Language of document : ECLI:EU:C:2024:469

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawżi magħquda C256/23 u C290/23

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

vs

Hallertauer Hopfenveredelungsges. m.b.H.,

partijiet magħquda:

Regierung von Niederbayern

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg, il-Ġermanja))

u

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

vs

B. GmbH

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 – Ħlasijiet u spejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Deċiżjoni tal-ECHA li timponi spiża amministrattiva – Eżekuzzjoni – Artikolu 299 TFUE”






I.      Introduzzjoni

1.        X’jiġri jekk aġenzija tal-Unjoni Ewropea tagħti deċiżjoni li timponi spiża fuq parti privata u jekk dik il-parti tirrifjuta li tħallas? L-aġenzija tal-Unjoni tista’ teżegwixxi l-pretensjoni pekunjarja tagħha abbażi ta’ din id-deċiżjoni b’mod ġudizzjarju u kif?

2.        Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet li jqumu mid-domandi magħmula minn żewġ qrati Ġermaniżi f’dawn il-kawżi.

II.    Ilfatti li wasslu għal dawn ilkawżi u ddomandi preliminari

A.      LECHA u lqafas REACH dwar ilħlasijiet u lispejjeż

3.        Dawn il-kawżi joriġinaw minn tilwim quddiem żewġ qrati amministrattivi Ġermaniżi differenti li fihom l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar ’il quddiem l-“ECHA”) tipprova teżegwixxi l-pretensjonijiet pekunjarji tagħha kontra żewġ kumpanniji differenti.

4.        L-ECHA hija waħda minn iktar minn 30 aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Dan ġie stabbilit taħt ir-Regolament REACH (2), li jikkostitwixxi leġiżlazzjoni komprensiva dwar ir-regolamentazzjoni tas-sustanzi kimiċi fl-Unjoni. Din hija entità indipendenti responsabbli għall-ġestjoni effiċjenti ta’ ċerti aspetti amministrattivi, tekniċi u xjentifiċi ta’ dan ir-regolament (3).

5.        Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, il-manifatturi u l-importaturi għandhom jissottomettu lill-ECHA r-reġistrazzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi. B’dan il-mod, huma għandhom jissottomettu l-ħlasijiet meħtieġa, kif speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni 340/2008, li jimplimenta r-Regolament REACH (4).

6.        Skont dan il-qafas, jeżistu ħlasijiet imnaqqsa għall-impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem l-“SMEs”) u l-ECHA twettaq verifiki tal-istatus ta’ SME sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ ħlasijiet ibbażat fuq dan l-istatus humiex issodisfatti.

7.        Meta persuna tkun invokat b’mod żbaljat id-dritt għal tnaqqis ta’ ħlasijiet għall-SMEs, l-ECHA għandha tiddeċiedi li din il-persuna ma hijiex eliġibbli għal tali tnaqqis u timponi fuq tali persuna l-ħlas sħiħ, kif ukoll spiża amministrattiva.

8.        Id-dispożizzjoni rilevanti li tawtorizza lill-ECHA tiġbor il-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi li jifdal hija l-Artikolu 13(4) tar-Regolament 340/2008 (5), li jipprovdi fil-parti rilevanti tiegħu:

“Fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija ta’ l-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija ta’ l-obbligu, l-Aġenzija għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva.

Fejn persuna fiżika jew ġuridika li ddikjarat li hija intitolata għal tnaqqis diġà wettqet pagament imnaqqas jew spiża mnaqqsa, iżda ma tistax turi li hija intitolata għal tnaqqis bħal dan, l-Aġenzija għandha timponi l-bilanċ tal-ħlas sħiħ jew ta’ l-ispiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva.”

9.        Id-deċiżjoni tal-ECHA li titlob tali ħlas amministrattiv hija vinkolanti għad-destinatarju, li jista’ jikkontestaha permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni (6). Jekk ir-rikors ma jiġix ippreżentat fil-ħin, id-deċiżjoni ssir finali u l-validità tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar.

10.      Jekk il-ħlasijiet relatati mar-reġistrazzjoni ma jitħallsux, l-ECHA tiċħad ir-reġistrazzjoni (7).

11.      Madankollu, il-qafas legali tal-Unjoni ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas tal-ispiża amministrattiva.

12.      Minbarra li hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-ECHA hija parzjalment iffinanzjata minn tali ħlasijiet u spejjeż (8).

13.      La r-Regolament REACH u lanqas ir-Regolament Nru 340/2008 ma jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-ECHA f’ċirkustanzi fejn il-parti privata la tikkontesta d-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni u lanqas ma tħallas l-ispiża amministrattiva. Għalhekk, f’tali sitwazzjonijiet, l-ECHA pprovat teżegwixxi l-pretensjoni pekunjarja tagħha bbażata fuq deċiżjoni finali li timponi spiża amministrattiva quddiem il-qrati nazzjonali.

14.      Dan huwa preċiżament dak li ġara f’dawn il-kawżi. Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nesponi fil-qosor il-fatti li fuqhom huma bbażati ż-żewġ kawżi.

B.      Kawża C256/23

15.      Hallertauer Hopfenveredelungsges. m.b.H. (iktar ’il quddiem “Hallertauer”) hija kumpannija Ġermaniża. Fl‑2010, hija ssottomettiet lill-ECHA reġistrazzjoni għal sustanza kimika u sostniet li kienet intitolata tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlasijiet inkwantu hija mikrointrapriża.

16.      Fl‑2013, l-ECHA wettqet verifika tal-istatus ta’ SME ta’ Hallertauer u talbet lil din tal-aħħar tipprovdilha provi dokumentarji (9). Hallertauer ma għamlitx dan. Madankollu, Hallertauer sussegwentement bagħtet lill-ECHA dikjarazzjoni li tgħid li hija kienet iddikjarat b’mod żbaljat id-daqs tagħha bħala mikro u li daqs korrett għall-kategorija tagħha kien dak ta’ impriża kbira.

17.      Iktar tard fl‑2013, l-ECHA ħadet deċiżjoni dwar il-verifika tal-SMEs fir-rigward ta’ Hallertauer (10). F’dik id-deċiżjoni, l-ECHA kkonkludiet li din il-kumpannija ma kinitx eliġibbli għat-tnaqqis ta’ ħlasijiet għall-SMEs u li hija kienet responsabbli għall-bilanċ dovut tal-ħlas standard ta’ reġistrazzjoni kif ukoll għal spiża amministrattiva ta’ ammont ta’ EUR 9 950. Din id-deċiżjoni pprovdiet ukoll informazzjoni dwar id-dritt li tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-qrati tal-Unjoni.

18.      Hallertauer la ħallset id-dritt amministrattiv u lanqas ippreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-ECHA saret definittiva fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas.

19.      Matul is-sena‑2019, l-ECHA ppreżentat rikors intiż għall-kundanna ta’ Haullertauer għall-ħlas tal-ammont tal-ispiża amministrattiva quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

20.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali rikors jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament REACH. L-istess qorti tistaqsi wkoll, sussidjarjament, jekk id-deċiżjoni tal-ECHA taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ir-riferiment għar-regoli tal-proċedura ċivili li jinsabu f’din id-dispożizzjoni għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’, b’tali mod li ma jkoprix biss il-proċedura ta’ implimentazzjoni tal-eżekuzzjoni, iżda wkoll ir-regoli dwar il-korp ta’ eżekuzzjoni kompetenti.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 94(1) tar-[Regolament REACH], li jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura eżekuttiva tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ azzjoni?

(2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax biss għall-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew, iżda wkoll għad-deċiżjonijiet tal-[ECHA] li jimponu obbligu ta’ ħlas ta’ spiża amministrattiva?

(3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda: it-tieni paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferiment għar-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat jirrigwarda mhux biss ir-regoli proċedurali, iżda wkoll ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni?”

C.      Kawża C290/23

22.      B. GmbH (iktar ’il quddiem “B”) hija kumpannija Ġermaniża. Fl‑2010, hija ssottomettiet reġistrazzjoni għal sustanza kimika lill-ECHA u talbet li tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlasijiet bħala impriża ta’ daqs medju.

23.      Fl‑2013, l-ECHA wettqet verifika tal-istatus ta’ SME ta’ B u talbet lil din il-kumpannija tipprovdilha provi dokumentali (11). B ipproduċiet dokumenti bi tweġiba għal din it-talba.

24.      Fl‑2014, l-ECHA bagħtet talba għal dokumenti addizzjonali lil B. Madankollu, l-ECHA ma rċeviet ebda tweġiba għal din it-talba.

25.      Fl‑2016, l-ECHA ħadet deċiżjoni dwar il-verifika tal-SMEs dwar B (12). F’dik id-deċiżjoni, l-ECHA kkonkludiet li din il-kumpannija ma kinitx eliġibbli għat-tnaqqis tal-ħlasijiet għall-SMEs u li hija kienet responsabbli għall-bilanċ dovut tal-ħlas standard ta’ reġistrazzjoni kif ukoll għal spiża amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 17 437. Din id-deċiżjoni kienet tinkludi wkoll informazzjoni dwar id-dritt għal azzjoni legali quddiem il-qorti tal-Unjoni.

26.      B la ħallset l-ispiża amministrattiva u lanqas ippreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-ECHA saret definittiva fir-rigward tal-obbligu ta’ ħlas.

27.      Fl‑2019, l-ECHA ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja) fejn talbet li B tiġi ordnata tħallas l-ammont tal-ispiża amministrattiva. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, peress li kkonstatat li ma kienx possibbli li jiġu aditi l-qrati amministrattivi.

28.      L-ECHA ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

29.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, kuntrarjament għall-qorti tal-ewwel istanza, l-ECHA tista’ teżegwixxi t-talba tagħha quddiem il-qrati amministrattivi għaliex din hija tilwima rregolata mid-dritt pubbliku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-deċiżjoni tal-ECHA taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu, jirregolax b’mod eżawrjenti l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ħlas tal-ħlasijiet u l-ispejjeż u għalhekk jekk dan is-subparagrafu jistax titqies li jipprekludi lill-ECHA milli tippreżenta rikors għall-eżekuzzjoni tal-ħlas tal-ispiża amministrattiva quddiem qorti.

30.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-ewwel nofs sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Bank Ċentrali Ewropew, jew għandu japplika wkoll għad-deċiżjonijiet tal-[ECHA] li jimponu spiża amministrattiva skont l-Artikolu 13(4) [tar-Regolament Nru 340/2008]?

(2)      Jekk id-deċiżjoni tal-[ECHA] li timponi spiża amministrattiva ma tikkostitwixxix titolu eżekuttiv:

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 340/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li azzjoni għall-eżekuzzjoni tal-ħlas tal-ispiża amministrattiva hija eskluża?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

31.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2023, il-Kawżi C‑256/23 u C‑290/23 ġew magħquda mal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll mad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

32.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ECHA, Hallertauer, mill-Gvern Grieg u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

33.      Inżammet seduta fl‑20 ta’ Marzu 2024, li matulha l-ECHA, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet orali.

IV.    Analiżi

34.      Iż-żewġ qrati tar-rinviju f’dawn il-kawżi jistaqsu jekk l-eżekuzzjoni tal-pretensjoni pekunjarja tal-ECHA taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Għal din ir-raġuni, huma għamlu diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi ser jittrattaw biss id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE (it-tieni domanda fil-Kawża C‑256/23 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑290/23).

36.      Dawn id-domandi jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 299 TFUE japplikax għall-ECHA (13).

37.      L-analiżi tiegħi hija strutturata kif ġej. L-ewwel nett, ser nagħmel osservazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 299 TFUE (A). It-tieni nett, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn l-Artikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss it-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni li jissemmew espressament fih (B). It-tielet nett, ser nerġa’ nirreferi għall-kuntest usa’ tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE (C). Fl-aħħar nett, ngħid ftit kliem dwar ir-raġunijiet għalfejn l-interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE li nipproponi ma tostakolax l-eżekuzzjoni tal-pretensjonojiet pekunjarji tal-ECHA (D).

A.      Ittqegħid talArtikolu 299 TFUE filqafas tatTrattati

38.      L-Artikolu 299 TFUE jifforma parti mill-qafas tat-Trattati sa mill-ħolqien tal-Unjoni iktar minn 70 sena ilu (14). Minkejja l-lonġevità tiegħu, jidher li twassal għal “eżistenza wara l-kwinti (shadow existence)”, kif jindika kummentatur partikolari (15). Ftit li xejn dehret fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew ingħatat importanza fid-duttrina sa issa.

39.      L-Artikolu 299 TFUE jipprovdi fl-intier tiegħu:

“L-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li mhumiex l-Istati, ikollhom forza eżekuttiva.

L-eżekuzzjoni tiġi regolata bir-regoli tal-proċedura ċivili li sseħħ f’dak l-Istat fejn għandha titwettaq. Id-digriet ta’ l-eżekuzzjoni għandu jiġi ffirmat, mingħajr ebda formalità oħra ħlief il-verifika ta’ l-awtentiċità tad-dokument, mill-awtorità nazzjonali li l-Gvern ta’ kull Stat Membru jaħtar għal dan l-għan u jgħarraf biha lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.

Wara t-twettiq ta’ dawn il-formalitajiet fuq it-talba tal-parti konċernata, din ta’ l-aħħar tista’ tipproċedi bl-eżekuzzjoni skond il-liġi nazzjonali, billi jressaq il-kwestjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti.

L-Eżekuzzjoni tista’ tiġi sospiża biss b’deċiżjoni tal-Qorti. Madankollu, il-verifika tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tkun fil-kompetenza ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali.”

40.      Anki jekk ċerti dubji jistgħu jqumu meta wieħed jaqra l-verżjoni Ingliża (16), fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 299 TFUE ma jirrendix eżegwibbli l-pretensjonijiet pekunjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, iżda din id-dispożizzjoni tikkonċerna pjuttost il-mod kif tali pretensjonijiet għandhom jiġu eżegwiti (17).

41.      Dan jinftiehem b’mod iktar ċar jekk wieħed jikkonsulta verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 299 TFUE. B’hekk, pereżempju, il-verżjoni Franċiża tuża t-terminu “titre exécutoire”, filwaqt li l-verżjoni Olandiża tuża t-terminu “executoriale titel” (18). Dawn il-verżjonijiet lingwistiċi jimplikaw saħħa eżekuttiva diretta fis-sens tal-għoti ta’ saħħa eżekuttiva lil tali talbiet mingħajr ebda rekwiżit addizzjonali.

42.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 299 TFUE sempliċement jiffaċilita u jrendi iktar malajr is-saħħa eżekuttiva tal-atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu billi jagħmilhom immedjatament eżekuttivi, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda rikonoxximent addizzjonali fl-Istati Membri (19).

43.      Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (20), l-Avukata Ġenerali Kokott ikkunsidrat li “din id-dispożizzjoni għandha bħala l-uniku għan [...] li teżegwixxi b’mod immedjat l-atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 288 TFUE u li jimponu obbligu pekunjarju Għalhekk, l-Artikolu 299 TFUE sempliċement jiffaċilita l-eżekuzzjoni, li hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kompiti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu infurzati b’mod effettiv u li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti.”

44.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 299 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jistabbilixxi proċedura speċjali li l-għan tagħha huwa li tippermetti eżekuzzjoni iktar rapida u iktar effettiva tal-atti tal-Unjoni li jimponu obbligi finanzjarji fuq partijiet privati (21).

45.      Madankollu, dan ma jispjegax għalfejn huma biss tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni (il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-BĊE) li jissemmew fl-Artikolu 299 TFUE. Minkejja dan jiena tal-fehma li jeżistu diversi raġunijiet li jxaqilbu favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni limitata għall-pretensjonijiet pekunjarji ta’ dawn it-tliet istituzzjonijiet.

B.      LArtikolu 299 TFUE għandu jiġi interpretat fissens li jkopri biss ittliet istituzzjonijiet espressament imsemmija fih

46.      Qabel it-Trattat ta’ Lisbona, dak li llum huwa l-Artikolu 299 TFUE kien irrefera għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (22).

47.      Wara Lisbona, l-Artikolu 299 TFUE jsemmi l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE (23), iżda l-bqija ta’ din id-dispożizzjoni baqgħet identika.

48.      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE hija sempliċi ħafna u l-istorja tal-emendi tat-Trattat FUE ma tissuġġerixxix interpretazzjoni usa’ ta’ din id-dispożizzjoni.

49.      Kif indikat il-Kummissjoni, l-awturi tat-Trattati setgħu emendaw l-Artikolu 299 TFUE biex jiġi japplika għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji l-oħra tal-Unjoni fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona. Minflok, din id-dispożizzjoni ġiet emendata b’dan it-trattat biss sabiex jiżdied riferiment għall-BĊE.

50.      Ebda waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, inkluż il-Parlament Ewropew, ma ġiet miżjuda u ma ġie inkluż ebda riferiment għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Fl-istess ħin, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ġew emendati bit-Trattat ta’ Lisbona biex jinkludu tali riferiment għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (24).

51.      Ir-raġuni għal dan hija li l-awturi tat-Trattati kkunsidraw li istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni ma jistax ikollhom pretensjonijiet pekunjarji kontra partijiet privati. Pereżempju, huwa evidenti li l-Parlament Ewropew jista’ jkollu pretensjoni pekunjarja kontra l-membri jew l-impjegati (ta’ qabel) tiegħu. Madankollu, il-Parlament Ewropew ma jissemmiex fl-Artikolu 299 TFUE. F’għadd ta’ kawżi, il-Qorti Ġenerali fil-fatt ikkunsidrat li l-Parlament Ewropew ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (25).

52.      Il-Kummissjoni sostniet li, permezz tal-Artikolu 299 TFUE, l-awturi tat-Trattati kellhom l-għan li jillimitaw l-eżegwibbiltà immedjata tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom setgħat eżekuttivi jew setgħat ġeneralment assoċjati mal-impożizzjoni ta’ obbligi finanzjarji fuq individwi, kif ukoll tas-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 280 TFUE.

53.      Madankollu, bħalissa, ħafna korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għandhom setgħat eżekuttivi u jistgħu jimponu obbligi finanzjarji fuq individwi, kif muri f’dawn il-kawżi. Għalhekk, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq is-setgħat eżekuttivi ma tidhirx li hija daqstant utli.

54.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-eżegwibbiltà immedjata tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru tikkostitwixxi interferenza fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika. Dan l-argument jista’ effettivament jispjega l-intenzjoni li jiġi limitat in-numru ta’ entitajiet li jistgħu jinvokaw tali setgħat. Issa, dan xorta waħda ma jispjegax l-għażla tat-tliet istituzzjonijiet espressament imsemmija fl-Artikolu 299 TFUE, b’mod partikolari l-Kunsill, li rarament jeżerċita setgħat eżekuttivi jew jimponi obbligi pekunjarji fuq l-individwi (26).

55.      L-ECHA, Hallertauer, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni ddefendew il-pożizzjoni li l-Artikolu 299 TFUE huwa limitat għat-tliet istituzzjonijiet li jissemmew espressament fih. Huwa biss il-Gvern Grieg li sostna li l-Artikolu 299 TFUE seta’ jiġi interpretat bħala li japplika għall-ECHA.

56.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Grieg sostna li l-Artikolu 299 TFUE jista’ jiġi estiż għall-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, suġġett għal tliet kundizzjonijiet: l-ewwel nett, l-entità twettaq funzjonijiet eżekuttivi u tadotta atti amministrattivi li jsegwu objettivi ta’ interess pubbliku; it-tieni nett, il-pretensjoni pekunjarja għandha tikkontribwixxi għal dawn il-funzjonijiet eżekuttivi; u, it-tielet nett, hija prevista protezzjoni legali għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati. Skont dan l-Istat Membru, din il-pożizzjoni hija konformi mas-sentenza “Bejgħ bin-nieqes” tal-Qorti tal-Ġustizzja (27) li tinterpreta l-ġurisprudenza Meroni (28), u hija barra minn hekk ikkorroborata miż-żieda fil-korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni wara Lisbona, l-għanijiet ta’ interess pubbliku mwettqa minnhom u d-dehra ta’ dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 299 TFUE fid-dritt sekondarju tal-Unjoni, kif juru dawk relatati mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“EUIPO”) u mal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRB”).

57.      Fil-fehma tiegħi, id-duttrina Meroni ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi estiża l-formulazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE. Din id-duttrina ġiet żviluppata biex jiġu indirizzati l-limiti għad-delega tas-setgħat diskrezzjonali fi ħdan l-Unjoni (29). Madankollu, f’dawn il-kawżi, ma hemmx dubji dwar is-setgħat tal-ECHA li timponi obbligi pekunjarji fuq partijiet privati. Il-kwistjoni hija pjuttost dwar jekk tali pretensjoni pekunjarja, ladarba ma tkunx għadha tista’ tiġi kkontestata fuq il-mertu, tistax tikkostitwixxi titolu eżekuttiv direttament fi Stat Membru mingħajr ma jkollha tibda proċedura ta’ rikonoxximent minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra.

58.      Fil-qosor, il-formulazzjoni ċara u l-istorja tal-Artikolu 299 TFUE jissuġġerixxu li r-riferiment għat-tliet istituzzjonijiet f’din id-dispożizzjoni huwa eżawrjenti (30). Għalhekk, l-ECHA ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex teżegwixxi l-pretensjonijiet pekunjarji tagħha.

C.      Ilkuntest ġuridiku usa’

59.      L-interpretazzjoni li nipproponi, li tillimita l-Artikolu 299 TFUE għat-tliet istituzzjonijiet li jissemmew espressament fih, hija kkorroborata mill-kuntest ġuridiku usa’ li issa ser nindirizza.

60.      Il-Kummissjoni tqis li l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 299 TFUE jintwera mill-fatt li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 (31) jawtorizza b’mod eċċezzjonali lil istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni li ma jistgħux jadottaw huma stess deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 299 TFUE jitolbu lill-Kummissjoni tagħmel dan f’isimhom għal ċerti pretensjonijiet. Fil-fehma tagħha, din id-dispożizzjoni tkun inutli jekk dawn l-istituzzjonijiet l-oħra kellhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE.

61.      F’dan ir-rigward, jiena inklinat li naqbel mal-Avukata Ġenerali Kokott li, kif ġie rrilevat fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (32), ikkonstatat li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 ma huwiex ċar (33). L-ewwel paragrafu tiegħu jindika li “istituzzjoni [...] tal-Unjoni” tista’ tirkupra ammont ta’ flus mingħand partijiet privati permezz ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, filwaqt li t-tieni subparagrafu tiegħu jipprevedi li l-Kummissjoni tista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tadotta tali deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv għall-benefiċċju ta’ “istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni” fuq talba tagħhom fir-rigward tal-pretensjonijiet li jirriżultaw fir-rigward tal-persunal jew fir-rigward tal-membri jew tal-ex membri. Id-definizzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” f’dan ir-regolament (34), tidher li tqajjem il-kwistjoni dwar il-ħtieġa tat-tieni subparagrafu jekk l-ewwel paragrafu jirreferi għal dawn l-“istituzzjonijiet oħra” fi kwalunkwe każ.

62.      Jidhirli li huwa raġonevoli li l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 jinqara’ fis-sens li dawn l-“istituzzjonijiet [...] l-oħrajn tal-Unjoni” huma dawk li ma jissemmewx fl-Artikolu 299 TFUE, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jinqraw fid-dawl tad-dritt primarju tal-Unjoni, u mhux bil-maqlub. Dan il-fehim jidher ukoll li huwa ssuġġerit minn dokumenti istituzzjonali (35).

63.      Għalhekk naqbel mal-Kummissjoni li interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE bħala li tkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jkollha l-konsegwenza li l-possibbiltà għall-“istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 li jistrieħu fuq il-Kummissjoni sabiex jadottaw deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 299 TFUE ma jagħmilx sens.

64.      Konsegwentement, l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 ixaqleb favur interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE limitata għat-tliet istituzzjonijiet li huma espressament imsemmija fih.

65.      L-istess jgħodd għall-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni minbarra l-ECHA.

66.      B’mod partikolari, jidher li fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-multi u tal-pagamenti ta’ penali imposti minn ċerti korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni (36), xi drabi jeżistu dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li huma simili għall-Artikolu 299 TFUE.

67.      Pereżempju, f’dak li jirrigwarda s-SRB, l-Artikolu 41(3) tar-Regolament 806/2014 (37) jiddikjara:

“Multi u pagamenti ta’ penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 38 u 39 għandhom jiġu infurzati.

L-infurzar għandu jkun regolat mir-regoli ta’ proċedura applikabbli fis-seħħ fl-Istat Membru parteċipanti li fit-territorju tiegħu titwettaq. L-ordni għall-infurzar tiegħu għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni, mingħajr kwalunkwe formalità oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta’ kull Stat Membru għandu jaħtar għal dak il-fini u li għandu jgħarraf lill-Bord u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fejn dawk il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati fuq talba tal-parti kkonċernata, din tista’ twettaq l-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi ġġib il-kwistjoni direttament quddiem l-entità kompetenti.

L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandhom ikollhom ġurisdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar qed jitwettaq b’mod irregolari.” (38)

68.      Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni jinkludi tali dispożizzjonijiet ifformulati fuq l-għamla tal-Artikolu 299 TFUE fir-rigward ta’ ċerti korpi u organi tal-Unjoni jissuġġerixxi li l-atti tagħhom li jimponu obbligi pekunjarji fuq individwi ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE, peress li, kieku kienu jaqgħu f’tali kamp ta’ applikazzjoni, ma jkunx hemm lok li tali dispożizzjonijiet jiġu riprodotti fid-dritt tal-Unjoni.

69.      Min-naħa l-oħra, jidher li, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet u tal-ispejjeż dovuti lil ċerti korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni ġeneralment ma jinkludix dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 299 TFUE. Minflok, id-dispożizzjonijiet rilevanti jidhru li jiffukaw fuq it-twettiq tal-passi legali meħtieġa biex jinkiseb il-ħlas u jippermettu lill-korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni jwaqqfu ċerti attivitajiet sabiex jiġi ffaċilitat dan il-ħlas.

70.      Pereżempju, fir-rigward tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament 297/95 (39) jipprovdi: “Fejn kwalunkwe ħlas pagabbli taħt dan ir-Regolament jibqa’ mhux imħallas sad-data ta’ l-għeluq tiegħu u mingħajr preġudizzju għall-kapaċità ta’ l-Aġenzija li tibda proċedimenti legali mogħtija lilha mill-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 726/2004, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li ma jipprovdix is-servizzi mitluba jew li jissospendi s-servizzi u l-proċeduri kollha li jkunu għaddejjin sakemm isir il-ħlas [...]” (40).

71.      X’inhi l-ispjegazzjoni għal din id-differenza fit-trattament bejn l-eżekuzzjoni tal-multi u l-ħlas tal-penali, minn naħa, u dik tal-ħlasijiet u tal-ispejjeż, min-naħa l-oħra? Jista’ jkun li l-multi u l-pagamenti ta’ penali huma tipikament allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni (41), b’tali mod li dispożizzjonijiet li jirriproduċu l-Artikolu 299 TFUE jistgħu jitqiesu bħala mezz ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li l-ħlasijiet u l-ispejjeż jaqgħu direttament fuq il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kkonċernati.

72.      Fi kwalunkwe każ, dan l-approċċ adottat fid-dritt tal-Unjoni jidher li jikkonferma ulterjorment interpretazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE limitata għat-tliet istituzzjonijiet li jissemmew espressament fih.

D.      LECHA tista’ teżegwixxi lpretensjonijiet pekunjarji tagħha

73.      Il-fatt li l-pretensjonijiet pekunjarji tal-ECHA ma jaqgħux taħt l-Artikolu 299 TFUE ma jfissirx li dawn ma jistgħux jiġu eżegwiti. Pjuttost, l-eżekuzzjoni għandha tmur lura għall-proċeduri abitwali fis-sistemi legali tal-Istati Membri.

74.      Skont ir-Regolament REACH, l-ECHA għandha personalità ġuridika u għandha l-usa’ kapaċità ġuridika fl-Istati Membri (42).

75.      Meta d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix il-proċeduri xierqa, bħalma ma jagħmilx fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet pekunjarji tal-ECHA, huma l-Istati Membri li għandhom jagħmlu dan.

76.      Billi jipprevedu proċeduri ta’ eżekuzzjoni adegwati, l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija proċedurali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (43). Bħala prinċipju, skont il-prinċipju ta’ ekwivalenza, huma għandhom jippermettu lill-ECHA tinvoka l-pretensjonijiet pekunjarji tagħha bl-istess mod li pretensjonijiet simili jiġu eżegwiti fid-dritt nazzjonali u ma jistgħux jissuġġettaw tali pretensjonijiet għal trattament inqas favorevoli minn pretensjonijiet simili taħt id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ effettività, dawn ma jistgħux jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżekuzzjoni mill-ECHA tal-pretensjonijiet pekunjarji tagħha.

77.      Għaldaqstant, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jiddeterminaw liema tkun is-sitwazzjoni ekwivalenti fid-dritt nazzjonali u li għandhom jiddeċiedu fuq din il-bażi jekk dawn il-qrati jew tipi oħra ta’ qrati għandhomx ġurisdizzjoni fuq il-pretensjonijiet pekunjarji tal-ECHA.

78.      Il-fatt li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-ECHA ma tistax tibqa’ mingħajr possibbiltajiet ta’ eżekuzzjoni fl-Istati Membri jikkostitwixxi raġuni addizzjonali li għaliha l-formulazzjoni tal-Artikolu 299 TFUE ma għandhiex bżonn tiġi estiża b’mod li tinkludi fiha l-ECHA. Tali interpretazzjoni kreattiva sempliċement ma hijiex iġġustifikata peress li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ECHA diġà hija ggarantita mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

V.      Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Bayerisches Verwaltungsgericht Regensburg (il-Qorti Amministrattiva minn Bayern, Regensburg, il-Ġermanja) u għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Oberverwaltungsgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 299 TFUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika biss għall-atti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u mhux għall-atti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jimponu spiża amministrattiva skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas‑16 ta’ April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH).


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006 L 396, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2008 L 141, p. 22, u fil-ĠU 2009, L 36, p. 84).


3      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il‑Ġermanja vs Esso Raffinage (C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 89). Għal espożizzjoni dettaljata tal-oriġini u tal-funzjonijiet tal-ECHA, ara, pereżempju, Martens, M., “Executive power in the making: the establishment of the European Chemicals Agency”, f’Busuioc, M., Groenleer, M. u Trondal, J. (edituri), The Agency Phenomenon in the European Union – Emergence, institutionalisation and everyday decision-making, Manchester University Press, Manchester u New York, 2012, p. 42; Bergkamp, L. (editur), The European Union REACH Regulation for Chemicals – Law and practice, Oxford University Press, Oxford, 2013, b’mod partikolari l-Kapitolu 2.


4      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas‑16 ta’ April 2008 dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU 2008, L 107, p. 6).


5      Ara wkoll il-premessa 11 tar-Regolament 340/2008, li tiddikjara: “It-tnaqqis stabbilit f’dan ir-Regolament għandu japplika fuq il-bażi ta’ dikjarazzjoni ta’ l-entità li tiddikjara li hija intitolata għat-tnaqqis. It-tressiq ta’ informazzjoni falza għandu jiġi skoraġġut bl-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva mill-Aġenzija u multa dissważiva mill-Istati Membri, jekk ikun xieraq.”


6      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 81), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja elenkat lill-ECHA fost il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni awtorizzati jadottaw deċiżjonijiet legalment vinkolanti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati tal-Unjoni.


7      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament REACH u l-Artikolu 3(6) tar-Regolament 340/2008.


8      Ara l-Artikolu 96 u l-premessa 107 tar-Regolament REACH. Ara wkoll Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Rapport Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-operat tar-REACH u rieżami ta’ ċerti elementi – Konklużjonijiet u Azzjonijiet, COM(2018) 116 final, 5 ta’ Marzu 2018, punt 3.4.


9      ECHA, Verifika tal-SME – Talba għal dokumenti, SME(2013) 2197, 31 ta’ Mejju 2013.


10      ECHA, Verifika tal-SME – Deċiżjoni, SME(2013) 4439, 20 ta’ Novembru 2013. Barra minn hekk, fit‑22 ta’ Novembru 2013 u fit‑22 ta’ Diċembru 2013, l-ECHA bagħtet lil Hallertauer fatturi għall-ħlas tal-imsemmija spiża amministrattiva.


11      ECHA, Verifika tal-SME – Talba għal dokumenti, SME(2013) 1059, 9 ta’ April 2013.


12      ECHA, deċiżjoni dwar il-verifika tal-SMEs, SME(2016) 3729, 9 ta’ Awwissu 2016. Barra minn hekk, fid‑9 ta’ Awwissu 2016 u fit‑8 ta’ Settembru 2016, l-ECHA bagħtet lil B fatturi għall-ħlas tal-imsemmija spiża amministrattiva.


13      Kwistjonijiet simili kienu tqajmu fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari preċedenti, li ġie rtirat. Ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Ġunju 2021, ECHA (C‑392/20, EU:C:2021:501). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punti 40 u 41), li tosserva li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 299 TFUE japplikax għall-atti ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni għadha ma ġietx ittrattata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li tqis li ma hemmx lok li din tiġi solvuta fil-kuntest ta’ din il-proċedura.


14      Oriġinarjament, l-ex Artikolu 192 KEE; li sar l-ex Artikolu 256 KE. Ara wkoll l-Artikolu 92 tat-Trattat KEFA li skada u l-Artikolu 164 tat-Trattat KEEA.


15      Hayden, H., “Enforcement of Fines and Other Pecuniary Obligations Imposed by the ECB (Part II): National Level”, European Company and Financial Law Review, Vol. 19, Nru 1, 2022, b’mod partikolari p. 84.


16      Fil-verżjoni Ingliża, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE juża l-kliem “shall be enforceable”. Dan huwa simili għal verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal pereżempju l-verżjoni Kroata (“izvršive su”) u l-verżjoni Slovena (“izvršilni”).


17      Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-Artikolu 299 TFUE, kif jissuġġerixxi l-Gvern Pollakk, li l-ommissjoni tal-korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, bħall-ECHA, fit-test ta’ din id-dispożizzjoni timplika li l-pretensjonijiet pekunjarji tagħhom ma jikkostitwixxux titolu eżekuttiv.


18      Ara wkoll, pereżempju, il-verżjoni Spanjola (“títulos ejecutivos”) u dik Taljana (“titolo esecutivo”).


19      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Dimos Zagoriou (C‑217/16, EU:C:2017:385, punt 29), li jirrilevaw li skont id-dispożizzjoni fl-Artikolu 299 TFUE, “dawk li jkunu deċiżjonijiet essenzjalment ta’ korp internazzjonali tagħmilhom direttament eżegwibbli fil-livell nazzjonali, mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura ta’ rikonoxximent mill-Istat Membru”.


20      Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 54).


21      Ara, f’dan ir-rigward, Hayden, H., “Enforcement of fines and other pecuniary obligations imposed by the ECB (Part I): European level”, European Company and Financial Law Review, Vol. 18, Nru 6, 2021, p. 1011, b’mod partikolari p. 1023 u 1024, li jikkonstata li l-Artikolu 299 TFUE għandu bħala għan prinċipali li jiżgura l-eżekuzzjoni effettiva tal-obbligi pekunjarji u li huwa intiż ukoll sabiex jipprevjeni lill-Istati Membri milli jinterferixxu mal-kontenut u mal-validità tal-att tal-Unjoni nnifsu.


22      Ara l-ewwel paragrafu tal-ex Artikolu 192 KEE; li sar l-ewwel paragrafu tal-ex Artikolu 256 KE. Dispożizzjoni distinta, li llum il-ġurnata hija l-Artikolu 280 TFUE, kienet tirreferi għal dak li llum huwa l-Artikolu 299 TFUE fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qrati tal-Unjoni. Ara l-ex Artikolu 187 KEE; li sar l-ex Artikolu 244 KE.


23      Diġà qabel it-Trattat ta’ Lisbona, bl-introduzzjoni tal-politika ekonomika u monetarja mit-Trattat ta’ Maastricht, sar riferiment għal dak li llum huwa l-Artikolu 299 TFUE f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tar-regolamenti u tad-deċiżjonijiet tal-BĊE. Ara r-raba’ subparagrafu tal-ex Artikolu 108a(2) KE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 34.2 tal-Protokoll, anness mat-Trattat KE, dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew; li sar ir-raba’ subparagrafu tal-ex Artikolu 110(2) KE u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 34.2 tal-Protokoll (Nru 18), anness mat-Trattat KE, dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.


24      B’mod partikolari, hemm riferiment għall-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni fl-Artikoli 263, 265, 266, 267 u 277 TFUE.


25      Bħala eżempju, ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 40, nota ta’ qiegħ il-paġna 26). Ara wkoll, iktar reċentement, id-digriet tat‑28 ta’ Lulju 2021, SN vs Il‑Parlament (T‑249/21 R, EU:T:2021:496, punt 38), li jindika li, b’differenza mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mill-BĊE, “il-Parlament ma huwiex kompetenti, skont l-Artikolu 299 TFUE, sabiex jadotta deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv li jimponu obbligu pekunjarju fil-konfront tad-destinatarji tagħhom. Għalhekk il-Parlament ma għandux għażla oħra ħlief li jibda proċedura ġudizzjarja separata sabiex jikseb deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv mill-qrati nazzjonali kompetenti, li sussegwentement huwa jkun jista’ juża sabiex jirkupra s-somma mitluba.” Għal konstatazzjonijiet simili fir-rigward ta’ impriża konġunta tal-Unjoni (li tista’ tiġi stabbilita skont l-Artikolu 187 TFUE), ara s-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2023, Clean Aviation Joint Undertaking vs NG (T‑649/20, T‑721/20 u T‑767/20, EU:T:2023:379, punt 65).


26      Il-Kummissjoni ssuġġeriet, waqt is-seduta, li l-inklużjoni tal-Kunsill fl-Artikolu 299 TFUE setgħet kienet dovuta għal żviluppi storiċi.


27      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, b’mod partikolari l-punti 41 sa 55).


28      Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7, b’mod partikolari p. 151 u 152), u tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (10/56, EU:C:1958:8, b’mod partikolari p. 172 u 173).


29      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs SRB (C‑551/22 P, EU:C:2023:846, punti 75 sa 93).


30      Għalkemm, sal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma indirizzatx speċifikament din il-kwistjoni, in-natura eżawrjenti tal-Artikolu 299 TFUE tidher ukoll li hija indirettament issuġġerita mill-ġurisprudenza tagħha. Fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 52), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 299 TFUE “[j]applika għall-atti kollha li jistabbilixxu obbligu pekunjarju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jissemmew fihom” (enfasi miżjuda minni).


31      Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018 L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju 2018/1046”).


32      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’ADR Center vs Il‑Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941, punt 41, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28), fejn innotat li dan kien il-każ ukoll għad-dispożizzjoni preċedenti tal-Artikolu 79(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-”Regolament Finanzjarju Nru 966/2012”).


33      Din id-dispożizzjoni ma tinbidilx fil-proposta reċenti għar-riformulazzjoni tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046 (ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), COM(2022) 223 final, tas‑16 ta’ Mejju 2022).


34      L-Artikolu 2(67) tar-Regolament Finanzjarju 2018/1046, jiddefinixxi “istituzzjoni tal-Unjoni” bħala “il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna” u jispeċifika li l-“Bank Ċentrali Ewropew ma għandux jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni.”


35      Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 85(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-[Regolament Finanzjarju 966/2012] (ĠU 2012, L 362, p. 1) li ddikjara li “l-Istituzzjonijiet ikkonċernati għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 299 tat-TFUE jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni infurzabbli.” Dan ir-regolament sussegwentement tħassar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1520 tad‑9 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 256, p. 67). Ara wkoll ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni, A7-0325/2011, 4 ta’ Ottubru 2011, emenda 133, p. 89 u 90, li jipproponi li jiġi emendat il-predeċessur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) għar-raġuni li “huma biss il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew li għandhom is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv skont l-Artikolu 299 TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


36      F’dak li jirrigwarda l-EUIPO, jeżistu dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 299 TFUE f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż tal-proċedura. Ara l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1); l-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 27, p. 142). Ara wkoll, fir-rigward tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti, l-Artikolu 86 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390). Dan jidher li sar għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ regoli tal-Unjoni li kienu differenti mill-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti f’dan il-qasam. Ara, f’dan ir-rigward, il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar it-trade mark Komunitarja, COM(80) 635 final, tad‑19 ta’ Novembru 1980, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 74.


37      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)


38      Għal dispożizzjonijiet simili, ara wkoll, pereżempju, fir-rigward tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Artikolu 68(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU 2012, L 201, p. 1, u r-Rettifika fil-ĠU 2019, L 183, p. 14), fir-rigward tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej b’mod ġenerali, l-Artikolu 35(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU 2022, L 333, p. 1); fir-rigward tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Unjoni proposta reċentement, l-Artikolu 24(2) tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u Jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010, COM(2021) 421 final, 20 ta’ Lulju 2021 (iktar ’il quddiem, il-“Proposta”).


39      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95 tal‑10 ta’ Frar 1995 dwar il-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni tal-Prodotti Mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13 Vol. 15, p. 3). Dan ir-regolament ser jitħassar mill‑1 ta’ Jannar 2025 permezz tar-Regolament (UE) 2024/568 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Frar 2024 dwar it-tariffi u l-imposti pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/745 u (UE) 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 658/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 297/95 (ĠU L 2024/568), li jinkludi dispożizzjoni simili fl-Artikolu 9(2), u jintroduċi dispożizzjonijiet dwar l-impożizzjoni ta’ spejjeż amministrattivi fil-każ ta’ informazzjoni skoretta mibgħuta mill-applikanti għat-tnaqqis fil-ħlasijiet fil-punt 6.1 tal-Anness IV. Ninnota li, hawnhekk, ukoll, bħal fil-każ tar-Regolament 340/2008, ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ tali spejjeż amministrattivi.


40      Għal dispożizzjonijiet simili, ara, pereżempju, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 tat‑2 ta’ Mejju 2018 dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom (ĠU 2018, L 129, p. 68), kif l-aħħar emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1903 tad‑29 ta’ Ottubru 2021 (ĠU 2021, L 387, p. 126), l-Artikoli 5, 8, 11 u 15 u l-premessa 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2153 tas‑16 ta’ Diċembru 2019 dwar it-tariffi u l-imposti applikati mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 319/2014 (ĠU 2019, L 327, p. 36); l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2152 tas‑17 ta’ Diċembru 2020 dwar id-drittijiet dovuti lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-ġbir, it-trattament, l-ipproċessar u l-analiżi tal-informazzjoni rrapportata skont ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2020, L 428, p. 68).


41      Ara, pereżempju, l-Artikolu 68(5) tar-Regolament 648/2012; l-Artikolu 35(9) tar-Regolament 2022/2554; l-Artikolu 24(3) tal-Proposta, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42      Ara l-Artikolu 100 tar-Regolament REACH. Ara wkoll il-premessa 99 tagħha, li tipprovdi: “L-Aġenzija għandu jkollha l-mezzi biex twettaq il-kompiti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha.”


43      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 33), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni forzata, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħhom jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet għandhom jissodisfaw kundizzjoni doppja, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività)”.