Repubblika Ċeka tkun obbligata tirrimborsa somma li teċċedi l-ammont tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni li hija effettivament kisbet. Din hija r-raġuni għaliex, skont ir-Repubblika Ċeka, l-uniku metodu li jippermetti li jiġi newtralizzat l-effett tat-tisħiħ tar-rata ta’ kambju CZK/Euro jikkonsisti, fl-ewwel lok, fil-kalkolu tal-parti tar-rimbors mitlub, espress f’koruna Ċeka, fir-rigward tat-total tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni miksuba għar-Regionální fondy, a.s., ir-Regionální podnikatelský fond, spol. s r.o., u ċ-Českomoravský podnikatelský fond, spol. s r.o., espressi wkoll f’koruna Ċeka, u, fit-tieni lok, li tiġi applikata din il-frazzjoni għas-somma espressa f’Euro korrispondenti għat-total tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni mogħtija lill-istess fondi.

93      Ir-Repubblika Ċeka fl-aħħar nett issostni li r-Regolament ta’ implementazzjoni ma huwiex applikabbli għar-rabtiet ġuridiċi li oriġinaw mill-Ftehim Qafas tal-1996, b’mod li ma jkunx legali li tiġi fondata r-rata ta’ kambju stabbilita fil-każ preżenti mill-Kummissjoni.

94      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)     Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni

95      Skont l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, mill-adeżjoni fl-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tat-trattati oriġinali u l-atti meħuda, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jorbtu lill-Istati Membri l-ġodda u huma applikabbli f’dawn l-Istati fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn it-trattati u mill-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

96      L-Artikolu 10 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni jippeċiża li l-applikazzjoni tat-trattati oriġinali u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet huma s-suġġett, b’mod tranżitorju, tad-dispożizzjonijiet ta’ deroga previsti mill-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

97      Mill-Artikoli 2 u 10 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni jirriżulta li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata u integrali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-konfront tal-Istati Membri l-ġodda, u li derogi kienu permessi biss sa fejn dawn ikunu espliċitament previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl, C‑233/97, Ġabra p. I‑8069, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      L-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, li jipprovdi li l-impenji globali baġitarji jsiru qabel l-adeżjoni taħt l-istrumenti finanzjarji ta’ għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni, inklużi l-konklużjoni u r-reġistrazzjoni ta’ impenji u pagamenti legali individwali sussegwenti li jsiru wara l-adeżjoni għandhom ikomplu jkunu regolati bir-regoli u r-regolamenti tal-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni u jitħallsu mill-kapitoli korrispondenti tal-baġit sa l-għeluq tal-programmi u l-proġetti inkwistjoni, li jidhru fit-Titolu I, li jitratta l-“Miżuri Transitorji”, tar-raba’ parti, li titratta d-“Dispożizzjonijiet Temporanji”, tal-att inkwistjoni.

99      L-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, fejn jipprovdi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni, għandu konsegwentement jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KappAhl, punt 97 iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    B’hekk jirriżulta li d-derogi għall-applikazzjoni immedjata u integrali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju għal dak li jirrigwarda l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programm PHARE pprovduti fl-Artikolu 33(1) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, huma ammessi biss, fuq il-bażi tal-Artikolu 33(2) tal-istess att, sa fejn huma pprovduti espressament minn dawn id-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

101    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni ma jipprovdix speċifikament għal eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 292 KE li jikkonsisti f’li l-metodi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim extraġudizzjarji pprovduti mill-Ftehim Qafas tal-1996 jkomplu japplikaw wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

102    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-metodi tas-soluzzjoni ta’ tilwim extraġudizzjarji pprovduti fil-Ftehim Qafas tal-1996 ma humiex applikabbli sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

103    L-argumentazzjoni tar-Repubblika Ċeka bil-għan li ssostni li l-organu ta’ arbitraġġ biss huwa abilitat li jikkonstata l-eżistenza ta’ kreditu fil-kuntest tal-kawża preżenti għandha konsegwentement tiġi miċħuda.

104    L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-argumenti tar-Repubblika Ċeka li skont dawn, l-att li hija indirizzat lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Mejju 2008 jammonta għall-ewwel stadju fil-proċedura ta’ negozjati pprovduta fil-Ftehim Qafas tal-1996. Peress li din il-proċedura ma hijiex applikabbli iktar sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 ma tammontax għall-ewwel stadju.

105    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka ma wrietx b’mod effettiv li la r-Regolament Finanzjarju u lanqas ir-Regolament ta’ implementazzjoni ma jiffurmaw parti mir-regoli u r-regolamenti tal-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni pprovduti fl-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

106    Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 274 KE, il-Kummissjoni teżegwixxi l-baġit b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti meħuda fl-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE.

107    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, għandu jingħata interpretazzjoni stretta peress li jipprovdi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni (ara punt 99 iktar ’il fuq). Konsegwentement, xi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, jiġifieri, fil-każ preżenti, għad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti meħuda fl-implementazzjoni tal-Artikolu 279 KE li jikkostitwixxu, b’mod partikolari, ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament ta’ implementazzjoni, huma ammessi biss sa fejn huma pprovduti speċifikament mid-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

108    B’hekk, fil-verifika jekk l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni jipprovdi għal eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għandu jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “regoli u r-regolamenti ta’ l-istrumenti finanzjarji ta’ qabel l-adeżjoni” ipprovdut minn din id-dispożizzjoni.

109    Għal dan il-għan, għandu jsir riferiment għall-kunċett ta’ “impenji globali fuq l-estimi [baġitarji]” ipprovdut fl-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, li jibqgħu, skont dawn, irregolati mill-imsemmija regoli u regolamenti.

110    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni ma jiddefinix il-kunċett ta’ impenji globali baġitarji.

111    Madankollu,l-eċċezzjonijiet pprovduti fl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni jagħmlu sens biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li għalihom jipprovdu eċċezzjoni.

112    Konsegwentement għandu jsir riferiment għad-dritt Komunitarju, u, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-qasam baġitarju, sabiex tippreċiża l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ impenji globali baġitarji huwa stabbilit fit-Taqsima 1, dwar l-impenji tal-ispejjeż tal-Kapitolu 6, dwar l-operazzjonijiet tan-nefqa, tat-Titolu IV, li jitratta l-implementazzjoni tal-baġit, tal-ewwel parti, dwar id-dispożizzjonijiet komuni, tar-Regolament Finanzjarju.

114    B’hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-impenn baġitarju jikkonsisti fl-operazzjoni li tirreżerva l-approprjazzjoni meħtieġa sabiex tkopri l-pagamenti sussegwenti sabiex ikun onorat impenn legali.

115    B’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 76(2) ta’ din ir-regolament, l-impenn baġitarju huwa globali meta għall-anqas wieħed mill-elementi meħtieġa biex ikun identifikat l-impenn individwali ma jkunx għadu magħruf.

116    Il-kunċett ta’ impenn baġitarju b’hekk ikopri operazzjonijiet tan-nefqa fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

117    Min-naħa l-oħra, il-kunċetti ta’ konstatazzjoni u ta’ rkupru tal-krediti, li fil-preżent huwa s-suġġett tal-kawża, jaqa’ taħt is-Sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu 5, dwar l-operazzjonijiet tal-introjtu, tat-Titolu IV tal-ewwel parti tar-Regolament Finanzjarju.

118    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, li għandu bħala suġġett li tiġi żgurata li jibqgħu jkunu disponibbli l-ispejjeż ipprovduti qabel l-adeżjoni fl-Unjoni fil-kuntest tal-impenji globali baġitarji li għadhom ma ġewx imwettqa integralment fl-adeżjoni, jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju dwar l-operazzjonijiet tan-nefqa.

119    Min-naħa l-oħra, ma għandhiex bħala suġġett li tidderoga għar-regoli tar-Regolament Finanzjarju dwar operazzjonijiet tal-introjtu.

120    Fi kliem ieħor, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni ma jeskludix speċifikament l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-introjtu. Dawn tal-aħħar huma rregolati mir-regolamenti inkwistjoni sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni.

121    Barra minn hekk, it-tpaċija pprovduta, bħala metodu tal-irkupru tal-krediti, mill-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll mill-Artikolu 81(1), u l-Artikolu 83 tar-regolament ta’ applikazzjoni, ma hijiex speċifikament eskluża mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din it-tranżazzjoni tal-introjtu hija applikabbli, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolamenti inkwistjoni, għall-krediti li jirriżultaw f’għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni taħt il-programm PHARE pprovdut mill-Artikolu 33(1) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni.

122    Konsegwentement għandu jiġi konkluż li l-konstatazzjoni u l-irkupru, inkluż fosthom permezz tat-tpaċija, ta’ kreditu dwar ir-rimbors ta’ fondi riċevuti mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-programm PHARE, għandhom isiru mill-Kummissjoni, li hija marbuta tapplika u tosserva għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

b)     Fuq l-osservanza tal-proċedura pprovduta għall-irkupru tal-krediti mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

123    Skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Finanzjarju, kull kreditu identifikat bħala ċert, likwidu u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet, segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.

124    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontijiet jipproċedi b’irkupru permezz tat-tpaċija u għall-kompetizzjoni debita tal-krediti tal-Unjoni fir-rigward ta’ kull debitur li jkun hu stess titolari ta’ kreditu ċert, likwidu u dovut fir-rigward tal-Unjoni.

125    B’mod konformi mal-Artikolu 78 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-konstatazzjoni ta’ kreditu mill-uffiċjal hija r-rikonoxximent tad-dritt tal-Komunitajiet fuq debitur u l-istabbiliment ta’ titolu li jippermetti li jintalab minn dan id-debitur il-ħlas ta’ dan id-dejn. Min-naħa l-oħra, l-ordni ta’ rkupru hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-uffiċjal awtorizzanti jagħti struzzjoni lill-uffiċjal tal-kontijiet sabiex jirkupra l-kreditu kkonstatat. Fl-aħħar nett, in-nota ta’ debitu, li hija mibgħuta mill-uffiċjal lid-debitur, tinforma lil dan li l-Unjoni kkonstatat il-kreditu, li interessi moratorji ma humiex dovuti jekk il-ħlas tad-dejn iseħħ qabel id-data ta’ limitu indikata u li, fin-nuqqas ta’ ħlas f’din l-istess data ta’ limitu, l-istituzzjoni tipproċedi bl-irkupru permezz tat-tpaċija jew permezz tal-implementazzjoni ta’ kull garanzija minn qabel.

126    Skont l-Artikolu 79 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, sabiex jikkonstata kreditu, l-uffiċjal awtorizzanti jiżgura b’mod partikolari l-karattru ċert tal-kreditu, li m’għadux ikun suġġett għal ebda kundizzjoni, tal-karattru likwidu tal-kreditu, fejn l-ammont irid ikun stabbilit fi flus u bi preċiżjoni, u tal-karattru eżiġibbli tal-kreditu, li m’għandux ikun suġġett għal terminu.

127    Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 83(1) u (2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li, meta d-debitur għandu pretensjoni fir-rigward tal-Unjoni ta’ kreditu ċert, likwidu u dovut fir-rigward ta’ somma stabbilita permezz ta’ ordni ta’ ħlas, l-uffiċjal tal-kontijiet, għandu, wara l-iskadenza ta’ limitu indikata fin-nota ta’ debitu, jipproċedi bl-irkupru permezz tat-tpaċija tal-kreditu kkonstatat, wara li jkun informa lid-debitur, meta dan huwa awtorità nazzjonali jew wieħed mill-entitajiet amministrattivi, dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrikorri għall-irkupru permezz tat-tpaċija, għall-inqas għaxart ijiem minn qabel.

128    Fi kliem ieħor, l-irkupru ta’ kreditu identifikat bħala ċert, likwidu u dovut, wara li dan ġie kkonstatat mill-uffiċjal awtorizzanti, b’hekk jipresupponi, min-naħa, ordni ta’ rkupru stabbilita minn dan u indirizzata lill-uffiċjal tal-kontijiet u, min-naħa l-oħra, nota ta’ debitu indirizzata lid-debitur.

129    L-uffiċjal tal-kontijiet huwa responsabbli tal-ordnijiet ta’ rkupru. Fis-sitwazzjoni fejn id-debitur stess huwa t-titolari ta’ kreditu ċert, likwidu u dovut fir-rigward tal-Unjoni, huwa wkoll għandu jipproċedi b’irkupru permezz tat-tpaċija.

130    Għandu jingħad li l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jipproċedi b’din it-tpaċija peress li d-debitur ma obdirx volontarjament.

 Fuq id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 u d-deċiżjoni kkontestata

131    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ċeka b’deċiżjoni dattata t-28 ta’ Mejju 2008 li skont din ir-Repubblika Ċeka kienet marbuta tirrimborsa s-somma ta’ CZK 234 480 000 minħabba, essenzjalment, miżapproprjazzjoni ta’ fondi mwettqa fil-ġestjoni ta ċerti fondi tal-programm PHARE.

132    Din id-deċiżjonu kienet akkumpanjata b’nota ta’ debitu.

133    Ma jistax jiġi kkontestat li d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 tammonta għal att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-Repubblika Ċeka billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, din id-deċiżjoni setgħet tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, b’mod konformi mal-Artikolu 230 KE.

134    Min-naħa l-oħra għandu jingħad li l-iskadenza tan-nota ta’ debitu kienet stabbilita għas-7 ta’ Awwissu 2008.

135    Issa, huwa stabbilit li, f’din id-data, ir-Repubblika Ċeka ma kinitx għamlet ir-rimbors tas-somma li kien ġie mitlub lilha.

136    Barra minn hekk, huwa stabbilit li r-Repubblika Ċeka ma kkontestat la d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 u lanqas in-nota ta’ debitu li takkompanjaha.

137    Konsegwentement, hija responsabbiltà tal-uffiċjal tal-kontijiet li jirkupra l-kreditu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni, applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 274 KE.

138    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ żewġ krediti li kellha r-Repubblika Ċeka fir-rigward tal-FSE, għal ammont totali ta’ EUR 10 814 475.41, fil-każ preżenti kienet responsabbiltà tal-uffiċjal tal-kontijiet li jirkupra permezz tat-tpaċija l-kreditu kkonstatat fid-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008, wara li avża lir-Repubblika Ċeka għall-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol bil-quddiem, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 83 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, ħaġa li saret fid-deċiżjoni kkontestata.

139    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-argumenti mressqa mir-Repubblika Ċeka fir-rigward tan-nuqqas tal-karattru reċiproku tal-krediti inkwistjoni u fir-rigward tan-nuqqas tan-natura ċerta tal-kreditu tal-Kummissjoni.

–       Fuq in-nuqqas ta’ karattru reċiproku tal-krediti

140    Għandu jitfakkar li r-Repubblika Ċeka essenzjalment tikkunsidra li kien biss l-organu ta’ arbitraġġ ipprovdut mill-Ftehim Qafas tal-1996 li kellu d-dritt jistabbilixxi l-ammont tal-kreditu li kellha eventwalment tagħti lill-Unjoni. Skont ir-Repubblika Ċeka, dan l-organu ta’ arbitraġġ kien fil-fatt kompetenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-att ta’ adeżjoni sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwim li jirrigwarda l-impenji baġitarji li jaqgħu taħt il-Ftehim Qafas tal-1996. Hija tikkunsidra li l-kreditu li għandha l-Kummissjoni fir-realtà jaqa’ taħt l-ordinament ġuridiku internazzjonali u mhux l-ordinament ġuridiku Komunitarju. Konsegwentement, il-krediti inkwistjoni jaqgħu taħt żewġ ordinamenti ġuridiċi distinti, li jeħtieġu, skont il-ġurisprudenza, li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti miż-żewġ ordinamenti ġuridiċi huma sodisfatti (sentenza Il-Kummissjoni vs CCRE, punt 81 iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62). Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti fil-każ preżenti sa fejn, skont ir-Repubblika Ċeka minn naħa, id-dritt internazzjonali pubbliku ma jirrikonoxxix it-tpaċija u fejn, min-naħa l-oħra, il-Ftehim Qafas tal-1996, fejn id-dispożizzjonijiet bażiċi tiegħu jibqgħu applikabbli skont l-Artikolu 33(2) tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni, ma jipprovdix għalihom. Il-kundizzjoni tar-reċiproċità b’hekk ma hijiex sodisfatta.

141    Madankollu għandu jitakkar li l-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ipprovdut fil-Ftehim Qafas tal-1996 ma kienx applikabbli iktar mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni Ewropea (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

142    Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li r-Regolament Finanzjarju u r-Regolament ta’ implementazzjoni kienu applikabbli għall-operazzjonijiet tal-introjtu sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni (ara l-punti 120 u 121 iktar ’il fuq).

143    B’hekk jirriżulta li t-tpaċija kellha tiġi applikata mill-uffiċjal tal-kontijiet għall-krediti li jirriżultaw mill-finanzjamenti allokati fil-kuntest tal-programm PHARE, fil-kundizzjonijiet pprovduti mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni, wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni Ewropea meta l-kundizzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward mir-Regolament Finanzjarju huma sodisfatti, peress li n-natura Komunitarja jew internazzjonali tal-kreditu miżmum mill-Kummissjoni hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

144    Konsegwentement, l-argumenti tar-Repubblika Ċeka bil-għan li jsostnu, minn naħa, li l-ftehim ta’ qabel l-adeżjoni ma jipprovdix għat-tpaċija u, min-naħa l-oħra, li t-tpaċija ma hijiex rikonoxxuta mid-dritt internazzjonali, ċirkustanza li tipprevjenu t-tpaċija milli sseħħ peress li l-krediti jappartjenu għal ordinamenti ġuridiċi distinti, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq in-natura ċerta u likwida tal-kreditu tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Repubblika Ċeka

145    Għandu jitfakkar li r-Repubblika Ċeka tikkunsidra, essenzjalment, li n-natura ċerta tal-kreditu tal-Kummissjoni huwa difettuż, l-ewwel nett, minħabba l-karattru kuntrattwali tal-kuntest li fih jaqgħu r-relazzjonijiet bejn il-partijiet u tan-neċessità li jsir rikors għal organu indipendenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ f’każ ta’ disputi bejniethom, fit-tieni lok, minħabba n-nuqqas ta’ qbil tar-Repubblika Ċeka fuq il-metodu tal-istabbiliment tal-kreditu u fuq ir-rata ta’ kambju applikat, u, fit-tielet lok, minħabba l-fatt li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit l-ammont li allegatament intuża b’mod indebitu u li għandu jiġi rrimborsat sakemm jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-OLAF.

146    Mill-Artikolu 79(a) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li kreditu ma jkunx ikkunsidrat bħala ċert jekk huwa suġġett għal xi kundizzjoni.

147    Issa, ir-Repubblika Ċeka ma ssostnix li l-kreditu tal-Kummissjoni kien suġġett għal xi kundizzjoni. Fil-fatt hija tillimita ruħha li tallega li hija tikkontesta l-ammont. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kreditu ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni.

148    B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kreditu huwa ċert fis-sens tal-Artikolu 79(a) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

149    Sussegwentement, huwa stabbilit li l-ammont tal-kreditu huwa stabbilit permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008, li ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Ċeka.

150    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-kreditu huwa likwidu fis-sens tal-Artikolu 79(b) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

151    Fl-aħħar nett, huwa stabbilit li l-kreditu ma huwiex suġġett għal terminu u b’hekk huwa dovut.

152    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 79 tar-Regolament ta’ implementazzjoni seħħew għal dak li jirrigwarda l-kreditu tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm tpaċija mill-uffiċjal tal-kontijiet.

153    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonstestata mill-argumenti mressqa mir-Repubblika Ċeka insostenn tat-tieni motiv tagħha.

154    L-allegata inkompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-kreditu u l-allegata kompetenza tal-organu ta’ arbitraġġ sabiex tagħmel dan, s’issa ġew skartati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv. Il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ipprovdut fil-Ftehim Qafas tal-1996 ma kienx applikabbli iktar sa mill-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka għall-Unjoni (ara l-punt 102 iktar ’il fuq).

155    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kreditu jkun ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-ammont tiegħu, ir-Repubblika Ċeka tikkritika l-metodu ta’ determinazzjoni tiegħu, ir-rata ta’ kambju applikat u l-fatt li l-Kummissjoni ma stennitx sabiex tiffissa dan l-ammont ta’ għeluq tal-investigazzjonijiet fis-seħħ, ma huwiex ta’ natura li jneħħi n-natura ċerta u likwida tiegħu u ma jipprekludix it-tpaċija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerala tas-17 ta’ Jannar 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑231/04, Ġabra p. II‑63, punt 118).

156    Fil-fatt, l-ammont tal-kreditu ġie stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Mejju 2008, li, peress li ma ġietx ikkontestata fit-terminu ta’ appell, saret definittiva. B’hekk jirriżulta li l-ammont tal-kreditu li hija tiddetermina ma jkunx ikkontestat fil-kuntest tar-rikors preżenti.

157    Bħala konklużjoni, kemm l-ewwel motiv kif ukoll it-tieni motiv għadhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

158    Ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkontjeni l-ebda motivazzjoni. Ir-rinviju għar-Regolament Finanzjarju ma jkunx suffiċjenti f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, in-neċessità ta’ motivazzjoni dettaljata tinħass iktar f’każijiet fejn id-deċiżjoni tikkonċerna l-fatti tekniċi jew kumplessi. Fil-fatt, id-destinatarji ta’ dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu jafu b’mod ċar fuq liema ċirkustanzi l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari meta d-deċiżjonijiet inkwistjoni jsarrfu f’konsegwenzi finanzjarji gravi għall-Istati Membri.

159    Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li din ma ġietx modifikata bl-ebda mod miċ-ċirkustanza li l-motivazzjoni tidher parzjalment fil-korrispondenza informali preċedenti skambjata mal-Kummissjoni. Mill-perspettiva taċ-ċertezza legali jew ta’ kundizzjonijiet stabbiliti bil-motivazzjoni tal-atti mill-ġurisprudenza, motivazzjoni bħal din ma hijiex suffiċjenti.

160    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka ssostni min-naħa, li l-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ d-domanda tagħha ta’ komunikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-OLAF li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċirkustanza li hija kienet taf dwar il-kuntest ta’ din l-adozzjoni fiha nnifisha ma tammontax għal motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni inkwistjoni.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

162    Għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fl-Artikolu 253 KE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerala tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punti 138 sa 140, u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141, u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    Għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija, il-motivazzjoni meħtieġa għandha tippermetti li jiġi identifikat bi preċiżjoni l-krediti li huma kkumpensati, mingħajr ma jista’ jkun meħtieġ li l-motivazzjoni adottata inizjalment insostenn tal-konstatazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-krediti tkun irrepetuta fid-deċiżjoni tat-tpaċija.

165    Fil-każ preżenti, huwa stabbilit li l-bażi tad-deċiżjoni ta’ tpaċija hija d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008, li ġiet rikonoxxuta mir-Repubblika Ċeka fis-seduta.

166    Issa, id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 tinkludi motivazzjoni partikolarment dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni titlob lir-Repubblika Ċeka ir-rimbors ta’ ammont ta’ CZK 234 480 000.

167    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika li r-Repubblika Ċeka għandha żewġ krediti fir-rigward tal-FSE u li, fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ ammont imsemmi fin-nota ta’ debitu li takkompanja d-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 fit-terminu impost, l-uffiċjal tal-kontijiet huwa marbut, f’dawn il-kundizzjonijiet, li jipproċedi bit-tpaċija skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju.

168    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-att li jikkawża preġudizzju seħħ f’kuntest magħruf mir-Repubblika Ċeka, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha, peress li r-Repubblika Ċeka kienet fil-fatt taf ir-raġunijiet li għalihom l-uffiċjal tal-kontijiet iddeċieda jopera tpaċija fir-rigward tal-krediti reċiproċi eżistenti bejn il-partijiet.

169    B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata u li l-motiv ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni għandu, konsegwentement, ikun miċħud.

170    Bħala konklużjoni, hemm lok li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

171    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li tiġi kkundannat tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ April 2011.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  It-Trattat KE

B –  Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni

C –  Ftehim Qafas bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Ċeka għall-programm ta’ għajnuna tal-Komunità Ewropea

D –  Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati

E –  Regolament (KE)Nru 1266/1999

F –  Ir-Regolament Finanzjarju

G –  Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq bażi ġuridika żbaljata, u fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjonijiet iffissati għat-tpaċija mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament ta’ implementazzjoni

b)  Fuq l-osservanza tal-proċedura pprovduta għall-irkupru tal-krediti mir-Regolament Finanzjarju u mir-Regolament ta’ implementazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2008 u d-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq in-nuqqas ta’ karattru reċiproku tal-krediti

–  Fuq in-natura ċerta u likwida tal-kreditu tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Repubblika Ċeka

B –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.