Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija) fl-10 ta’ Ottubru 2022 – Proċeduri kriminali kontra OT, PG, CR, VT u MD

(Kawża C-634/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski gradski sad

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

OT, PG, CR, VT u MD

Domandi preliminari

L-Artikoli 2 TUE u 6(1) u (3) TUE, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretat fis-sens li jkun hemm preġudizzju għall-indipendenza ta’ qorti, li tkun tneħħiet permezz ta’ emenda adottata fiż-Zakon za sadebnata vlast (il-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju) (DV Nru 32, tas-26 ta’ April 2022, filwaqt li l-qorti ġiet xolta fis-27 ta’ Lulju 2022) iżda li l-imħallfin sedenti fiha għandhom ikomplu jeżaminaw sa dik id-data l-kawżi li jkunu ġew assenjati lilhom, kif ukoll, wara din id-data, il-kawżi ta’ din l-istess istituzzjoni, li fihom ikunu żammew seduti preliminari, sa fejn bit-tneħħija tagħha jiġu ggarantiti l-prinċipju kostituzzjonali ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju u l-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali taċ-ċittadini, mingħajr ma ġew debitament esposti argumenti dwar il-fatti li jwasslu għall-konklużjoni li kien hemm ksur ta’ dawn il-prinċipji?

Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk previsti fiż-Zakon za izmenenie i popalnenie na Zakona za sadebnata vlast (il-Liġi li temenda u li tikkompleta l-Liġi dwar il-Poter Ġudizzjarju) (DV Nru 32, tas-26 ta’ April 2022), li jwasslu għat-tneħħija kompleta bħala awtorità awtonoma tal-poter ġudizzjarju Bulgaru (tal-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata)), għar-raġunijiet indikati, u għall-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imħallfin (inklużi dawk tal-kulleġġ ġudikanti li qiegħed jeżamina din il-kawża) ta’ din il-qorti lejn diversi qrati, iżda li jobbligaw lil dawn l-imħallfin ikomplu jisimgħu l-kawżi li kienu bdew jittrattaw meta ġiet xolta l-qorti?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, u fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, liema għandhom ikunu l-atti proċedurali tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati li tneħħew fil-kawżi tal-qorti li tneħħiet (li l-liġi tobbligahom iwettqu), fid-dawl ukoll tal-obbligu tagħhom li jevalwaw ir-raġunijiet għal rikuża f’dawn il-kawżi? Liema huma l-konsegwenzi għad-deċiżjonijiet fil-mertu mogħtija fil-kawżi pendenti quddiem il-qorti li tneħħiet li l-eżami tagħhom għandu jitwaqqaf u għall-atti li jagħlqu dawn il-kawżi?

____________