Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 2012 - Nu Air Compressors and Tools vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-76/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Nu Air Compressors and Tools SpA (Robassomero, l-Italja) (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8824 finali u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 8812 finali, it-tnejn li huma tas-6 ta' Diċembru 2011, sa fejn dawn jagħtu biss rimborsi parzjali tad-dazji antidumping imħallsa mir-rikorrenti fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti kompressuri magħmula fiċ-Ċina applikati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008, tas-17 ta' Marzu 2008, li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina 2;

iżżomm fis-seħħ id-Deċiżjonijiet ikkontestati sakemm il-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' kwalunkwe sentenza tal-Qorti Ġenerali, mogħtija fil-kawża preżenti; u

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta applikat marġni ta' profitt xieraq u raġonevoli ta' importatur tal-UE li huwa indipendenti, u b'hekk naqset milli tistabbilixxi prezz tal-esportazzjoni li huwa affidabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti korretti ta' rimbors antidumping, li wassal għall-ksur tal-Artikoli 2(9) u 18(3) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping .

It-tieni motiv

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi naqqset dazji antidumping bħala spiża fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni u b'hekk naqset milli tistabbilixxi marġni ta' dumping affidabbli għall-finijet tal-kalkolu tal-ammonti korretti ta' rimbors antidumping, u billi għamlet hekk hija kisret l-Artikoli 2(9), 2(11) u 11(10) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping.

It-tielet motiv

Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tinforma lir-rikorrenti bir-rekwiżiti neċessarji sabiex l-Artikolu 11(10) tar-Regolament Bażiku dwar l-Antidumping jiġi sodisfatt fil-pront u b'mod adegwat u b'hekk hija kisret id-drittijiet ta' difiża tagħha, kif ukoll il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba stabbilit fid-dritt tal-UE u msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba' motiv

Bħala riżultat tal-okkorrenzi ta' ksur tad-dritt tal-Unjoni hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni Ewropea żammet b'mod illegali xi ammonti addizzjonali ta' rimborsi ta' dazji antidumping tal-UE li kienu leġittimament dovuti lir-rikorrenti.

____________

1 - ĠU L 81, 20.03.2008, p. 1.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51)