KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis‑16 ta’ Frar 2023 (1)
Kawża C‑756/21
X
vs
International Protection Appeals Tribunal,
Minister for Justice and Equality,
Ireland,
Attorney General
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja – Evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali – Dmir ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Terminu raġonevoli għal teħid ta’ deċiżjoni – Nuqqas ta’ osservanza – Konsegwenzi – Kredibbiltà ġenerali ta’ applikant – Kriterji ta’ evalwazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE (2) kif ukoll tal-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2005/85/KE (3).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, X, ċittadin ta’ pajjiż terz, kontra d-deċiżjoni tal-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“IPAT”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikorsi tiegħu kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet tiegħu għall-ażil u għal protezzjoni sussidjarja. Il-kawża hija bejn, minn naħa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, l-IPAT, il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General (l-Avukat Ġenerali, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“intimati”).
3. Il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) tqajjem seba’ domandi preliminari li jirrigwardaw tliet kwistjonijiet li jikkonċernaw, l-ewwel, il-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtorità determinanti mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur eventwali ta’ dan id-dmir; it-tieni, il-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli u, it-tielet, l-impatt, fuq il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant, ta’ dikjarazzjoni falza ppreżentata fl-applikazzjoni tiegħu inizjalment, peress li dan sussegwentement irtira din id-dikjarazzjoni mal-ewwel okkażjoni wara li spjega ruħu.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt internazzjonali
4. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati (4), il-kelma “refuġjat” tapplika għal kull persuna li, “billi tibża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata minħabba r-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-appartenenza tagħha għal grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li tiegħu għandha n-nazzjonalità u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż li fih hija kellha r-residenza abitwali tagħha […], ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tixtieqx tirritorna hemmhekk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
B. Id-dritt tal-Unjoni
5. Minbarra ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, jiġifieri l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 4 u l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83 (5), kif ukoll l-Artikolu 8(2) u (3), l-Artikolu 23(1) u (2), u l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 (6) huma rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.
III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin Pakistani li daħal l-Irlanda fl‑1 ta’ Lulju 2015, wara li rrisjeda fir-Renju Unit mill‑2011 sal‑2015 mingħajr ma ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
7. Fit‑2 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta fl-Irlanda applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Din it-talba kienet inizjalment ibbażata fuq dikjarazzjoni falza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali sussegwentement rtira, ibbażata fuq il-fatt li huwa sab ruħu fil-viċinanza immedjata tal-isplużjoni ta’ bomba waqt attentat terroristiku li seħħ waqt funerali fil-Pakistan u li qatlet erbgħin persuni, fosthom żewġ persuni li huwa kien jaf. Ir-rikorrent isostni li ġie affettwat profondament minn dan l-avveniment, b’tali mod li huwa kien jibża’ jgħix fil-Pakistan u kien jibża’ li jsofri perikolu serju jekk huwa jintbagħat lura. Huwa ddikjara li jsofri minn ansjetà, dipressjoni u problemi ta’ rqad. L-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fl‑14 ta’ Novembru 2016 mill-Office of the Refugee Applications Commissioner (id-Dipartiment tal-Kummissarju Responsabbli għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati, l-Irlanda).
8. Fit‑2 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati, l-Irlanda). Il-proċedura dwar dan ir-rikors ġiet sospiża minħabba emendi leġiżlattivi li saru fil‑31 ta’ Diċembru 2016, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-International Protection Act 2015 (il-Liġi tal‑2015 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali) li għaqdet id-diversi proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali previsti qabel u ħolqot, b’mod partikolari, l-International Protection Office (l-Uffiċċju għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) iktar ’il quddiem l-“IPO”) u l-IPAT.
9. Fit‑13 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq talba għal protezzjoni sussidjarja, li ġiet miċħuda mill-IPO. Fit‑13 ta’ Frar 2018, huwa ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-IPAT.
10. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019, l-IPAT ċaħdet iż-żewġ rikorsi.
11. Fis‑7 ta’ April 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) fejn talab l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-IPAT.
12. Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna, l-ewwel, li l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini kkonsultata mill-IPAT, mill‑2015 sal‑2017, kienet inkompleta u skaduta, b’tali mod li l-IPAT ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni prevalenti fil-Pakistan fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2019. Barra minn hekk, l-IPAT ma eżaminatx b’mod xieraq l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.
13. It-tieni, it-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talba tat‑2 ta’ Lulju 2015 huwa manifestament irraġonevoli u jippreġudika l-prinċipju ta’ effettività, l-Artikolu 47 tal-Karta u r-regoli minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.
14. It-tielet, l-IPAT ġiet informata bl-istat ta’ saħħa mentali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, iżda naqset milli tiżgura ruħha li kellha l-provi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tiddeċiedi korrettament fuq it-talbiet. B’mod partikolari, dik il-qorti kellha titlob perizja medika-legali, użata ġeneralment insostenn tal-applikazzjoni għall-ażil ta’ persuna li tkun ġarrbet atti ta’ tortura, jew saħansitra perizja oħra dwar l-istat ta’ saħħa mentali tagħha.
15. Ir-raba’, fir-rigward ta’ elementi oħra rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ngħatax il-benefiċċju tad-dubju, minkejja li l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu ma ġiex debitament ikkonstatat u meħud inkunsiderazzjoni. B’hekk, ċerti elementi rilevanti tal-argumenti tiegħu ma ġewx ivverifikati jew ġew injorati u ma kien hemm ebda kooperazzjoni bejnu u bejn l-istituzzjonijiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-imsemmija perizja medika-legali.
16. Il-ħames, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ikkaratterizzati mill-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ammetta li l-istorja tiegħu preċedenti tal-avvenimenti kienet falza u li teżisti possibbiltà li huwa jsofri minn problemi ta’ saħħa mentali, ikun irraġonevoli li jiġi konkluż li dan ma huwiex kredibbli fir-rigward tal-aspetti essenzjali tal-argument tiegħu.
17. Il-High Court (il-Qorti Għolja) tqis, qabelxejn, li l-IPAT naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni sa fejn la kisbet l-informazzjoni adegwata dwar il-pajjiż ta’ oriġini u lanqas perizja medika-legali. Madankollu, hija tistaqsi jekk l-IPAT kinitx marbuta, skont id-dritt tal-Unjoni, li tikseb tali perizja u jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li teżiġi, konformement mad-dritt nazzjonali, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jistabbilixxi, sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-IPAT, l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dmir.
18. Dik il-qorti tistaqsi, sussegwentement, liema konsegwenzi hija għandha tislet mill-fatt li għaddew iktar minn tliet snin u nofs bejn it-tressiq tal-applikazzjoni tat‑2 ta’ Lulju 2015 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-IPAT fis‑7 ta’ Frar 2019, terminu għal deċiżjoni li hija tqis irraġonevoli.
19. Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li dikjarazzjoni waħda falza, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rtira mal-ewwel okkażjoni wara li spjega ruħu, tista’ tiġġustifika l-kontestazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu.
20. Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2021, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Diċembru 2021, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fil-każ li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja minn applikant, kien hemm ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni deskritt fil-punt 66 [tas-sentenza M. (7)], l-eżami ta’ din l-applikazzjoni ġie mċaħħad ‘mill-effettività kollha’ tiegħu fis-sens [tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (8)]?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ksur imsemmi iktar ’il fuq tad-dmir ta’ kooperazzjoni, jagħti, fih innifsu, id-dritt lill-applikant għall-annullament tad-deċiżjoni?
3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, fuq min jaqa’, skont il-każ, l-oneru tal-prova sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni ta’ ċaħda setgħet tkun differenti li kieku kien hemm kooperazzjoni xierqa min-naħa tal-persuna li tiddeċiedi?
4) In-nuqqas li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ applikant f’terminu raġonevoli jagħti lok, favur dan tal-aħħar, ta’ dritt għal annullament ta’ deċiżjoni meta din tittieħed?
5) Iż-żmien li jittieħed għat-twettiq ta’ bidliet fil-kuntest applikabbli għall-protezzjoni tal-applikanti għal ażil fi Stat Membru għandu l-effett li jeżenta lil dan l-Istat Membru mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni internazzjonali li tkun żgurat li deċiżjoni tiġi adottata fir-rigward ta’ tali applikazzjoni għal protezzjoni f’terminu raġonevoli?
6) Meta persuna li tiddeċiedi dwar protezzjoni internazzjonali ma jkollhiex provi biżżejjed fir-rigward tal-istat tas-saħħa mentali ta’ applikant, iżda jkollha ċerti elementi li jistabbilixxu l-possibbiltà li l-applikant isofri minn problemi ta’ dan it-tip, din il-persuna li tiddeċiedi għandha, b’mod konformi mad-dmir ta’ kooperazzjoni msemmi [fis-sentenza M., (punt 66)], jew kwalunkwe bażi oħra, id-dmir li twettaq investigazzjonijiet ulterjuri, jew xi dmir ieħor, qabel ma tieħu deċiżjoni finali?
7) Meta Stat Membru jwettaq id-dmir tiegħu li jevalwa l-elementi rilevanti ta’ applikazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/83], huwa permess li jiġi ddikjarat li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant ma ġietx stabbilita, u dan minħabba gidba waħda, li ġiet spjegata u rtirata sussegwentement fl-ewwel opportunità raġonevoli disponibbli għalih, mingħajr ebda element ieħor f’dan ir-rigward?”
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21. Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
22. Fis‑17 ta’ Diċembru 2021, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.
23. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mill-intimati, mill-Gvern Ġermaniż u minn dak Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Gvern Irlandiż kif ukoll il-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta li saret fis‑16 ta’ Novembru 2022.
24. Permezz ta’ talba għal kjarifiki tal‑20 ta’ Settembru 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tippreċiża l-leġiżlazzjoni applikabbli u r-rwol mogħti lill-IPAT. Dik il-qorti wieġbet permezz ta’ att tal‑21 ta’ Ottubru 2022.
V. Fuq l-ammissibbiltà
25. L-intimati jikkontestaw l-ammissibbiltà tas-seba’ domandi preliminari.
26. L-ewwel, huma jsostnu li l-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika, sa fejn hija bbażata fuq premessa mhux sostnuta mill-qorti tar-rinviju, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-formulazzjoni ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx “ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni” u ma setgħetx tagħmel tali konstatazzjoni abbażi tal-fatti tal-kawża. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni determinanti fuq il-fatti tal-każ, li ma huwiex fil-kompetenza tagħha. Skont l-intimati, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda, minħabba r-rabta tagħhom mal-ewwel domanda.
27. It-tieni, l-intimati jsostnu li r-raba’ u l-ħames domanda huma wkoll ipotetiċi, peress li l-qorti tar-rinviju ma kkonstatatx nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli.
28. It-tielet, l-intimati huma tal-fehma li s-sitt domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, peress li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni provi mediċi pprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, mingħajr ma kkontestathom.
29. Fl-aħħar, ir-raba’, l-intimati jsostnu li s-seba’ domanda hija ta’ natura ipotetika u għalhekk ma għandhiex tingħata risposta, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali speċifika li ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-IPAT dwar il-kredibbiltà tiegħu u sa fejn, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem il-formulazzjoni ta’ din id-domanda, id-dikjarazzjoni falza ma kinitx l-uniku element li wassal lill-IPAT sabiex tikkunsidra li l-kredibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kinitx stabbilita. F’dan ir-rigward, elementi oħra rilevanti kienu jikkonċernaw il-fatt li kien biss tardivament ħafna li dan semma elementi prinċipali relatati mal-ġrajjiet fil-passat u ma talabx il-protezzjoni internazzjonali fl-applikazzjoni inizjali tiegħu.
30. Dawn l-oġġezzjonijiet ma jikkonvinċunix.
31. Infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (9).
32. F’dan il-kuntest, huwa diffiċli li jiġi affermat li d-domandi preliminari ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà, huma ipotetiċi jew ma jipprovdux il-punti ta’ fatt neċessarji.
33. F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tas-sitt domanda, huwa ċertament minnu li l-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju ma humiex indizji ta’ “ksur totali tad-dmir ta’ kooperazzjoni” mill-IPAT (10). Madankollu, minn dawn id-domandi jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn il-fatti jikkorrispondux għal ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti mal-applikant u dwar il-konsegwenzi li hija għandha, jekk ikun il-każ, tislet minn tali konstatazzjoni, fid-dawl tal-limiti li d-dritt nazzjonali jimponi fuq dawn l-awtoritajiet (11).
34. Għal dak li jikkonċerna r-raba’ u l-ħames domanda, il-fatt li l-qorti tar-rinviju għadha ma kkonstatatx nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli iżda li hija għandha l-intenzjoni li tagħmel dan lanqas ma huwa raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż, f’dan il-każ, li dawn huma domandi ipotetiċi.
35. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sitt domanda tirrigwarda l-obbligu eventwali li tinkiseb perizja medika-legali addizzjonali għal dawk ipprovduti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-fatt li l-IPAT ħadet inkunsiderazzjoni l-provi mediċi ppreżentati mill-persuna kkonċernata, mingħajr ma kkontestathom, ma huwiex relatat ma’ dan l-obbligu u ma jistax jikkonfuta r-rilevanza ta’ din id-domanda.
36. Fl-aħħar, fir-rigward tas-seba’ domanda, għandu jiġi rrilevat li l-intimati jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha tar-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti relatati mal-kredibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.
37. Fil-qosor, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika l-kwistjonijiet legali ta’ kawża li titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
38. Għaldaqstant, id-domandi preliminari għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ammissibbli u għandhom jiġu analizzati fuq il-mertu.
VI. Fuq il-mertu
A. Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85
39. Jidhirli li huwa utli, qabel ma nindirizza l-eżami tad-domandi preliminari, li nfakkar fil-qosor il-kuntest li minnu jifformaw parti d-Direttivi 2004/83 u 2005/85.
40. Fl-ewwel lok, nixtieq nirrileva li mill-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-pedament tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati. Bl-istess mod, mill-premessi 16 u 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta li d-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ dan tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (12). Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 2005/85, mill-premessi 2, 3, 5 u 7 tagħha jirriżulta li din tistabbilixxi qafas komuni tal-garanziji li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tal-imsemmija konvenzjoni. L-Artikolu 33 ta’ din tal-aħħar jistabbilixxi l-prinċipju ta’ non-refoulement. Dan il-prinċipju huwa ggarantit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta (13).
41. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/83 u 2005/85 għandha ssir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi, fl-osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tat-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE (14). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83 u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85, fl-osservanza tad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta (15).
42. Fit-tieni lok, nixtieq nirrileva wkoll li filwaqt li l-għan tad-Direttiva 2004/83 huwa li tistabbilixxi standards minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, u l-kontenut ta’ din il-protezzjoni, dak tad-Direttiva 2005/85 huwa li tistabbilixxi standards minimi dwar il-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet filwaqt li tippreċiża d-drittijiet tal-applikanti għall-ażil.
43. Huwa f’dan il-kuntest li ser nittratta d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel ser neżamina l-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-awtorità determinanti mal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, kif ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn eventwali ksur ta’ dan id-dmir (Taqsima B). Sussegwentement ser neżamina l-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli fid-dawl tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 (Taqsima C). Fl-aħħar nett, ser neżamina l-kwistjoni dwar il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant (Taqsima D).
B. Fuq il-portata tad-dmir ta’ kooperazzjoni u l-konsegwenzi tal-ksur tiegħu (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt domanda)
44. Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tas-sitt domanda tagħha, li għalihom nipproponi li tingħata risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jimponix fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb informazzjoni aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, meta jeżistu indizji ta’ problemi tas-saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu. Hija tistaqsi, barra minn hekk, dwar jekk il-ksur ta’ dan l-obbligu jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad dawn l-applikazzjonijiet jew jekk fuq l-applikant jistax jiġi impost l-obbligu li juri li d-deċiżjoni setgħet kienet differenti fl-assenza ta’ tali ksur.
45. Jidhirli li r-risposta għal dawn id-domandi tista’ tiġi ddeterminata billi tiġi eżaminata t-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni fuq l-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83.
1. Fuq is-sinjifikat tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru
46. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant dwar il-pajjiż ta’ oriġini ma kinitx aġġornata, anki fid-data li fiha l-applikant kien ipproduċiha. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ konstatazzjoni kruċjali fid-deċiżjoni kkontestata (16), l-IPAT tirreferi għal missjoni ta’ inkjesta Awstrijaka tal‑2015 (17) u għal rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) (tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)) tal‑2017 (18). Skont dik il-qorti, dawn l-elementi ma setgħux, proprjament, jitqiesu li jikkostitwixxu informazzjoni aġġornata dwar il-pajjiż tal-oriġini fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, mogħtija fis‑7 ta’ Frar 2019 (19). Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M., il-qorti tar-rinviju tqis li l-IPAT naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni peress li ma kisbitx informazzjoni adegwata u aġġornata dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-applikant.
47. Jidhirli li dan l-approċċ huwa a priori raġonevoli. Madankollu, huwa xieraq li jiġu ċċarati ċerti elementi.
48. Infakkar li, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna l-“evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkostanzi” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-“evalwazzjoni” sseħħ f’żewġ stadji distinti. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni u, it-tieni, l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ partikolari, il-kundizzjonijiet sostantivi previsti mill-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti (20).
49. F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni dwar liema hija, konkretament, it-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni mal-applikant fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ stadji.
a) Fuq ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-ewwel stadju ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali
50. Infakkar mill-bidu li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, għalkemm huwa ġeneralment l-applikant li għandu jissottometti l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni tiegħu, il-fatt jibqa’ li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu d-dmir li jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-elementi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni (21). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni timponi “obbligu pożittiv” fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jaġixxu f’kooperazzjoni mal-applikant sabiex jevalwaw dawn l-elementi (22).
51. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-provi li jistgħu jiġġustifikaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jikkorrispondu għall-informazzjoni tal-applikant u għad-dokumenti kollha li huwa għandu dwar is-sitwazzjoni individwali tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, tal-età tiegħu, tal-passat tiegħu, tal-identità tiegħu jew tan-nazzjonalità/jiet tiegħu. Din id-dispożizzjoni tirreferi għalhekk għall-elementi rilevanti kollha sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni u, għaldaqstant, tikkonċerna l-informazzjoni u d-dokumenti relatati maċ-ċirkustanzi fattwali fil-passat tal-applikant, inklużi dawk relatati mal-“pajjiż(i) u [l-]post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel”.
52. Infakkar ukoll li t-tifsira tar-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni diġà ġiet iċċarata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar indikat li, jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, il-provi pprovduti minn applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikkoopera attivament mal-applikant, f’dan l-istadju tal-proċedura, sabiex l-elementi kollha meħtieġa li jissostanzjaw l-applikazzjoni jkunu jistgħu jinġabru (23). Hija indikat ukoll li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu ta’ spiss ikunu f’pożizzjoni aħjar mill-applikant sabiex jiksbu aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti (24).
53. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, huwa evidenti li, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni li tikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb informazzjoni kompleta u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali.
54. Dan premess, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk jeżistix tali obbligu ta’ “kooperazzjoni” fuq l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tat-tieni stadju tal-evalwazzjoni.
b) Jeżisti rekwiżit ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tat-tieni stadju ta’ evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi insostenn tal-applikazzjoni?
55. Infakkar li l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi, fir-rigward tal-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-mod kif dawn jiġu applikati.
56. Din l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni hija, kif diġà esponejt (25), it-tieni stadju fil-kuntest tal-“evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi” ta’ applikazzjoni għal ażil jew għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83. Dan l-istadju jikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex effettivament ta’ natura li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-protezzjoni internazzjonali mitluba (26).
57. Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-mertu tal-applikazzjoni huwa r-responsabbiltà unika tal-awtorità nazzjonali kompetenti, b’tali mod li, f’dan l-istadju tal-proċedura, rekwiżit ta’ kooperazzjoni minn din l-awtorità mal-applikant, kif preskritt fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, hija irrilevanti (27). F’dan ir-rigward, infakkar li, mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 jirriżulta li l-awtorità determinanti hija inkarigata li twettaq “eżami xieraq” tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom (28). B’mod partikolari, mill-Artikolu 8(2)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini ta’ applikanti għall-ażil (29) minn diversi sorsi, bħall-HCR (30).
58. Għalhekk, naqbel perfettament mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, skont l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83, l-awtorità determinanti hija obbligata tmur lil hinn mis-sempliċi dmir ta’ kooperazzjoni mal-applikant f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini. Fil-fatt, meta persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri huma obbligati jagħtu l-protezzjoni internazzjonali mitluba, peress li l-awtoritajiet tagħhom ma għandhomx setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (31). Issa, peress li, konformement mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni bħala infondata biss jekk l-awtorità determinanti tkun stabbilixxiet li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintalab l-istatus ta’ refuġjat skont id-Direttiva 2004/83, din l-awtorità ma tistax tiċħad applikazzjoni mingħajr ma twettaq “eżami xieraq” tagħha u, għalhekk, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini.
59. B’mod partikolari, dan huwa iktar u iktar minnu għall-kundizzjoni tal-perikli serji, imsemmija fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva 2004/83, li jikkonsistu f’theddida serja u individwali għall-ħajja ta’ pajżan jew persuna minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat internazzjonali jew intern, bħal dawk imsemmi fil-kawża prinċipali (32). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ dawn it-tipi ta’ theddid ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-applikant jipproduċi l-prova li huwa ikkonċernat speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tiegħu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-grad ta’ vjolenza indiskriminata li jikkaratterizza l-kunflitt armat attwali għandu jiġi evalwat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li quddiemhom titressaq applikazzjoni jew mill-qrati ta’ Stat Membru li lilhom tiġi rrinvijata deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tali applikazzjoni (33). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux jew ma jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata tista’ bir-raġun tibża’, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni għandha, f’kull każ, titwettaq b’viġilanza u prudenza, peress li huma inkwistjoni kwistjonijiet ta’ integrità tal-persuna umana u tal-libertajiet individwali, kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-valuri fundamentali tal-Unjoni (34).
60. Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, l-obbligu li tikseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali. Fi kliem ieħor, din l-awtorità ma tistax tillimita ruħha li teżamina informazzjoni parzjali jew skaduta, ipprovduta mill-applikant insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, iżda għandha tikseb informazzjoni aġġornata.
2. Id-dmir ta’ kooperazzjoni jimplika, għall-awtorità determinanti, l-obbligu li tinkiseb perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant?
61. Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ippreżenta lill-IPO rapport mediku li jenfasizza l-eżistenza ta’ disturbi tas-saħħa mentali li jirriżulta mill-fatt li kien fil-viċinanza immedjata tal-isplużjoni ta’ bomba waqt attentat terroristiku fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu (35). Dik il-qorti tispjega li l-IPO argumenta quddiem l-IPAT li tali rapport ma kienx jippermetti li jiġi stabbilit jekk id-disturbi tas-saħħa mentali li ġarrab l-l-applikant kinux ikkawżati jew le minn din l-isplużjoni. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-IPAT kienet tal-istess fehma u qieset li perizja medika-legali, jiġifieri “rapport Spirasi”, seta’ effettivament ikun “ta’ utilità ikbar” (36). Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li kemm l-IPO kif ukoll l-IPAT qiesu li r-rapport mediku ppreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx suffiċjenti u li perizja medika-legali kienet tkun rilevanti.
62. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dmir ta’ kooperazzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jimponix fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-obbligu li jiksbu tali perizja.
63. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel stadju tal-evalwazzjoni li jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali, nosserva li tali rekwiżit ma jirriżultax mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-għan tad-Direttiva 2004/83 huwa li tistabbilixxi regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali. Issa, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi tali obbligu fuq l-Istati Membri, huwa kien ċertament jispeċifika dan b’mod espliċitu. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw jekk perizja medika-legali hijiex rilevanti jew le għall-evalwazzjoni individwali li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jwettqu, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83 (37).
64. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-intimati, meta, bħal f’dan il-każ, dawn l-awtoritajiet iqisu li l-perizja medika-legali inkwistjoni hija rilevanti jew meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (38), fil-fehma tiegħi, mid-dmir ta’ kooperazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, jirriżulta li huma għandhom jinformaw lill-applikant u jikkooperaw miegħu sabiex ikunu jista’ jkollhom tali perizja (39). Kif diġà osservajt, mir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jirriżulta li meta l-awtorità determinanti tqis li l-elementi prodotti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, huma skaduti jew irrilevanti, din l-awtorità hija obbligata li tikkoopera b’mod attiv mal-applikant sabiex jiġi permess il-ġbir tal-elementi kollha meħtieġa (40) sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu provi insostenn tal-applikazzjoni.
65. Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni stadju tal-evalwazzjoni dwar l-evalwazzjoni ġuridika tal-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni, infakkar li mill-Artikolu 4(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti ppreżentati mill-applikant, inkluża informazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk dan kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjonijiet jew għal perikolu serju, kif ukoll l-istatus u s-sitwazzjoni personali tal-applikant sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-atti li għalihom kien espost jew li għalihom jista’ jkun espost jistgħux jitqiesu bħala persekuzzjoni jew perikolu serju. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva ma jeskludix l-użu ta’ perizji fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi (41). Għalhekk huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-evalwazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ provi dokumentarji jew provi oħra skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali (42).
66. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit li tinkiseb perizja medika legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant meta l-awtoritajiet nazzjonali jikkunsidraw li dan huwa rilevanti jew meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-provi huwa kkorroborat mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu l-obbligu li l-awtorità determinanti twettaq “eżami xieraq” tal-applikazzjonijiet u wara tagħti d-deċiżjoni tagħha dwarhom (43). Fil-fatt, din l-awtorità ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq tali eżami xieraq tal-applikazzjonijiet, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jekk, għalkemm tqis li perizja medika legali tirriżulta li hija rilevanti jew meħtieġa sabiex titwettaq l-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni inkwistjoni, hija ma tiksibhiex.
67. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 4(3)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2004/83 jimponi fuq l-awtorità determinanti, fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85, meta hija tqis li l-perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, li tikseb tali perizja. Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan tad-Direttiva 2004/83 u xxejjen mis-sustanza tagħhom kemm l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85.
3. Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni u tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni
68. Qabel ma nanalizza l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-ksur tal-obbligi tad-dmir ta’ kooperazzjoni u tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni (taqsimiet ċ) u d)), għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 jeħtieġx li l-qorti tal-ewwel istanza tkun tista’ teżerċita stħarriġ fil-mertu ex nunc fuq deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil jew għal protezzjoni internazzjonali (taqsima a)). Fl-affermattiv, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-IPAT għandhiex titqies bħala awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 (taqsima (b)).
a) Fuq il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85
69. Infakkar li l-Artikolu 39(1)(a) tad-Direttiva 2005/85 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax li huwa neċessarju li l-imsemmija qorti tkun tista’ teżerċita tali stħarriġ ex nunc. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, fil-fehma tagħha, dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja.
70. Nosserva, f’dan ir-rigward, li tali rekwiżit jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, li ssostitwixxa l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Madankollu jidhirli li huwa utli li jiġi nnotat, kif ikkonstatat il-Kummissjoni matul il-proċedura leġiżlattiva dwar dan l-Artikolu 46, li din id-dispożizzjoni “hi infurmata l-iktar minn żviluppi għaddejjin fil-każistika [ġurisprudenza] tal-[Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem]” (44). Għalhekk ser neżamina jekk l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprevedix l-imsemmi rekwiżit.
71. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi konferma tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li jipprovdi li kull persuna li ġġarrab ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandu jkollha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu (45). B’mod partikolari, hija ddeċidiet li, sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun effettiv, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’, fil-kuntest ta’ eżami fil-fond, tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet li wasslu sabiex l-awtorità amministrattiva kompetenti tikkunsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala infondata (46). Infakkar, f’dan ir-rigward, li kull deċiżjoni dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti minn protezzjoni sussidjarja għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni individwali (47).
72. It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (48), li rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni amministrattiva, li fil-kuntest tagħha l-qorti adita ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma tiżgurax protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti, li tippermetti lill-persuna kkonċernata teżerċita d-drittijiet li hija tislet minn dan ir-regolament u mill-Artikolu 47 tal-Karta (49).
73. It-tielet, għandu jiġi miżjud ukoll li, kif fakkar l-Avukat Ġenerali Mengozzi, ir-rekwiżit ta’ “eżami komplet”, li ma huwiex limitat għar-regoli tad-dritt applikabbli, iżda jestendi għall-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-fatti, ilu żmien twil li ġie stabbilit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (50). Skont dik il-qorti, dan l-eżami għandu jkun mill-qrib, indipendenti, rigoruż u komplut u għandu jippermetti li jitwarrab kull dubju, irrispettivament minn kemm huwa leġittimu, dwar in-natura infondata ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u dan irrispettivament mill-portata tal-kompetenzi tal-awtorità inkarigata mill-istħarriġ (51).
74. Għalhekk għandu jitqies li l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-qorti tal-ewwel istanza tkun tista’ teżerċita stħarriġ ex nunc fuq deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali.
b) Fuq il-klassifikazzjoni tal-IPAT bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85
75. Fir-risposta tagħha għal talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tindika, minn naħa, li l-IPO jieħu d-deċiżjoni li tagħti jew tiċħad il-protezzjoni internazzjonali fl-ewwel istanza, u dan fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85 (52). Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tispjega li l-IPAT taġixxi, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, bħala awtorità ġudizzjarja li teżerċita l-ewwel grad ta’ stħarriġ ġudizzjarju li quddiemha jista’ jiġi ppreżentat rikors fuq il-livelli tal-fatti u tad-dritt kontra deċiżjoni tal-ewwel istanza meħuda mill-awtorità determinanti (jiġifieri l-IPO), fis-sens tal-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva (53). Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li l-IPAT tieħu deċiżjonijiet ex nunc u għandha s-setgħa li teżiġi li l-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jagħmel inkjesti u jipprovdilha informazzjoni (54).
76. Konsegwentement, jiena tal-fehma li, sa fejn id-deċiżjoni tal-awtorità determinanti għandha, skont l-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, tittieħed wara “eżami xieraq” li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti kollha relatati mal-pajjiż ta’ oriġini, inkluż, meta hija tqis li hija rilevanti jew neċessarja, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tal-applikant, l-istħarriġ, minn qorti tal-ewwel istanza, tal-fondatezza tal-motivi ta’ din l-awtorità jimplika, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-eżami ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini li fuqha kienet, fost oħrajn, ibbażata d-deċiżjoni amministrattiva li hija s-suġġett tal-istħarriġ.
77. Bl-istess mod, jekk dik il-qorti tqis li l-provi prodotti mill-applikant ma humiex suffiċjenti sabiex jissostanzjaw id-dikjarazzjoni tiegħu li huwa diġà kien suġġett għal perikolu serju, u lanqas sabiex jiġi evalwat b’mod partikolari l-istat ta’ saħħa mentali tiegħu, hija għandha tkun tista’ tordna miżuri istruttorji sabiex l-applikant ikun jista’ jipprovdi perizja medika-legali. Dan jimplika li l-qorti tal-ewwel istanza li teżamina r-rikors tista’ twettaq eżami ex nunc, jiġifieri mhux abbażi ta’ ċirkustanzi li l-awtorità li adottat id-deċiżjoni kienet taf bihom jew kellha tkun taf bihom fil-mument ta’ din l-adozzjoni, iżda abbażi ta’ dawk li kienu jeżistu fil-mument meta l-qorti tiddeċiedi.
78. Konsegwentement, l-IPAT, bħala qorti msemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija obbligata tikseb u teżamina informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, inkluża perizja medika-legali meta hija tqisha rilevanti jew neċessarja, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura rimedju effettiv kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti, f’dan il-każ tal-IPO, li tirrifjuta li tagħti d-dritt għall-ażil jew il-protezzjoni internazzjonali.
c) Fuq il-possibbiltà ta’ annullament tad-deċiżjoni li tiċħad it-talbiet
79. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tali obbligu jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali.
80. Għandi nippreċiża li, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat, billi għamlet riferiment għall-punti 102 u 103 tas-sentenza D. u A., li s-sistema Irlandiża tal-għoti u tal-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat tinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ stħarriġ tal-IPO u tal-IPAT quddiemha fuq il-livell ta’ żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-applikazzjoni (55). Għaldaqstant, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju.
81. Dan ifisser, jidhirli, li l-qorti tar-rinviju tiżgura stħarriġ tat-tieni grad. Għaldaqstant, l-eżami tagħha huwa limitat għal eventwali żbalji ta’ liġi, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, tal-ksur tal-obbligu, kemm tal-awtorità determinanti kif ukoll tal-qorti tal-ewwel istanza, li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, inkluża perizja medika-legali meta huma jqisu li dan huwa rilevanti jew neċessarju.
82. Minkejja li l-ksur ta’ tali obbligu jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad dawn it-talbiet, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki l-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fil-każ fejn hija tiddeċiedi li twettaq żball ta’ liġi, hija tibgħat lura l-kawża quddiem l-IPAT sabiex din il-qorti tagħti deċiżjoni ġdida ta’ appell fuq il-livell tal-fatti u tad-dritt. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ tali żball.
d) Fuq l-oneru tal-prova
83. Jista’ jiġi impost fuq l-applikant l-obbligu li juri li d-deċiżjoni setgħet kienet differenti fl-assenza tal-ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni?
84. Il-Gvern Ġermaniż isostni, ġustament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, jekk il-qorti tal-ewwel istanza tipproċedi hija stess għal eżami komplet sabiex tiddetermina jekk l-applikant għall-ażil għandux dritt għall-protezzjoni internazzjonali abbażi taċ-ċirkustanzi fattwali attwali, ma huwiex neċessarju li l-partijiet fil-proċedura juru li d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti nazzjonali setgħet kienet differenti.
85. F’dan ir-rigward ninnota li, għalkemm huwa ċertament minnu li din il-kwistjoni taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li, kif diġà spjegajt, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-ażil jew ta’ protezzjoni internazzjonali, kif ukoll l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta (56) u mill-prinċipju ta’ non-refoulement jimponu eżami ex nunc mill-qorti tal-ewwel istanza, imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 (57).
86. Konsegwentement, fid-dawl tal-importanza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, ma jidhirlix li huwa rilevanti li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, l-oneru li jintwera li d-deċiżjoni setgħet tkun differenti fl-assenza ta’ tali ksur huwa fuq l-applikant. Għall-kuntrarju, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-oneru li ssir tali turija huwa, fil-fehma tiegħi, eċċessiv, peress li dan l-obbligu huwa fuq din l-awtorità nazzjonali u fuq dik il-qorti u mhux fuq l-applikant.
C. Fuq il-konsegwenzi tal-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-ażil u għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli (ir-raba’ u l-ħames domanda)
87. Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk it-terminu ta’ iktar minn tliet snin u nofs li ddekorra bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil u d-deċiżjoni tal-IPAT jistax jiġi ġġustifikat mill-emendi leġiżlattivi li saru fl-Irlanda matul din il-proċedura u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk tali terminu, li hija tikklassifika bħala “mhux raġonevoli”, jistax jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
88. Qabel ma nirrispondi għal dawn id-domandi, ser neżamina fil-qosor liema huma d-differenzi bejn it-termini previsti fl-Artikoli 23 u 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll in-natura tagħhom.
1. Fuq id-differenzi bejn it-termini previsti fl-Artikoli 23 u 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll in-natura tagħhom
89. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-istruttura u mill-loġika tad-Direttiva 2005/85, b’mod partikolari mid-distinzjoni bejn il-proċeduri tal-ewwel istanza, previsti fil-Kapitolu III, u l-proċeduri ta’ appell, previsti fil-Kapitolu V, jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, imsemmi fl-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, u t-terminu għat-teħid tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, imsemmi fl-Artikolu 39 tal-imsemmija direttiva.
90. Fir-rigward, l-ewwel, tan-natura tat-terminu previst fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, infakkar li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali proċedura tiġi konkluża mill-iktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet(58). Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tirrigwarda biss it-terminu adegwat sabiex l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami. Dan it-terminu ta’ sitt xhur huwa għalhekk terminu indikattiv u bl-ebda mod ma huwa vinkolanti fuq din l-awtorità.
91. Dan huwa kkorroborat, minn naħa, mill-għan tad-Direttiva 2005/85. Infakkar, f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza li l-proċeduri stabbiliti minn din id-direttiva jikkostitwixxu standards minimi u li l-Istati Membri għandhom f’diversi aspetti marġni ta’ diskrezzjoni għall-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali (59). B’mod partikolari, hija rrilevat li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli tali marġni ta’ diskrezzjoni hija riflessa, b’mod partikolari, fil-formulazzjoni tal-premessa 11 u tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/85, iddedikat għall-proċedura ta’ eżami (60). Fil-fatt, l-interess li huwa marbut mal-ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil huwa, kif jirriżulta minn din il-premessa, huwa kondiviż kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-applikanti għal ażil (61).
92. In-natura indikattiva ta’ dan it-terminu hija wkoll kkorroborata, min-naħa l-oħra, mill-inċiżi (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li fejn deċiżjoni ma tistax tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant għandu jkun informat dwar id-dewmien jew jirċievi, meta jagħmel talba għal dan, informazzjoni dwar it-terminu li fih tista’ tingħata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, din l-informazzjoni ma timplika ebda obbligu għall-Istat Membru, lejn l-applikant, li jagħti deċiżjoni fit-terminu indikat.
93. Fir-rigward, it-tieni, tan-natura tat-termini stipulati fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, infakkar li l-paragrafu (4) ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini għall-eżami mill-qorti tal-ewwel istanza tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità determinanti (62). Għalhekk minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li hija ma tistabbilixxix terminu, indikattiv jew obbligatorju, li fih din il-qorti għandha tiddeċiedi fuq rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti.
94. Wara din il-preċiżazzjoni, għandi nirrileva li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-IPO ittieħdet iktar minn sittax-il xahar wara l-preżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-applikazzjoni għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, filwaqt li d-deċiżjoni tal-IPAT li tiċħad ir-rikors kontra din id-deċiżjoni ngħatat sentejn u xahrejn wara l-preżentata tar-rikors tiegħu. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatt li d-deċiżjoni li tikkonferma r-rifjut li tingħata l-protezzjoni internazzjonali lir-rikorrent fil-kawża prinċipali ngħatat tliet snin u seba’ xhur wara l-preżentata tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu.
95. Konsegwentement, anki jekk, kif esponejt, għandha ssir distinzjoni bejn it-terminu indikattiv tal-proċedura ta’ eżami, imsemmi fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2005/85, u t-terminu tal-proċedura ta’ appell li jista’ jiġi stabbilit mill-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 39(4) ta’ din id-direttiva, u minkejja li naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li d-Direttiva 2005/85 ma tistabbilixxix terminu mandatorju li fih deċiżjoni finali għandha tingħata, madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk dan it-terminu ta’ tliet snin u nofs huwiex raġonevoli.
96. Ma jidhirlix li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet li ġejjin.
2. Fuq l-assenza ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet f’terminu raġonevoli
97. Fl-ewwel lok, huwa ċertament minnu li, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, sabiex jirregolaw dawn il-modalitajiet, filwaqt li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni internazzjonali (63).
98. Madankollu, infakkar, minn naħa, li l-effettività tal-aċċess għall-istatus mogħti għal protezzjoni internazzjonali teħtieġ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-eżami tal-applikazzjoni jsir f’terminu ta’ żmien raġonevoli (64). Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali Bot, l-applikazzjonijiet għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, “għandhom ikunu suġġetti għal eżami diliġenti, li jsir fi żmien raġonevoli, peress li r-rapidità tal-proċedura tikkontribwixxi mhux biss għaċ-ċertezza ġuridika tal-applikant, iżda wkoll għall-integrazzjoni tiegħu” (65).
99. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm it-tul tal-proċedura tal-eżami tat-talbiet quddiem l-awtorità determinanti kif ukoll dak tal-proċedura ta’ rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ, rispettivament, l-IPO u l-IPAT.
100. Min-naħa l-oħra, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, immexxija mill-awtorità nazzjonali kompetenti (66).
101. Dan ifisser li t-tul totali ta’ proċedura ta’ applikazzjoni għal ażil jew għal protezzjoni internazzjonali għandu jirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, u l-effettività tad-dritt għal rimedju effettiv. F’dan ir-rigward, infakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi b’mod partikolari li “kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” (67). Għandi nirrileva wkoll li, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tal-applikanti għall-ażil jew għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru li fih jinsab dan l-applikant għandu għalhekk jiżgura li ma jaggravax sitwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant permezz ta’ proċeduri ta’ eżami li jkunu ta’ tul mhux raġonevoli.
102. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali terminu mhux raġonevoli, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jinvoka l-emendi leġiżlattivi li saru matul il-proċedura fil-kawża prinċipali sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli (68).
103. Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli jistax jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-ażil jew għall-protezzjoni internazzjonali, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni fuq dawn l-applikazzjonijiet f’terminu raġonevoli ma jikkostitwixxix raġuni rilevanti sabiex jiġi deċiż, fil-kuntest tar-rimedju msemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85, jekk rifjut li tingħata l-protezzjoni internazzjonali huwiex konformi mar-regoli u mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2004/83.
104. Fil-fatt, ir-rimedju msemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 għandu l-għan li jiddeċiedi jekk l-awtorità determinanti kinitx iġġustifikata meta kkunsidrat li applikant ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk persuna effettivament teħtieġx din il-protezzjoni jew le għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterji għall-għoti ta’ tali protezzjoni, stabbiliti fid-Direttiva 2004/83. Il-fatt li d-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali ma tteħditx fi żmien raġonevoli huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni u ma jistax iservi bħala bażi għad-deċiżjoni tal-għoti ta’ protezzjoni.
105. Dan espost, infakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jispeċifika li “[k]ull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata” (69). Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (70). F’dan il-każ, jekk it-tul totali tal-proċedura jwassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli minħabba dan il-ksur jista’ jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-imsemmija applikazzjonijiet, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (71).
D. Fuq il-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant (is-seba’ domanda)
106. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dikjarazzjoni falza fl-applikazzjoni inizjali, li l-applikant irtira mal-ewwel okkażjoni, tiġġustifikax il-kontestazzjoni tal-kredibbiltà tiegħu.
107. Infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jipprevedi l-possibbiltà l l-Istati Membri jikkunsidraw li l-applikant għandu l-obbligu li jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, peress li dan l-obbligu jikkonsisti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[fil-preżentazzjoni tal-elementi] kollha meħtieġa” (72). L-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi dawn l-elementi bħala li huma dawk li jikkorrispondu, b’mod partikolari, “mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(5) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux sostnuti minn provi dokumentarji jew oħrajn (73), dawn l-aspetti ma jeħtiġux konferma meta jiġu ssodisfatti ħames kundizzjonijiet kumulattivi, fejn waħda minnhom hija li “il-kredibilita ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita” (74).
108. Madankollu, nirrileva li la d-Direttiva 2004/83 u lanqas id-Direttiva 2005/85 ma jippreċiżaw x’għandu jinftiehem bi “kredibbiltà” u ma jagħtux indikazzjonijiet fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-“kredibbiltà ġenerali” tal-applikant mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-qrati kompetenti.
109. Skont l-HCR, “[i]l-kredibilità hija stabbilita meta l-applikant jippreżenta talba koerenti u plawżibbli, li ma tkunx kunfliġġenti ma’ informazzjoni ġenerali magħrufa, u li għalhekk tista’, fid-dawl ta’ kollox, tiġi emmnuta” (75). Minn din id-definizzjoni jirriżulta li dawn il-kriterji jikkorrispondu għal waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri dik li skontha “id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jistabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant” (Artikolu 4(5)(ċ)) (76). Għalhekk, din id-definizzjoni ma jidhirlix li hija rilevanti għad-definizzjoni tal-kriterju ta’ “kredibilità ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 4(5)(e) ta’ din id-direttiva. Minn dan niddeduċi pjuttost li dan il-kriterju għandu jiġi evalwat mill-awtorità determinanti fil-kuntest tal-obbligu tagħha li twettaq evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali tal-applikant, konformement mal-Artikolu 4(3)(ċ) tal-imsemmija direttiva.
110. F’dan ir-rigward, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret ir-rekwiżit li huwa impost fuq l-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 13(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 (77) u l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/83, li jwettqu l-intervista billi jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali jew ġenerali li fiha taqa’ l-applikazzjoni, b’mod partikolari l-vulnerabbiltà tal-applikant, u jwettqu evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-istatus individwali u s-sitwazzjoni personali ta’ kull applikant (78).
111. F’dan il-kuntest, il-fatt li applikant ikun ippreżenta dikjarazzjoni falza ma jfissirx, fih innifsu, li din id-dikjarazzjoni hija sinjifikattiva jew determinanti għall-eżitu tal-applikazzjoni, mingħajr l-eżistenza ta’ fatturi addizzjonali li jindikaw li l-allegazzjonijiet tal-applikant huma infondati (79). Fil-fatt, diversi raġunijiet jistgħu jispjegaw għaliex applikant ippreżenta dikjarazzjoni falza (80). Għalhekk, jekk prova tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-applikant, l-uffiċjal tal-każ għandu jsolvi l-kwistjoni u jagħti lill-applikant l-opportunità li jispjega l-inkonsistenzi (81).
112. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-talba tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet inizjalment ibbażata fuq dikjarazzjoni falza waħda u li huwa rtira din id-dikjarazzjoni billi spjegaha mal-ewwel okkażjoni possibbli. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-problemi tas-saħħa mentali li minnhom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jidher li jsofri setgħu jaffettwaw l-ewwel dikjarazzjoni tiegħu.
113. Għalhekk, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li ma huwiex proporzjonat li jiġi kkunsidrat, abbażi ta’ dikjarazzjoni waħda falza, li l-applikant spjega u rtira mal-ewwel okkażjoni possibbli, li l-applikant ma huwiex kredibbli.
VII. Konklużjonijiet
114. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja lill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda):
1) L-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jimponi fuq l-awtorità determinanti l-obbligu li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta jkun hemm indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu meta hija tqis li din il-perizja hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni.
2) L-Artikolu 4(3)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2)(b) u mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
jimponi fuq il-qorti tal-ewwel istanza, fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura rimedju effettiv kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti, l-obbligu li tikseb, minn naħa, informazzjoni preċiża u aġġornata dwar il-pajjiż ta’ oriġini ta’ applikant għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, meta jkun hemm indizji ta’ problemi ta’ saħħa mentali li jirriżultaw potenzjalment minn avveniment trawmatiku li seħħ f’dan il-pajjiż, perizja medika-legali dwar is-saħħa mentali tiegħu meta hija tqis li din il-perizja hija rilevanti jew neċessarja għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni.
Fid-dawl tal-importanza tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-ażil u għall-protezzjoni internazzjonali, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tal-awtorità determinanti u tal-qorti tal-ewwel istanza li jitwettaq eżami xieraq tal-applikazzjoni, l-oneru li jintwera li d-deċiżjonijiet tagħhom setgħu kienu differenti fl-assenza ta’ tali ksur ma għandux jiġi sostnut mill-applikant.
3) Fil-każ fejn it-tul totali tal-proċedura għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u tal-protezzjoni internazzjonali jwassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ applikant għall-istatus ta’ refuġjat u għall-protezzjoni internazzjonali, in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika, waħdu, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-imsemmija applikazzjonijiet, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Stat Membru ma jistax jinvoka l-emendi leġiżlattivi li saru matul din il-proċedura sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu li jiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli.
4) L-Artikolu 4(3)(ċ), u (5)(e) tad-Direttiva 2004/83
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
dikjarazzjoni falza fl-applikazzjoni inizjali għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, li l-applikant ikun irtira mal-ewwel okkażjoni, wara li jkun spjega ruħu, ma tiġġustifikax il-kontestazzjoni tal-kredibbiltà ġenerali tiegħu.