Language of document : ECLI:EU:C:2024:155

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59/KE – Artikolu 2(1) – Tnissil tal-obbligu ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni – Numru ta’ tkeċċijiet previsti jew reali – Artikolu 1(1) – Terminazzjonijiet volontarji ta’ kuntratti tax-xogħol qabel it-tkeċċijiet – Metodi ta’ kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet”

Fil-Kawża C‑589/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de las Islas Baleares (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Islas Baleares, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Settembru 2022, fil-proċedura

J.L.O.G.,

J.J.O.P.

vs

Resorts Mallorca Hotels International SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J.L.O.G. u J.J.O.P., minn J. L. Valdés Alias, abogado,

–        għal Resorts Mallorca Hotels International SL, minn M. Sánchez Rubio, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J.L.O.G. u J.J.O.P, minn naħa, u Resorts Mallorca Hotels International SL, min-naħa l-oħra, dwar il-validità tat-tkeċċija tagħhom.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

(i)      jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

–        mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

–        mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

–        mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

(ii)      jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni;

[…]

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jagħmel parti mit-Taqsima II tagħha, bit-titolu “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.      Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

[…]”

 Iddritt Spanjol

5        L-Artikolu 51 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 2/2015 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015 li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi li Tiddefinixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224), intitolat “Tkeċċijiet kollettivi”, jipprevedi.

“1.      Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet [tal-Istatut tal-Ħaddiema] ‘tkeċċija kollettiva’ tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, relatati mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, meta, matul perijodu ta’ 90 ġurnata, din it-terminazzjoni tkun taffettwa tal-inqas:

(a)      10 ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

(b)      10 % tan-numru ta’ ħaddiema f’impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

(c)      30 ħaddiem f’impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

[…]

Sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ terminazzjonijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għandha titqies ukoll kull terminazzjoni oħra li tkun seħħet fil-perijodu ta’ referenza fuq l-inizjattiva tal-persuna li timpjega, għal raġunijiet oħrajn, li ma humiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati u li jkunu differenti mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(c) ta’ din il-liġi, sakemm in-numru ta’ terminazzjonijiet ikun mill-inqas ħamsa.

Meta, f’perijodi suċċessivi ta’ 90 jum u sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu, impriża ttemm kuntratti skont l-Artikolu 52(c) ta’ din il-liġi f’numru inferjuri għal-limiti indikati, mingħajr ma jkunu jeżistu raġunijiet ġodda li jiġġustifikaw tali azzjoni, dawn it-terminazzjonijiet ġodda għandhom jitqiesu li twettqu b’evażjoni tal-liġi u għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

2.      It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata ċivili jew ta’ 15-il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. Il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għandha tirrigwarda, mill-inqas, il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi u li jittaffu l-konsegwenzi tagħhom permezz ta’ miżuri soċjali li jmorru magħhom, bħal miżuri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew azzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ taħriġ mill-ġdid sabiex titjieb il-possibbiltà li jerġa’ jinstab impjieg. […]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

6        L-attività tal-konvenuta fil-kawża prinċipali hija l-ġestjoni u l-operat ta’ lukandi.

7        Fil‑25 ta’ Settembru 2019, il-konvenuta fil-kawża prinċipali nnotifikat lill-Juzgado de lo Mercantil de Palma (il-Qorti Kummerċjali ta’ Palma de Mallorca, Spanja) bil-bidu tan-negozjati intiżi sabiex jintlaħaq ftehim ta’ finanzjament mill-ġdid jew sabiex jinkisbu adeżjonijiet ma’ ftehim preventiv mal-kredituri F’din id-data, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha 43 impjegat li jaħdmu fis-sede tagħha.

8        Bejn Awwissu 2019 u Diċembru 2019, in-numru ta’ lukandi ġestiti u operati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali naqas minn 20 għal 7. Fost it-13-il lukanda li l-ġestjoni tagħhom ġiet abbandunata, 7 kienu jappartjenu lil diversi kumpanniji tal-grupp Grupo Globales.

9        Fit‑30 ta’ Diċembru 2019, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ffirmat ftehim mal-kumpanniji proprjetarji ta’ dawn is-seba’ lukandi kif ukoll ma’ Amla Explotaciones Turísticas SA (iktar ’il quddiem “Amla Explotaciones”), li tappartjeni wkoll lil Grupo Globales. Dan il-ftehim kien jipprevedi li, mill‑1 ta’ Jannar 2020, il-kuntratti ta’ kiri tal-imsemmija stabbilimenti, li sa dak iż-żmien kienu ġestiti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, kellhom jiġu xolti, li l-operat tal-istabbilimenti kien ser jiġi ttrasferit lil Amla Explotaciones, u li l-kuntratti kollha ta’ xogħol tal-persunal tal-istabbilimenti fis-seħħ fil‑31 ta’ Diċembru 2019 kellhom jiġu ttrasferiti lil Grupo Globales, peress li dan tal-aħħar kienet għalhekk, bħala persuna li timpjega, issurrogat f’dawn il-kuntratti.

10      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, f’dokument stabbilit ad hoc, talbet lill-membri kollha tal-persunal tagħha li jaħdmu fis-sede jekk kinux disposti li jiltaqgħu mal-persuni inkarigati bit-tmexxija ta’ Grupo Globales sabiex jimlew għaxar impjiegi li l-operatur il-ġdid jista’ jkollu bżonn sabiex jaffronta ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol fid-dipartimenti komuni tiegħu, li tirriżulta mit-teħid tal-ġestjoni tas-seba’ stabbilimenti ta’ lukandi.

11      Fit‑30 ta’ Diċembru 2019, wara dawn l-intervisti, disa’ ħaddiema ffirmaw dokument b’kontenut identiku, fejn indikaw l-intenzjoni tagħhom li jitilqu mill-konvenuta fil-kawża prinċipali b’effett mill‑14 ta’ Jannar 2020. Fil‑15 ta’ Jannar 2020, dawn id-disa’ ħaddiema ffirmaw kuntratti ta’ xogħol ma’ Amla Explotaciones. Dawn il-kuntratti kien fihom klawżola li tirrikonoxxilhom l-anzjanità, il-kategorija u r-remunerazzjoni li kienu jibbenefikaw minnha mal-konvenuta fil-kawża prinċipali u li kienet tindika li dawn il-kundizzjonijiet kienu rikonoxxuti b’mod personali u fl-ebda każ ma kienu jimplikaw l-eżistenza ta’ surroga tal-impriża, peress li r-reklutaġġ kien ippreċedut mit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-persuna li kienet timpjegahom qabel.

12      F’Jannar 2020, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet timpjega biss 32 ħaddiem fis-sede tagħha. Fost il-11-il ħaddiem li waqfu jaħdmu hemmhekk kien hemm id-9 ħaddiema li kienu ffirmaw l-imsemmi avviż tat-temm ta’ impjieg volontarju fit‑30 ta’ Diċembru 2019.

13      Fil‑31 ta’ Jannar 2020, iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll 7 ħaddiema oħra, li dak iż-żmien kienu impjegati tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, ġiet ikkomunikata lilhom it-tkeċċija oġġettiva tagħhom għal raġunijiet ta’ organizzazzjoni u ta’ produzzjoni. Wara dawn id-9 tkeċċijiet, in-numru ta’ impjegati fis-sede tal-konvenuta fil-kawża prinċipali tnaqqas għal 23 ħaddiem.

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra t-tkeċċija tagħhom quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Palma (il-Qorti Industrijali, Nru 2 ta’ Palma de Mallorca, Spanja) fejn sostnew li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha tibda proċedura ta’ tkeċċijiet kollettivi u aġixxiet b’mod frawdolenti billi ħeġġet artifiċjalment it-tluq volontarju ta’ ċerti ħaddiema sabiex tevita li jkollha tibda tali proċedura.

15      Peress li dan ir-rikors ġie miċħud minħabba li n-numru ta’ tkeċċijiet ma kienx jilħaq il-limiti stabbiliti sabiex tinbeda proċedura ta’ tkeċċijiet kollettivi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Quddiem din il-qorti, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li t-tluq volontarju ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet jew ta’ terminazzjonijiet simili u li, peress li dan it-tluq volontarju ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni, il-limiti ddefiniti għall-bidu obbligatorju ta’ proċedura ta’ tkeċċijiet kollettivi ma kinux intlaħqu. Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tagħha li tkeċċi disa’ impjegati għal raġunijiet oġġettivi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riżultat tal-proċess ta’ intervisti, li kien trasparenti u volontarju, li permezz tiegħu l-impjegati li qisuh xieraq aċċettaw il-proposta ta’ tluq volontarju. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni ttieħdet skont ir-realtà li kienet tipprevali fid-data tal-adozzjoni tagħha u wieġbet għall-analiżi tal-bżonnijiet tagħha fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-produzzjoni wara li Grupo Globales impjega parti mill-persunal.

17      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iktar partikolari għas-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009,Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533), tal‑11 ta’ Novembru 2015, Pujante Rivera (C‑422/14, EU:C:2015:743), u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et (C‑429/16, EU:C:2017:711), għandha dubji dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, persuna li timpjega li tikkunsidra, f’sitwazzjoni ta’ kriżi, it-tluq ta’ numru ta’ ħaddiema li jista’ jaqbeż, u li effettivament qabeż, il-limiti previsti għal tkeċċija kollettiva, mingħajr madankollu ma tosserva l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ konsultazzjoni, tiksirx l-effett utli tad-Direttiva 98/59 u, min-naħa l-oħra, it-tluq allegatament volontarju ta’ disa’ ħaddiema qabel it-tkeċċijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u ta’ ħaddiema oħra għandhomx jiġu assimilati ma’ tkeċċijiet u kkalkolati għall-finijiet tal-kalkolu tan-numru ta’ tkeċċijiet previst fl-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de las Islas Baleares (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Islas Baleares) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et [(C‑44/08, EU:C:2009:533)], l-Artikolu 2 tad-Direttiva [98/59], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika li jikkostitwixxu l-effett utli tad-Direttiva jitnisslu mill-mument li fih l-impriża, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ristrutturazzjoni, tipprevedi terminazzjonijiet ta’ kuntratti tax-xogħol li n-numru tagħhom ikun jista’ jeċċedi l-limitu stabbilit għal tkeċċijiet kollettivi irrispettivament mill-fatt li, finalment, in-numru ta’ tkeċċijiet jew ta’ terminazzjonijiet assimilabbli ma jkunx jilħaq dan il-limitu għaliex dan in-numru seta’ jitnaqqas permezz ta’ miżuri adottati mill-impriżi mingħajr konsultazzjoni minn qabel mar-rappreżentanti tal-ħaddiema?

2)      L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [98/59], meta jipprovdi li ‘[g]ħall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar-redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta’ kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta’ min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar-redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies’, jinkludi, fil-kuntest ta’ kriżi li fih tnaqqis tal-persunal, inkluż permezz ta’ tkeċċijiet, ikun prevedibbli, it-tluq ta’ ħaddiema propost mill-impriża, mhux mixtieq iżda aċċettat minn dawn tal-aħħar wara li jkunu rċevew offerta vinkolanti ta’ ingaġġ immedjat f’impriża oħra, fejn il-persuna li timpjega tkun organizzat ma’ din l-impriża l-oħra l-possibbiltà għall-ħaddiema tagħha li jiġu intervistati bil-għan tal-ingaġġ eventwali tagħhom?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ konsultazzjoni li huwa jipprevedi jitnissel mill-mument li fih il-persuna li timpjega tipprevedi jew tipproponi, fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol li n-numru tagħhom jista’ jaqbeż dawk iffissati sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmija direttiva jew biss fil-mument meta, wara li tkun adottat miżuri li jikkonsistu fit-tnaqqis ta’ dan in-numru, il-persuna li timpjega tkun kisbet iċ-ċertezza li effettivament għandha tipproċedi għat-tkeċċija ta’ numru ta’ ħaddiema ikbar minn dawk stabbiliti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

20      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabelxejn, jitfakkar li, fir-rigward tal-obbligu tal-persuna li timpjega li twettaq il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-obbligi ta’ konsultazzjoni u ta’ notifika jitnisslu qabel deċiżjoni min-naħa tal-persuna li timpjega li xxolji l-kuntratti ta’ xogħol (sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 37, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 38).

21      Fil-fatt, it-twettiq tal-għan, espress fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, li jiġu evitati t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol jew li jitnaqqas in-numru tagħhom ikun kompromess jekk il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema sseħħ wara d-deċiżjoni tal-persuna li timpjega li xxolji l-kuntratti tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Jannar 2005, Junk, C‑188/03, EU:C:2005:59, punt 38, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 46).

22      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/59 għandha għalhekk tinbeda mill-persuna li timpjega fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li tobbligaha tipprevedi jew tipproġetta tkeċċijiet kollettivi (sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 48, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et, C‑429/16, EU:C:2017:711, punt 34).

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Ciupa et (C‑429/16, EU:C:2017:711), kif ukoll għas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et (C‑44/08, EU:C:2009:533), kienu marbuta ma’ deċiżjonijiet ekonomiċi li ma kellhomx direttament l-għan li jtemmu relazzjonijiet ta’ xogħol speċifiċi, iżda li madankollu seta’ jkollhom riperkussjonijiet fuq l-impjieg ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema.

24      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, minn naħa, li jekk jiskatta b’mod bikri l-obbligu ta’ konsultazzjoni dan jista’ jwassal għal riżultati kuntrarji għall-għan tad-Direttiva 98/59, bħal restrizzjoni tal-flessibbiltà tal-impriżi fir-rigward tar-ristrutturazzjoni tagħhom, iż-żieda tal-pressjoni amministrattiva u li l-ħaddiema jiġu mħassba b’mod inutli dwar is-sigurtà tax-xogħol tagħhom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 45). Hija ddeċidiet, min-naħa l-oħra, li, sabiex isiru konsultazzjonijiet b’mod konformi mal-għanijiet tagħhom, jiġifieri bl-għan li jiġu evitati t-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol jew li jitnaqqas in-numru kif ukoll sabiex jittaffew il-konsegwenzi, huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-fatturi u l-elementi rilevanti dwar it-tkeċċijiet kollettivi previsti. Issa, meta deċiżjoni li tkun preżunta li twassal għal tkeċċijiet kollettivi tkun biss prevista, u li konsegwentement, tali tkeċċijiet ikunu biss probabbiltà u li l-fatturi rilevanti għall-konsultazzjonijiet ma jkunux magħrufa, l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 46).

25      Madankollu, hija ppreċiżat ukoll li, peress li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/59, il-konsultazzjonijiet għandhom jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi previsti, konsultazzjoni li tibda meta deċiżjoni li tirrendi neċessarji tali tkeċċijiet kollettivi tkun diġà ttieħdet ma tistax iktar tirrigwarda b’mod utli l-eżami ta’ alternattivi possibbli sabiex dawn jiġu evitati (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akavan Erityisalojen Keskusliitto AEK et, C‑44/08, EU:C:2009:533, punt 47).

26      Fil-każ ineżami, mid-domanda għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li, bejn Awwissu 2019 u l-aħħar ta’ Diċembru 2019, in-numru ta’ lukandi ġestiti u operati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali naqas minn għoxrin għal sebgħa. B’mod partikolari, fit‑30 ta’ Diċembru 2019, din ikkonkludiet ftehim li permezz tiegħu l-ġestjoni ta’ sebgħa minn dawn it-tlettax-il stabbiliment ġiet abbandunata u tkompliet, mill‑1 ta’ Jannar 2020, minn Amal Explotaciones.

27      Fid-dawl tal-ambitu tal-bidla fl-attività ta’ ġestjoni u ta’ operat hekk imwettqa u tal-konsegwenzi raġonevolment possibbli fuq il-livell tal-piż ta’ xogħol fis-sede tagħha, id-deċiżjoni li jinbdew diskussjonijiet dwar it-trasferiment tal-attività ta’ ġestjoni u ta’ operat ta’ dawn is-seba’ stabbilimenti tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni strateġika jew kummerċjali li kienet ġġiegħel lill-konvenuta fil-kawża prinċipali tipprevedi jew tipproġetta tkeċċijiet kollettivi, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt22 ta’ din is-sentenza, aspett li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

28      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet taf li t-trasferiment tal-ġestjoni tal-imsemmija stabbilimenti kien ser iwassal għal żieda fl-ammont ta’ xogħol għal Amla Explotaciones li kien jeħtieġ l-ingaġġ ta’ għaxar ħaddiema ġodda, u għalhekk hija talbet lill-membri tal-persunal tagħha li jaħdmu fis-sede jekk kinux lesti li jiltaqgħu mal-persuni inkarigati bit-tmexxija ta’ Grupo Globales. Konsegwentement, hija setgħet tissusspetta li kienet ser iġġarrab tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol tal-istess daqs jew ta’ skala simili għaż-żieda fl-ammont ta’ xogħol li Amla Explotaciones kien ser ikollha.

29      Min-naħa l-oħra, fit-talba għal deċiżjoni preliminari ġie rrilevat li d-deċiżjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li tkeċċi disa’ impjegati kienet tissodisfa l-analiżi tal-bżonnijiet tagħha fil-qasam tal-organizzazzjoni u tal-produzzjoni wara t-trasferiment tal-ġestjoni u tal-operat tas-seba’ stabbilimenti inkwistjoni lil Amla Explotaciones u t-tluq ta’ disgħa mill-ħaddiema tagħha lejn din tal-aħħar. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha raġonevolment tistenna li jkollha tnaqqas b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ ħaddiema tagħha fis-sede tagħha sabiex dan in-numru jkun adegwat għall-volum tal-attività tagħha kif ukoll għall-ammont ta’ xogħol li jifdal.

30      Madankollu, peress li d-deċiżjoni li titrasferixxi l-ġestjoni u l-operat ta’ seba’ lukandi lil Amal Expoltaciones kienet neċessarjament timplika, għall-konvenuta fil-kawża prinċipali, li jkunu previsti tkeċċijiet kollettivi, kien l-obbligu tagħha, sa fejn kien hemm il-possibbiltà li l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/95 ikunu ssodisfatti, li tipproċedi għall-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

31      Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-għan tal-obbligu ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva — jiġifieri li jiġu evitati xoljimenti ta’ kuntratti ta’ xogħol jew li jitnaqqas in-numru tagħhom kif ukoll li jittaffew il-konsegwenzi — u l-għan imfittex, f’dan il-każ, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali billi tistaqsi lill-ħaddiema tagħha jekk kinux disposti jagħmlu intervisti ma’ Amla Explotaciones — jiġifieri li jippermetti lil uħud mill-ħaddiema tagħha jimpenjaw ruħhom f’rabta kuntrattwali ma’ din tal-aħħar u, konsegwentement, li jnaqqsu n-numru ta’ tkeċċijiet individwali — jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom. Fil-fatt, peress li deċiżjoni li twassal għal tnaqqis sinjifikattiv fin-numru ta’ lukandi ġestiti u operati mill-konvenuta fil-kawża prinċipali setgħet twassal għal tnaqqis daqstant sinjifikattiv tal-attività tagħha u fil-volum ta’ xogħol fis-sede tagħha u, għalhekk, tan-numru ta’ ħaddiema li kellha bżonn hemmhekk, it-tluq volontarju ta’ uħud mill-ħaddiema lejn il-kumpannija li kienet ser tassumi parti mill-attività ttrasferita seta’ manifestament jippermetti li jiġu evitati tkeċċijiet kollettivi.

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ konsultazzjoni li huwa jipprevedi jitnissel mill-mument li fih il-persuna li timpjega tipprevedi jew tipproponi, fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol li n-numru tagħhom jista’ jaqbeż il-limiti ta’ postijiet li jistgħu jitneħħew iffissati fl-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmija direttiva u mhux fil-mument meta, wara li tkun adottat miżuri li jikkonsistu fit-tnaqqis ta’ dan in-numru, il-persuna li timpjega tkun kisbet iċ-ċertezza li effettivament għandha tipproċedi għat-tkeċċija ta’ numru ta’ ħaddiema ikbar minn dawk il-limiti.

 Fuq ittieni domanda

33      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

LArtikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-obbligu ta’ konsultazzjoni li huwa jipprevedi jitnissel mill-mument li fih il-persuna li timpjega tipprevedi jew tipproponi, fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni, tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol li n-numru tagħhom jista’ jaqbeż il-limiti ta’ postijiet li jistgħu jitneħħew iffissati fl-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmija direttiva u mhux fil-mument meta, wara li tkun adottat miżuri li jikkonsistu fit-tnaqqis ta’ dan in-numru, il-persuna li timpjega tkun kisbet iċ-ċertezza li effettivament għandha tipproċedi għat-tkeċċija ta’ numru ta’ ħaddiema ikbar minn dawk il-limiti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.