Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta’ Diċembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Barcelona - Spanja) – Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain, SL

(Kawża C-434/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Artikolu 58(1) TFUE – Servizzi fil-qasam tat-trasport – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2000/31/KE – Direttiva 98/34/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Servizz ta’ intermedjazzjoni li jippermetti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt bi ħlas ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani – Rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil n° 3 de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociación Profesional Elite Taxi

Konvenuta: Uber Systems Spain, SL

Dispożittiv

L-Artikolu 56 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 58(1) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, u l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), għandhom jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ intermedjazzjoni, bħal dak fil-kawża prinċipali, li għandu bħala għan, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, it-tqegħid f’kuntatt, bi ħlas, ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, għandu jitqies li huwa marbut b’mod indissoċjabbli ma’ servizz ta’ trasport u li jaqa’, għalhekk, taħt il-klassifikazzjoni ta’ “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 58(1) TFUE. Tali servizz għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, tad-Direttiva 2006/123 u tad-Direttiva 2000/31.

____________

1     ĠU C 363, 3.11.2015.