Language of document : ECLI:EU:C:2019:448

(Kawża C-720/17)

Mohammed Bilali

vs

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Mejju 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 19 – Revoka tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Żball tal-amministrazzjoni li jikkonċerna liċ-ċirkustanzi ta’ fatt”

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka ta’, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja – Żball tal-amministrazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi tal-fatt – Obbligu li jiġi revokat l-imsemmi status

(Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus ta’ refuġjati; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 16 u 19 (1))

(ara l-punti 40-52, 56, 57, 64 u d-dispożittiv)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Revoka ta’, tmien ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja – Telf tal-imsemmi status – Konsegwenza – Telf awtomatiku tad-dritt ta’ residenza – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoliu19(1) u (3)(b); Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikoli 4(1a) u 9(3a))

(ara l-punti 58-62)

Sunt

Fis-sentenza Bilali (C-720/17), mogħtija fit-23 ta’ Mejju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 16 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu jirrevoka l-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja meta jkun ngħata dan l-istatus mingħajr ma l-kundizzjonijiet għal dan l-għoti jkunu ssodisfatti, abbażi ta’ fatti li sussegwentement ġew irrivelati li huma żbaljati, u għalkemm il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi kkritikata li qiegħda tqarraq b’dak l-Istat Membru f’dik l-okkażjoni.

F’dan il-każ, l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, kif ukoll il-permess ta’ residenza għal żmien determinat, li ngħata lill-persuna kkonċernata, kienu ġew irrevokati ex officio, sa fejn, minn naħa, kien sar żball fid-determinazzjoni tan-nazzjonalità preżunta ta’ dan tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar qatt ma kien ġie espost, fil-każ ta’ rinviju fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tiegħu, għal riskju reali li jsofri periklu serju, fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2011/95.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kollox irrilevat li, ċertament, l-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jipprevedix it-telf tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja biss jekk il-persuna kkonċernata tkun użat tibdil jew ommissjonijiet li kellhom rwol determinanti fid-deċiżjoni li tagħti tali status. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra ma tipprevedi espressament li l-imsemmi status għandu jew jista’ jiġi rtirat meta d-deċiżjoni tal-għoti inkwistjoni tkun ittieħdet abbażi ta’ elementi żbaljati, mingħajr tibdil jew ommissjonijiet min-naħa tal-persuna kkonċernata.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li lanqas ma huwa eskluż b’mod espliċitu li dan l-istatus jista’ jintilef meta l-Istat Membru ospitanti jirrealizza li huwa ta fuq il-bażi ta’ data żbaljata li ma hijiex imputabbli lill-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, minn naħa, li s-sitwazzjoni ta’ persuna li kisbet l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja fuq il-bażi ta’ data żbaljata mingħajr ma qatt issodisfat il-kundizzjonijiet għall-kisba ma tippreżenta ebda rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali. Konsegwentement, it-telf tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja f’tali ċirkustanzi huwa konformi mal-għan u mal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2011/95, u b’mod partikolari mal-Artikolu 18 tagħha, li jipprevedi l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja biss lill-persuni li jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet. Fil-fatt, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma setax jagħti legalment dan l-istatus, huwa għandu, a fortiori, ikun obbligat jirtira meta dan l-iżball ikun ġie skopert.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati, bħal f’dan il-każ, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83 (2), l-Istati Membri għandhom jirrevokaw l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta jtemmu jew jirrifjutaw li jġeddu, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tkun waqfet milli tkun persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja bis-saħħa tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri, meta ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw l-għoti ta’ din il-protezzjoni jieqfu milli jeżistu jew żviluppaw f’miżura b’mod li din il-protezzjoni ma hijiex iktar neċessarja. F’dan ir-rigward, bidla fl-istat tal-konjizzjoni tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata tista’, bl-istess mod bħal bidla fiċ-ċirkustanzi fattwali fil-pajjiż terz, ikollha bħala konsegwenza li l-biża’ oriġinali li dan tal-aħħar isofri dannu gravi ma jidhirx iktar fondat, bil-kundizzjoni li din il-bidla fl-istat tal-konjizzjoni tkun suffiċjentement importanti u definittiva dwar il-kwistjoni jekk il-persuna kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. Għaldaqstant, meta l-Istat Membru ospitanti jkollu informazzjoni ġdida li turi li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni inizjali tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna apolida li jkun taha il-protezzjoni sussidjarja, ibbażata fuq elementi żbaljati, dan l-Istat Membru qatt ma għamel riskju ta’ periklu serju, dan l-Istat Membru għandu jikkonkludi li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja evolvew b’tali mod li ż-żamma ta’ dan l-istatus ma jibqax iġġustifikat. Barra minn hekk, il-fatt li l-iżball imwettaq mill-Istat Membru ospitanti ma huwiex imputabbli lill-persuna kkonċernata ma huwiex ta’ natura li jibdel il-konstatazzjoni li dan tal-aħħar, fir-realtà, qatt ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/95 hija kkorroborata mill-Konvenzjoni ta’ Genève (3), peress li r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-dokumenti maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) jibbenefikaw minn rilevanza partikolari fir-rigward tar-rwol mogħti lill-HCR mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Issa, għalkemm ebda dispożizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni ma tipprevedi espressament it-telf tal-istatus ta’ refuġjat meta jidher sussegwentement li dan l-istatus qatt ma kellu jingħata, l-HCR madankollu jikkunsidra, li, f’tali ipoteżi, id-deċiżjoni li tagħti l-istatus ta’ refuġjat għandha, bħala prinċipju, tiġi annullata.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li t-telf tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2011/95, ma jimplikax teħid ta’ pożizzjoni fir-rigward tal-kwistjoni separata dwar jekk il-persuna kkonċernata titlef kull dritt ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat u tistax titkeċċa lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għat-telf tal-imsemmi status skont l-Artikolu 19(3)(b) tad-Direttiva 2011/95, it-telf tal-istess status, skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, ma jaqa’ la taħt il-każijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, skont l-Artikolu 4(1a) tad-Direttiva 2003/109 (4), li jagħtu l-istatus ta’ resident għat-tul lil benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u lanqas każijiet li fihom, skont l-Artikolu 9(3a) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-istatus ta’ resident għat-tul għall-imsemmija benefiċjarji. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 tammetti li l-Istati Membri ospitanti jistgħu jagħtu, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, protezzjoni nazzjonali b’drittijiet li jippermettu lill-persuni li ma jibbenefikawx mill-istatus ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ukoll li, f’dan il-kuntest, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li josserva, b’mod partikolari, id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja familjari tal-persuna kkonċernata, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jikkostitwixxi ċirkostanza rilevanti f’dan ir-rigward il-fatt li, kuntrarjament għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2011/95, il-persuna li l-istatus tagħha bħala benefiċjarja ta’ protezzjoni sussidjarja jkun tneħħa abbażi tal-Artikolu 19(1) ta’ dik id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 16 tagħha, intenzjonalment ma ġiex imqarraq mill-awtorità nazzjonali kompetenti meta tat dak l-istatus.


1      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).


2      Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).


3      Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)], li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 u kkompletata u emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.


4      Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).