Language of document : ECLI:EU:T:2024:333

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

29 ta’ Mejju 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 – Determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali tas-SRF – Limitu massimu previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikolu 291(2) TFUE – Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 – Setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kunsill – Każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati – Portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

Fil-Kawża T‑395/22,

Hypo Vorarlberg Bank AG, stabbilita f’Brégence (l-Awstrija), irrappreżentata minn G. Eisenberger, A. Brenneis u J. Holzmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, C. Flynn, D. Ceran, T. Wittenberg u K.-P. Wojcik, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring u T. Klupsch, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, G. Bartram u M. Menegatti, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Haunold, J. Bauerschmidt u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Hypo Vorarlberg Bank AG, titlob l-annullament tad-deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2022 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Awstrija.

3        Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għas-sena 2022 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022”) tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti.

4        Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat‑22 ta’ April 2022, il-Finanzmarktaufsichtsbehörde (FMA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tas-Swieq Finanzjarji, l-Awstrija), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet 2022, kif stabbilita mis-SRB.

 IdDeċiżjoni kkontestata

5        Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi parti prinċipali li hija akkumpanjata minn tliet annessi.

6        Il-parti prinċipali tad-Deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha.

7        Għal dan l-għan, qabelxejn, is-SRB fakkar, fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni kkontestata, li, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin dekorribbli mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kellhom jilħqu livell fil-mira (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”) ta’ mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti (iktar ’il quddiem id-“depożiti koperti”) tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri parteċipanti”).

8        Sussegwentement, fit-Taqsima 5 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira annwali”). F’dan ir-rigward, is-SRB ippreċiża li kien ħa inkunsiderazzjoni l-elementi previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/747 tas‑17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward tal-kriterji dwar il-kalkolu relatat ta’ kontribuzzjonijiet ex-ante, u dwar iċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-pagament ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit (ĠU 2017, L 113, p. 2).

9        Barra minn hekk, is-SRB spjega li huwa kien stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.6 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha fl-2021, kif kien inkiseb abbażi tad‑data kkomunikata mis-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti skont l‑Artikolu 16 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

10      Fit-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022. F’dan ir-rigward, huwa speċifika, fil-premessa 74 tal-imsemmija deċiżjoni, li, għal dan il-perijodu, 6.67 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ġew ikkalkolati fuq il-“bażi nazzjonali”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (iktar ’il quddiem il-“bażi nazzjonali”), konformement mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63. Il-kumplament tal-kontribuzzjonijiet ex ante (jiġifieri 93.33 %) ġie kkalkolat fuq il-“bażi tal-unjoni bankarja”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-unjoni”), konformement mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

11      Fit-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega wkoll li l-istituzzjonijiet, minbarra dawk li kienu jħallsu somma fissa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, kellhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, li huwa kien stabbilixxa billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin.

12      Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-“kontribuzzjoni fissa” ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem l-“obbligazzjonijiet netti”), b’paragun mal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni annwali bażika”). Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mill-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.

13      Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB wettaq aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

14      Is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi alloka l-livell fil-mira annwali bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon ibbażat fuq il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju.

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha, sa fejn tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

16      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sakemm din tiġi ssostitwita jew, minn tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

17      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa ibbażat fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

19      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, tal-Artikoli 15, 296 u 298 TFUE u tal-Artikoli 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        it-tieni wieħed, fuq l-allegazzjoni li s-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 102 tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikolu 69(1) u (2) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll tal-Artikolu 3 tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63;

–        it-tielet u r-raba’ wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta, minħabba l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta, minħabba n-nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal smigħ;

–        is-sitt wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tal-Artikoli 16, 17, 20 u 21 tal-Karta, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 290 TFUE;

–        is-seba’ wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(1), (4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 291(2) TFUE, kif ukoll fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE;

–        it-tmien wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014, ibbażata fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, tal-Artikoli 15, 296 u 298 TFUE, tal-Artikoli 16, 17, 41, 42 u 47 tal-Karta, tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

20      Qabelxejn għandu jiġi eżaminat is-seba’ motiv.

 Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014 u tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

21      Permezz tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti tinvoka eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. Dan il-motiv huwa espress, essenzjalment, permezz ta’ żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-Artikolu 8(1), (4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jikser il-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 291(2) TFUE u, it-tieni waħda, fuq il-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ma jinkludix ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għażla li tingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 70(7) tal-imsemmi regolament lill-Kunsill, pjuttost milli lill-Kummissjoni Ewropea, bi ksur tal-Artikolu 291(2) TFUE.

22      Hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel it-tieni parti tas-seba’ motiv.

 Fuq ittieni parti tasseba’ motiv, dwar leċċezzjoni ta’ illegalità talArtikolu 70(7) tarRegolament Nru 806/2014

23      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn jagħti setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, jikser l-Artikolu 291(2) TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba li l-imsemmi regolament ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom tali għoti jikkostitwixxi “każ speċifiku debitament iġġustifikat” fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.

24      Skont is-SRB, il-Parlament u l-Kunsill, il-premessa 114 tar-Regolament Nru 806/2014 tinkludi ġustifikazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-għoti lill-Kunsill tas-setgħa ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq.

25      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑18 ta’ Diċembru 2023 u waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB, lill-Parlament u lill-Kunsill jippreċiżaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ sa fejn ir-Regolament Nru 806/2014 kien jinkludi ġustifikazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-għoti lill-Kunsill tas-setgħa ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt 23 iktar ’il fuq. Bi tweġiba għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għall-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta, is-SRB, il-Parlament u l-Kunsill tennew l-argument tagħhom li l-ġustifikazzjoni pprovduta mill-premessa 114 ta’ dan ir-regolament kienet suffiċjenti.

26      Skont l-Artikolu 291(2) TFUE, meta jkun hemm bżonn kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni li huma legalment vinkolanti, dawn l-atti jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, “f’każijiet speċifiċi debitament iġġustifikati” u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 TUE, lill-Kunsill.

27      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-rekwiżit li l-għoti ta’ tali setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill jiġi ġġustifikat, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 291(2) TFUE jirrikjedi li jiġu esposti, b’mod iddettaljat, ir-raġunijiet li għalihom din l-istituzzjoni hija fdata bl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni ġuridikament vinkolanti (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International, C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan ir-rigward, l-awtur tal-att bażiku li għandu jiġi implimentat huwa obbligat li debitament jiġġustifika, skont in-natura u l-kontenut tal-att bażiku, eċċezzjoni għar-regola li hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita s-setgħa ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti lill-Kunsill setgħa ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE, billi jawtorizzah jadotta, fil-kuntest tal-atti ddelegati adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 70(1), (2) u (3) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali u l-modalitajiet prattiċi tal-attribuzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta’ riskju previsti fl-imsemmija atti ddelegati (iktar ’il quddiem is-“setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata”).

30      Fir-rigward taż-żewġ każijiet previsti fl-Artikolu 291(2) TFUE li jippermettu l-għoti ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata ma taqax taħt il-każijiet previsti mill-Artikoli 24 u 26 TUE. Konsegwentement, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiġġustifika, b’mod iddettaljat u skont in-natura u l-kontenut tar-Regolament Nru 806/2014, li l-għoti ta’ din is-setgħa lill-Kunsill kien jikkostitwixxi każ speċifiku debitament iġġustifikat fis-sens tal-Artikolu 291(2) TFUE.

31      F’dan ir-rigward, is-SRB, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li r-Regolament Nru 806/2014 iġġustifika l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill fil-premessa 114 tiegħu, li tipprovdi dan li ġej:

“Il-Kunsill għandu, fil-qafas tal-atti delegati adottati taħt id‑Direttiva 2014/59 [...], jadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiġi speċifikata l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet individwali għall-Fond, kif ukoll il-modalitajiet tekniċi tal-komputazzjoni tal-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskji. Din il-metodoloġija għandha tiżgura li l-element fiss kif ukoll dak aġġustat għar-riskji fil-formula għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali jiġu kkontjati b’mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta’ riżoluzzjoni u skont l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 [...] Il-metodoloġija għandha tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, mingħajr ma toħloq distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.”

32      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li din il-premessa ma tipprovdi ebda ġustifikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jattribwixxi s-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill. Fil-fatt, hija ssemmi biss l-għan u l-kontenut tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati kif ukoll id-deċiżjoni li l-Kunsill jingħata s-setgħa li jadottahom, mingħajr madankollu ma tagħti l-iċken indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa l-Kunsill, pjuttost milli l-Kummissjoni, li ngħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni għal dawn il-finijiet.

33      Dawn ir-raġunijiet ma jirriżultawx b’mod partikolari min-neċessità, imsemmija fit-tieni sentenza ta’ din il-premessa, li tiġi żgurata l-konformità tal-atti ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 mal-atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, is-sempliċi neċessità li tiġi żgurata tali konformità ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom huwa l-Kunsill, pjuttost milli l-Kummissjoni, li għandu jiżgura tali konformità. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li tali neċessità hija inerenti għall-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ implimentazzjoni, ikun min ikun id-detentur tagħha, u l-imsemmija atti ddelegati huma adottati mill-Kummissjoni, u mhux mill-Kunsill.

34      Sussegwentement, ir-Regolament Nru 806/2014 ma jinkludix elementi oħra ta’ motivazzjoni li huma ta’ natura li jiżvelaw ir-raġunijiet speċifiċi li ġġustifikaw l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill. Barra minn hekk, is-SRB, il-Parlament u l-Kunsill ma invokawx l-eżistenza ta’ tali elementi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jew fil-kuntest tad-dibattiti waqt is-seduta, billi sempliċement irreferew għall-premessa 114 ta’ dan ir-regolament.

35      B’mod partikolari, kif jenfasizza l-Kunsill stess, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tipprovdix tali motivazzjoni, peress li hija intiża sabiex tiġġustifika l-għoti lill-Kunsill tas-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 18(7) ta’ dan ir-regolament f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, u mhux l-għoti lill-Kunsill tas-setgħa ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 70(7) tal-imsemmi regolament, li hija inkwistjoni f’dan il-każ.

36      Fir-realtà, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 806/2014 turi n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għażla li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni, billi tipprovdi li, “[f]id-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni”. Issa, ġustifikazzjoni ta’ din in-natura tal-għoti lill-Kunsill tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata hija nieqsa fil-premessa 114 ta’ dan ir-regolament, li fuqha jibbażaw ruħhom is-SRB, il-Parlament u l-Kunsill.

37      Barra minn hekk, għalkemm huwa possibbli, f’ċerti ċirkustanzi, li l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill jiġi ġġustifikat mill-kuntest li fih dan l-għoti jaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 60 sa 65), minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-SRB, il-Parlament u l-Kunsill ma bbażaw ruħhom, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jew fid-dibattiti waqt is-seduta, fuq ebda element konkret li jirriżulta mill-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 li huwa ta’ natura li jiżvela r-raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill, pjuttost milli lill-Kummissjoni.

38      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill (T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678), invokata mill-Kunsill, ma hemm ebda element ta’ motivazzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 jew f’xi att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni li juri li l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill kienet iġġustifikata mir-rwol speċifiku li din l-istituzzjoni hija mitluba tassumi fil-qasam tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punti 77 sa 82, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punti 60 sa 65).

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-motivi li jinsabu fil-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jirrigwardaw il-mutwalizzazzjoni progressiva tas-SRF, kif prevista mill-Ftehim Intergovernattiv dwar it-Trasferiment u l-Mutwalizzazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet għas-SRF, iffirmat fi Brussell fil‑21 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑21 ta’ Mejju 2014”), ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġġustifikaw l-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill. Fil-fatt, peress li l-obbligu li tiġi ġġustifikata l-għażla li l-Kunsill jingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni jaqa’ fuq l-awtur tal-att bażiku li għandu jiġi implimentat, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Parlament u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ma huwiex il-Kunsill li għandu jiġġustifika ex post l-għoti lilu stess ta’ tali setgħa fil-kuntest ta’ att ta’ implimentazzjoni li huwa jadotta sussegwentement.

40      Bl-istess mod, anki jekk jitqies li huwa possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-għoti tal-imsemmija setgħa lill-Kunsill, il-Ftehim tal‑21 ta’ Mejju 2014, li għalih ir-Regolament Nru 806/2014 jirreferi fl-Artikoli 1, 67 u 77 tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan il-ftehim ma jirrigwardax il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante bħala tali u għalhekk ma jinkludix elementi li juru rwol speċifiku li l-Kunsill huwa mitlub jassumi fil-qasam partikolari tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, la s-SRB, la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma semmew, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jew fis-seduta, l-imsemmi ftehim bħala element li jista’ jiżvela tali rwol speċifiku.

41      Fl-aħħar nett, il-Kunsill ma jistax isostni, kif għamel waqt is-seduta, li d-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħtih is-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata kienet motivata minn “raġunijiet politiċi”. Minn naħa, tali ġustifikazzjoni la tirriżulta mill-premessa 114 tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas minn premessa oħra jew minn dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura ġenerali tagħha, l-imsemmija spjegazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, sa fejn din la hija ddettaljata u lanqas marbuta man-natura jew mal-kontenut tar-Regolament Nru 806/2014.

42      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li r-Regolament Nru 806/2014 ma jinkludi ebda ġustifikazzjoni fir-rigward tal-għoti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni kkonċernata lill-Kunsill.

43      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tintlaqa’ u l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi ddikjarat inapplikabbli għal dan il-każ abbażi tal-Artikolu 277 TFUE. Konsegwentement, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li ġie adottat mill-Kunsill abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u li d-Deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura ta’ applikazzjoni tiegħu, huwa wkoll inapplikabbli għal dan il-każ.

44      Madankollu, u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandha tiġi eżaminata wkoll l-ewwel parti tas-seba’ motiv, sa fejn din tikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, kif ukoll it-tieni motiv dwar id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

 Fuq lewwel parti tasseba’ motiv, sa fejn din tikkonċerna leċċezzjoni ta’ illegalità talArtikolu 8(1) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

45      Ir-rikorrenti ssostni li att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 291(2) TFUE jista’ biss jispeċifika l-kuntest ġuridiku ddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u la jista’ jemenda u lanqas jissupplimenta l-att leġiżlattiv ikkonċernat, u dan anki fl-elementi mhux essenzjali tiegħu. Issa, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma jillimitax ruħu għal li jippreċiża l-kontenut tar-Regolament Nru 806/2014, iżda jissupplimenta lil dan tal-aħħar, sa fejn dan ibiddel il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilit minn dan l-istess regolament.

46      Is-SRB u l-Kunsill jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Mill-premessi 14 u 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni sempliċement jaġġusta l-qafas iddefinit mir-Regolament Nru 806/2014 u li huwa la jemenda u lanqas jissupplimenta lil dan l-aħħar regolament. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa maħsub sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri. Skont is-SRB u l-Kunsill, dawn id-distorsjonijiet irriżultaw mid-differenza sinjifikattiva bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante stabbilit skont il-metodu stabbilit mir-Regolament Nru 806/2014 u l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet li l-istituzzjonijiet kellhom iħallsu skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2014/59. Skont is-SRB, tali distorsjonijiet jistgħu, barra minn hekk, jirriżultaw fil-każ ta’ differenza bejn, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet ex ante stabbiliti skont ir-Regolament Nru 806/2014 u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament tar-riżoluzzjoni ta’ nuqqasijiet potenzjalment aċċessibbli għall-istituzzjonijiet ikkonċernati matul il-perijodu inizjali, abbażi tar-regoli marbuta mal-mutwalizzazzjoni progressiva tas-SRF, kif jirriżulta mill-premessi 13 u 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa bbażat fuq l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, li jawtorizza lill-Kunsill jadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 70(1), (2) u (3) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, u li l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 japplika l-Artikolu 291(2) TFUE (ara l-punt 29 iktar ’il fuq).

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni hija ddelimitata kemm mill-Artikolu 291(2) TFUE u kif ukoll mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2023, Tazzetti vs Il‑Kummissjoni, T‑825/19 u T‑826/19, EU:T:2023:148, punt 155).

49      Fir-rigward tal-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 291(2) TFUE, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dawn is-setgħat jinkludu, essenzjalment, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ miżuri li huma neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv li abbażi tiegħu dawn ikunu adottati u li sempliċement jippreċiżaw il-kontenut tagħhom, b’osservanza tal-għanijiet ġenerali essenzjali segwiti minn ta’ dan l-att, mingħajr ma jemendawh jew jissupplimentawh, fl-elementi essenzjali jew f’dawk mhux essenzjali tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International, C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 49).

50      B’mod partikolari, miżura ta’ implimentazzjoni sempliċement tippreċiża d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv ikkonċernat meta din tkun maħsuba biss, b’mod ġenerali jew f’ċerti każijiet partikolari, sabiex tiċċara l-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jew sabiex tiddetermina l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni madankollu li, b’dan il-mod, din il-miżura tevita kull kontradizzjoni fir-rigward tal-għanijiet tal-imsemmija dispożizzjonijiet u bl-ebda mod ma tbiddel il-kontenut normattiv ta’ dan l-att jew il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International, C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 50).

51      Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat jekk, bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni jew il-Kunsill osservawx il-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilhom, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, minn att leġiżlattiv, għandu jiġi eżaminat jekk tali miżura, l-ewwel nett, tosservax l-għanijiet ġenerali essenzjali ta’ dan l-att leġiżlattiv u, b’mod partikolari, l-għanijiet tad-dispożizzjoni ta’ dan l-att ikkonċernat mill-imsemmija miżura ta’ implimentazzjoni, it-tieni nett, hijiex neċessarja jew utli sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni u, it-tielet nett, li hija la tissupplimenta u lanqas temenda din tal-aħħar bi kwalunkwe mod (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2023, Fenix International, C‑695/20, EU:C:2023:127, punt 51).

52      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jikser l-ewwel u t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma tissodisfax it-tielet kundizzjoni msemmija fiha, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tillimitax ruħha li tippreċiża l-kontenut tar-Regolament Nru 806/2014, iżda tissupplimentah. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jissodisfax din it-tielet kundizzjoni.

53      Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-eżami, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 ma humiex intiżi li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-impenji ta’ pagament irrevokabbli, b’tali mod li l-eżami ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandu jiġi limitat għall-kwistjoni dwar jekk, bl-adozzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Kunsill eċċediex il-limiti tas-setgħa ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jillimitax ruħu għal li jippreċiża l-kontenut tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 jew jissupplimentax din id-dispożizzjoni, kif issostni r-rikorrenti.

55      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni għandha tiġi kkalkolata proporzjonalment mal-ammont tal-obbligazzjonijiet netti tagħha fir-rigward tal-obbligazzjonijiet netti akkumulati tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

56      Il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxu li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni huwa bbażat fuq żewġ komponenti, jiġifieri, minn naħa, il-kontribuzzjoni annwali bażika, li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjoni fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha u, min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni aġġustata skont il-profil tar-riskju, li hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.

57      L-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/81 jipprevedi dan li ġej:

“Għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, [is-SRB] għandu jikkalkula l-kontribuzzjoni annwali dovuta minn kull istituzzjoni, abbażi tal-livell annwali fil-mira ta[s-SRF]. Il-livell fil-mira annwali għandu jiġi stabbilit b’referenza għal-livell fil-mira ta[s-SRF] imsemmi fl-Artikoli 69(1) u 70 tar-Regolament [...] Nru 806/2014 u f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fir-Regolament Delegat [...] 2015/63.”

58      Fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, intitolat “Aġġustamenti speċifiċi fil-perijodu inizjali”, dan jipprovdi li, b’deroga mill-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, il-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet matul il-perijodu inizjali għandhom jiġu kkalkolati skont “metodu aġġustat”. L-imsemmija dispożizzjoni tiddetermina, għal sebgħa mit-tmien snin tal-perijodu inizjali, parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante li hija kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali, jiġifieri konformement mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63, u parti minn dawn il-kontribuzzjonijiet li hija kkalkolata abbażi tal-unjoni, jiġifieri konformement mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

59      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedi għalhekk, essenzjalment, li, sena b’sena, parti dejjem iktar imnaqqsa tal-kontribuzzjonijiet ex ante hija kkalkolata fuq il-bażi nazzjonali, filwaqt li parti dejjem ikbar minn dawn il-kontribuzzjonijiet hija kkalkolata abbażi tal-unjoni.

60      Fir-rigward speċifikament tal-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, li huwa inkwistjoni f’din il-kawża, l-Artikolu 8(1)(g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprovdi, b’mod iktar konkret, li, “b’deroga mill-Artikolu 4 ta[r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81]”, l-istituzzjonijiet għandhom iħallsu “6,67 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 [...] u l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat [...] 2015/63, u 93,33 % tal-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kalkulati f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [...] Nru 806/2014 u l-Artikolu 4 ta[r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81]”.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mill-formulazzjoni stess tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) u tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal- tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, huwa bbażat fuq il-fatt li l-obbligazzjonijiet netti ta’ kull istituzzjoni jitqiegħdu fi proporzjon mal-obbligazzjonijiet netti totali tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati “fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha”. Għalhekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, id-data tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, tal-inqas fir-rigward tal-ewwel komponent ta’ din il-kontribuzzjoni, jiġifieri l-kontribuzzjoni annwali bażika.

62      Min-naħa l-oħra, skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mill-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, u b’mod partikolari r-regola li tiddetermina l-bażi tad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-metodu, japplika fl-intier tiegħu għal kull sena tal-perijodu inizjali, fosthom il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022.

63      Issa, l-għan stess tal-“metodu aġġustat” introdott mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa li jipprovdi li parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tiġi kkalkolata, matul kważi l-perijodu inizjali kollu, skont database differenti minn dik prevista fl-Artikolu 70(1) u fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014.

64      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, moqri flimkien mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet ex ante għal dan il-perijodu, hija biss id-data kkomunikata minn istituzzjonijiet li huma awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat li tittieħed inkunsiderazzjoni, bl-esklużjoni tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti l-oħra, filwaqt li, fil-kuntest tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mill-Artikolu 70(1) u l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014, hija preċiżament id-data li tikkonċerna l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti l-oħra li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika.

65      Minn dan isegwi li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jemenda l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014, u dan b’mod partikolari fir-rigward tal-ewwel komponent tiegħu intiż għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, billi jbiddel id-database li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan il-metodu u, għalhekk, il-bażi stess tiegħu.

66      Il-konsegwenza ta’ dan hija, kif barra minn hekk ammetta l-Kunsill waqt is-seduta, li l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet bħar-rikorrenti, li huma kkalkolati skont il-“metodu aġġustat” introdott mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, huma neċessarjament differenti minn dawk li kienu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014.

67      Il-portata tal-emenda msemmija fil-punt 65 iktar ’il fuq hija enfasizzata mill-fatt li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jidderoga mill-metodu previst mill-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014 fir-rigward ta’ seba’ mit-tmien snin tal-perijodu inizjali, b’tali mod li l-imsemmi metodu huwa mċaħħad mill-effetti sħaħ tiegħu matul kważi dan il-perijodu kollu.

68      Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kunsill huwa ċertament awtorizzat jimplimenta l-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi, fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tiegħu, li l-kontribuzzjoni aġġustata skont il-profil tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.

69      Madankollu, l-għan imfittex mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li huwa dak li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punt 46 iktar ’il fuq, huwa marbut mal-kwistjoni dwar jekk l-att ta’ implimentazzjoni inkwistjoni josservax l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u jekk huwiex neċessarju jew utli sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni uniformi tal-imsemmi att. Din il-kwistjoni tikkonċerna għalhekk l-ewwel u t-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk, bl-adozzjoni ta’ miżura ta’ implimentazzjoni, il-Kunsill osservax il-limiti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni li kienu ngħatawlu, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, permezz ta’ att leġiżlattiv. Issa, kif tfakkar fil-punt 52 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jikser dawn il-kundizzjonijiet sa fejn dan huwa maħsub sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, iżda ssostni li huwa jissupplimenta l-kontenut normattiv tal-att leġiżlattiv, b’mod li jikser it-tielet kundizzjoni mfakkra fil-punt 51 iktar ’il fuq.

70      Fir-rigward ta’ din it-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, mill-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta l-istituzzjoni kkonċernata tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni abbażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, hija għandha tillimita ruħha għal li tippreċiża l-att bażiku mingħajr ma tbiddel il-kontenut normattiv tiegħu. Għalhekk, jekk jitqies li l-Kunsill ried, permezz tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, jevita distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri, huwa kien obbligat josserva l-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ implimentazzjoni li kienet ingħatatlu, billi sempliċement jippreċiża l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante previst mill-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014 u billi jastjeni milli jbiddel il-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni f’dak li jirrigwarda dan il-metodu.

71      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 55 sa 67 iktar ’il fuq, il-“metodu aġġustat” li jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jemenda l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif previst mill-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-introduzzjoni ta’ tali metodu ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan leġittimu li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.

72      Konsegwentement, l-għan adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espress fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jiġu evitati distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri ma jistax jinftiehem bħala li jawtorizza lill-Kunsill jemenda, f’att ta’ implimentazzjoni, il-bażi stess tal-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 70(1) u l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu ta’ dan ir-regolament.

73      Fit-tielet lok, sa fejn is-SRB u l-Kunsill jinvokaw, b’mod iktar partikolari, in-neċessità li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59 u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex, matul il-perijodu inizjali, tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni bejn il-kalkolu bbażat fuq il-metodu previst mid-Direttiva 2014/59 u l-metodu bbażat fuq ir-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li jikkontribwixxu għas-SRF u li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, bħalma hija l-appellanti, huwa rregolat mill-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, u mhux mill-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet ex ante li jipprovdu għall-arranġamenti nazzjonali ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni.

74      Barra minn hekk, waqt is-seduta l-Kunsill irrikonoxxa li, fl-assenza ta’ adozzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 tal-istituzzjonijiet bħar-rikorrenti kellha tiġi kkalkolata abbażi biss tal-metodu previst mill-Artikolu 70(1) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu tar-Regolament Nru 806/2014 u, għaldaqstant, billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-data tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

75      Huwa minnu li, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-aġġustament skont il-profil tar-riskju tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun “ibbażat[...] fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) [ta’ din id]-Direttiva]”. Barra minn hekk, skont l‑Artikolu 70(7) ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill għandu jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni “fil-qafas tal-atti delegati” adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 sabiex jispeċifika l-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil ta’ riskju tal-istituzzjonijiet. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 ma jirreferux għall-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante skont il-profil tar-riskju previst fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. Għalhekk, l‑Artikolu 70(2) u (7) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jirreferix b’mod partikolari għall-Artikolu 103(2) ta’ din id-direttiva u lanqas għall-metodu ta’ kalkolu bħala tali ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 103(2) tal-imsemmija direttiva li jieħu inkunsiderazzjoni biss id-data tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk il-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni, waqt l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet skont il-profil tar-riskju previst fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u tal-atti ddelegati adottati mill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni sabiex jippreċiża dan il-kunċett, la mill-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 806/2014, la mill-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59, u lanqas mill-imsemmija atti ddelegati ma jirriżulta li huwa kien awtorizzat jintroduċi, f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, metodu ta’ kalkolu aġġustat, li fil-kuntest tiegħu parti mill-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi kienet ikkalkolata fuq il-bażi nazzjonali, jiġifieri abbażi ta’ data ddefinita fl-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

77      Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas tad-Direttiva 2014/59, ma tipprevedi jew tawtorizza lill-Kunsill jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante bbażat fuq tneħħija gradwali tal-metodu tal-kalkolu bbażat fuq il-bażi nazzjonali u s-sostituzzjoni progressiva tiegħu bil-metodu bbażat fuq il-bażi tal-unjoni.

78      Għalkemm, bl-adozzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Kunsill seta’ għalhekk ċertament isegwi għan leġittimu li jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri u għalkemm ma huwiex eskluż li l-metodu aġġustat ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa neċessarju għal dan l-għan, xorta jibqa’ l-fatt li kien il-leġiżlatur tal-Unjoni li kellu jipprevedi tneħħija gradwali possibbli tal-metodu tal-kalkolu bbażat fuq il-bażi nazzjonali u s-sostituzzjoni progressiva tiegħu bil-metodu bbażat fuq il-bażi tal-unjoni u, jekk ikun il-każ, jawtorizza lill-Kunsill jippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni f’att ta’ implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-Kunsill ma setax jipprevedi tali tranżizzjoni, minflok il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ att ta’ implimentazzjoni, mingħajr ma jeċċedi l-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ implimentazzjoni tiegħu.

79      Bl-istess mod, la l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas dispożizzjoni oħra tiegħu ma jawtorizzaw lill-Kunsill jadotta atti ta’ implimentazzjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu d-differenza bejn, minn naħa, il-kontribuzzjonijiet ex ante stabbiliti skont dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament tar-riżoluzzjoni tan-nuqqasijiet potenzjalment aċċessibbli għall-istituzzjonijiet ikkonċernati matul il-perijodu inizjali, skont ir-regoli dwar il-mutwalizzazzjoni progressiva tas-SRF.

80      Tali awtorizzazzjoni ma tirriżultax, b’mod partikolari, mill-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi l-modalitajiet tal-użu tas-SRF.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 806/2014, l-“użu [tas-SRF] għandu jkun kontinġenti fuq il-Ftehim li permezz tiegħu l-Istati Membri parteċipanti jaqblu li jittrasferixxu li[s-SRF], il-kontribuzzjonijiet li jiġbru fil-livell nazzjonali f’konformità ma[r-Regolament Nru 806/2014] u mad-Direttiva 2014/59”. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 77 ta’ dan ir-regolament, matul il-perijodu inizjali, is-SRB għandu juża s-SRF “skont prinċipji bbażati fuq diviżjoni ta[s-SRF] f’kompartimenti nazzjonali li jikkorrispondu għal kull Stat Membru parteċipanti, kif ukoll fuq fużjoni progressiva tal-fondi differenti miġbura fil-livell nazzjonali biex ikunu allokati lil kompartimenti nazzjonali ta[s-SRF], kif stipulat f[l-imsemmi] [f]tehim”. Huwa l-Artikolu 5 tal-Ftehim tal‑21 ta’ Mejju 2014 li jipprevedi r-regoli li skonthom is-SRB huwa awtorizzat jiddisponi mill-kompartimenti tas-SRF, billi jiddetermina r-ritmu tal-mutwalizzazzjoni progressiva tiegħu.

82      Madankollu, sa fejn l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jawtorizzax lill-Kunsill jadotta atti ta’ implimentazzjoni u sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 806/2014 lanqas ma jista’ jiġġustifika l-introduzzjoni tal-“metodu aġġustat” li jirriżulta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. L-istess japplika, a fortiori, fir-rigward tal-Ftehim tal‑21 ta’ Mejju 2014.

83      Fil-ħames lok, sa fejn is-SRB u l-Kunsill isostnu li dan tal-aħħar kellu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-mod kif kellu jiġi ppreċiżat l-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

84      Minn ġurisprudenza jirriżulta ċar li, fil-kuntest tas-setgħa ta’ implimentazzjoni tiegħu, li l-limiti tagħha għandhom jiġu evalwati b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, il-Kunsill huwa awtorizzat jadotta l-miżuri kollha neċessarji jew utli għall-implimentazzjoni tal-imsemmi att, sakemm dawn ma jkunux kuntrarji għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-istituzzjoni kkonċernata huwa marbut mal-kwistjoni dwar jekk il-miżura ta’ implimentazzjoni hijiex utli jew neċessarja għall-implimentazzjoni tal-att leġiżlattiv inkwistjoni, u mhux mal-projbizzjoni għal miżura ta’ implimentazzjoni li tissupplimenta dan l-att, filwaqt li għandu jingħad li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni, C‑65/13, EU:C:2014:2289, punti 44 u 45).

85      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jibdel il-kontenut normattiv tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 f’dak li jirrigwarda d-database li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Minn dan isegwi li, billi adotta l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-Kunsill eċċeda s-setgħat ta’ implimentazzjoni li kienu ngħatawlu mill-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 291(2) TFUE.

86      Sa fejn il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN, T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 156) u peress li d-Deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 u għalhekk tapplika l-Artikolu 8(1)(g) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jirrigwarda dan il-perijodu, hemm lok li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tintlaqa’ sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 8(1)(g) tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni u li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi ddikjarata inapplikabbli għal dan il-każ skont l-Artikolu 277 TFUE.

87      Din l-illegalità hija biżżejjed sabiex tintlaqa’ l-ewwel parti tas-seba’ motiv, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-legalità tal-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

88      Barra minn hekk, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilfatt li sSRB iddetermina llivell filmira annwali bi ksur talArtikolu 102 tadDirettiva 2014/59, talArtikolu 69(1) u (2) u talArtikolu 70(2) tarRegolament Nru 806/2014 u kif ukoll talArtikolu 3 talArtikolu 4(2) tarRegolament Delegat 2015/63

89      Ir-rikorrenti ssostni li, billi stabbilixxa l-livell annwali fil-mira fl-ammont ta’ EUR 14 253 573 821.46, li jikkorrispondi għal wieħed minn tmienja tal-1.6 % tad-depożiti koperti fl-2021, is-SRB kiser l-Artikolu 102 tad-Direttiva 2014/59, l-Artikolu 69(1) u (2) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u kif ukoll l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63.

90      Skont ir-rikorrenti, mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-ammont globali tal-kontribuzzjonijiet annwali fl-ebda każ ma għandu jammonta għal iktar minn 12.5 % tal-livell fil-mira finali (iktar ’il quddiem il-“limitu massimu ta’ 12.5 %”). Fil-każ ta’ livell fil-mira finali mbassar ta’ EUR 80 biljun, kif inhu l-każ hawnhekk, is-SRB ma setax għalhekk jirċievi, fl-2022, iktar minn EUR 10 biljun.

91      Is-SRB isostni, prinċipalment, li r-regola prevista mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, ma tapplikax matul il-perijodu inizjali. Fil-fehma tiegħu, ir-regola prevista fl-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament, li tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, tipprevali fuq ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, peress li l-ewwel regola tikkostitwixxi lex specialis ratione temporis meta mqabbla mat-tieni rekwiżit li, b’kuntrast mal-ewwel regola, huwa biss lex generalis.

92      Sussidjarjament, is-SRB isostni, kif ippreċiża b’mod partikolari waqt is-seduta, li r-regola prevista mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, ma hijiex assoluta. Fil-fehma tiegħu, huwa impossibbli li din ir-regola tiġi applikata simultanjament mar-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament li jobbligah jiggarantixxi li s-SRF jilħaq il-livell fil-mira finali tiegħu, ekwivalenti għal mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti, fi tmiem il-perijodu inizjali. Din l-impossibbiltà hija prinċipalment dovuta għan-natura dinamika tal-livell fil-mira finali fis-sens li dan tal-aħħar jista’ jiżdied matul il-perijodu inizjali. Għalhekk, fil-każ ta’ żieda tad-depożiti koperti, li tirriżulta f’żieda tal-livell fil-mira finali, u ta’ sottovalutazzjoni mis-SRB tal-ammont ta’ dan il-livell fil-mira fil-bidu tal-perijodu inizjali, l-applikazzjoni letterali tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 tipprekludi lis-SRB milli jwettaq kull aġġustament sussegwenti tal-mezzi finanzjarji li għandhom jinġabru fis-SRF sabiex jikkumpensa għal din is-sottovalutazzjoni. Issa, ikun diffiċli, jew saħansitra impossibbli, għas-SRB li jipprevedi b’eżattezza liema ser ikun il-livell fil-mira finali, minħabba kontinġenzi li jista’ jkun hemm matul il-perijodu inizjali, li jaffettwaw l-iżvilupp tal-ammont tad-depożiti koperti. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali msemmi mis-SRF – jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea –, is-SRB kellu jagħti l-prijorità lill-għan li jintlaħaq il-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali, b’tali mod li r-rekwiżit previst mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi injorat jew interpretat b’mod flessibbli.

93      F’dan ir-rigward, barra minn hekk, is-SRB isostni li jekk ir-regola dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 % li hija prevista fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet applikabbli matul il-perijodu inizjali u li kieku din kellha tiġi applikata b’mod strett, ikun impossibbli għalih li josserva l-Artikolu 69(2) tal-imsemmi regolament, li jeħtieġ, minn naħa, li l-kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli u, min-naħa l-oħra, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex tiġi riżolta t-tensjoni bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikkonċernati, il-limitu massimu ta’ 12.5 % għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż biss sabiex jikkonkretizza b’mod mhux vinkolanti r-rekwiżit li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli.

94      Il-Parlament u l-Kunsill iqisu li, kuntrarjament għal dak li jsostni prinċipalment is-SRB, ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar in-nuqqas ta’ qbiż tal-limitu massimu ta’ 12.5 % japplika matul il-perijodu inizjali. Madankollu, huma jaqblu mal-pożizzjoni meħuda sussidjarjament mis-SRB li dan ir-rekwiżit ma huwiex assolut u għandu jinqara u jiġi applikat b’mod flessibbli fid-dawl tal-għan prinċipali li s-SRF għandu jilħaq il-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

96      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien b’mod uniformi kemm jista’ jkun sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 95 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

97      Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, “[k]ull sena, [is-SRB], [...] għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira”. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament iżid li, “[f]i kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ma għandhomx jaqbeż annwalment it‑12.5 % tal-livell fil-mira”.

98      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tar-rekwiżit tal-limitu ta’ 12.5 % previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li dan kien maħsub sabiex jiġi applikat matul il-perijodu inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 68, 69 u 100).

99      Dan jirriżulta, qabelxejn, mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi li, “[m]atul il-perijodu inizjali”, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu kkalkolati “skont l-Artikolu 70” ta’ dan ir-regolament, peress li tali riferiment jindika, mingħajr ambigwità, li r-rekwiżiti kollha previsti f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, inkluża dik prevista fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 tagħha, japplikaw matul il-perijodu inizjali.

100    Sussegwentement, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li s-SRB għandu josserva r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % “[k]ull sena”, mingħajr bl-ebda mod ma jillimita l-applikazzjoni tiegħu ratione temporis għall-perijodu ta’ wara l-perijodu inizjali.

101    Bl-istess mod, ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 806/2014 ma tindika li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % ma japplikax matul il-perijodu inizjali jew li s-SRB jista’ jidderoga minnu matul dan il-perijodu.

102    Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li l-imsemmi rekwiżit għandu japplika matul il-perijodu inizjali hija kkonfermata mill-oriġini tar-Regolament Nru 806/2014.

103    Fil-fatt, mill-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi u mill-Artikolu 65(1) tal-proposta COM (2013) 520 final tal-Kummissjoni Ewropea tal‑10 ta’ Lulju 2013, li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ipproponiet, fil-proposta leġiżlattiva tagħha, li l-perijodu inizjali għall-kostituzzjoni tas-SRF kien mifrux fuq għaxar snin.

104    Matul l-istadji sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva, il-Kunsill kien ippropona, kif jirriżulta mid-dokument interistituzzjonali tas‑27 ta’ Marzu 2014 (8078/1/14 REV 1), li ġie diskuss fis-seduta, li l-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha jiġu limitati, kull sena, għal 10 % tal-livell finali fil-mira. Issa, meta l-Parlament u l-Kunsill qablu, matul il-proċedura leġiżlattiva, dwar it-tqassir tal-perijodu inizjali għal tmien snin, huma ddeċidew, fl-istess ħin, li jżidu għal 12.5 % il-limitu massimu previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

105    Minn dan isegwi, kif barra minn hekk ikkonferma l-Kunsill fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa rabta bejn in-numru ta’ snin inkluż fil-perijodu inizjali u l-perċentwali tal-limitu stabbilit fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

106    Minn dan kollu premess jirriżulta li l-limitu ta’ 12.5 %, previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 japplika matul il-perijodu inizjali.

107    Dan huwa barra minn hekk dak li s-SRB innifsu rrikonoxxa fil-punt 106 tal-Anness III tad-Deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-evalwazzjoni tiegħu tal-osservazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li pparteċipaw fil-konsultazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għall-2022, filwaqt li jippreċiża li, “[b]l-applikazzjoni [ta’] koeffiċjent għal [wieħed minn tmienja] tal-ammont totali tad-depożiti inkwistjoni, [huwa] josserva l-limitu massimu ta’ 12.5 %”.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontenut tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali, kif previst mill-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif jikkonferma x-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 806/2014, li l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament huwa bbażat fuq approċċ dinamiku tal-livell fil-mira finali, fis-sens li dan tal-aħħar għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Fil-fatt, fil-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final tagħha, tal‑10 ta’ Lulju 2013, li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni spjegat li l-livell fil-mira finali jibqa’ dinamiku u li huwa jiżdied jekk is-settur bankarju jiżviluppa.

110    In-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti hija spjegata, barra minn hekk, mill-għan ta’ ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li huwa, b’mod partikolari, li jiġi ggarantit, f’loġika ta’ ordni ta’ assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lill-SRM sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, kif jirriżulta mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014 (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). L-għan tas-SRM huwa, b’mod partikolari, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu jsaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jiġi evitat it-tixrid ta’ kriżijiet eventwali lill-Istati Membri mhux parteċipanti.

111    F’dan ir-rigward, mill-punt 4.3.2 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2013) 520 final jirriżulta li iktar ma d-daqs tas-settur bankarju jikber matul iż-żmien, iktar ikollhom jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Stima ta’ dan id-daqs tippermetti għalhekk li jiġi previst l-ammont tal-mezzi finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti lis-SRF sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jintuża, fil-każ ta’ kriżi li taffettwa s-settur bankarju, sabiex jiġu ffinanzjati l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effikaċi tagħhom, konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014 moqri fid-dawl tal-premessa 101 ta’ dan l-istess regolament.

112    Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel approċċ li l-ammont tad-depożiti koperti huwa intiż sabiex jiġi stmat id-daqs tas-settur bankarju u sabiex b’hekk jiġu kkalkolati r-riżorsi finanzjarji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-SRF. Minn tali perspettiva, żieda eventwali tal-ammont tad-depożiti koperti bejn il-bidu u t-tmiem tal-perijodu inizjali tirrifletti żieda fid-daqs tas-settur bankarju, li jimplika żieda fil-mezzi finanzjarji meħtieġa mis-SRF fi tmiem dan il-perijodu.

113    Mill-premess jirriżulta li l-ammont tal-livell fil-mira finali, li fir-rigward tiegħu japplika l-limitu massimu ta’ 12.5 %, għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-ammont tad-depożiti koperti kif ser ikun fi tmiem il-perijodu inizjali, peress li dan l-ammont jista’ jkun magħruf b’ċertezza biss fl-aħħar ta’ dan il-perijodu.

114    Madankollu, sa fejn, skont l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa eżerċizzju annwali li huwa bbażat fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali li għandu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, imbagħad fuq livell fil-mira annwali li għandu jitqassam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113), huwa s-SRB li għandu, għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni, iwettaq stima kemm jista’ jkun preċiża tal-livell fil-mira finali fid-dawl tad-data disponibbli fil-mument ta’ din l-istima (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali mbassar”).

115    Minn dan jirriżulta li huwa l-livell fil-mira finali mbassar li huwa determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

116    Konsegwentement, meta s-SRB jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante matul perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, huwa għandu jiżgura, konformement mal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbiżx 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar.

117    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument tas-SRB, tal-Parlament u tal-Kunsill li r-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 % għandu jew jiġi injorat, jew jiġi interpretat “b’mod flessibbli”. F’dan ir-rigward, is-SRB essenzjalment sostna li huwa impossibbli għalih li josserva fl-istess ħin l-imsemmi limitu massimu u kif ukoll ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 li skonthom, l-ewwel, huwa għandu jiżgura li s-SRF jilħaq il-livell fil-mira finali tiegħu ta’ mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali u, it-tieni, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali, iżda billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Minn dan is-SRB iddeduċa, b’mod partikolari, sostnut mill-Parlament u l-Kunsill, li l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament li jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu “maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli”, li jippermetti, fil-fehma tagħhom, interpretazzjoni flessibbli tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %.

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sens tal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni.

119    Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tagħha ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli tal-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni għaliex inkella tkun contra legem u, minħabba f’hekk, inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2023, Mensing, C‑180/22, EU:C:2023:565, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑316/19, EU:T:2021:367, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Dan japplika iktar u iktar għall-ewwel u għar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini imperattivi, kif juri l-użu tal-espressjonijiet “ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira” (l-ewwel subparagrafu) u “[f]i kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta’ kontribuzzjonijiet [...] ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira” (ir-raba’ subparagrafu). Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tiffissa limitu massimu ta’ 12.5 % eżattament, billi tirrepetih darbtejn u mingħajr ebda eċċezzjoni, b’tali mod li dan ma jistax jiġi mmodulat jew aġġustat mill-awtorità inkarigata mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jistgħu jiġu interpretati, fid-dawl tar-rekwiżit previst mill-Artikolu 69(1) tal-imsemmi regolament, fis-sens li l-limitu massimu ta’ 12.5 % seta’ jiġi injorat jew kien biss indikattiv, b’tali mod li kien possibbli għas-SRB li jiddevja minnu bl-għan li jilħaq il-livell fil-mira finali.

122    Bl-istess mod, l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi b’mod partikolari li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu maż-żmien bl-iktar mod uniformi possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali, ma jippermettix interpretazzjoni tal-limitu massimu ta’ 12.5 % previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament fis-sens li dan ma huwiex vinkolanti jew huwa purament indikattiv. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni ċara u preċiża tal-ewwel u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, billi ppreveda espliċitament fl-Artikolu 69(2) ta’ dan l-istess regolament li l-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jiġu “kkalkolati skont l-Artikolu 70”, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippreveda l-applikazzjoni simultanja kemm tal-limitu ta’ 12.5 % kif ukoll tar-rekwiżit li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ex ante jitqassmu maż-żmien b’mod uniformi kemm jista’ jkun. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 huwa intiż sabiex jifrex maż-żmien u bl-iktar mod uniformi possibbli l-piż finanzjarju li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet, sabiex jiġu evitati varjazzjonijiet sinjifikattivi f’dan ir-rigward minn sena għall-oħra u sabiex b’hekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tal-attività u tal-effett li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) ta’ dan ir-regolament għandhom l-għan li jillimitaw, għal kull sena meħuda individwalment, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Minn dan isegwi li l-Artikolu 69(2) u l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom għanijiet distinti, għalkemm komplementari. Għaldaqstant, l-argument li l-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament jimponi interpretazzjoni “flessibbli” tar-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, previst fl-ewwel u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi miċħud.

123    Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SRB, ma huwiex impossibbli li jiġu rrikonċiljati r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 117 iktar ’il fuq.

124    Ċertament, minħabba t-tul tal-perijodu inizjali u r-riskju ta’ okkorrenza ta’ avvenimenti imprevedibbli matul dan il-perijodu, l-istima tal-livell fil-mira finali hija bbażata fuq analiżi prospettiva tal-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti li hija kkaratterizzata minn inċertezzi li jikkonċernaw din l-evalwazzjoni.

125    Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali inċertezzi huwa inerenti għall-kompiti fdati lis-SRB. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan huwa responsabbli li jiżgura l-funzjonament effikaċi u koerenti tas-SRM, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Għal dan l-għan, huwa s-SRB li għandu jiżgura li l-livell fil-mira finali jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali filwaqt li josserva l-limitu massimu ta’ 12.5 %. In-natura prospettiva tal-istima tiegħu tal-livell fil-mira finali timplika li huwa għandu jevalwa b’mod suffiċjentement prudenti l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti matul il-perijodu inizjali kollu sabiex ikollu fondi suffiċjenti sabiex jirrikkonċilja l-osservanza tal-limitu massimu ta’ 12.5 % mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 117 iktar ’il fuq.

126    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-livell fil-mira finali għandu jilħaq “mill-inqas” 1 % tad-depożiti koperti fi tmiem il-perijodu inizjali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lis-SRB jiżgura li dan il-livell fil-mira jikkorrispondi eżattament għal 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti, iżda tippermettilu jevalwa, abbażi ta’ previżjonijiet prudenti, l-evoluzzjoni tal-ammont tad-depożiti koperti b’tali mod li l-imsemmi livell fil-mira jintlaħaq, filwaqt li jiġi osservat il-limitu massimu ta’ 12.5 %.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-abbozzar tar-Regolament Delegat 2017/747, il-Kummissjoni pprevediet ukoll l-applikazzjoni simultanja tal-limitu massimu ta’ 12.5 % u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 li tfakkru fil-punt 117 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-Regolament Delegat 2017/747, li għandu l-għan, skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tiegħu, b’mod partikolari li jispeċifika l-kriterji li għandhom jintużaw għat-tqassim maż-żmien tal-kontribuzzjonijiet għas-SRF konformement mal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jipprevedi, fl-Artikolu 3(4) tiegħu, li, matul kull perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, il-livell ta’ kontribuzzjonijiet annwali jista’ jkun inqas mill-medja tal-kontribuzzjonijiet annwali “ikkalkolati skont l-Artikoli 69(1) u 70(2) tar-Regolament [...] Nru 806/2014” biss jekk is-SRB jiżgura li, abbażi ta’ previżjonijiet prudenti, il-livell fil-mira finali jkun jista’ jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali.

128    Fit-tielet lok, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax, fid-Deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżit tal-limitu massimu ta’ 12.5 %, kif previst mill-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

129    F’dan ir-rigward, qabelxejn mill-premessi 45 u 60 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB qies il-livell fil-mira finali mbassar fl-ammont ta’ EUR 79 987 450 580.

130    Għalhekk, meta s-SRB ikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, huwa kien obbligat jiżgura ruħu, konformement mal-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, u abbażi tal-istima tiegħu tal-livell fil-mira finali, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma kienx jaqbeż l-ammont ta’ EUR 9 998 431 322.50.

131    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 62 tad-Deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-punt 124 tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni u mal-kolonna “Ammont finali nnotifikat għall-2022 (iii)” tat-tabella inkluża fl-ewwel paġna tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni, is-SRB stabbilixxa l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 fl-ammont ta’ EUR 14 253 573 821.46, fejn dan l-ammont tnaqqas għal EUR 13 675 366 302.18 wara, b’mod partikolari, tnaqqis imwettaq skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

132    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif barra minn hekk irrikonoxxa s-SRB waqt is-seduta, li d-Deċiżjoni kkontestata ffissat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha f’ammont li kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira finali mbassar.

133    Minn dan isegwi li s-SRB kiser l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u li t-tieni motiv għandu għalhekk jintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-ksur mis-SRB tad-dispożizzjonijiet l-oħra invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

 Konklużjoni

134    Kif jirriżulta mill-punti 43 u 86 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti u ddikjarat inapplikabbli l-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll, sussidjarjament, l-Artikolu 8(1)(g) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.

135    Minn dan jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata b’mod partikolari fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, fuq l-Artikolu 8(1)(g) ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti.

136    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 133 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata minħabba li tikser l-ewwel u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

 Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

137    Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha sakemm din tiġi ssostitwita jew, minn tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur b’effett mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva peress li tali annullament ikollu konsegwenzi serji għall-istabbiltà finanzjarja fl-unjoni bankarja.

138    Waqt is-seduta, is-SRB ippreċiża li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni kkontestata minħabba l-illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni għandhom jinżammu għal perijodu ta’ sitt xhur b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida.

139    F’dan ir-rigward tal-aħħar, il-Parlament afferma, ukoll waqt is-seduta, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu bżonn perijodu li kien, b’mod ġenerali, ta’ medja ta’ 15 sa 20 xahar sabiex jadotta att leġiżlattiv ladarba l-proposta tal-Kummissjoni tkun ġiet ippreżentata.

140    Ir-rikorrenti topponi għat-talbiet tas-SRB, billi ssostni, b’mod partikolari, li s-SRB ma pprovda ebda raġuni li tista’ tiġġustifika l-oneru impost fuqha tal-konsegwenzi negattivi ta’ att annullat fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

141    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan ikun neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa mogħtija lilha minn dan l-artikolu, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122).

142    Għalhekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE ġie interpretat b’mod partikolari bħala li jippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, iżda wkoll għal raġunijiet intiżi li jevitaw diskontinwità jew rigressjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki mmexxija jew appoġġati mill-Unjoni, li l-effetti ta’ att annullat jinżammu għal żmien raġonevoli (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑699/17, EU:T:2021:44, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 43, 86 u 133 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kkontestata mingħajr ma twasslet sabiex tikkonstata, f’din il-proċedura, żball li jaffettwa l-obbligu stess tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, kif jirriżulta mill-Artikolu 2, mill-Artikolu 67(4) u mill-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177), l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tagħha jista’ jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-unjoni bankarja, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà taż-żona tal-euro kif ukoll għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni kollha kemm hi. Fil-fatt, li kieku s-SRB kien obbligat jirrimborsa, b’effett immedjat, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti kif ukoll l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjonijiet oħra, bħal dawk li ppreżentaw rikors simili billi qajmu l-istess motivi bħal dawk milqugħa f’dan ir-rikors, filwaqt li dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu bħala prinċipju suġġetti għall-obbligu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante, tali rimbors jirriskja li jċaħħad lis-SRF mill-mezzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw neċessarji sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-euro u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

145    Konsegwentement, iċ-ċaħda tat-talba għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja u l-għan tal-ħolqien ta’ unjoni ekonomika u monetarja, kif previst mill-Artikolu 3(4) TUE.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li wieħed mill-motivi ta’ annullament ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali jirrigwarda l-illegalità tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, hemm lok li jinżammu l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, sakemm jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, u dan fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva.

 Fuq ittalba għallftuħ millġdid talfażi orali talproċedura dwar illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

147    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Marzu 2024, ir-rikorrenti talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. F’din it-talba, hija tindika li saret taf, wara li nżammet is-seduta fit‑8 ta’ Frar 2024, bi stqarrija għall-istampa tas-SRB tal‑15 ta’ Frar 2024, li fiha dan jindika li, fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 2023, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien jammonta għal EUR 78 biljun, filwaqt li l-livell fil-mira finali li jikkorrispondi għal 1 % tad-depożiti koperti kien ta’ EUR 75 biljun. Skont ir-rikorrenti, is-SRF għandu għalhekk surplus ta’ EUR 3 biljun, fatt li huwa rilevanti għad-deċiżjoni eventwali tal-Qorti Ġenerali li żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata fil-każ tal-annullament tagħha. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet li ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni li ressqu argument simili għat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, dan is-surplus jippermetti fil-fatt ir-rimbors tal-parti tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ dawn l-istituzzjonijiet li taqbeż il-limitu massimu ta’ 12.5 %, mingħajr ma l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF jaqgħu taħt il-livell fil-mira finali ta’ EUR 75 biljun.

148    Skont l-Artikolu 113(2)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura meta parti prinċipali titlob dan, billi tibbaża ruħha fuq fatti ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha li hija ma setgħetx issostni qabel l-għeluq tal-imsemmija fażi orali.

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt ġdid invokat mir-rikorrenti ma jistax, fi kwalunkwe każ, jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

150    Fil-fatt, minn naħa, kif tammetti r-rikorrenti stess, l-istqarrija għall-istampa tas-SRB imsemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata u sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikors. Min-naħa l-oħra, din l-istqarrija għall-istampa lanqas ma hija deċiżiva fir-rigward taż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata. Dwar dan il-punt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti u dawk tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjonijiet oħra bħal dawk li ppreżentaw rikors simili billi qajmu l-istess motivi bħal dawk milqugħa f’dan ir-rikors jistgħu jaqbżu, fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ EUR 3 biljun li hija ssemmi.

151    Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq lispejjeż

152    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

153    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal14 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Hypo Vorarlberg Bank AG.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2022/18 huma miżmuma sa fejn din tikkonċerna lil Hypo Vorarlberg Bank sakemm jittieħdu l-miżuri neċessarji li din is-sentenza tinvolvi, u dan fi żmien raġonevoli li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar dekorribbli mill-jum li fih din is-sentenza ssir definittiva.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Hypo Vorarlberg Bank.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Mejju 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

 

T. Henze, Viċi Reġistratur      

 



*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.