Language of document : ECLI:EU:C:2005:644

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta' Ottubru 2005 (*)

"Libertà ta' l-istabbiliment – Prestazzjoni libera tas-servizzi – Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni – Servizzi tas-saħħa għal terapija respiratorja fid-dar – Kundizzjoni ta' ammissjoni – Kriterji ta' evalwazzjoni"

Fil-kawża C-234/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Ġunju 2003, fil-kawża

Contse SA,

Vivisol Srl,

Oxigen Salud SA

vs

Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa), li qabel kien Instituto Nacional de la Salud (Insalud),

fil-preżenza ta':

Air Liquide Medicinal SL,

Sociedad Española de Carburos Metálicos SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta' l-Awla, J. Malenovský, J.‑P. Puissochet, S. von Bahr, u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Contse SA, Vivisol Srl u Oxigen Salud SA, minn R. García-Palencia, u C. Urda Serrano, abogados,

–       għall-Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa), li qabel kien Instituto Nacional de la Salud (Insalud), minn M. Gómez Montes, procurador, u J‑M. Pérez-Gómez, abogado,

–       għall-Gvern Spanjol, minn S. Ortiz Vaamonde, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Valero Jordana u K. Wiedner, bħala aġenti,

wara li nstema' l-Avukat Ġenerali u ttieħdet id-deċiżjoni li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE, 43 KE et seq., 49 KE et seq., u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Contse SA (aktar 'il quddiem "Contse"), Vivisol Srl u Oxigen Salud SA (it-tlieta li huma jiffurmaw grupp provviżorju ta' intrapriżi li għandhom impjanti għall-produzzjoni ta' l-ossiġenu fl-Italja u fil-Belġju) u l-Instituto Nacional de la Salud (Istitut Nazzjonali tas-Saħħa, aktar 'il quddiem l-"Insalud"). L-imsemmija rikorrenti ressqu rikors, minn naħa, fir-rigward ta' żewġ sejħiet għal offerti maħruġa minn dan ta' l-aħħar għal servizzi ta' terapija respiratorja fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assistit fit-territorju ta' Cáceres u Badajoz rispettivament, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Presidencia Ejecutiva de l’Insalud, ta' l-10 ta' Lulju 2000, li tiċħad il-kontestazzjonijiet magħmula kontra s-sejħa għal offerti.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 12 jipprovdi li, fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat KE u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi fih, kull diskriminazzjoni fuq bażi ta' ċittadinanza hija pprojbita.

4       L-Artikoli 43 KE u 49 KE jistabbilixxu l-libertà ta' l-istabbiliment u l-prestazzjoni libera tas-servizzi, rispettivament. Dawn id-dispożizzjonijiet huma espressjoni partikolari tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.

5       Id-direttiva 92/50 ukoll tinkludi espressjoni ta' l-istess prinċipju fl-Artikolu 3(2) billi tippreċiża li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn il-varji persuni li jipprovdu servizzi.

 Il-fatti u l-kawża prinċipali

6       Permezz ta' żewġ deċiżjonijiet ta' l-24 ta' Mejju 2000, l-Insalud ħarġet sejħiet għal offerti għal prestazzjoni ta' servizzi tat-terapija respiratorja fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assistit fit-territorju ta' Cáceres u ta' Badajoz (aktar 'il quddiem is-"sejħiet għal offerti in kwistjoni").

7       Il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-klawsoli amministrattivi partikolari u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' dawn iż-żewġ sejħiet għal offerti, minn naħa, jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' ammissjoni u, min-naħa l-oħra, kriterji ta' evalwazzjoni.

8       Il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni, li mhumiex suġġetti għal ebda evalwazzjoni, għandhom ikunu soddisfatti dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta.

9       F'dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-entità offerenti għandha jkollha mill-inqas uffiċċju miftuħ għall-pubbliku, aċċessibbli mill-inqas għal tmien siegħat kuljum, fil-għodu u wara nofs in-nhar, ħamest ijiem fil-ġimgħa, fil-kapitali tal-provinċja in kwistjoni (aktar 'il quddiem il-"kundizzjoni ta' ammissjoni").

10     Mill-proċess jirriżulta li l-kriterji ta' evalwazzjoni jirrigwardaw ċerti karatteristiċi ekonomiċi u tekniċi, li hemm xi punti allokati għalihom. F'dan il-każ, mill-massimu ta' 140 punt li jistgħu jiġu mogħtija, 40 punt huma fir-rigward ta' l-aspett ekonomiku ta' l-offerta u 100 punt jikkonċernaw il-kriterji ta' evalwazzjoni teknika ta' din ta' l-aħħar.

11     Apparti l-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' kwalità (li għalih hemm allokati 20 punt), l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma mqassma f'sezzjonijiet differenti: apparat (35 punt), prestazzjoni tas-servizz (35 punt), informazzjoni lill-pazjent (5 punti), u rapport tal-verifika tal-prestazzjoni (5 punti).

12     Taħt it-titolu tat-taqsima "apparat", fil-parti dwar il-provvista ta' l-ossiġenu kkompressat f'ċilindru tal-gass, hemm ammont massimu ta' 4.6 punti, iddeterminat skond il-produzzjoni totali annwali, li jingħata fil-każ li dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerti l-offerent ikollu, mill-inqas, żewġ impjanti għal produzzjoni ta' l-ossiġenu li jinsabu f'distanza ta' 1000 kilometru mill-provinċja in kwistjoni. Hemm nofs punt li huwa mogħti, rispettivament, fil-każ li dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerti, minn naħa, jeżisti mill-inqas impjant għall-ippakkjar taċ-ċilindri u min-naħa l-oħra, jeżisti mill-inqas impjant fejn jiġi mimli l-ossiġenu, li huma ta' l-offerenti u li, f'kull każ, jinsabu f'distanza ta' 1000 kilometru mill-provinċja in kwistjoni.

13     Taħt it-titolu tat-taqsima "prestazzjoni tas-servizz", l-eżistenza, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerti, ta' uffiċċji miftuħa għall-pubbliku, aċċessibbli mill-inqas għal tmien siegħat kuljum, fil-għodu u wara nofs in-nhar, ħamest ijiem fil-ġimgħa, fil-kapitali tal-provinċja in kwistjoni, tista' twassal għall-għoti ta' massimu ta' 0.9 punt supplimentari (0.3 punt għal kull waħda mill-ibliet imsemmija fis-sejħiet għal offerti in kwistjoni).

14     Il-kuntratt huwa mogħti lill-entità offerenti li tippreżenta l-offerta li tingħata l-aktar punti. F'każ ta' numru ekwivalenti ta' punti, l-offerta bl-aħjar evalwazzjoni teknika tirbaħ. Jekk l-ekwivalenza tippersisti, l-għażla tkun favur l-intrapriża li qabel tkun ipprovdiet l-istess servizz.

15     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw xi kontestazzjonijiet kontra s-sejħiet għal offerti in kwistjoni, li ġew miċħuda fl-10 ta' Lulju 2000, permezz tad-deċiżjoni tal-Presidencia Ejecutiva de l’Insalud.

16     Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll kontra s-sejħiet għal offerti in kwistjoni quddiem il-Juzgado Central de lo Contencioso-Administrativo ta' Madrid li ġie miċħud minnu fl-20 ta' Settembru 2001. B'hekk ġie mressaq appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

17     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn naħa, isostnu li ċerti elementi, deskritti fil-punti 8 sa 14 ta' din is-sentenza (aktar 'il quddiem l-"elementi kkontestati"), tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni jiksru l-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50, u, min-naħa l-oħra, talbu li l-qorti tar-rinviju tressaq domanda preliminari dwar dan il-punt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18     L-Insalud isostni li l-elementi kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni huma leġittimi peress illi hija n-natura sanitarja tas-servizz in kwistjoni kif ukoll il-kategorija partikolarment vulnerabbli tal-pazjenti li jiddependu minn dan is-servizz li iġiegħlu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex mhux biss jiggarantixxu l-prestazzjoni tas-servizz f'kull ħin, iżda wkoll li jieħdu in kunsiderazzjoni u jevalwaw iċ-ċirkustanzi li huma ta' natura li jnaqqsu r-riskji inerenti f'kull attività umana, u b'hekk tkun iffavorita l-offerta li kemm jista' jkun tnaqqas dawn ir-riskji.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq is-segwenti domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

"L-Artikoli 12 KE, 43 KE et seq., 49 KE et seq., u l-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 92/50] jipprekludi li, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt, fil-klawsoli amministrattivi partikolari u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirregolaw is-sejħiet għal offerti għal servizzi ta' terapija respiratorja fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assisti, jistipolaw,

1)       kundizzjonijiet ta' ammissjoni li jirrikjedu li l-intrapriżi li jixtiequ jippreżentaw l-offerta tagħhom diġà jkollhom uffiċċji miftuħa għall-pubbliku fil-provinċja jew fil-kapitali tal-provinċja fejn għandu jiġi pprovdut is-servizz; u

2)       kriterji ta' l-għoti li [jiffavorixxu l-offerti ppreżentati minn intrapriżi

a)      li għandhom impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu, li jinsabu f'distanza ta' 1000 kilometru madwar il-kapitali tal-provinċja fejn ser jiġi pprovdut is-servizz],

b)      li diġà għandhom uffiċċji miftuħa għall-pubbliku f'ċerti lokalitajiet ta' l-istess provinċja jew

c)      li diġà pprovdew is-servizz?"

 Id-domanda preliminari

20     Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 jipprekludux lill-awtorità kontraenti milli tinkludi, fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku għal prestazzjoni ta' servizzi sanitarji ta' terapija respiratorja fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assistit, minn naħa, kundizzjoni ta' ammissjoni li tirrikjedi li, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta, l-intrapriża offerenti jkollha uffiċċju miftuħ għall-pubbliku fil-kapitali tal-provinċja fejn ser jiġi pprovdut is-servizz, u min-naħa l-oħra, kriterji ta' evalwazzjoni ta' l-offerti li jieħdu in kunsiderazzjoni, permezz ta' l-għoti ta' punti supplimentari, l-eżistenza fl-istess waqt, ta' impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu li jinsabu f'distanza ta' 1000 kilometru mill-imsemmija provinċja, jew ta' uffiċċji miftuħa għall-pubbliku fl-lokalitajiet oħra speċifiċi ta' din il-provinċja, u li, f'każ ta' ekwivalenza fil-punti ta' diversi offerenti, jiffavorixxu l-intrapriża li qabel kienet diġà pprovdiet is-servizz in kwistjoni.

21     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern Awstrijak jipproponu li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun waħda pożittiva. L-Insalud u l-Gvern Spanjol isostnu t-teżi kuntrarja.

22     Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Spanjol, jidher li tikkonċerna kuntratt pubbliku għal servizzi u mhux kuntratt għal ġestjoni ta' servizz ikkwalifikat ta' konċessjoni. Fil-fatt, kif ġie indikat mill-Insalud dakinhar tas-seduta, l-amministrazzjoni Spanjola tibqa' responsabbli għal kull ħsara subita minħabba nuqqas fis-servizz. Dan l-element, li jimplika nuqqas ta' trasferiment tar-riskji marbuta mal-prestazzjoni tas-servizz in kwistjoni, u l-fatt li s-servizz huwa remunerat mill-amministrazzjoni tas-saħħa Spanjola, iwasslu għal din il-konklużjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li dan huwa effettivament il-każ.

23     Fi kwalunkwe każ, peress illi d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq regoli fundamentali previsti fit-Trattat, il-kunsiderazzjonijiet li jsegwu huma utli għaliha anke kieku l-każ kien jirrigwarda konċessjoni ta' servizz pubbliku mhux inkluż fid-Direttiva 92/50. Fil-fatt, huwa fid-dawl tal-liġi primarja u, b'mod aktar partikolari, fid-dawl tal-libertajiet fundamentali previsti fit-Trattat li għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tad-dritt Komunitarju dwar l-għoti ta' tali konċessjonijiet (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Lulju 2005, Coname, C-231/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 16).

24     Dawn ir-regoli fundamentali, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, huma ta' żewġ ordnijiet. Minn naħa, l-Artikoli 43 KE et seq. huma dwar il-libertà ta' l-istabbiliment, u min-naħa l-oħra, l-Artikoli 49 KE et seq. huma dwar il-prestazzjoni libera tas-servizzi.

25     Għandu jiġi mfakkar li, kif għamlu l-partijiet kollha li ppreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b'esklużjoni ta' l-Artikolu 46 KE, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew irendu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat inqas attraenti, għandhom, skond ġurisprudenza kostanti, jissodisfaw erba' kundizzjonijiet sabiex ikunu konformi ma' l-Arikoli 43 KE u 49 KE: li japplikaw b'mod mhux diskriminatorju, li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, li huma xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan tagħhom u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara s-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32; tat-30 ta' Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37, u tas-6 ta' Novembru 2003, Gambelli et., C-243/01, Ġabra p. I-13031, punti 64 u 65).

26     Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-elementi kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni sabiex jiġi vverifikat jekk dawn l-elementi jistgħux jostakolaw jew irendu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat inqas attraenti għall-intrapriżi li mhumiex stabbiliti fi Spanja.

27     Safejn tali elementi ma jikkostitwixxux ostakoli għall-istabbiliment ta' intrapriżi fit-territorju Spanjol, għandu l-ewwel nett, jiġi konkluż li f'dan il-każ ma teżisti ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta' l-istabbiliment.

28     It-tieni nett, għandu jiġi analizzat jekk l-imsemmija elementi jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-prestazzjoni libera tas-servizzi.

29     F'dan ir-rigward, huwa kostanti li l-Insalud huwa d-destinatarju prinċipali tas-servizzi in kwistjoni peress illi s-settur pubbliku jirrappreżenta 90 % tat-talbiet għal terapija respiratorja fid-dar. Għalhekk kif huwa ġustament irrilevat mill-Kummissjoni, il-kundizzjoni ta' ammissjoni tiġġenera serje ta' spejjeż għall-intrapriżi, li l-ħlas tagħhom huwa possibbli biss jekk dawn jingħataw il-kuntratt, u li għandhom l-effett li jrendu l-preżentazzjoni ta' offerta inqas attraenti. Ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-kriterju ta' evalwazzjoni, li bis-saħħa tiegħu jiġu mogħtija punti supplimentari jekk l-uffiċċju huwa diġà miftuħ fl-ibliet imsemmija fis-sejħiet għal offerti.

30     Fir-rigward tal-kriterji ta' evalwazzjoni relatati ma' l-impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu, huwa mifhum li, jekk l-intrapriża ma jkollhiex diġà mill-inqas xi waħda minn dawn l-impjanti, li jkunu jinsabu fid-distanza prevista ta' 1000 kilometru, hija tkun imfixkla milli tippreżenta offerta.

31     Fl-aħħar nett, il-fatt li meta żewġ offerenti jkollhom l-istess ammont ta' punti tintgħażel dik l-intrapriża li hija diġà stabbilita fis-suq Spanjol in kwistjoni huwa tali li jrendi l-preżentazzjoni ta' offerta inqas attraenti għal kull intrapriża oħra, partikolarment minħabba li hemm omoġeneità kbira fis-suq.

32     Fil-fatt, mill-proċess jidher li 97 % tas-suq Spanjol tal-gass għal użu mediku huwa kkontrollat minn erba' intrapriżi multinazzjonali. Barra minn hekk, kif irrilevat minn Contse, li ma ġietx ikkontestata dwar dan il-punt, ma jistax ikun hemm differenzi kbar bejn il-parteċipanti fir-rigward tan-numru ta' punti mogħtija għall-aspetti tekniċi minħabba l-fatt li l-offerenti kollha jużaw apparat tekniku simili li huwa prodott minn tnejn jew tliet intrapriżi.

33     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni huma kollha ta' natura li jostakolaw jew irendu l-eżerċizzju tal-prestazzjoni libera tas-servizzi, kif iggarantita mit-Trattat, inqas attraenti. Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk kull wieħed mill-elementi kkontestati jissodisfawx l-erba' kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta' din is-sentenza.

34     Fil-kuntest ta' diviżjoni ta' ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni għal domanda preliminari, tista', jekk ikun il-każ, tagħmel xi kummenti li jistgħu jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Ottubru 2002, Payroll et., C-79/01, Ġabra I-8923, punti 28 u 29). Għal dan il-għan, u b'risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ppreċiżati fil-punti segwenti.

 Il-kundizzjoni ta' ammissjoni

35     L-ewwel nett, il-miżura nazzjonali għandha tapplika b'mod li mhuwiex diskriminatorju.

36     F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta' ugwaljanza, espress b'mod partikolari fl-Artikolu 49 KE, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta' diskriminazzjoni li, b'applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (ara, is-sentenzi tad-29 ta' Ottubru 1980, Boussac Saint-Frères, 22/80, Ġabra p. 3427, punt 9, u tal-5 ta' Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-3/88, Ġabra p. I-4035, punt 8).

37     Madankollu, għalkemm il-kundizzjoni ta' ammissjoni hija applikabbli b'mod indistint għal kull intrapriża li għandha l-intenzjoni li tirrispondi għas-sejħa għal offerti in kwistjoni, huwa f'idejn il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk, fil-prattika, din il-kundizzjoni tistax tiġi sodisfatta aktar faċilment mill-operaturi Spanjoli milli minn dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor. F'tali każ, dan il-kriterju jikser il-prinċipju ta' applikazzjoni mhux diskriminatorja (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Gambelli et., iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

38     Madankollu, għandu jiġi ssottolinjat li, minħabba r-restrizzjoni fuq il-libertà ta' l-istabbiliment, il-fatt fih innifsu li l-offerent ikollu uffiċċju miftuħ għall-pubbliku fil-kapitali tal-provinċja fejn ser jiġi pprovdut is-servizz ma jippreżentax ostaklu kbir għall-operaturi barranin.

39     It-tieni nett, il-miżura nazzjonali għandha tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali.

40     F'dan il-każ, huwa kostanti li l-kundizzjoni ta' ammissjoni, kif ukoll l-elementi l-oħra kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni, huma maħsuba sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-pazjenti.

41     It-tielet u r-raba' nett, il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan tagħhom u m'għandhomx imorru lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

42     Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni kif ukoll Contse jsostnu li l-kundizzjoni li dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta l-offerent ikollu uffiċċju miftuħ għall-pubbliku fil-kapitali tal-provinċja in kwistjoni hija inutli fir-rigward ta' l-għan identifikat aktar 'il fuq, jiġifieri li tiġi ggarantita l-ħajja u s-saħħa tal-pazjenti. Għall-kuntrarju, l-Insalud jikkunsidra li l-eżistenza ta' tali uffiċċju sservi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

43     Jekk wieħed jassumi li l-eżistenza ta' tali uffiċċju tista' tiġi kkunsidrata bħala li tiggarantixxi s-saħħa tal-pazjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni li dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta l-offerent ikun jiddisponi minn tali uffiċċju, hija manifestament sproporzjonata.

44     Fil-fatt, l-argument tal-Gvern Spanjol li fih jirrileva li l-għan ta' sejħa għal offerti huwa li jiġi vverifikat liema huma l-intrapriżi li diġà għandhom il-mezzi neċessarji għall-prestazzjoni tas-servizz in kwistjoni, u b'hekk jassimila l-uffiċċju miftuħ għall-pubbliku ma' apparat ieħor neċessarju għall-prestazzjoni tas-servizz, ma jistax jiġi milqugħ.

45     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġustament issostni li tali uffiċċju mhuwiex element essenzjali għall-prestazzjoni tas-servizz in kwistjoni. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet minimi diġà jirrikjedu l-istabbiliment ta' servizz ta' sostenn tekniku, aċċessibbli 24 siegħa fuq 24, sebat ijiem fuq sebgħa, sabiex jiggarantixxi, permezz ta' mezzi inqas restrittivi fuq il-prestazzjoni libera tas-servizzi, li fl-ewwel lok jintlaħaq l-għan maħsub f'dan il-każ, jiġifieri li l-ħajja jew is-saħħa tal-pazjenti ma jiġux mqiegħda fil-periklu f'każ ta' problemi fil-ħidma jew fl-operat ta' l-apparat.

46     Barra minn hekk, kif ġie rrilevat minn Contse, f'każ ta' bżonn hemm previst perjodu tranżitorju, li matulu l-intrapriża li diġà tipprovdi s-servizz in kwistjoni titrasferixxi l-ġestjoni ta' dan is-servizz lill-entità offerenti ġdida, sabiex jiġi assigurat li t-trattamenti tal-pazjenti jitkomplew mingħajr interruzzjoni. Għandu jiġi nnotat li, f'tali każ, l-awtorità kontraenti għandha tagħti l-kuntratt lill-intrapriża li tkompli tipprovdi s-servizzi skond formula stabbilita fil-klawsoli amministrattivi partikolari tas-sejħiet għal offerti. Ir-remunerazzjoni tiżdied kull xahar sat-tielet xahar mill-għoti tal-kuntratt. Jekk l-entità offerenti ma tkunx dejjem ħadet ħsieb tal-prestazzjonijiet kollha meħtieġa, il-kuntratt jista' jiġi tterminat.

 Il-kriterji ta' evalwazzjoni

47     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, jekk huwa minnu li d-Direttiva 92/50 tapplika, kjarament, għas-sejħiet għal offerti in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-servizz in kwistjoni f'din il-kawża jidher fl-Anness I B ta' din id-direttiva. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 9 ta' din id-direttiva, l-uniċi artikoli li japplikaw għal dawn is-servizzi huma l-Artikolu 14 u 16 kif ukoll id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu I, li fihom hemm inkluż l-Artikolu 3(2) indikat mill-qorti nazzjonali, u fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII ta' l-istess direttiva. L-imsemmi Artikolu 14 jirrigwarda r-regoli komuni fil-qasam tekniku u l-imsemmi Artikolu 16 jirrigwarda n-notifikazzjonijiet li jikkonċernaw ir-riżultati tal-proċedura ta' l-għoti.

48     Għaldaqstant, u bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali, għandu jiġi ppreċiżat li l-elementi kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni mhumiex, fi kwalunkwe każ, suġġetti għall-Kapitolu 3, intitolat "Kriterji għall-għoti ta' kuntratti", tat-Titolu IV tad-Direttiva 92/50, u għal-limiti li jistabbilixxi.

49     Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-kriterji ta' evalwazzjoni, bħal kull miżura nazzjonali, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-prestazzjoni libera tas-servizzi, u li, min-naħa tagħhom, ir-restrizzjonijiet għal din ta' l-aħħar għandhom jissodisfaw l-erba' kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta' din is-sentenza.

50     Madankollu, kif ippreċiżat fil-punt 34 ta' din is-sentenza, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ppreċiżati fil-punti segwenti.

51     L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni, b'mod mhux diskriminatorju, tal-kriterju li jiddetermina l-għoti ta' punti supplimentari jekk l-offerenti għandu xi uffiċċji miftuħa għall-pubbliku f'ċerti bliet tal-provinċja fejn is-servizz ser ikun ipprovdut, jidher, kif ġie wkoll espost fir-rigward tal-kundizzjoni ta' ammissjoni, li dan il-kriterju japplika, per se, b'mod indistint għal kull intrapriża li tixtieq tippreżenta offerta.

52     Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 40 ta' din is-sentenza, huwa kostanti li l-elementi kkontestati tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni ġew kollha inklużi fis-sejħa għal offerta sabiex jiggarantixxu aħjar il-ħajja u s-saħħa tal-pazjenti. L-Insalud jispjega wkoll li dawn l-elementi kienu preċiżament intiżi sabiex isolvu l-problemi ta' provvista ta' ossiġenu u tal-ħidma ta' l-apparat u sabiex jiggarantixxu l-prestazzjoni xierqa tas-servizz in kwistjoni mingħajr dewmien inutli u mingħajr ħsara għall-pazjent.

53     Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmi kriterju huwiex xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan iżda li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-effett.

54     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni reġgħet sostniet l-argument li kienet ressqet fir-rigward tal-kundizzjoni ta' ammissjoni, jiġifieri li l-kundizzjoni li l-offerent ikollu dawn l-uffiċċji qabel l-eżekuzzjoni tal-kuntratt hija inutli u sproporzjonata. Min-naħa tagħha Contse tammetti li tali kriterju, meta wieħed jikkunsidra l-għan li jiġu assistiti l-pazjenti, jista' jkun koerenti ma' l-għan li jrid jintlaħaq, iżda hija tikkunsidra li sempliċi impenn kuntrattwali li jiġu stabbiliti tali uffiċċji f'każ li jingħata l-kuntratt kien ikun biżżejjed sabiex dan l-għan jintlaħaq. La l-Insalud u lanqas il-Gvern Spanjol ma jitkellmu speċifikament dwar dan il-kriterju ta' evalwazzjoni.

55     Dwar din il-kwistjoni, u kif ġie ppreċiżat fil-punt 43 ta' din is-sentenza, jekk wieħed jassumi li l-eżistenza ta' tali uffiċċji tista' tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni xierqa sabiex tiġi ggarantita s-saħħa tal-pazjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżiġenza li l-offerent ikollu dawn l-uffiċċji dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta hija manifestament sproporzjonata, u dan aktar u aktar peress illi l-kundizzjonijiet minimi, kif irrilevat fil-punt 45, diġà jirrikjedu l-istabbiliment ta' servizz ta' sostenn tekniku.

56     Fir-rigward tal-kriterji ta' evalwazzjoni dwar il-proprjetà ta' ċerti impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu, li jinsabu f'distanza ta' 1000 kilometru mill-provinċja fejn ikun ser jiġi pprovdut is-servizz, għandu jiġi vverifikat jekk dawn, anke jekk applikabbli b'mod indistint għal kull intrapriża, essenzjalment, jistgħux jiffavorixxu lil dawk li huma diġà stabbiliti fi Spanja.

57     Fil-fatt, b'differenza mill-ħtieġa li l-offerent ikollu uffiċċju, kundizzjoni li tista', min-natura tagħha, tiġi sodisfatta diversi drabi, skond kull meta l-għoti ta' kuntratt irendieh utli, l-eżistenza ta' impjant għall-produzzjoni, għall-ippakkjar jew għall-mili li jkun ta' l-offerent teħtieġ investiment li huwa ħafna aktar kbir u li mhux ser jiġi rripetut. In-natura ta' dan l-aħħar kriterju hija tali li ma jkunx faċli li jinstab rimedju jekk dawn l-impjanti ma jkunux diġà stabbiliti. Il-fatt li mhux biss huwa meħtieġ li l-offerent ikun jiddisponi minn tali impjanti iżda li għandu jkun il-proprjetarju ta' l-impjanti in kwistjoni jkompli jsaħħaħ l-idea li, fil-verità, dan il-kriterju jiffavorixxi l-permanenza.

58     Għaldaqstant, huma biss l-intrapriżi li diġà għandhom tali impjanti fit-territorju Spanjol, jew 'il barra minn dan it-territorju f'distanza ta' 1000 kilometru mill-provinċja in kwistjoni, li jistgħu jingħataw il-punti fir-rigward ta' dawn il-kriterji.

59     Barra minn hekk, jekk iż-żona ġeografika tinsab f'raġġ ta' 1000 kilometru madwar il-provinċji in kwistjoni, jiġifieri Cáceres u Badajoz, tinkludi, barra mit-territorju Spanjol, it-territorju kollu Portugiż, hija tinkludi biss parti minn Franza u teskludi kważi l-Istati Membri l-oħra kollha b'mod illi l-impjanti li jinsabu fil-Belġju jew fl-Italja, bħal fil-każ in eżami, jaqgħu barra mir-raġġ previst.

60     B'hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 37 ta' din is-sentenza, jekk il-qorti nazzjonali tikkunsidra li, fil-prattika, hemm kriterju li huwa sodisfatt aktar faċilment mill-operaturi Spanjoli milli minn dawk li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, dan il-kriterju jikser il-prinċipju ta' applikazzjoni mhux diskriminatorja (ara s-sentenza Gambelli et., iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

61     Fi kwalunkwe każ, jekk is-sigurtà ta' provvista tista' tifforma parti mill-kriterji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat liema offerta hija l-aktar vantaġġuża ekonomikament fil-każ ta' servizz bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa intiż sabiex jipproteġi l-ħajja u s-saħħa tal-persuni billi tiġi pprovduta produzzjoni xierqa diversifikata u qrib tal-post ta' konsum (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-28 ta' Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith, C-324/93, Ġabra p. I-563, punt 44), għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li, f'dan il-każ, dawn il-kriterji ġew adottati bil-għan li jrid jintlaħaq f'diversi rigwardi.

62     L-ewwel nett, għalkemm il-Gvern Spanjol ġustament jirrileva li kull għażla ta' distanza jew unità ta' żmien hija arbitrarja, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju ta' 1000 kilometru, stabbilit fil-każ in eżami, ma jidhirx li huwa adatt sabiex jiggarantixxi t-twettiq ta' l-għan in kwistjoni.

63     Minn naħa, il-Gvern Spanjol ma jressaq ebda element in sostenn ta' l-argument tiegħu li bih jallega li r-riskji ta' dewmien, li jiżdiedu b'mod proporzjonat mad-distanza li għandu jkun hemm, huma inqas minħabba l-kontroll li jista' jiġi eżerċitat minn dan l-Istat Membru f'każ ta' problema fit-territorju tiegħu. Għalhekk dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

64     Min-naħa l-oħra, jekk wieħed jassumi li l-qsim tal-fruntieri interni tal-Komunità Ewropea jġib miegħu dewmien li qiegħed jinkwieta dwaru l-Gvern Spanjol, ir-raġġ ta' 1000 kilometru, safejn jgħaddi l-fruntieri Spanjoli, mhuwiex adatt sabiex jilħaq l-għan mistenni.

65     It-tieni nett, il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li l-ossiġenu prodott fl-impjanti ta' produzzjoni huwa meħud fiċ-ċentri għat-trasformazzjoni f'gass, sabiex jiġi kkompressat fi fliexken, u min-naħa l-oħra, li jiġi assigurat li f'dawn iċ-ċentri jkun hemm stokk suffiċjenti ta' fliexken mimlija, f'każ ta' ħsara, ta' waqfien tekniku jew ta' urġenza, sabiex tkun iggarantita l-provvista ta' ossiġenu mill-inqas għal matul ħmistax-il jum.

66     Għaldaqstant, hekk kif irrilevat ukoll minn Contse, il-fatt li l-impjanti ta' produzzjoni jkunu qrib ma jiggarantixxix li jintlaħaq l-għan ta' sigurtà ta' provvista. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex differenti fir-rigward ta' l-impjanti għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu.

67     Il-prassi invokata mill-intrapriżi tikkonferma, fost l-oħrajn, li jeżistu mezzi inqas restrittivi fuq il-prestazzjoni libera tas-servizzi sabiex jintlaħaq l-għan ta' disponibbiltà ċerta ta' gass għall-użu mediku qrib il-post ta' konsum. Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni u minn Contse, bl-għoti ta' punti supplimentari, qed jiġu ffavoriti l-imħażen bi stokk ta' gass sabiex jikkumpensa, jekk ikun il-każ għall-perjodu ppreċiżat, għall-eventwali waqfien jew bidliet fit-trasport mill-impjanti ta' produzzjoni jew ta' mili.

68     Fl-aħħar nett, safejn il-Kummissjoni u Contse jikkritikaw l-importanza mogħtija lill-pussess ta' impjanti ta' produzzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu mhux biss jagħżlu l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt iżda wkoll jiddeterminaw l-importanza tagħhom, safejn din tippermetti evalwazzjoni qasira tal-kriterji applikati sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-aktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C-448/01, Ġabra I-14527, punt 39). Ma jistax ikun mod ieħor jekk is-servizz in kwistjoni jaqa' taħt l-Anness I B tad-Direttiva 92/50, li huwa fil-fatt il-każ fil-kuntratti in kwistjoni, u konsegwentement, jaqa' taħt sistema inqas restrittiva minn dik ta' l-għoti ta' kuntratt.

69     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, il-kriterju dwar l-impjanti ta' produzzjoni ma jirrigwardax il-prestazzjoni li hija s-suġġett tal-kuntratt, jiġifieri l-provvista fid-dar ta' ossiġenu terapewtiku, u lanqas jirrigwarda l-kwantità ta' gass li ser jiġi prodott, iżda jirrigwarda l-kapaċità massima ta' produzzjoni ta' l-impjanti fil-pussess ta' l-offerent safejn jiġu mogħtija punti supplimentari kull darba li wieħed mit-tliet limiti ta' produzzjoni totali annwali jintlaħaq.

70     Konsegwentement, il-kriterji ta' evalwazzjoni dwar, f'dan il-każ, l-għoti ta' punti supplimentari għal kapaċità ta' produzzjoni dejjem aktar għola, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jiggarantixxu li din il-produzzjoni tintlaħaq (ara, b'analoġija, is-sentenza EVN u Wienstrom, iċċitata aktar 'il fuq, punt 68).

71     Fl-aħħar nett, jekk wieħed jassumi li l-imsemmija kriterji ddettati mill-problema li tiġi ggarantita s-sigurtà ta' provvista, u konsegwentement, li jkunu marbuta ma' l-għan li jrid jintlaħaq fis-sejħiet għal offerti in kwistjoni u adatti sabiex jilħquh, għandu jiġi rrilevat li l-kapaċità ta' l-offerenti li jipprovdu l-ikbar kwantità possibbli tal-prodott ma tistax tiġi validament stabbilita fuq il-bażi ta' dan il-kriterju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza EVN u Wienstrom, iċċitata aktar 'il fuq, punt 70).

72     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sejħiet għal offerti in kwistjoni jipprovdu, bħala kundizzjonijiet sabiex tiġi ppreżentata offerta, li l-offerent ikollu aktar minn sors wieħed ta' produzzjoni u ta' mili u li jkun kapaċi jipproduċi mill-inqas 400000 m3 kull sena, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għall-provinċja ta' Cáceres, u 550000 m3 kull sena, fil-kuntest ta' dik għall-provinċja ta' Badajoz. Mill-proċess jirriżulta li dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw madwar 75 % u 80 % rispettivament tal-konsum previst għall-ewwel sena tal-kuntratt in kwistjoni.

73     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel mit-tliet limiti previsti fis-sejħiet għal offerti in kwistjoni, jiġifieri produzzjoni totali annwali ta' mill-inqas 800000 m3 u 1000 000 m3, għal kull wieħed mill-kuntratti, rispettivament, li jekk wieħed jirnexxielu jaqbiżhom fiż-żewġ każijiet, jingħata 1.3 punti, jikkorrispondi għal volum li jaqbeż il-volum totali previst fir-raba' u fl-aħħar sena tal-kuntratt in kwistjoni. Għaldaqstant, kapaċità ta' produzzjoni totali annwali ta' tali livell tista', jekk ikun il-każ, tiġi kkunsidrata bħala neċessarja għall-għan, imsemmi fil-punt 71 ta' din is-sentenza, li tiġi ggarantita s-sigurtà ta' provvista.

74     Madankollu, il-kriterji ta' evalwazzjoni għall-eżami jmorru lil hinn minn dan il-bżonn. Fil-fatt, huma wkoll mogħtija 1.3 punti jekk jintlaħaq limitu ta' produzzjoni totali annwali ta' mill-inqas 1200000 m3 u 15000003 u 2 punti supplimentari jekk din il-produzzjoni hija mill-inqas 1600000 m3 u 2000000 m3, rispettivament.

75     Għandu jiġi nnotat li dawn l-aħħar ċifri, li jikkorrispondu għat-tielet limitu ta' produzzjoni totali annwali, kull darba, jirrappreżentaw id-doppju taċ-ċifri li jikkostitwixxu l-ewwel limitu, ippreċiżat fil-punt 73 ta' din is-sentenza.

76     Minn dan jirriżulta li, safejn jingħataw massimu ta' punti lill-offerenti li għandhom kapaċità ta' produzzjoni ħafna aktar mill-konsum mistenni fil-kuntest tas-sejħiet għal offerti in kwistjoni, filwaqt li l-ewwel livell diġà jidher li hu xieraq sabiex jiggarantixxi, safejn huwa possibbli, id-disponibbiltà ta' ċertu gass, il-kriterji ta' evalwazzjoni applikati f'dan il-każ, safejn jikkonċernaw l-għoti ta' punti supplimentari f'każ li jinqabżu t-tieni u t-tielet limiti ta' produzzjoni totali annwali, mhumiex kompatibbli mal-kundizzjonijiet tad-dritt Komunitarju f'dan is-suġġett (ara, b'analoġija, is-sentenza EVN u Wienstrom, iċċitata aktar 'il fuq, punt 71).

77     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-għażla bejn żewġ offerenti li għandhom l-istess numru ta' punti, il-kriterju użat japplika biss f'każ ta' ekwivalenza mhux biss globali iżda wkoll teknika bejn iż-żewġ offerti li għandhom l-istess numru ta' punti u jintgħażel l-offerent li qabel kien jipprovdi dan is-servizz.

78     Il-kundizzjonijiet, hawn fuq esposti, li għandhom jiġu sodisfatti, huma vinkolanti wkoll fir-rigward ta' tali kriterju. Madankollu, li jintgħażel, awtomatikament u definittivament, l-operatur li kien diġà preżenti fis-suq in kwistjoni, huwa diskriminatorju.

79     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 49 KE jipprekludi lil awtorità kontraenti milli, fil-kundizzjonijiet ta' kuntratt pubbliku għal servizzi tas-saħħa ta' terapiji respiratorji fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assistit, minn naħa, tistabbilixxi kundizzjoni ta' ammissjoni li tobbliga lill-intrapriża offerenti jkollha, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta, uffiċċju miftuħ għall-pubbliku fil-kapitali tal-provinċja fejn is-servizz għandu jiġi pprovdut, u, min-naħa l-oħra, kriterji ta' evalwazzjoni ta' offerti li, permezz ta' l-għoti ta' punti supplimentari, jirrikonoxxu l-eżistenza, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta, ta' impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu li jinsabu mill-inqas f'distanza ta' 1000 kilometru mill-imsemmija provinċja, jew ta' uffiċċji miftuħa għall-pubbliku fl-lokalitajiet oħra speċifiċi ta' din il-provinċja, u li, f'każ ta' ekwivalenza fil-punti bejn diversi offerti, tiġi ffavorita l-intrapriża li qabel kienet tipprovdi s-servizz in kwistjoni, safejn dawn l-elementi japplikaw b'mod diskriminatorju, u mhumiex iġġustifikati minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali, u mhumiex xierqa sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom jew imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 Fuq l-ispejjeż

80     Peress illi, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, dawn il-proċeduri huma parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata tas-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tiddeċiedi li:

L-Artikolu 49 KE jipprekludi lil awtorità kontraenti milli, fil-kundizzjonijiet ta' kuntratt pubbliku għal servizzi tas-saħħa ta' terapiji respiratorji fid-dar u metodi oħra għat-teħid tan-nifs assistit, minn naħa, tistabbilixxi kundizzjoni ta' ammissjoni li tobbliga lill-intrapriża offerenti jkollha, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta, uffiċċju miftuħ għall-pubbliku fil-kapitali tal-provinċja fejn is-servizz għandu jiġi pprovdut, u, min-naħa l-oħra, kriterji ta' evalwazzjoni ta' offerti li, permezz ta' l-għoti ta' punti supplimentari, jirrikonoxxu l-eżistenza, dakinhar ta' l-għoti ta' l-offerta, ta' impjanti għall-produzzjoni, għall-ippakkjar u għall-mili ta' l-ossiġenu li jinsabu mill-inqas f'distanza ta' 1000 kilometru mill-imsemmija provinċja, jew ta' uffiċċji miftuħa għall-pubbliku fl-lokalitajiet oħra speċifiċi ta' din il-provinċja, u li, f'każ ta' ekwivalenza fil-punti bejn diversi offerti, tiġi ffavorita l-intrapriża li qabel kienet tipprovdi s-servizz in kwistjoni, safejn dawn l-elementi japplikaw b'mod diskriminatorju, u mhumiex iġġustifikati minħabba raġunijiet ta' interess ġenerali, u mhumiex xierqa sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom jew imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.