Language of document : ECLI:EU:C:2016:391

Kawża C‑122/15

Proċedura mibdija minn C

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-età – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikoli 2, 3 u 6 – Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’ċerti ċirkustanzi, livell ogħla ta’ intaxxar tad-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar milli mid-dħul minn salarji – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 – Kompetenza tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-tassazzjoni diretta”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Remunerazzjoni – Kunċett

(Artikolu 157(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 3(1)(ċ))

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kamp ta’ applikazzjoni – Taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar – Esklużjoni – Evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni – Sitwazzjoni li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 157(2) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21(1) u 51(1); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 3(1)(ċ))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 21-23)

2.        L-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u, konsegwentement, tal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, tali taxxa hija esterna għar-relazzjoni tax-xogħol, u għaldaqstant, għad-determinazzjoni, f’dan il-kuntest, imfittxa biss mid-Direttiva 2000/78, tar-remunerazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 157(2) TFUE.

Taxxa addizzjonali fuq id-dħul minn pensjonijiet tal-irtirar, li hija nieqsa minn kull rabta mal-kuntratt tax-xogħol, tirriżulta direttament u esklużivament minn leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali applikabbli għal kull persuna fiżika li d-dħul tagħha minn pensjonijiet tal-irtirar jaqbeż ċertu ammont, wara t-tnaqqis tal-kwota fuq il-pensjonijiet.

Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni ma timplementa l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u peress li ma tirriżulta la mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u lanqas mid-Direttiva dwar it-tassazzjoni, l-Artikolu 21(1) tal-Karta ma jistax jiġi invokat b’mod utli fil-kuntest tat-tilwima li tikkonċerna din il-leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 25, 26, 29, 30 u d-dispożittiv)