Language of document : ECLI:EU:C:2016:391

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-età – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikoli 2, 3 u 6 – Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’ċerti ċirkustanzi, livell ogħla ta’ intaxxar tad-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar milli mid-dħul minn salarji – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 – Kompetenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-tassazzjoni diretta”

Fil-Kawża C‑122/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja), b’deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura mibdija minn

C

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C, minn K. Suominen kif ukoll minn A. Kukkonen, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn J. Quaney u A. Joyce, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn C. Freire u M. Conceição Queirós, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, U. Persson, N. Otte Widgren u C. Meyer-Seitz kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u I. Koskinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-età, tal-Artikolu 2(1) u (2)(a), tal-Artikolu 3(1)(ċ) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll, tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn C sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa Finlandiża li tissuġġettah għal taxxa addizzjonali ta’ 6 % fuq il-parti mid-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar li, wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet, jaqbżu EUR 45 000 fis-sena.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78, din tal-aħħar “ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qliegħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [157 TFUE]”.

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]

[…]”

6        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

7        L-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

 Id-dritt Finlandiż

8        Skont l-ewwel u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 124 tat-Tuloverolaki (1992/1535) (Liġi 1992/1535 dwar it-taxxa fuq id-dħul), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża:

“Kull persuna fiżika […] għandha tħallas lill-Istat taxxa fuq id-dħul mis-salarji li huma taxxabbli, skont l-iskala progressiva tat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll taxxa fuq id-dħul taxxabbli li jirriżulta minn kapital wara rata ta’ taxxa fuq id-dħul. Kull persuna fiżika għandha wkoll tħallas lill-Istat taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu. Kull persuna taxxabbli għandha tħallas it-taxxa fuq id-dħul taxxabbli tagħha fuq il-bażi tar-rati tat-taxxa fuq id-dħul. (14.12.2012/785)

[…]

Il-persuni fiżiċi jħallsu taxxa addizzjonali ta’ 6 % fuq il-parti mid-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar li taqbeż EUR 45 000 wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet. It-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ kull liġi oħra li tirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul dovut lill-Istat mid-dħul mis-salarji.”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        C huwa ċittadin Finlandiż li twieled fl-1948 u li jirrisjedi fil-Finlandja. L-awtorità tat-taxxa ffissat fir-rigward tiegħu rata ta’ taxxa f’ras il-għajn applikabbli għall-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa dovuta fuq id-dħul għas-sena fiskali 2013. F’dan il-kuntest, din l-amministrazzjoni, fuq il-bażi tal-ewwel u tar-raba’ paragrafu tal-Liġi 1992/1535 dwar it-taxxa fuq id-dħul, żammet taxxa addizzjonali ta’ 6 % fuq il-parti tad-dħul mill-pensjonijiet tal-irtirar tiegħu li jaqbżu EUR 45 000 wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet.

10      Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, C irċieva matul is-sena fiskali 2013 pensjoni tal-irtirar fil-Finlandja ta’ ammont totali ta’ EUR 461 900.88, li minnhom EUR 251 351.10 nżammu bħala ħlas bil-quddiem fuq is-somma dovuta taħt it-taxxa fuq id-dħul. C irċieva, minbarra l-pensjoni tal-irtirar tiegħu, dħul minn salarju għal xogħol imwettaq fil-Finlandja.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2013, l-awtorità tat-taxxa ċaħdet l-ilment ippreżentat minn C dwar ir-rata ta’ taxxa f’ras il-għajn applikabbli għall-ħlas bil-quddiem ta’ taxxa dovuta fuq id-dħul għas-sena fiskali 2013.

12      C ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Helsinki, il-Finlandja), fejn sostna li d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, previsti fl-ewwel u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 124, tal-Liġi 1992/1535 dwar it-taxxa fuq id-dħul, ma setgħux jiġu applikati, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-rata ta’ tnaqqis f’ras il-għajn, għad-dħul tiegħu minn pensjonijiet tal-irtirar.

13      Il-Helsingin hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Helsinki) ċaħdet dan ir-rikors wara li kkonstatat li l-għanijiet imfittxa minn dawn id-dispożizzjonijiet, li kienu, hekk kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju tagħhom, li tiżdied it-taxxa fuq il-persuni taxxabbli li jirċievu dħul minn pensjonijiet tal-irtirar sinjifikattivi, kienu ta’ interess pubbliku, ġeneralment aċċettabbli u konformi mal-għanijiet ġenerali tat-tassazzjoni. Din il-qorti kkunsidrat ukoll li d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-Karta, ma kinux applikabbli għall-kawża prinċipali, sa fejn din it-tilwima tinvolvi taxxa diretta li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

14      C ressaq quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (qorti amministrattiva suprema, il-Finlandja) talba għal permess sabiex ikun jista’ jappella d-deċiżjoni tal-Helsingin hallinto-oikeus (qorti amministrattiva ta’ Helsinki). Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, u ma jistgħux, b’mod iktar ġenerali, jiġu kkunsidrati bħala miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, huma ma kinux jistabbilixxu kriterju ta’ determinazzjoni tas-salarji. Għalhekk, u kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex parti mid-dritt sostantiv tal-Unjoni.

15      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li jiġbru dħul mit-taxxa mingħand benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar b’kapaċità ta’ ħlas, li jnaqqsu d-differenzi fil-livelli ta’ tassazzjoni bejn il-pensjonijiet tal-irtirar u s-salarji u sabiex jinkoraġġixxu b’mod aħjar lill-persuni anzjani sabiex ikomplu bil-ħajja professjonali tagħhom.

16      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk tali leġiżlazzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tiegħu, u, skont il-każ, jekk din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ din l-istess direttiva.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi Finlandiża [1992/1535] dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax‑xjuħija, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li d-dispożizzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba l-età li tinsab fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli f’dan il-każ?

Id-domandi 2 u 3 huma magħmula biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni:

2)      Jekk tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) jew (b) tad-Direttiva 2000/78/KE u l-Artikolu 21(1) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ewwel u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 124 tal-Liġi [1992/1535] dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tirrigwarda t-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, li abbażi tagħha d-dħul minn pensjoni tax-xjuħija ta’ persuna fiżika, li l-ħlas tagħha huwa marbut tal-inqas indirettament mal-età, jagħti lok f’ċerti sitwazzjonijiet għal taxxa fuq id-dħul ogħla minn dik li tkun dovuta fuq dħul salarjali ta’ livell ekwivalenti?

3)      Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ċċitati iktar ’il fuq jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħat-taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tax-xjuħija, l-Artikolu 6(1) [ta’ din id-direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din it-taxxa addizzjonali tista’ madankollu titqies li hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-għan tagħha, b’mod partikolari minn għan leġittimu relatat mal-politika tal-impjieg, mas-suq tax-xogħol u mat-taħriġ professjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-għan iddikjarat fix-xogħol preparatorju tal-Liġi Finlandiża [1992/1535] dwar it-taxxa fuq id-dħul huwa li t-taxxa addizzjonali inkwistjoni tintuża sabiex jinġabar dħul mit-taxxa mingħand il-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tax-xjuħija li jkollhom il-kapaċità li jikkontribwixxu, li jitnaqqsu d-differenzi fil-livell ta’ tassazzjoni bejn il-pensjonijiet tax-xjuħija u s-salarji u li jittejbu l-inċentivi għall-persuni anzjani sabiex ikomplu bl-attività professjonali tagħhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u jekk, konsegwentement, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq l-età, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, huwiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

19      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78 li din hija intiża li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 ta’ din id-direttiva, bħala li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom ma humiex assimilati ma’ remunerazzjoni, fis-sens mogħti lil dan it-terminu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2015, Felber, C‑529/13, EU:C:2015:20, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Huwa minnu li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-kunċett jinkludi, b’mod partikolari, il-vantaġġi kollha fi flus jew in natura, attwali jew futuri, sakemm dawn huma mogħtija, anki jekk b’mod indirett, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem abbażi tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, irrispettivament minn jekk dawn huma riċevuti abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew b’mod volontarju (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li ċerti benefiċċji jitħallsu wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol ma jeskludix li dawn il-benefiċċji jista’ jkollhom natura ta’ remunerazzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fost il-vantaġġi li huma kklassifikati bħala remunerazzjoni jinsabu preċiżament il-benefiċċji mħallsa mill-persuna li timpjega minħabba l-eżistenza ta’ relazzjonijiet tax-xogħol imħallsa b’salarju li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw sors ta’ dħul għall-ħaddiema, anki jekk dawn ma jeżerċitaw, f’każijiet speċifiċi, l-ebda attività prevista mill-kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, in-natura ta’ remunerazzjoni ta’ tali benefiċċji ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li huma jissodisfaw ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċji mogħtija taħt sistema ta’ pensjoni, li essenzjalment hija relatata mal-impjieg tal-persuna kkonċernata, jifformaw parti mir-remunerazzjoni li din il-persuna tirċievi u jaqgħu fil-kuntest tal-Artikolu 157(2) TFUE (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B., C‑117/01, EU:C:2004:7, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Minn dan ma jirriżultax li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ir-rata ta’ taxxa fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

25      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-modalitajiet jew il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-ammont tal-benefiċċji mħallsa lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni tax-xogħol tiegħu mal-persuna li kienet timpjegah qabel (sentenza tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 46), iżda r-rata ta’ taxxa fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar. Tali taxxa hija esterna għar-relazzjoni tax-xogħol, u għaldaqstant, għad-determinazzjoni, f’dan il-kuntest, imfittxa biss mid-Direttiva 2000/78, tar-“remunerazzjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 157(2) TFUE.

26      Taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija nieqsa minn kull rabta mal-kuntratt tax-xogħol, tirriżulta direttament u esklużivament minn leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali applikabbli għal kull persuna fiżika li d-dħul tagħha minn pensjonijiet tal-irtirar jaqbeż, wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet, EUR 45 000, hekk kif jirriżulta mill-ifformular tal-ewwel u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 124, tal-Liġi 1992/1535 dwar it-taxxa fuq id-dħul.

27      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

28      Fl-aħħar nett, fir-rigward, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta li tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma intiżi għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

29      Issa huwa stabbilit li l-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul ma timplementa l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li l-ebda direttiva dwar it-tassazzjoni ma tista’ tiġi applikata għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, it-tilwima fil-kawża prinċipali lanqas ma taqa fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Karta li, permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom, ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli fil-kuntest ta’ din il-kawża.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, tal-Artikolu 21(1) tal-Karta.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

31      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiale ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.