Language of document : ECLI:EU:C:2019:391

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

8 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 72 – Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti  Modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata – Oġġett miksub bis-saħħa ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR u mikri mill-benefiċjarju tas-sussidju lil terz – Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 1306/2013 – Artikoli 54 u 56 – Obbligu tal-Istati Membri li jirkupraw ħlasijiet mhux dovuti riżultanti minn irregolaritajiet jew minn negliġenzi – Kunċett ta’ ‘irregolarità’ – Bidu tal-proċedura ta’ rkupru”

Fil-Kawża C‑580/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Mittetulundusühing Järvelaev

vs

Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u E. Randvere, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26, rettifika fil-ĠU 2005, L 206, p. 23), tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6), kif ukoll tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Mittetulundusühing Järvelaev (iktar ’il quddiem “Järvelaev”) u l-Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (l-Uffiċċju tal-Informazzjoni u tar-Reġistri Agrikoli, l-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“PRIA”), dwar l-irkupru ta’ somom mogħtija lil Järvelaev fil-kuntest ta’ operazzjoni kkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) skont l-assi Leader imsemmi permezz tar-Regolament Nru 1698/2005.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1698/2005

3        Skont il-premessi 61 u 62 tar-Regolament Nru 1698/2005:

“(61)      F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u soġġett għal eċċezzjonijiet, għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbilità tal-ispejjeż.

(62)      Biex jiġu żgurati l-effettività, l-ekwità u l-impatt sostenibbli tal-assistenza mill-FAEŻR, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li operazzjonijiet relatati mal-investiment ikunu dejjiema u li jevitaw li dan il-fond jintuża għall-kompetizzjoni inġusta.”

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(h)      ‘benefiċarju”: operatur, korp jew kumpannija, kemm pubblika jew privata, responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet jew biex tirċievi appoġġ;

[...]”

5        L-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eliġibbilità tan-nefqa”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (3) tiegħu jipprovdi:

“Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.”

6        L-Artikolu 72 tal-istess regolament, intitolat “Durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti”, jipprevedi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għar-regoli relatati mad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikoli 43 [sa] 49 tat-Trattat, l-Istat Membru għandu jiżgura li operazzjoni ta’ investiment [ikkofinanzjata] iżżomm il-kontribut tal-FAEŻR jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, ma tgħaddix minn modifika sostanzjali li:

(a)      taffetwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha jew tagħti vantaġġ mhux debitu lil xi impriża jew korp pubbliku;

(b)      tirriżulta minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien jew ir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva.

2.      L-ammonti mħallsa indebitament għandhom ikunu rkuprati f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament [Nru 1290/2005].”

7        Skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 1698/2005, intitolat “Responsabbiltajiet tal-Istati Membri”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi, statutorji u amministrattivi kollha f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament [Nru 1290/2005] sabiex jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-Komunità jkunu protetti b’mod effettiv.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħżlu, għal kull programm għall-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet li ġejjin:

(a)      l-Awtorità ta’ Ġestjoni, li tista’ tkun korp pubbliku jew privat li jaġixxi fuq livell nazzjonali jew reġjonali, jew l-Istat Membru nnifsu meta jwettaq dak il-kompitu, li għandha tkun inkarigata mill-ġestjoni tal-programm ikkonċernat;

(b)      l-aġenzija ta’ pagament akkreditata fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1290/2005];

(c)      il-korp ta’ ċertifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 1290/2005].”

 Ir-Regolament Nru 1290/2005

8        L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji meta jiġu skoperti irregolaritajiet jew negliżenza fl-operazzjonijiet jew fil-programmi għall-iżvilupp rurali, billi jikkanċellaw totalment jew parzjalment il-finanzjament Komunitarju kkonċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.

2.      Meta jkunu diġà tħallsu l-fondi Komunitarji lill-benefiċjarju, huma għandhom jiġu rkuprati mill-aġenzija tal-ħlas akkreditata f’konformità mal-proċeduri tal-irkupru tagħha stess u jerġgħu jintużaw mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 3(c).

[...]

10.      Meta l-Kummissjoni tagħmel aġġustament finanzjarju, dan ma għandux jaffetwa l-obbligi tal-Istat Membru li jirkupra s-somom imħallsa bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu stess skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006

9        L-Artikolu 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1698/2005 (ĠU 2008, L 322M, p. 305), jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament [Nru 1698/2005] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha għall-iżvilupp rurali li huma beħsiebhom jimplimentaw huma verifikabbli u kontrollabbli. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-arranġamenti ta’ kontroll li jagħtuhom l-assigurazzjoni raġonevoli li l-kriterji ta’ l-eliġibbiltà u impenji oħra huma rispettati.

[...]”

 Ir-Regolament Nru 1303/2013

10      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Id-durabbiltà tal-operazzjonijiet”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Operazzjoni li tinkludi investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv għandha trodd lura l-kontribuzzjoni mill-[Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej] jekk fi żmien ħames snin mill-pagament finali lill-benefiċjarju jew fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, tkun soġġetta għal wieħed milli ġejjin:

(a)      waqfien jew rilokazzjoni ta’ attività produttiva barra mill-qasam kopert mill-programm;

(b)      bidla tas-sjieda ta’ oġġett infrastrutturali li tagħti vantaġġ mhux dovut lil impriża jew lil korp pubbliku;

(c)      bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-għanijiet jew il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tagħha, li jirriżulta fl-imminar tal-għanijiet oriġinali tagħha.

Somom imħallsa indebitament fir-rigward tal-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru b’mod proporzjonali mal-perjodu li għalih ir-rekwiżiti ma ntlaħqux.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-limitu ta’ żmien stabbilit fl-ewwel subparagrafu għal tliet snin fil-każ taż-żamma ta’ investimenti jew impjiegi maħluqa minn SMEs.”

11      L-Artikolu 152 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1083/2006 [tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36 u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40)], jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu l-assistenza għandha tkopri programmi operazzjonali u proġetti kbar.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013

12      Skont l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1):

“Ir-Regolament [Nru 1698/2005] għandu jitħassar.

Ir-Regolament [Nru 1698/2005] għandu jibqa’ japplika għal operazzjonijiet implimentati skont il-programmi approvati mill-Kummissjoni taħt dak ir-Regolament qabel l-1 ta’ Jannar 2014.”

 Ir-Regolament Nru 1306/2013

13      L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi:

“Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti.”

14      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji fejn jinkixfu irregolaritajiet jew negliġenza f’operazzjonijiet jew fi programmi ta’ żvilupp rurali billi jikkanċellaw għal kollox jew parzjalment il-finanzjament mill-Unjoni konċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR.”

15      Skont l-Artikolu 119 tal-imsemmi regolament:

“1.      Ir-Regolamenti [tal-Kunsill] (KEE) Nru 352/78 [tal-20 ta’ Frar 1978 dwar l-akkreditazzjoni ta’ sigurtajiet, depożiti u garanziji mogħtija taħt il-politika agrikola komuni u sussegwentement sekwestrati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 3, p. 197)], [tal-Kunsill] (KE) Nru 165/94 [tal-24 ta’ Jannar 1994 dwar il-kofinanzjament mill-Komunità ta’ kontrolli b’remote sensing u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3508/92 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU 1994, L 24, p. 6], [tal-Kunsill] (KE) Nru 2799/98 [tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 226)], [tal-Kunsill] (KE) Nru 814/2000 [tas-17 ta’ April 2000 dwar il-miżuri ta’ tagħrif li għandhom x’jaqsmu mal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 22)], [Nru 1290/2005] u [tal-Kunsill] (KE) Nru 485/2008 [tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri fuq transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (ĠU 2008, L 143, p. 1] huma mħassra.

Madankollu, l-Artikolu 31 tar-Regolament [Nru 1290/2005] u r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2014.

2.      Referenzi għar-Regolamenti mħassrin għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness III.”

16      Skont l-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 1306/2013:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.      Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw kif ġej:

(a)      l-Artikoli 7, 8, 16, 25, 26 u 43 mis-16 ta’ Ottubru 2013;

(b)      l-Artikoli 18 u 40, għall-infiq li jkun sar, mis-16 ta’ Ottubru 2013;

(c)      l-Artikolu 52 mill-1 ta’ Jannar 2015.”

17      Mid-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 119(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tat-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness III tiegħu jirriżulta li r-referenzi għall-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 għandhom jitqiesu bħala li huma referenzi għall-Artikoli 54 u 56 tar-Regolament Nru 1306/2013.

 Id-dritt Estonjan

18      L-Artikolu 111(1) tal-Euroopa Liidu ühise põllumajanduspoliitika rakendamise seadus (il-Liġi dwar l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea), tad-19 ta’ Novembru 2014 (RT I 2014, 3), jipprovdi:

“Jekk, wara l-ħlas tas-sussidju, jirriżulta li minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi, is-sussidju jkun ingħata b’mod indebitu, u b’mod partikolari jekk dan ma jkunx intuża bil-mod previst, ir-rimbors parzjali jew totali tas-sussidju għandu, għar-raġunijiet u fit-termini previsti mir-Regolamenti [Nri 1303/2013 u 1306/2013] u mir-regolamenti l-oħra rilevanti tal-Unjoni Ewropea, jintalab mingħand il-benefiċjarju tas-sussidju u b’mod partikolari mingħand il-benefiċjarju tas-sussidju li jkun intgħażel wara proċedura ta’ għażla.”

19      L-Artikolu 131 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Is-sussidji mogħtija skont il-Liġi dwar l-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea, li kienet fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2015, għandhom jiġu rkuprati fuq il-bażi ta’ u skont il-proċedura prevista minn din il-liġi.”

20      L-Artikolu 35(2) tal-Põllumajandusministri määrus nr 92 – Leader-meetme raames antava kohaliku tegevusgrupi toetuse ja projektitoetuse saamise nõuded, toetuse taotlemise ja taotluse menetlemise täpsem kord (ir-Regolament Nru 92 tal-Ministru tal-Agrikoltura li jirrigwarda kundizzjonijiet għall-kisba ta’ sussidju mill-grupp ta’ azzjoni lokali mogħti fil-kuntest tal-miżura “Leader” u ta’ sussidju ta’ proġett, il-modalitajiet iddettaljati tat-talba għal sussidju u tal-proċedura ta’ talba”), tas-27 ta’ Settembru 2010 (RT I 2010, 71, 538, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 92”), jistipula:

“Mid-data ta’ meta titressaq it-talba għas-sussidju ta’ proġett sal-iskadenza ta’ perijodu ta’ ħames snin mill-aħħar pagament tas-sussidju mill-PRIA, l-applikant jew il-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ proġett għandu jinforma immedjatament bil-miktub lill-PRIA u lill-grupp ta’ azzjoni lokali bil-bidla tal-indirizz postali tiegħu u tad-dettalji ta’ kuntatt tiegħu u sabiex jinkiseb il-qbil tal-PRIA u tal-grupp ta’ azzjoni lokali dwar:

1)      modifika marbuta mal-attività jew mas-suġġett tal-investiment. Jekk il-PRIA jew il-grupp ta’ azzjoni lokali jqis li huwa neċessarju, għandha tiġi pprovduta, b’mod partikolari, kopja ġdida tal-offerta ta’ prezz jew tal-kalkolu tal-kost preżunt tal-attività ppjanata;

2)      element ieħor marbut mal-kisba u mal-użu tas-sussidju ta’ proġett, li minħabba fih id-data mniżżla fit-talba ma għadhiex kompluta jew korretta;

[...]”

21      Il-punt 1 tal-Artikolu 36(3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ proġett huwa obbligat li jżomm u li juża, kif previst, l-oġġett akkwistat bħala l-investiment appoġġjat permezz tas-sussidju tal-proġett għal mill-inqas ħames snin mill-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju mill-PRIA.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Järvelaev hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li l-għan tagħha huwa l-preżervazzjoni tat-tradizzjonijiet tad-dgħajjes bil-qlugħ fil-lag Võrtsjärv (l-Estonja). Din l-assoċjazzjoni ressqet talba għal sussidju skont il-miżuri dwar l-assi Leader imsemmi mir-Regolament Nru 1698/2005, għall-finijiet tal-akkwist ta’ dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd tradizzjonali u tat-tagħmir relatat.

23      Fit-talba tagħha għal sussidju, Järvelaev esprimiet ukoll l-intenzjoni tagħha, wara x-xiri tad-dgħajsa bil-qlugħ inkwistjoni, li toħloq impjiegi fir-reġjun u li tirrekluta ekwipaġġ, kif ukoll li tinforma lill-PRIA u lill-grupp ta’ azzjoni lokali b’kull bidla fl-użu tad-dgħajsa bil-qlugħ. Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ma kienx jikkostitwixxi rekwiżit regolatorju, dan kien wieħed mill-kriterji użati għall-klassifikazzjoni, skont il-prijorità, tat-talbiet għall-finijiet tal-ksib ta’ sussidju.

24      Is-sussidju mitlub ingħata lil Järvelaev b’deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-PRIA tas-6 ta’ Settembru 2011.

25      Matul kontroll li sar fl-4 ta’ Diċembru 2014 għand Järvelaev, il-PRIA kkonstata li, permezz ta’ kuntratt konkluż fl-1 ta’ Lulju 2014, din kienet tat b’kera d-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd akkwistata permezz tas-sussidju lil assoċjazzjoni oħra mingħajr skop ta’ lukru, jiġifieri lill-Mittetulundusühing Kaleselts (iktar ’il quddiem “Kaleselts”), għal perijodu ta’ ħames snin.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2015, il-PRIA talab lil Järvelaev ir-rimbors tas-sussidju effettivament mogħti, peress li dan ma kienx intuża kif previst u skont l-għan imsemmi. Il-PRIA b’mod partikolari rrileva li l-punt 1 tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 92 kien jobbliga lil Järvelaev, mill-inqas għal ħames snin mid-data tal-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, iżżomm u tuża l-oġġett miksub permezz tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata.

27      L-ilment imressaq minn Järvelaev kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-PRIA tal-14 ta’ April 2015.

28      Järvelaev adixxiet lit-Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu, l-Estonja) b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-PRIA tas-27 ta’ Jannar 2015. Järvelaev sostniet, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju li jwettaq użu esklużivament personali mill-oġġett iffinanzjat u, min-naħa l-oħra, li l-għan ta’ ħolqien ta’ impjiegi, speċifikat fit-talba għal sussidju, kien sekondarju meta mqabbel mal-għan prinċipali, jiġifieri l-użu tad-dgħajsa bil-qlugħ bil-għan li jiġu żviluppati u kkummerċjalizzati servizzi relatati mat-turiżmu rurali, b’tali mod li l-ewwel wieħed minn dawn l-għanijiet ma kellux neċessarjament jitwettaq. Järvelaev enfasizzat ukoll li, peress li kellha diffikultajiet biex tirrekluta impjegati hija stess, il-fatt li tat b’kera d-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd lil assoċjazzjoni oħra kien jikkostitwixxi l-garanzija li din tintuża kif previst fil-kuntratt ta’ sussidju, filwaqt li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 92.

29      Fil-11 ta’ Jannar 2016, it-Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu) ċaħdet ir-rikors billi spjegat li d-distakk bejn l-impenji ta’ Järvelaev kontenuti fit-talba għas-sussidju u l-użu effettiv tad-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd kien jiġġustifika l-irkupru, mill-PRIA, tal-ammonti mħallsa bħala sussidju.

30      Järvelaev appellat quddiem it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja). Quddiem din il-qorti, Järvelaev ipproduċiet, bħala provi addizzjonali, tliet kuntratti ta’ xogħol konklużi matul il-proċedura ta’ appell u rrimarkat li l-għan sekondarju tal-proġett, jiġifieri l-ħolqien ta’ impjiegi, seta’ jitwettaq għall-ħames snin tat-tul ta’ dan il-proġett.

31      Fl-20 ta’ Ottubru 2016, it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu) ċaħdet dawn il-provi addizzjonali, ċaħdet l-appell u kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu).

32      Järvelaev ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), fejn talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet tat-Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu) u tat-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu).

33      Wara li rrimarkat li mill-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 92 ma jistax jiġi dedott biċ-ċert li l-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ proġett għandu personalment juża l-oġġett miksub bis-saħħa ta’ dan is-sussidju, Järvelaev issostni li, f’dan il-każ, ma kienx hemm trasferiment tal-pussess esklużiv tad-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd lill-kerrej u li hija hi li kienet toħroġ fatturi relatati mal-użu ta’ din id-dgħajsa bil-qlugħ. Barra minn hekk, Järvelaev tirrileva li hija ma kellhiex l-obbligu li toħloq impjiegi u li l-ħolqien ta’ tali impjiegi, imsemmi fit-talba għal sussidju, kien jikkorrispondi għal previżjoni tal-effetti potenzjali f’każ ta’ aċċettazzjoni ta’ dik it-talba, u mhux impenn fiss.

34      Fl-aħħar nett Järvelaev tenfasizza li, matul il-proċedura ġudizzjarja, hija xoljiet il-kuntratt ta’ kiri tad-dgħajsa bil-qlugħ.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward tal-irkupru ta’ sussidju ta’ proġett mogħti fil-kuntest ta’ miżura ‘Leader’, jekk is-sussidju ngħata fis-6 ta’ Settembru 2011, l-aħħar ħlas akkont sar fid-19 ta’ Novembru 2013, il-ksur kien ikkonstatat fl-4 ta’ Diċembru 2014 u d-deċiżjoni ta’ rkupru kienet adottata fis-27 ta’ Jannar 2015, fir-rigward tar-rekwiżit dwar it-tul tal-operazzjoni, għandu jiġi applikat l-Artikolu 72 tar-Regolament [Nru 1698/2005] jew l-Artikolu 71(1) tar-Regolament [Nru 1303/2013]? F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irkupru huwa bbażat fuq l-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 1290/2005] jew fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament [Nru 1306/2013]?

2)      a)      Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura ‘Leader’, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-investiment jew li tikseb vantaġġ indebitu lil impriża? Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar il-vantaġġ indebitu, l-aġenzija ta’ pagament tal-Istat Membru għandha tikkonstata f’hiex kien jikkonsisti konkretament il-vantaġġ? Jekk tingħata risposta affermattiva, il-vantaġġ indebitu jista’ jikkonsisti fil-fatt li l-utent reali tas-suġġett tal-investiment ma kienx jibbenefika minn sussidju ta’ proġett li kieku ressaq huwa stess talba bl-istess kontenut?

b)      Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura ‘Leader’, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-għanijiet jew il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-investiment fis-sens tal-Artikolu 71(1)(c) tar-Regolament Nru 1303/2013, li jwassal sabiex l-għanijiet inizjali tiegħu jiġu ppreġudikati?

3)      a)      Fl-ipoteżi fejn għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1698/2005, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju jagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura ‘Leader’, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 72(1)(b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li tirriżulta jew minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew mill-waqfien jew mir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva, fid-dawl tal-fatt li l-proprjetarju tad-dgħajsa bil-qlugħ baqa’ l-istess, filwaqt li l-benefiċjarju tas-sussidju huwa l-possessur indirett, u mhux iktar possessur dirett tad-dgħajsa bil-qlugħ u filwaqt li jirċievi kera u mhux dħul ibbażat fuq il-provvista tas-servizz deskritt fit-talba?

b)      Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata r-risposta li għandu jiġi applikat ir-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li tkun irċeviet sussidju tagħti b’kera l-oġġett (dgħajsa bil-qlugħ) miksub bħala l-investiment sostnut permezz tas-sussidju ta’ proġett, mogħti fil-kuntest ta’ miżura ‘Leader’, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru oħra li tuża d-dgħajsa bil-qlugħ għall-istess attività bħal dik li għaliha l-benefiċjarju tas-sussidju rċieva dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala bidla ta’ proprjetà ta’ infrastruttura li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża fis-sens tal-Artikolu 71(1)(b) tar-Regolament Nru 1303/2013, fid-dawl tal-fatt li l-proprjetarju tad-dgħajsa bil-qlugħ baqa’ l-istess, filwaqt li l-benefiċjarju tas-sussidju huwa l-possessur indirett, u mhux iktar possessur dirett tad-dgħajsa bil-qlugħ u filwaqt li jirċievi kera u mhux dħul ibbażat fuq il-provvista tas-servizz deskritt fit-talba? Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni dwar il-vantaġġ indebitu, l-aġenzija ta’ pagament tal-Istat Membru għandha tikkonstata f’hiex kien jikkonsisti konkretament il-vantaġġ? Jekk tingħata risposta affermattiva, il-vantaġġ indebitu jista’ jikkonsisti fil-fatt li l-utent reali tas-suġġett tal-investiment ma kienx jibbenefika minn sussidju ta’ proġett li kieku ressaq huwa stess talba bl-istess kontenut?

4)      Huwa awtorizzat li jiġi impost fuq il-benefiċjarju ta’ sussidju, permezz tar-regolament nazzjonali li jirregola l-miżura ‘Leader’, obbligu ta’ konservazzjoni ta’ ħames snin li jikkonċerna s-suġġett tal-investiment b’mod iktar iebes minn dak previst fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jew fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1303/2013?

5)      Fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għar-raba’ domanda, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjoni ta’ regolament nazzjonali, li tistipula li l-benefiċjarju ta’ sussidju ta’ proġett huwa obbligat li jikkonserva u li juża, fis-sens previst, l-oġġett miksub bħala l-investiment sostnut mis-sussidju ta’ proġett matul perijodu ta’ mill-inqas ħames snin li jiddekorri mill-ħlas tal-aħħar ħlas akkont tas-sussidju, kif ukoll, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fis-sens li din id-dispożizzjoni tissupponi li l-benefiċjajru tas-sussidju juża personalment is-suġġett tal-investiment, huma konformi mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jew mal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1303/2013?

6)      Għandu jiġi kkunsidrat li huma preżenti irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jew tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, fir-rigward tal-assenza ta’ implementazzjoni, mill-benefiċjarju tas-sussidju, ta’ operazzjoni li ma kinitx meħtieġa mir-regolament nazzjonali li jirregola l-miżura ‘Leader’, iżda li l-benefiċjarju tas-sussidju kien indika fis-‘sommarju tal-attivitajiet u tal-għanijiet tal-operazzjoni u tal-investiment’ espost fit-talba u li kien wieħed mill-kriterji li permezz tagħhom it-talbiet kienu evalwati fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fl-ordni ta’ prijorità?

7)      Jekk is-sitt domanda tingħata risposta fl-affermattiv, għandu jiġi kkunsidrat li l-irkupru jsir illegali minħabba li r-rimbors jintalab qabel ma jiddekorru l-ħames snin mill-aħħar ħlas u minħabba li l-benefiċjarju tas-sussidju jtemm il-ksur matul proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda l-irkupru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

36      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment li, bħal fil-kawża prinċipali, ġiet approvata u kkofinanzjata mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013 għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1698/2005 jew ta’ dawk tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1303/2013. Hija tistaqsi wkoll dwar il-punt jekk l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni għandux, meta dan iseħħ wara tmiem l-imsemmi perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2014, jiġi bbażat fuq l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jew fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013.

37      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata d-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment approvata u kkofinanzjata mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007–2013, għandu jiġi rrilevat li sussidju mħallas fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ dan it-tip ngħata biex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1698/2005, li fih id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-funzjonament tal-FAEŻR matul l-imsemmi perijodu. Minn dan isegwi li d-durabbiltà ta’ tali operazzjoni għandha neċessarjament tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

38      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, mill-1 ta’ Jannar 2014, ir-Regolament Nru 1698/2005 ġie mħassar bir-Regolament Nru 1305/2013. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 88 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-Regolament Nru 1698/2005 baqa’ japplika għall-operazzjonijiet implimentati skont il-programmi li kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dak ir-regolament qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt sabiex isir magħruf liema regolament huwa applikabbli għall-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment approvata u kkofinanzjata mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007–2013, f’każ li dan l-irkupru jseħħ, bħal fil-kawża prinċipali, wara l-1 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1306/2013, li ħassar ir-Regolament Nru 1290/2005, daħal fis-seħħ, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 121(1) tiegħu, fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-20 ta’ Diċembru 2013, u sar applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2014, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(1).

40      Tabilħaqq, b’deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 119(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 ippreċiża li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u r-regoli ta’ implimentazzjoni korrispondenti kellhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2014. Bl-istess mod, l-Artikolu 121(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ippreveda applikazzjoni differita ta’ wħud mill-artikoli tiegħu.

41      Madankollu, l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest tal-operazzjonijiet approvati u kkofinanzjati mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007–2013 ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji.

42      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li d-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment li, bħal fil-kawża prinċipali, ġiet approvata u kkofinanzjata mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1698/2005. Meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni jseħħ wara tmiem l-imsemmi perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2014, dan għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013.

 Fuq id-domanda 2(a) u fuq id-domanda 3(a)

43      Permezz tad-domanda 2(a) u tad-domanda 3(a), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tħallas fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment kkofinanzjata mill-FAEŻR taħt l-assi Leader imsemmi mir-Regolament Nru 1698/2005, jagħti b’kiri l-oġġett miksub permezz ta’ dan is-sussidju lil terz li jużah għall-istess attività bħal dik li kellu jwettaq il-benefiċjarju tal-imsemmi sussidju jikkostitwixxix modifika sostanzjali ta’ din l-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) jew (b) tar-Regolament Nru 1698/2005. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk, sabiex jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ indebitu, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) ta’ dan ir-regolament, huwiex meħtieġ li l-awtorità kompetenti nazzjonali tikkonstata fiex jikkonsisti l-vantaġġ indebitu b’mod konkret. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar jekk il-vantaġġ indebitu jistax jikkonsisti fil-fatt li l-utent reali tal-oġġett ta’ investiment ma kienx jirċievi sussidju li kieku huwa stess ressaq talba għal sussidju.

44      Qabelxejn jeħtieġ li jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkwalifika konkretament il-modifiki inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, tali evalwazzjoni taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat f’li tipprovdi lil din tal-aħħar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fil-kawża li tkun adita biha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddetermina l-elementi rilevanti, li jistgħu jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 31), is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Barra minn hekk, filwaqt li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1260/1999 kienu magħqudin bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u”, dan ma huwiex il-każ taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1698/2005, b’tali mod li, sabiex ikun hemm modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkonċernata, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li ż-żewġ kundizzjonijiet inklużi hemmhekk ikunu ssodisfatti b’mod kumulattiv.

46      B’hekk, l-imsemmi Artikolu 72(1) jipprevedi, fir-realtà, sensiela ta’ kundizzjonijiet alternattivi, tnejn fl-Artikolu 72(1)(a) u tnejn fl-Artikolu 72(1)(b), u kull waħda minnhom tista’ tkun ta’ bażi, jekk ikun il-każ, għall-konklużjoni li l-operazzjoni li hija s-suġġett ta’ investiment ikkofinanzjat ġarrbet modifika sostanzjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fit-terminu ta’ ħames snin li hija tipprevedi.

47      F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb li fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 iżid il-kwalifika “sostanzjali” sabiex jiddeskrivi l-modifika kkonċernata, minn dan isegwi li, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, modifika għandu jkollha ċerta portata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 35).

48      B’hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-modifika kkonċernata tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(b) tar-Regolament Nru 1698/2005, li jirrikjedi li din il-modifika tkun tirriżulta jew minn bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, jew inkella mill-waqfien jew mir-rilokazzjoni ta’ attività produttiva. Fil-fatt, waqt il-verifika ta’ dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġu evalwati l-elementi li wasslu għall-modifika kkonċernata u li għalhekk jikkostitwixxu l-kawżi ta’ dik il-modifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 21).

49      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li kien hemm waqfien jew rilokazzjoni ta’ attività produttiva. Fil-fatt, anki wara li ġie mikri, l-oġġett miksub fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali kompla jintuża għall-istess attività bħal dik prevista fit-talba għal sussidju.

50      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżistenza ta’ bidla eventwali fin-natura tal-proprjetà ta’ infrastruttura, hemm lok li jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni, b’kuntrast ma’ dik eżaminata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ma tikkonċernax l-użu li jsir mill-infrastruttura inkwistjoni iżda tikkonċerna f’liema kapaċità l-proprjetarju tagħha għandu l-pussess ta’ din l-infrastruttura. B’hekk, il-fatt li proprjetarju jagħti lil terz, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, ċerti drittijiet fuq infrastruttura, inkluż, fejn applikabbli, id-dritt li jużaha b’mod esklużiv, għal ċertu perijodu, fih innifsu ma jimplika ebda bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ din l-infrastruttura.

51      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li d-drittijiet mogħtija minn Järvelaev lil Kaleselts, fil-kuntest tal-kiri miftiehem bejniethom, kienu ta’ natura purament kuntrattwali.

52      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-modifika kkunsidrata taqax taħt waħda mill-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(a) tal-imsemmi regolament, jiġifieri li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment jew li tagħti vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, liema ipoteżijiet jirrigwardaw l-effetti tal-modifika inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 22).

53      Għalhekk, jeħtieġ li, qabel ma tingħata konklużjoni dwar l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ modifika sostanzjali, jiġi vverifikat jekk il-modifika kkonċernata tatx vantaġġ indebitu u/jew jekk in-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni humiex affettwati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 32).

54      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment inkwistjoni, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-miżura li fil-kuntest tiegħu din l-operazzjoni kienet iffinanzjata, jiġifieri l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi relatati mat-turiżmu rurali.

55      Dan l-għan huwa parti minn għan iktar ġenerali tal-assi Leader, li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali fir-reġjuni rurali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1698/2005, dan il-programm kien immirat b’mod partikolari sabiex jiffinanzja strateġiji lokali ta’ żvilupp maħsuba għal żoni rurali ddefiniti b’mod ċar. Minn dan jirriżulta li l-modifiki li affettwaw l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ din il-perspettiva, jiġifieri li qabelxejn jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ territorju ddeterminat minn qabel permezz tal-promozzjoni tas-servizzi relatati mat-turiżmu rurali.

56      Sa fejn is-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqa’ primarjament taħt l-għan li jkun hemm żvilupp ta’ żona territorjali ddeterminata minn qabel, is-sempliċi fatt li, matul l-implimentazzjoni tal-proġett ikkonċernat bl-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna inkarigata minn dan il-proġett, jiġifieri Järvelaev, ġiet issostitwita minn persuna oħra, jiġifieri Kaleselts, ma jimplikax fih innifsu li l-għan inkwistjoni ma ntlaħaqx u, għaldaqstant, li tkun seħħet modifika ta’ ċertu portata fin-natura jew fil-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni.

57      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li oġġett miksub fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata ġie mikri ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li teżisti bidla fin-natura jew fil-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-operazzjoni ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005.

58      Madankollu, tali sostituzzjoni tal-proprjetarju minn persuna li tikri għall-finijiet tat-twettiq ta’ operazzjoni kif ukoll l-assenza ta’ ħolqien ta’ impjiegi previst inizjalment waqt il-proċedura tal-għażla dwar l-għoti tas-sussidju, bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tas-sitt domanda tagħha f’din il-kawża, huma ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw il-konklużjoni li tgħid li n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ operazzjoni ġarrbu tali modifika jekk dawn inaqqsu b’mod sinjifikattiv il-kapaċità ta’ din l-operazzjoni li tilħaq l-għan assenjat lilha, ħaġa din li għandha tiġi vverifikata minn din il-qorti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona, C‑388/12, EU:C:2013:734, punt 37).

59      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, li tgħid li d-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata tippreżupponi, b’mod partikolari, li ma jkunx ingħata vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal vantaġġ mogħti lil impriża, b’tali mod li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħolqien ta’ tali vantaġġ, sew jekk għall-benefiċċju tal-proprjetarju tal-infrastruttura, jew jekk għall-benefiċċju tal-assoċjazzjoni li tagħmel użu minnu fil-kuntest tal-kirja mogħtija minn dan il-proprjetarju, ikun ta’ natura li jikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-operazzjoni inkwistjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

60      Madankollu, anki fil-preżenza ta’ elementi li jenfasizzaw, mal-ewwel daqqa t’għajn, l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu, il-benefiċjarju tas-sussidju jrid ikollu l-possibbiltà li juri li l-kiri tal-oġġett miksub permezz tas-sussidju ma ta l-ebda vantaġġ lilu nnifsu jew lill-utent reali ta’ dan l-oġġett.

61      Fir-rigward tal-benefiċjarju tas-sussidju, l-eżistenza u l-portata ta’ tali vantaġġ għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-differenza eventwali bejn il-vantaġġi, finanzjarji jew oħrajn, li dan il-benefiċjarju kellu jislet mill-operazzjoni kif din kienet inizjalment prevista u dawk li dan jislet minn din l-operazzjoni kif mibdula. Għalhekk, f’dan il-każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fost l-oħrajn, jekk id-dħul finanzjarju li l-assoċjazzjoni Järvelaev setgħet tirċievi mit-tħaddim tad-dgħajsa bil-qlugħ miksuba permezz tal-kofinanzjament inkwistjoni kienx ikun komparabbli għas-somom imħallsa lilha minn Kaleselts biex tħallas il-kera tad-dgħajsa bil-qlugħ, peress li hija biss differenza ta’ ċertu portata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li tkun tikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-operazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005.

62      Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li t-tqegħid tal-oġġett ikkonċernat għall-kiri jagħti vantaġġ indebitu lill-utent reali tiegħu, peress li, permezz tal-użu ta’ oġġett miksub minn assoċjazzjoni oħra permezz ta’ sussidju, dan l-utent kien f’pożizzjoni li jirċievi dħul li ma kienx jibbenefika minnu li kieku ma setax juża l-imsemmi oġġett. Barra minn hekk, vantaġġ indebitu jista’ wkoll jiġi kkonstatat meta l-ammont tal-kera ma jkunx ġie ffissat skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk il-kera mħallas minn Kaleselts ġiex iffissat f’livell sostanzjalment differenti minn dak li din kienet tħallas li kieku, fejn xieraq, kriet dgħajsa simili mingħand proprjetarju ieħor għajr Järvelaev.

63      Dwar il-kwistjoni jekk, sabiex jiġi konkluż li jeżisti vantaġġ indebitu, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, huwiex neċessarju li l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata b’mod konkret fiex jikkonsisti dan il-vantaġġ, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 74(1) u (2) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, statutorji u amministrattivi kollha biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għandhom jaħtru, għal kull programm ta’ żvilupp rurali, l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jistabbilixxu l-funzjonijiet tal-Awtorità ta’ Ġestjoni u tal-korpi l-oħra, rispettivament.

64      Barra minn hekk, l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1974/2006 jipprevedi li, għall-finijiet tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha ta’ żvilupp rurali li huma għandhom l-intenzjoni jimplimentaw ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal kontrolli u verifiki, u li għal dan l-għan dawn għandhom ifasslu dispożizzjonijiet ta’ kontroll li jippermettulhom jiżguraw, b’mod sodisfaċenti, osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u tal-impenji l-oħra.

65      Hemm lok li jiġi rrilevat li jkun impossibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti li tivverifika l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu b’mod adegwat f’każ speċifiku jekk din ma tkunx f’pożizzjoni li tidentifika, b’mod konkret, fiex jikkonsisti dan il-vantaġġ. B’mod partikolari, ikun impossibbli għaliha li tevalwa n-natura debita jew indebita ta’ vantaġġ fl-assenza ta’ tali identifikazzjoni.

66      Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha tinvestiga jekk ingħatax vantaġġ indebitu lil impriża jew lil korp pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1698/2005, din għandha neċessarjament tiddetermina fiex jikkonsisti, b’mod konkret, il-vantaġġ indebitu.

67      Fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata lill-fatt li l-utent reali tal-oġġett miksub fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata kkonċernata ma kienx jibbenefika mis-sussidju li kieku huwa stess kien ressaq talba għal sussidju, għandu jiġi rrilevat li tali ċirkustanza ma tistax tkun determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni, imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, dwar in-natura debita jew indebita ta’ vantaġġ irċevut minn entità li tieħu post il-benefiċjarju ta’ sussidju għall-finijiet tat-twettiq tal-operazzjoni bl-użu tal-infrastruttura kkofinanzjata bis-saħħa tiegħu. Fil-każ li jiġi stabbilit, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-każ ineżami, li din l-entità setgħet tikseb sussidju identiku hija stess billi tressaq talba għal sussidju, tali ċirkustanza tista’ timmilita favur l-assenza ta’ vantaġġ indebitu, iżda xorta jibqa’ l-fatt li huwa fid-dawl tal-evalwazzjoni msemmija fil-punt ta’ qabel dan li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ għandha tiġi ddeterminata.

68      Ir-risposta għad-domanda 2(a) u għad-domanda 3(a) għandha tkun li l-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ingħata fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR taħt l-assi Leader imsemmi mir-Regolament Nru 1698/2005, jagħti b’kiri l-oġġett miksub permezz ta’ dan is-sussidju lil terz li jużah għall-istess attività bħal dik li kellu jeżerċita l-benefiċjarju tal-imsemmi sussidju jista’ jikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, fis-sens tal-Artikolu 72(1) ta’ dan ir-regolament, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 72(1)(a) u (b). Għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil impriża jew lil korp pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) ta’ dan ir-regolament, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali kompetenti, li għandha tiddetermina fiex dan il-vantaġġ indebitu jikkonsisti b’mod konkret. Il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi, l-utent reali tas-sussidju kienx jibbenefika jew le mis-sussidju li kieku huwa stess ressaq talba għal sussidju, għalkemm hija rilevanti, ma hijiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 72(1)(a).

 Fuq id-domanda 2(b) u d-domanda 3(b)

69      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 2(b) u għad-domanda 3(b).

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

70      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR li jżomm u li juża personalment u għal mill-inqas ħames snin, sa mill-ħlas tal-aħħar parti mis-sussidju, l-oġġett miksub fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni ta’ investiment.

71      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Gvern Estonjan iqis li l-projbizzjoni fuq benefiċjarju ta’ sussidju milli jwettaq kwalunkwe modifika sostanzjali lill-operazzjoni ta’ investiment matul perijodu ta’ ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ finanzjament, prevista fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, ma hijiex biżżejjed sabiex tiżgura, fil-każijiet kollha, kontroll effettiv tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni u tal-użu tas-sussidju kif previst. Fil-fatt, skont dan il-gvern, il-perijodu ta’ ħames snin ta’ spiss jibda qabel ma l-benefiċjarju tas-sussidju jidħol fil-pussess tal-oġġett miksub fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata. L-imsemmi gvern iqis ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri peress li minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-perijodu ta’ monitoraġġ ma jistax jaqbeż dak il-perijodu ta’ ħames snin mid-data tad-deċiżjoni ta’ finanzjament.

72      Min-naħa l-oħra, u filwaqt li l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 ma jipprovdix espressament li l-benefiċjarju tas-sussidju għandu personalment juża l-oġġett miksub permezz ta’ dan is-sussidju matul dan il-perijodu ta’ ħames snin, jidher li huwa wkoll sabiex tiġi ggarantita superviżjoni effettiva u kontinwa ta’ dak l-oġġett li r-Repubblika tal-Estonja tobbliga lill-benefiċjarju tas-sussidju li jżomm u juża l-imsemmi oġġett matul il-perijodu inkwistjoni.

73      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, obbligu għall-benefiċjarju ta’ sussidju msemmi mir-Regolament Nru 1698/2005 li jżomm u juża personalment għal żmien determinat, oġġett, bħal dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd inkwistjoni fil-kawża prinċipali, miksub fil-kuntest ta’ dan is-sussidju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 72(1) ta’ dan ir-regolament, il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tintilef jekk, fiż-żmien stipulat fih, l-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata ġġarrab modifika sostanzjali li taqa’ taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 72(1)(a) u (b).

74      Issa, il-kwistjoni dwar jekk, skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, l-għoti b’kiri ta’ tali oġġett mill-benefiċjarju ta’ sussidju jwassalx għat-tħassir tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR għandha tiġi ddeterminata b’eżami każ b’każ. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 2(a) u għad-domanda 3(a), għandu jiġi evalwat jekk tali kiri huwiex ta’ natura li jwassal għal modifika tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata li taqa’ taħt waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 72(1)(a) jew (b) u, jekk dan ikun il-każ, jekk din il-modifika hijiex sostanzjali.

75      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, fil-każijiet kollha, il-kisba definittiva ta’ sussidju għaż-żamma u għall-użu personali, mill-benefiċjarju, tal-oġġett iffinanzjat minn dan is-sussidju, mingħajr ma tippermetti li jiġi evalwat jekk, f’każ partikolari, l-għoti b’kiri ta’ dan l-oġġett jikkostitwixxix modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, ma hijiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

76      Ċertament, l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, statutorji u amministrattivi kollha biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’dak li jikkonċerna l-appoġġ, mill-FAEŻR, għall-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddeterminaw ir-regoli għall-eliġibbiltà tan-nefqa f’dan il-qasam.

77      Madankollu, ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-obbligu li huwa s-suġġett tar-raba’ u l-ħames domanda mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005.

78      Fil-fatt, l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 1698/2005, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tiegħu, intitolat “Ġestjoni, kontroll u informazzjoni” jirrigwarda l-verifiki li l-Istati Membri huma obbligati jwettqu sabiex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-regolarità tal-operazzjonijiet ikkofinanzjati mill-FAEŻR, fosthom l-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament, ikunu ssodisfatti.

79      Fir-rigward tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1698/2005, dan jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata n-nefqa għall-kontribuzzjoni mill-FAEŻR, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma distinti minn dawk previsti fl-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament dwar id-durabbiltà tal-operazzjonijiet relatati mal-investimenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li l-imsemmi Artikolu 72 ma fih ebda dispożizzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa dan ir-regolament innifsu, u b’mod partikolari l-Artikolu 72 tiegħu, iktar milli d-dritt nazzjonali, li jistabbilixxi, b’mod esklużiv, il-kundizzjonijiet relatati mad-durabbiltà tal-imsemmija operazzjonijiet.

80      Din l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 72 mhijiex invalidata mill-fatt li l-kunċett ta’ “benefiċjarju” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 1698/2005 bħala li jirreferi għal “operatur, korp jew kumpannija, kemm pubblika jew privata, responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet jew biex tirċievi appoġġ”. Fil-fatt, il-kliem “responsabbli għall-implimentazzjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-qafas ġuridiku rilevanti u mal-għan tal-miżura li fil-kuntest tagħha taqa’ l-operazzjoni ta’ investiment, li jikkonċerna l-iżvilupp ta’ territorji ddefiniti minn qabel. Għalhekk, huwa fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament, u b’mod partikolari ta’ dik li tirrigwarda n-natura u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni xierqa tal-operazzjoni kkonċernata, għall-finijiet li jintlaħaq l-għan inkwistjoni, li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi evalwata d-durabbiltà tal-operazzjoni kkonċernata.

81      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul ta’ żmien ta’ mill-inqas ħames snin mill-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, li matulu l-benefiċjarju huwa obbligat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżomm u li juża l-oġġett inkwistjoni personalment, taħt piena ta’ ħlas lura tas-sussidju mogħti, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, il-kontribuzzjoni tal-FAEŻR tibqa’ valida jekk l-operazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-parteċipazzjoni ma ġietx modifikata b’mod sostanzjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fi żmien ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni nazzjonali, u għaldaqstant, normalment, dan il-perijodu huwa iqsar minn dak previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda tkun li l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mħallas fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR li jżomm u li juża personalment u għal mill-inqas ħames snin mill-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, l-oġġett miksub fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni ta’ investiment.

 Fuq is-sitt domanda

83      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ implimentazzjoni, mill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR u li taqa’ taħt l-assi Leader imsemmi fir-Regolament Nru 1698/2005, ta’ wieħed mill-komponenti tal-operazzjoni indikati mill-benefiċjarju fit-talba tiegħu għal sussidju u li kien jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li abbażi tagħhom ġew evalwati t-talbiet għal sussidju fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom f’ordni ta’ prijorità, filwaqt li dan il-kriterju ma kienx meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

84      F’dan il-każ, kif intqal fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, filwaqt li l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda kien wieħed mill-kriterji li fid-dawl tagħhom it-talbiet għal sussidju ġew ikklassifikati f’ordni ta’ prijorità, huwa paċifiku li, fit-talba tagħha stess, Järvelaev kienet esprimiet l-intenzjoni tagħha li toħloq impjiegi fir-reġjun u li tirrekluta ekwipaġġ għad-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd tagħha.

85      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ħolqien ta’ impjiegi ma kienx jikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti ta’ sussidju taħt ir-Regolament Nru 1698/2005, u lanqas, skont il-qorti tar-rinviju, taħt il-leġiżlazzjoni Estona. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-ħolqien ta’ impjiegi kien kundizzjoni kuntrattwali mogħtija fil-kuntest tas-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema fatt madankollu għandu, jekk ikun meħtieġ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

86      Konsegwentement, l-assenza ta’ ħolqien ta’ impjiegi fil-kuntest tat-twettiq ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR ma tistax titqies, fiha nnifisha, bħala li tikkostitwixxi irregolarità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013.

87      Madankollu, fl-osservazzjonijiet tiegħu l-Gvern Estonjan isostni li, meta ffirmat il-kuntratt ta’ finanzjament, Järvelaev impenjat ruħha li timplimenta l-proġett bil-mod kif deskritt fit-talba għas-sussidju. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 23 u 84 ta’ din is-sentenza, il-ħolqien ta’ impjiegi fir-reġjun u r-reklutaġġ ta’ ekwipaġġ għad-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd kienu ssemmew f’din it-talba għal sussidju.

88      Tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tivverifika, jekk ikun meħtieġ, jekk, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, Järvelaev kinitx effettivament impenjat ruħha li tiżgura li dawn iż-żewġ aspetti li jikkonsistu fil-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjun u fir-reklutaġġ ta’ ekwipaġġ għad-dgħajsa bil-qlugħ tas-sajd tagħha jitwettqu.

89      Fi kwalunkwe każ, konformement ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ element indikat fit-talba għal sussidju tikkostitwixxi, jekk titqies essenzjali fid-dawl tal-għan imfittex, modifika sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, tal-operazzjoni ta’ investiment kif ġiet aċċettata għall-kofinanzjament. Jekk ikun il-każ, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha teżamina l-portata ta’ tali assenza fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

90      Jekk, fi tmiem tali eżami, kellu jiġi stabbilit li l-assenza ta’ implimentazzjoni tal-kriterju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kkostitwixxiet tali emenda sostanzjali, ikun hemm lok li din titqies bħala irregolarità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013.

91      Fil-fatt, filwaqt li, skont l-Artikolu 72(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, is-somom imħallsin indebitament favur operazzjoni ta’ investiment li ġarrbet bidla sostanzjali għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1290/2005, mill-Artikolu 119 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Anness III tiegħu jirriżulta li r-referenzi magħmula għall-Artikolu 33 għandhom jinftiehmu li jirreferu, b’mod partikolari, għall-Artikolu 56 ta’ dan l-aħħar regolament.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ implimentazzjoni, mill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-FAEŻR u li taqa’ taħt l-assi Leader imsemmi fir-Regolament Nru 1698/2005, ta’ wieħed mill-elementi tal-operazzjoni indikati mill-benefiċjarju fit-talba tiegħu għal sussidju li kien jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li abbażi tagħhom it-talbiet għal sussidju ġew evalwati bl-għan li jiġu kklassifikati f’ordni ta’ prijorità, minkejja li dan il-kriterju ma kienx meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, dment li l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ tali element tkun il-kawża ta’ modifika sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, tal-operazzjoni ta’ investiment, ħaġa din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq is-seba’ domanda

93      Preliminarjament, fid-dawl ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, billi fis-seba’ domanda tagħha rreferiet għal perijodu ta’ ħames snin mill-aħħar ħlas, il-qorti tar-rinviju qiegħda tirreferi għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005.

94      Għalhekk, permezz tas-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju fl-aħħar nett tistaqsi dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-bidu ta’ proċedura ta’ rkupru ta’ sussidju mħallas indebitament qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi t-tkomplija ta’ tali proċedura ta’ rkupru fil-każ fejn, matul il-proċedura, il-benefiċjarju tas-sussidju jtemm in-nuqqas li jkun iġġustifika l-bidu tal-imsemmija proċedura.

95      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-possibbiltà li Stat Membru jibda proċedura ta’ rkupru ta’ sussidju mħallas indebitament qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin mid-data tal-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 54(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013, Stat Membru li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolarità huwa obbligat li jipproċedi għall-irkupru tas-sussidju indebitament imħallas. B’mod partikolari, l-Istat Membru għandu jirrikjedi rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18-il xahar mill-approvazzjoni u, fejn ikun applikabbli, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievi rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità.

96      Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu u, fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni, għandhom, jipproċedu għall-imsemmi rkupru mill-iktar fis possibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rimbors jintalab qabel jiskadi l-perijodu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament mill-Awtorità ta’ Ġestjoni, ma għandu l-ebda impatt fuq dan l-irkupru.

97      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix it-tkomplija ta’ proċedura ta’ rkupru fil-każ fejn, matul il-proċedura, il-benefiċjarju tas-sussidju jtemm in-nuqqas li jkun iġġustifika l-bidu tal-imsemmija proċedura, għandu jiġi rrilevat, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li, li kieku l-benefiċjarju ta’ sussidju kellha tingħatalu l-possibbiltà li, matul il-proċedura ġudizzjarja dwar l-irkupru, jirrimedja għal irregolarità mwettqa fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni, tali possibbiltà tista’ tħeġġeġ lill-benefiċjarji l-oħra sabiex iwettqu nuqqasijiet, peress li dawn imbagħad ikunu żgurati li jkunu jistgħu jirrimedjaw a posteriori għal dan in-nuqqas wara s-sejba, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ dan in-nuqqas. Konsegwentement, il-fatt li l-benefiċjarju tas-sussidju jagħmel mill-aħjar sabiex itemm jew tabilħaqq itemm in-nuqqas matul proċedura ġudizzjarja li tirrigwarda l-irkupru ma jistax ikollu impatt fuq dan l-irkupru.

98      Ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li proċedura ta’ rkupru ta’ sussidju mħallas indebitament tingħata bidu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi li tali proċedura ta’ rkupru titkompla fil-każ li, matul il-proċedura, il-benefiċjarju tas-sussidju jtemm in-nuqqas li jkun iġġustifika l-bidu tal-imsemmija proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

99      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-durabbiltà ta’ operazzjoni ta’ investiment li, bħal fil-kawża prinċipali, ġiet approvata u kkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perijodu ta’ programmazzjoni 20072013 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni jseħħ wara tmiem l-imsemmi perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l-1 ta’ Jannar 2014, dan għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008.

2)      Il-fatt li l-benefiċjarju ta’ sussidju li, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ingħata fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) taħt l-assi Leader imsemmi mir-Regolament Nru 1698/2005, jagħti b’kiri l-oġġett miksub permezz ta’ dan is-sussidju lil terz li jużah għall-istess attività bħal dik li kellu jeżerċita l-benefiċjarju tal-imsemmi sussidju jista’ jikkostitwixxi modifika sostanzjali tal-operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata, fis-sens tal-Artikolu 72(1) ta’ dan ir-regolament, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha inkwistjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 72(1)(a) u (b). Għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil impriża jew lil korp pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 72(1)(a) ta’ dan ir-regolament, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali kompetenti, li għandha tiddetermina fiex dan il-vantaġġ indebitu jikkonsisti b’mod konkret. Il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi, l-utent reali tas-sussidju kienx jibbenefika jew le mis-sussidju li kieku huwa stess ressaq talba għal sussidju, għalkemm hija rilevanti, ma hijiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 72(1)(a).

3)      L-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-benefiċjarju ta’ sussidju mħallas fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li jżomm u li juża personalment u għal mill-inqas ħames snin, mill-ħlas tal-aħħar parti tas-sussidju, l-oġġett miksub fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni ta’ investiment.

4)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-assenza ta’ implimentazzjoni, mill-benefiċjarju ta’ sussidju mogħti fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ investiment ikkofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li taqa’ taħt l-assi Leader imsemmi fir-Regolament Nru 1698/2005, ta’ wieħed mill-elementi tal-operazzjoni indikati mill-benefiċjarju fit-talba tiegħu għal sussidju li kien jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li abbażi tagħhom it-talbiet għal sussidju ġew evalwati bl-għan li jiġu kklassifikati f’ordni ta’ prijorità, minkejja li dan il-kriterju ma kienx meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, dment li l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ tali element tkun il-kawża ta’ modifika sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1698/2005, tal-operazzjoni ta’ investiment, ħaġa din li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.

5)      L-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li proċedura ta’ rkupru ta’ sussidju mħallas indebitament tingħata bidu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin mid-deċiżjoni ta’ finanzjament tal-Awtorità ta’ Ġestjoni. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi li tali proċedura ta’ rkupru titkompla fil-każ li, matul il-proċedura, il-benefiċjarju tas-sussidju jtemm in-nuqqas li jkun iġġustifika l-bidu tal-imsemmija proċedura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.