Language of document : ECLI:EU:C:2016:65

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2016 (1)

Kawża C‑122/15

C

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja)]

“Leġiżlazzjoni fiskali – Leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul – Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2000/78/KE – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjoni tax-xjuħija”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża taf tiftaħ kapitolu ġdid dwar l-influwenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri fil-qasam tal-intaxxar tad-dħul. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun qed tiddeċiedi dwar ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mill-qorti amministrattiva suprema tal-Finlandja, hija għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni essenzjali jekk il-projbizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni dwar diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tapplikax ukoll għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul.

2.        Persuna taxxabbli Finlandiża suġġetta għal taxxa addizzjonali fil-Finlandja, li hija imposta biss fuq id-dħul minn pensjoni tax-xjuħija, invokat fil-fatt din il-projbizzjoni. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, prevista mid-dritt tal-Unjoni u rregolata mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn direttiva, hija prinċipju applikabbli f’tali ċirkustanzi, u fl-affermattiv, tipprekludi Stat Membru milli jipprevedi livell ogħla ta’ ntaxxar tad-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija?

3.        Kawża oħra dwar l-applikabbiltà, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, tal-projbizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija attwalment wkoll pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (2). Minkejja li din il-kawża Olandiża tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali differenti dwar it-taxxa fuq id-dħul, madankollu din iċ-ċirkustanza tenfasizza l-importanza tad-direzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu f’din il-kawża.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adottata fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (3) (iktar ’il quddiem il-“Karta”), jiddisponi b’mod partikolari kif ġej:

“(1)      Kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] l-età,[…] għandha tkun projbita.”

5.        L-Artikolu 51(1) tal-Karta jistabbilixxi fir-rigward tal-“Kamp ta’ applikazzjoni”:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi […] għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. […]”

6.        L-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kif emendat bit-Trattat ta’ Amsterdam (4) (iktar ’il quddiem it-“Trattat KE”), li sar l-Artikolu 19 TFUE (5), jawtorizza lill-Kunsill jieħu l-miżuri li ġejjin:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattati u fil-limiti tal-poteri mogħtija minnu lill-Unjoni, il-Kunsill, […] jista’ jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq […] l-età […]”

7.        Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (6) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78”), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE.

8.        Fir-rigward ta’ “Il-kamp ta’ applikazzjoni” tad-Direttiva 2000/78, l-Artikolu 3 tagħha jistabbilixxi li:

“(1)      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

(2)      […]

(3)      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

9.        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 jiddisponi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)      kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

[…]”

10.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(1)      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1.

(2)      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom […] età partikolari, […] fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-disposizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament ġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      […]

[…]”

11.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, li għalih jirreferi l-Artikolu 2(1), jistabbilixxi b’mod partikolari dan li ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ […] età […] f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

12.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jiddisponi kif ġej:

“(1)      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

13.      Fil-Finlandja, it-taxxa fuq id-dħul hija imposta konformement mal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul (tuloverolaki). Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2013, kif emendata bil-liġi li temenda l-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (laki tuloverolain muuttamisesta – 785/2012), din il-liġi tipprevedi fl-ewwel u fir-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124, taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjoni tax-xjuħija.

14.      It-taxxa addizzjonali hija ta’ 6 % tal-parti mid-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija li, wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet, jaqbżu EUR 45 000. Din it-taxxa addizzjonali għandha titħallas flimkien mat-taxxa dovuta fir-rigward ta’ dan id-dħul bl-applikazzjoni tal-iskeda ġenerali progressiva tat-taxxa fuq id-dħul.

III – Il-kawża prinċipali

15.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda d-determinazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ C (iktar ’il quddiem il-“persuna taxxabbli”) għall-perijodu ta’ ntaxxar li jikkorrispondi għas-sena 2013.

16.      Il-persuna taxxabbli hija ċittadin Finlandiż li tgħix fil-Finlandja. Fl-2013, din il-persuna ddisponiet minn dħul ta’ madwar EUR 460 000 minn pensjoni tax-xjuħija li tħallset lilha minn kumpannija Finlandiża. L-ammont tal-pensjoni tagħha ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-aħħar għaxar snin ta’ attività tagħha. Matul dan il-perijodu, il-persuna taxxabbli ħadmet għal kumpannija Svediża, kemm fl-Isvezja kif ukoll fil-Finlandja. Il-pensjoni tal-persuna taxxabbli kienet parzjalment iffinanzjata minn fond tal-pensjoni tal-persuna li timpjega.

17.      L-awtorità tat-taxxa Finlandiżi ħadu t-taxxa addizzjonali ta’ 6 % mid-dħul tal-persuna taxxabbli minn pensjoni tax-xjuħija, konformement mal-ewwel u mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 124 tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul. Il-persuna taxxabbli ppreżentat rikors kontra l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa billi, fil-fehma tagħha, it-taxxa addizzjonali tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita bbażata fuq l-età.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Il-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema tal-Finlandja), li sadanittant kienet adita bil-kawża, tikkunsidra li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija determinanti sabiex tingħata soluzzjoni lil din il-kawża u fl-10 ta’ Marzu 2015, hija għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin, konformement mal-Artikolu 267 TFUE:

1.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax‑xjuħija, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li d-dispożizzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba l-età li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli f’dan il-każ?

2.      Jekk tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2000/78/KE u l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, li abbażi tagħha d-dħul minn pensjoni tax-xjuħija ta’ persuna fiżika, li l-ħlas tagħha huwa marbut tal-inqas indirettament mal-età, jagħti lok f’ċerti sitwazzjonijiet għal taxxa fuq id-dħul ogħla minn dik li tkun dovuta fuq dħul salarjali ta’ livell ekwivalenti?

3.      Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ċċitati iktar ’il fuq jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħat-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din it-taxxa addizzjonali tista’ madankollu titqies li hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-għan tagħha, b’mod partikolari minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-għan iddikjarat fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul huwa li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni tintuża sabiex jinġabar dħul mit-taxxa mingħand il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tax-xjuħija li jkollhom il-kapaċità li jikkontribwixxu, li jitnaqqsu d-differenzi fil-livell ta’ tassazzjoni bejn il-pensjonijiet tax-xjuħija u s-salarji u li jittejbu l-inċentivi għall-persuni anzjani sabiex ikomplu bl-attività professjonali tagħhom?

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub fuq dawn id-domandi kienu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-persuna taxxabbli, mill-Irlanda, mir-Repubblika Portugiża, mir-Repubblika tal-Finlandja, mir-Renju tal-Isvezja u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-persuna taxxabbli, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015.

V –    Analiżi ġuridika

20.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-Direttiva 2000/78 jew l-Artikolu 21(1) tal-Karta humiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

21.      Fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiffissa l-ammont tar-rata tat-taxxa applikabbli għad-dħul minn pensjoni tax-xjuħija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (ara taħt A) jew tal-Karta (ara taħt B). Għalhekk, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

A –    Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78

22.      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (7), kif prevista mid-dritt tal-Unjoni u li tirriżulta mill-Karta jew mill-prinċipji ġenerali (8), li, konformement mal-Artikolu 6(3) TUE (9), huma parti mid-dritt tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom għalhekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2000/78 meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (10).

23.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ġie ddefinit fl-Artikolu 3 tagħha. F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-impożizzjoni tad-dħul minn pensjoni tax-xjuħija b’konnessjoni ma’ impjieg eżerċitat qabel jaqax taħt il-paragrafu 1(ċ) ta’ din id-dispożizzjoni. Din tipprevedi li d-Direttiva tapplika għall-persuni kollha “f’dak li jirrigwarda[…] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi […] paga”.

24.      Konsegwentement, hemm żewġ kwistjonijiet li jqumu: il-pensjoni li l-persuna taxxabbli tirċievi f’din il-kawża hija, l-ewwel nett, “remunerazzjoni” u, t-tieni nett, l-intaxxar ta’ din il-pensjoni għandha titqies li hija leġiżlazzjoni dwar ir-remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78?

1.      Il-pensjoni tax-xjuħija kkunsidrata bħala remunerazzjoni

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huwa ddefinit fid-dawl tal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, li tieħu spunt mill-Artikolu 157 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 141 KE) li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fir-remunerazzjoni bejn ħaddiema rġiel u nisa. Fl-istess waqt, hija wkoll ikkunsidrata r-restrizzjoni prevista fl-Artikolu 3(3), li tgħid li d-Direttiva 2000/78 ma tapplikax għall-ħlasijiet imwettqa mill-iskemi pubbliċi (11).

26.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(2) TFUE jiddefinixxi bħala “paga [remunerazzjoni]” b’mod partikolari “kwalunkwe remunerazzjoni oħra, […] li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, […] minngħand min iħaddmu”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat din id-definizzjoni fis-sens li tinkludi l-benefiċċji kollha attwali u futuri sakemm huma mħallsa, għalkemm indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem minħabba fl-impjieg ta’ dan tal-aħħar (12). Għalhekk, benefiċċji mħallsa wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg ukoll jistgħu għalhekk jiġu inklużi (13).

27.      Fi kwalunkwe każ, peress li l-persuna li timpjega tħallas benefiċċji minn fond ta’ pensjoni tal-kumpannija tagħha stess, hekk kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma ssodisfatti. Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 li l-ammissibbiltà għall-benefiċċji tal-pensjoni mħallsa mill-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

28.      L-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’ċertezza sa fejn l-elementi l-oħra li jikkostitwixxu l-pensjoni tax-xjuħija tal-persuna taxxabbli jaqgħux ukoll taħt il-kunċett ta’ remunerazzjoni fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(2) TFUE. Għalhekk, skont il-każ, huwa għall-qorti tar-rinviju li teżamina hija stess din il-kwistjoni.

29.      Għall-eżami tad-domanda preliminari, madankollu għandu jitfakkar li l-pensjoni tax-xjuħija rċevuta f’dan il-każ mill-persuna taxxabbli hija, għall-inqas parzjalment, remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

2.      L-intaxxar tar-remunerazzjoni

30.      Għalhekk, tqum il-kwistjoni kruċjali dwar jekk l-intaxxar ta’ din ir-remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ), jaqax ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

a)      Formulazzjoni

31.      Din id-dispożizzjoni hija fformulata, għall-inqas fil-verżjoni Ġermaniża, b’mod wiesa’. Konformement mal-Artikolu 16(a), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ), l-Istati Membri għandhom iħassru l-liġijiet diskriminatorji kollha “f’dak li jirrigwarda”, b’mod partikolari, ir-remunerazzjoni (14). Dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta din ir-remunerazzjoni għat-taxxa mal-ewwel tindika rabta bħal din.

b)      Paragun ma’ regoli oħra ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni

32.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jipprevedu regoli ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-intaxxar tar-remunerazzjoni.

33.      L-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi għalhekk it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tar-remunerazzjoni jkun ineffettiv jekk jista’ jiddgħajjef minn dispożizzjonijiet nazzjonali diskriminatorji fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul (15). Din l-estensjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward tal-intaxxar tar-remunerazzjoni huwa ċertament sostnut minn dispożizzjoni espressa fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 (16), iżda, skont il-ġurisprudenza, jidher li dan jirriżulta wkoll direttament mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “paga [remunerazzjoni]” msemmi fl-Artikolu 45(2) TFUE (17).

34.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq is-sess, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat ukoll interpretazzjoni li l-kundizzjonijiet tax-xogħol jinkludu wkoll intaxxar tal-attività. Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tad‑Direttiva 76/207/KEE (18), li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, hija ddeċidiet li sistema fiskali nazzjonali li tagħti benefiċċji fiskali differenti għal allowances imħallsa fil-kuntest tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg hija parti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija, li taħthom l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (19).

c)      Is-sinjifikat u l-iskop

35.      L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għall-intaxxar tar-remunerazzjoni tista’ sservi wkoll bis-sħiħ l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

36.      Id-Direttiva ma tipprevedix il-projbizzjoni ta’ diversi tipi ta’ diskriminazzjoni biss bħala valur intrinsiku (20), li jikkontribwixxi l-iktar għall-ugwaljanza fl-opportunitajiet, għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali, kif ukoll għall-iżvilupp personali (21). Barra minn hekk, ir-regoli ta’ nondiskriminazzjoni previsti fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78 huma intiżi sabiex jiġi evitat li jinkisru ċerti għanijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari livell ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali għolja, ir-riabilitazzjoni tal-livell tal-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni ekonomika u soċjali, is-solidarjetà u l-moviment liberu tal-persuni (22).

37.      Taxxa diskriminatorja fuq ir-remunerazzjoni tista’ wkoll taffettwa dawn l-għanijiet. Fil-fatt, il-parti tar-remunerazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar jiddisponi minnha l-ħaddiem tiddependi, b’mod deċiżiv, fuq l-intaxxar ta’ din ir-remunerazzjoni.

d)      Limitazzjoni għall-kompetenzi tal-Komunità

38.      Madankollu, l-Artikolu 3(1), li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jinkludi mill-ewwel restrizzjoni li tipprevedi li d-Direttiva tapplika biss “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità”. Din ir‑restrizzjoni hija bbażata fuq limitu ekwivalenti li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tad-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 13 KE.

39.      Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jestendi lil hinn mill-kompetenzi tal-Komunità. Minħabba f’din ir-restrizzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-intaxxar tal-pensjonijiet taqax taħt il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità u issa lill-Unjoni.

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni mill-ġdid, f’ġurisprudenza stabbilita, li t-tassazzjoni diretta – li tinkludi wkoll taxxa fuq id-dħul imposta b’mod partikolari fuq pensjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża – taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri (23).

41.      Madankollu, dan ma huwiex kompletament eżatt.

–       Kompetenzi speċifiċi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

42.      F’partijiet differenti tat-trattat kollu jinsabu serje ta’ dispożizzjonijiet li taw ukoll lill-Komunità ċerti kompetenzi speċifiċi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

43.      Għalhekk, kien hemm, pereżempju, fil-kuntest tal-politika fil-qasam tal-ambjent, previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 175(2) KE [li sar l-Artikolu 192(2)(a) TFUE], kompetenza leġiżlattiva tal-Komunità għal “dispożizzjonijiet essenzjalment ta’ natura fiskali” li tinkludi wkoll it-tassazzjoni diretta. Dan issa japplika wkoll għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 194(3) TFUE.

44.      Dawn il-kompetenzi, kif ukoll il-kompetenzi speċifiċi l-oħra tal-Komunità jew tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (24), madankollu, ma humiex rilevanti f’din il-kawża peress li l-ebda waħda minnhom ma tagħti kompetenza ġenerali sabiex jiġu adottati atti fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, u b’mod partikolari mhux f’dak li jikkonċerna l-ammont tar-rata ta’ taxxa, applikabbli b’mod ġenerali (25). Għalhekk, is-sitwazzjoni hija differenti minn dik applikabbli għal taxxi indiretti, li għalihom l-Artikolu 93 KE (li sar l-Artikolu 113 TFUE) jipprevedi kompetenza ġenerali tal-Komunità, u din hija differenti wkoll minn dik prevalenti għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali li, konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 137(3) KE [li sar l-Artikolu 153(1)(c) TFUE], jaqgħu taħt il-kompetenza ġenerali tal-Komunità fil-qasam tas-sigurtà soċjali (26).

–       Kompetenza ġenerali marbuta mas-suq intern

45.      Minbarra l-kompetenzi speċifiċi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, imsemmija qabel, madankollu, il-Komunità tista’ wkoll tadotta, konformement mal-Artikolu 94 KE (li sar l-Artikolu 115 TFUE), direttivi fl-oqsma ġuridiċi kollha li “direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern”. Numru ta’ direttivi li jirregolaw ċerti aspetti tat-tassazzjoni diretta tal-Istati Membri, iżda madankollu mhux l-intaxxar tal-pensjonijiet tax-xjuħija, kienu saħansitra ġew adottati fuq din il-bażi (27).

46.      Madankollu, sakemm l-intaxxar, mill-Istati Membri, tad-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija kellu, fis-sens tal-Artikolu 94 KE, inċidenza diretta fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-Komunità setgħat ukoll tadotta direttivi f’dan il-qasam. It-tassazzjoni tal-pensjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjonijiet transkonfinali tkun partikolarment suxxettibbli li jkollha tali effett. Barra minn hekk, miżuri intiżi għal armonizzazzjoni ikbar tal-metodu ta’ ntaxxar tal-pensjonijiet setgħu eventwalment jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 94 KE sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni identiċi.

47.      Madankollu, nemmen li l-kompetenza leġiżlattiva tal-Komunità fil-kuntest tas-suq komuni, imsemmija fl-Artikolu 94 KE, ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex wieħed jista’ jitkellem dwar kompetenza tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 13 KE u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78.

48.      Fil-fatt, l-Artikolu 94 KE potenzjalment jinkludi l-oqsma kollha tad-dritt. Konsegwentement, jekk nikkunsidraw li l-Artikolu 94 KE huwa bażi suffiċjenti għall-kompetenza tal-Komunità fil-kuntest tal-Artikolu 13 KE, l-Unjoni tista’ tadotta regoli ta’ nondiskriminazzjoni wkoll fl-oqsma kollha tad-dritt. Madankollu, dan iċaħħad mill-preċiżjoni komplementari li tinsab fl-Artikolu 13 KE u fl-Artikolu 19(1) TFUE, “fil-limiti tal-poteri mogħtija [mit-Trattati] lill-Unjoni” mill-effettività tagħha, għaliex din il-preċiżjoni komplementari ma tipproduċi l-ebda effett.

49.      Il-ġurisprudenza tagħna diġà tinkludi wkoll elementi favur interpretazzjoni tal-Artikolu 13 KE li, f’dan ir-rigward, tikkunsidra l-Artikolu 94 KE biss b’mod limitat bħala kompetenza tal-Komunità.

50.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fis-sentenza Specht jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 imurx lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, peress li l-Artikolu 153(5) TFUE [li kien l-Artikolu 137(6) KE] jeskludi r-remunerazzjonijiet mill-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali (28). Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, ma kkunsidratx fil-kuntest tal-motivazzjoni tas-sentenza jekk il-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 153(5) TFUE, hijiex kompletament nieqsa minn effett fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (29), peress li għall-oqsma tad-dritt esklużi fil-kuntest tal-politika soċjali, kompetenza tal-Unjoni tista’ tirriżulta, kif kulħadd jaf, mill-kompetenzi marbuta mas-suq intern, imsemmija fl-Artikoli 114 u 115 TFUE (li kienu l-Artikoli 95 u 94 KE).

51.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet reċentement adita fil-kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria b’kwistjoni komparabbli dwar il-kwistjoni kif il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43/KE (30) għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kompetenzi tal-Komunità. Fil-motivazzjoni tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kien hemm l-ebda dubju dwar din il-kompetenza f’din il-kawża peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, adottati b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kompetenza marbuta mas-suq intern, prevista fl-Artikolu 95 KE (li sar l-Artikolu 114 TFUE), kienet diġà teżisti fil-qasam ġuridiku inkwistjoni (31). Għalhekk jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx f’dan ir-rigward bħala deċiżiva l-kwistjoni jekk kompetenza tal‑Komunità jew tal-Unjoni bbażata fuq kompetenza marbuta mas-suq intern kinitx teżisti b’mod teoretiku, iżda bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk din il-kompetenza kinitx konkretament eżerċitata minn atti ġuridiċi.

52.      Nikkunsidra li dan l-approċċ huwa wkoll adattat fir-rigward tal-kompetenza marbuta mas-suq intern, previst fl-Artikolu 94 KE (li sar l-Artikolu 115 TFUE). Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-kompetenza tal-Komunità jew tal-Unjoni taf, f’termini ta’ kontenut, ftit limitazzjonijiet. Numru kunsiderevoli ta’ oqsma ġuridiċi huma suxxettibbli li jkollhom impatt dirett fuq is-suq intern. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ tali impatt għandu jkun limitat, fil-parti kbira, għall-prerogattiva ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur. Dan l-ambitu materjali tal-kompetenza marbut mas-suq intern, previst fl-Artikolu 94 KE, huwa madankollu limitat għar-rekwiżit ta’ unanimità fil-Kunsill. L-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, jistgħu għalhekk jirregolaw parzjalment oqsma tad-dritt li ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-Artikolu 13 KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE), il-kompetenza marbuta mas-suq intern ma hijiex madankollu suxxettibbli li tkun limitata b’mod adegwat mir-rekwiżit ta’ unanimità. Konsegwentement, il-kompetenza tal-Komunità tista’ għalhekk tkun permessa biss taħt l-Artikolu 94 KE jekk il-Kunsill ikun diġà adotta miżuri fuq din il-bażi f’qasam ġuridiku partikolari.

53.      Madankollu, peress li ebda direttiva dwar it-tassazzjoni tal-pensjonijiet ma kienet teżisti meta d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata u lanqas ma teżisti fil-preżent, l-intaxxar tal-pensjonijiet fl-ebda każ ma jagħmel parti mill-kompetenzi mogħtija lill-Komunità fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma jestendix għall-intaxxar tal-pensjonijiet.

e)      Ir-rieda tal-leġiżlatur

54.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta adotta d-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jipprevedi regoli ta’ nondiskriminazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, anki jekk, konformement mal-Artikolu 13 KE, huwa kien awtorizzat.

55.      L-ewwel nett, dan diġà ġie espress f’forma embrijonika fit-titolu tad-Direttiva 2000/78, li jipprovdi li din id-direttiva tkopri diskriminazzjoni biss “f’dak li għandu x’jaqsam” mal-impjieg u max-xogħol.

56.      It-tieni nett, l-ebda wieħed mis-37 premessa ma tinkludi xi indikazzjoni fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tkopri wkoll il-qasam tat-tassazzjoni fl-Istati Membri. Diffiċilment it-testi kienu jibqgħu siekta jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni effettivament kellu l-intenzjoni li permezz tal-adozzjoni tad-direttiva jkun hemm tali konsegwenzi kbar fuq it-tassazzjoni diretta tal-Istati Membri.

57.      It-tielet nett, lanqas l-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw mal-proposta għal Direttiva ma jinkludu referenza għat-tassazzjoni. Sa fejn il-Kummissjoni ssemmi l-kompetenzi tal-Komunità, dawn huma biss kompetenzi fil-kuntest tal-politika soċjali, previsti taħt l-Artikolu 137 KE (li sar l-Artikolu 153 TFUE) (32).

58.      Ir-raba’ nett, il-Kumitat dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, tal-Ġustizzja u tal-Intern tal-Parlament Ewropew, ippropona fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva li jinkludi wkoll l-intaxxar ta’ persuni fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta (33). Madankollu, l-emenda inkwistjoni la ma ġiet ikkunsidrata mill-kumitat kompetenti, jiġifieri l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (34), u lanqas mis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew (35) fl-opinjonijiet rispettivi tagħhom għall-proposta għal Direttiva.

f)      Konklużjoni

59.      Id-Direttiva 2000/78 ma tapplikax f’dan il-każ għall-intaxxar tad-dħul ibbażat fuq il-pensjonijiet tax-xjuħija.

B –    Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta

60.      Għaldaqstant, jekk id-Direttiva 2000/78 ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tqum madankollu l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwiex direttament applikabbli. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw dan il-prinċipju wkoll f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, sa kemm il-Karta hija intiża li tapplika taħt l-Artikolu 51 tagħha.

61.      Meta tkun “qed [timplimenta] il-liġi ta’ l-Unjoni”, ir-Repubblika tal-Finlandja hija marbuta li tosserva, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-projbizzjoni, prevista minn din liġi, tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-formulazzjoni tfisser li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma maħsuba sabiex jiġu applikati fis‑sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn sitwazzjonijiet bħal dawn (36).

62.      Konformement għas-sentenza Pfleger, is-sitwazzjonijiet li fihom leġiżlazzjoni nazzjonali x’aktarx li tfixkel l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat huma wkoll parti mis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni. Stat Membru jista’ biss jiġġustifika tali ostakolu jekk jirrispetta fl-istess ħin id-drittijiet fundamentali tal-Karta (37).

63.      F’dan il-każ, l-intaxxar tal-pensjoni tax-xjuħija rċevuta mill-persuna taxxabbli tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal libertà fundamentali u għalhekk il-Karta għandha tiġi applikata. Fil-fatt, il-pensjoni li l-persuna taxxabbli rċeviet fl-2013 ġejja, għall-inqas parzjalment, minn attività li żamm qabel fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Repubblika tal-Finlandja. Wara l-intaxxar tal-pensjoni fil-Finlandja, wieħed jista’ għalhekk jikkunsidra restrizzjoni li taffettwa l-moviment liberu tal-persuna taxxabbli bħala ħaddiem.

64.      Konformement mal-Artikolu 45(1) TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa żgurat fl-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tipprekludi kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (38).

65.      Ma hemm l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-persuna taxxabbli, bħala ċittadin Finlandiż, tagħmel użu mill-moviment liberu tal-ħaddiema kontra l-Istat tiegħu stess. Min-naħa l-oħra, pensjoni tax-xjuħija rċevuta minħabba f’relazzjoni ta’ impjieg preċedenti taqa’ wkoll taħt il-protezzjoni offerta mill-Artikolu 45 TFUE (39).

66.      Minkejja li l-intaxxar fil-Finlandja tal-pensjoni li l-persuna taxxabbli tkun irċeviet, għall-inqas parzjalment, fir-rigward ta’ attività eżerċitata fl-Isvezja, jaffettwa l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal moviment liberu bħala ħaddiem, madankollu hawnhekk ma hawnx, skont il-ġurisprudenza attwali, restrizzjoni fuq din il-libertà fundamentali. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza, miżura nazzjonali fil-qasam tal-leġiżlazzjoni fiskali hija ta’ natura tali li tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali biss fil-każ jekk tiddistingwi bejn l-attivitajiet nazzjonali u l-attivitajiet transkonfinali. Madankollu, l-att ta’ teħid ta’ taxxa diretta mingħajr ma ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet nazzjonali u sitwazzjonijiet transkonfinali – hekk kif inhu l-każ hawnhekk, bl-applikazzjoni ta’ rata tat-taxxa uniformi għad-dħul kollu minn pensjonijiet tax-xjuħija – ma huwiex suxxettibbli li jirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (40).

67.      Ir-Repubblika tal-Finlandja għalhekk ma timplimentax id-dritt tal-Unjoni meta, f’dan il-każ, hija tissuġġetta d-dħul minn pensjoni tax-xjuħija għat-taxxa fuq id-dħul. Konsegwentement, il-projbizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, imsemmija fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, ma hijiex direttament applikabbli għall-kawża prinċipali, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1).

VI – Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja) tkun kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 124 tal-Liġi Finlandiża dwar it-taxxa tad-dħul, li tipprevedi taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, ma taqax taħt il-projbizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mid-Direttiva 2000/78/KE.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Kawża de Lange (C‑548/15).


3 – ĠU 2012, C 326, p. 391.


4 – ĠU 1997, C 340, p. 173.


5 – It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 47).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21), Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 38), Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punti 22 u 23) u O (C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 21).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 74 u 75).


9 – It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, C 326, p. 13).


10 – Ara s-sentenzi Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 23) u Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 16).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 40 u 41), HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 25) u Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 20).


12 – Ara biss is-sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 26), Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 26) u Felber (C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 21).


13 – Ara biss is-sentenzi Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 12) u Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 44).


14 – Il-kliem tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 huma fformulati b’mod ftit iktar ristrett fil-verżjoni Franċiża, peress li dawn jirreferu għall-“kundizzjonijiet [ta’] paga”; iżda anki hekk ifformulat, dan l-artikolu jibqa’ jikkonċerna l-intaxxar tar-remunerazzjoni.


15 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi Biehl (C‑175/88, EU:C:1990:186, punt 12), Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 23) u Kieback (C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 20).


16 – Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (kodifikazzjoni) (ĠU L 141, p. 1); qabel kien hemm fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


17 – Ara, pereżempju, is-sentenza Sopora (C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 22), li f’dan ir-rigward ma tagħmel l-ebda referenza għar-Regolament (UE) Nru 492/2011.


18 – Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187); fl-istess ħin, ukoll fis-seħħ f’dan il-qasam, hemm id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).


19 – Sentenza Vergani (C‑207/04, EU:C:2005:495, punti 25 sa 29).


20 – Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2000/78.


21 – Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2000/78.


22 – Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2000/78.


23 – Ara biss is-sentenzi Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 21), Manninen (C‑319/02, EU:C:2004:484, punt 19) u Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punt 28).


24 – Ara l-Artikolu 182(5) moqri flimkien mal-Artikolu 179(2) TFUE, dwar l-eliminazzjoni ta’ ostakoli fiskali għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka, l-Artikolu 223(2) TFUE, dwar l-issuġġettar għat-taxxa tal-membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll l-Artikolu 12(1) tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (ĠU 2012, C 326, p. 266), dwar l-issuġġettar għat-taxxa tal-membri tal-persunal tal-Unjoni.


25 – F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk ir-referenza għall-kompetenzi tal-Komunità, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, tinkludi bħala prinċipju — eventwalment fuq il-bażi ta’ komprensjoni dinamika — il-kompetenzi tal-Unjoni li huma biss irregolati fil-kuntest tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


26 – Anki jekk il-modalitajiet li permezz tagħhom huwa xieraq li jiġu ddeterminati dawn il-benefiċċji huma ta’ kompetenza tal-Istati Membri, ara, f’dan is-sens, is-sentenza Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 59).


27 – Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142) (illum id-Direttiva 2009/133/KE); Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 14) (illum id-Direttiva 2011/96/UE); Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħaxx (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 369); u Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 380).


28 – Sentenza Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 32 sa 35).


29 – Ara wkoll l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 3 fil-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, ippreżentati mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Jannar 2000 [KOM (1999) 565 finali].


30 – Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).


31 – Sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 44).


32 – Ara l-iżviluppi li jirrigwardaw il-bażi ġuridika (punt 4) kif ukoll l-ispjegazzjonijiet (punt 5) li jirrigwardaw l-Artikolu 3 tal-proposta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 29).


33 – Rapport, ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2000, mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew, dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (A5‑0264/2000), p. 63.


34 – Ibidem, p. 1 et seq.


35 – Ara r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tal-5 ta’ Ottubru 2010, dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU C 178, p. 270).


36 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19), Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 33) u Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 26).


37 – Sentenza Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 35 u 36).


38 – Ara biss is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39 – Sentenza Sehrer (C‑302/98, EU:C:2000:322, punti 29 u 30).


40 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi X (C‑498/10, EU:C:2011:870, punt 28), Hervis Sport- és Divatkereskedelmi (C‑385/12, EU:C:2013:531, punti 83 u 84), kif ukoll X (C‑686/13, EU:C:2015:31, punt 40); eċċezzjoni tista’ tapplika għal taxxa li tipproduċi effett projbittiv, ara s-sentenza Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 40 u 41), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Viacom Outdoor (C‑134/03, EU:C:2004:676, punt 63).