Language of document : ECLI:EU:C:2024:156

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla)

22 ta’ Frar 2024 (1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2008/104/KE – Xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 3(1)(f) – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija’ – Kunċett ta’ ‘remunerazzjoni’ – Kumpens dovut minħabba l-inkapaċità permanenti totali ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ matul l-assenjazzjoni”

Fil-Kawża C‑649/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

XXX

vs

Randstad Empleo ETT SAU,

Serveo Servicios SAU, li kienet Ferrovial Servicios SA,

Axa Seguros Generales SA de Seguros y Reaseguros,

IL-QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 2 TUE kif ukoll tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9), moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XXX, ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, u Randstad Empleo ETT SAU (iktar ’il quddiem “Randstad Empleo”), kumpannija li magħha huwa kien ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, u Serveo Servicios SAU, li kienet Ferrovial Servicios SA (iktar ’il quddiem “Serveo Servicios”), impriża utenti li magħha kien tqiegħed għad-dispożizzjoni, u l-kumpannija ta’ assigurazzjoni Axa Seguros Generales SA de Seguros y Reaseguros (iktar ’il quddiem “Axa”) fir-rigward tal-ammont tal-kumpens li XXX jista’ jitlob minħabba l-inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ matul l-assenjazzjoni fi ħdan din l-impriża utenti u li kellu bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 91/383/KEE

3        Ir-raba’ premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg b’dewmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418), hija fformulata kif ġej:

“Billi riċerki urew li inġenerali, ħaddiema b’relazzjoni ta’ mpjieg ta’ dewmien fiss jew relazzjoni ta’ mpjieg temporanju huma, f’ċerti setturi, iktar esposti għal riskju ta’ inċidenti fuq ix-xogħol u mard minħabba x-xogħol minn ħaddiema oħra”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“Din id-direttiva għandha tapplika għal:

[...]

2)      relazzjonijiet ta’ mpjieg temporanji bejn impriża ta’ mpjieg temporanju li hija min iħaddem u l-ħaddiem, fejn ta’ l-aħħar huwa assenjat xogħol għal u taħt il-kontroll ta’ mpriża u/jew (ta’ stabbiliment li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Għan”, jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa biex jassigura li ħaddiema b’relazzjoni ta’ mpjieg kif imsemmi fl-Artikolu 1 jingħatalhom, f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol, l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dik ta’ ħaddiema oħra fl-impriża u/jew l-istabbiliment utenti.

2.       L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ mpjieg kif imsemmi fl-Artikolu 1 m’għandhiex tiġġustifika trattamenti differenti fir-rigward talkundizzjonijiet tax-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam malprotezzjoni tas-sigurtá u tas-saħħa fuq ix-xogħol, speċjalment rigward l-aċċess għal tagħmir protettiv ta’ protezzjoni personali.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Relazzjonijiet ta’ mpjieg temporanji: responsabbiltà”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

1)      mingħajr preġudizzju għal responsabbiltà ta’ l-impriża ta’ mpjieg temporanju kif imniżżel fil-leġislazzjoni nazzjonali, l-utent ta’ l-impriża u/jew l-istabbiliment hija/huma responsabbli, tul l-assenja, għall-kundizzjonijiet li jiggvernaw il-qadi tad-dmirijiet;

2)      għall-applikazzjoni ta’ punt numru 1, il-kundizzjonijiet li jiggvernaw il-qadi tax-xogħol għandhom jiġu limitati għal dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.”

 IdDirettiva 2008/104

7        Il-premessi 1, 10 sa 13 u 15 sa 17 tad-Direttiva 2008/104 jistabbilixxu:

“(1)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill [Karta]. B’mod partikolari, hija mfassla biex tiżgura konformità sħiħa ma’ l-Artikolu 31 tal-Karta, li jipprevedi li kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu [...].

[...]

(10)      Hemm differenzi konsiderevoli fl-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija u fis-sitwazzjoni legali, l-istatus u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fl-Unjoni Ewropea.

(11)      Ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija mhux biss jilħaq il-ħtiġijiet għall-flessibbiltà ta’ l-intrapriżi iżda wkoll il-ħtieġa li l-impjegati jirrikkonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u dik privata tagħhom. B’hekk huwa jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(12)      Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas protettiv għallħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li huwa nondiskriminatorju, trasparenti u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali.

(13)      Id-Direttiva [91/383] tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà u s-saħħa applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

[...]

(15)      Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg Fil-każ ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt permanenti ma’ l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tagħhom, u bil-ħsieb tal-protezzjoni speċjali li joffri tali kuntratt, għandu jkun previst li jkunu permessi eżenzjonijiet mir-regoli applikabbli fl-impriża utenti.

(16)      Sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw b’mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali, lIstati Membri jistgħu jippermettu lill-imsieħba soċjali jiddefinixxu kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg, sakemm jiġi rispettat il-livell ġenerali ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

(17)      Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi limitati, l-Istati Membri għandhom, abbażi ta’ ftehim konkluż milli msieħba soċjali fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jidderogaw f’limiti mill-prinċipju ta’ trattament ugwali, sakemm jiġi pprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

9        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ limpjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

10      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Definizzjonijiet”:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

f) ‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

i)      it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

ii)      il-paga.

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għalliġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ paga, kuntratt ta’ impjieg, relazzjoni ta’ impjieg, jew ħaddiem.

[...]”

11      L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali” jipprovdi:

“1.      Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.

[...]

2.      Fir-rigward tal-paga, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jipprovdu li ssir eżenzjoni mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1 fejn il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li għandhom kuntratt permanenti ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqgħu jitħallsu fiż-żmien ta’ bejn l-assenjazzjonijiet.

3.      L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom, fil-livell adatt u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, l-għażla li jżommu jew jikkonkludu strumenti ta’ ftehim kollettivi li, waqt li jirrispettaw il-protezzjoni ġenerali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

4.      Sakemm ikun ipprovdut livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, l-Istati Membri, li fihom jew m’hemmx sistema fil-liġi biex strumenti ta’ ftehim kollettivi jiġu ddikjarati applikabbli universalment jew li m’hemmx sistema bħal din fil-liġi jew prattika biex id-dispożizzjonijiet tagħhom jiġu estiżi għall-impriżi simili kollha f’ċertu settur jew żona ġeografika, jistgħu, wara li jikkonsultaw lillimsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u abbażi ta’ ftehim konkluż minnhom, jistabbilixxu arranġamenti rigward il-kondizzjonijietbażiċi tax-xogħol u l-impjieg li jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fil-paragrafu 1. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu perijodu ta’ kwalifika għal trattament ugwali.

[...]”

 Iddritt Spanjol

 IlLiġi 14/1994

12      L-Artikolu 11 tal-ley 14/1994 por la que se regulan las empresas de trabajo temporal (il-Liġi 14/1994 dwar l-Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju), tal‑1 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 131, tat‑2 ta’ Ġunju 1994), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 14/1994”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom dritt, matul it-tul tax-xogħol tagħhom ma’ impriża utenti, japplikaw kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li jkunu applikabbli għalihom kieku kienu rreklutati direttament mill-impriża utenti sabiex jokkupaw fiha l-istess pożizzjoni.

Għal dan il-għan, huma kkunsidrati bħala kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg dawk relatati mar-remunerazzjoni, mas-sigħat ta’ xogħol, mas-sahra, mal-ħin ta’ pawża, max-xogħol ta’ billejl, mal-leave u mal-vaganzi.

Ir-remunerazzjoni tinkludi r-remunerazzjonijiet ekonomiċi kollha, fissi jew varjabbli, stabbiliti għall-post tax-xogħol maħsub fil-ftehim kollettiv applikabbli għall-impriża utenti marbuta ma’ din il-pożizzjoni. Hija għandha tinkludi, fi kwalunkwe każ, il-parti proporzjonali li tikkorrispondi għall-mistrieħ fil-ġimgħa, għall-bonuses u għall-premijiet annwali, għall-vaganzi u għal-leave annwali. Hija l-impriża utenti li għandha tikkalkola dak li finalment ser jiġi rċevut mill-ħaddiem u, għal dan il-għan, tindika r-remunerazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu fil-kuntratt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem.

Minbarra dan, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom dritt għall-applikazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ħaddiema tal-impriża utenti fil-qasam [...] ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa u ta’ kull azzjoni intiża sabiex jiġu miġġielda d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

 LIstatut talĦaddiema

13      L-Artikolu 49 tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 2/2015 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015, li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224), jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm:

[...]

e)      minħabba mewt, invalidità kbira jew inkapaċità permanenti totali jew assoluta tal-ħaddiem [...]”

 IlFtehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija

14      Skont l-Artikolu 42 tal-VI convenio colectivo estatal de empresas de trabajo temporal (is-Sitt Ftehim Kollettiv Nazzjonali tal-Aġenziji ta’ Xogħol Temporanju, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija”), il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom dritt għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 10 500 fil-każ ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol.

 IlFtehim Kollettiv tasSettur tatTrasport

15      L-Artikolu 31 tal-convenio colectivo para el sector de la industria del transporte de mercancías por carretera y agencias de transporte de Álava (il-Ftehim Kollettiv tal-Impriżi tas-Settur tat-Trasport bit-Triq ta’ Merkanzija u tal-Aġenziji tat-Trasport ta’ Álava, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport”) jipprovdi kumpens ta’ EUR 60 101.21 fil-każ ta’ inkapaċità permanenti totali jew assoluta ta’ ħaddiem li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

16      XXX ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2016, ma’ Randstad Empleo li qegħditu għad-dispożizzjoni ta’ Serveo Servicios sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ persuna b’esperjenza li taħdem f’maħżen ta’ merkanzija. Konformement ma’ dan il-kuntratt, il-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija huwa applikabbli għal din ir-relazzjoni ta’ xogħol.

17      Matul dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, XXX kien vittma, fl‑24 ta’ Ottubru 2016, ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol. Permezz ta’ deċiżjoni tad-Dirección Provincial del Instituto Nacional de la Seguridad Social de Álava (id-Direttorat Provinċjali tal-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali ta’ Álava, Spanja), tas‑16 ta’ Marzu 2019, ikkonfermata mill-Juzgado de lo Social Nru 2 de Vitoria-Gasteiz (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Vitoria-Gasteiz, Spanja), permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, ġie ddikjarat li XXX kien ibati minn inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu minħabba dan l-inċident fuq il-post tax-xogħol.

18      Fil‑21 ta’ Novembru 2019, Axa, abbażi tal-Artikolu 42 tal-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija, ħallset kumpens fl-ammont ta’ EUR 10 500 lil XXX minħabba l-inkapaċità permanenti totali tiegħu li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu. Madankollu, XXX iqis li kumpens li jammonta għal EUR 60 101.21 kellu jitħallas lilu f’dan ir-rigward, u dan fuq il-bażi tal-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport.

19      Għalhekk, fis‑7 ta’ Frar 2020, is-sindicato Eusko Langileen Alkartasuna (is-Sindakat Solidarjetà tal-Ħaddiema tal-País Vasco), fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ XXX, ippreżenta rikors għad-danni quddiem il-Juzgado de lo social n° 3 de Vitoria (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Vitoria, Spanja) kontra, minn naħa, Randstad Empleo, Serveo Servicios kif ukoll Axa kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-Fondo de Garantía Salarial (il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarju, Spanja) sabiex is-somma ta’ EUR 49 601.21, jiġifieri d-differenza fl-ammont eżistenti bejn il-kumpens li tħallas lil XXX skont l-Artikolu 42 tal-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija u l-kumpens previst fl-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport, miżjud b’20 % jew bl-interessi moratorji, titħallas lil XXX. Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2021 għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija kien applikabbli għal XXX u li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), iż-żidiet fil-benefiċċju tas-sigurtà soċjali mogħtija fuq bażi volontarja u li ma jagħmlux parti mill-garanzija tas-salarju minimu prevista fl-Artikolu 11 tal-Liġi 14/1994, bħall-kumpens mitlub f’dan il-każ minn XXX, ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”.

20      Is-Sindakat Solidarjetà tal-Ħaddiema tal-País Vasco appella din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti, XXX isostni li huwa kellu jirċievi kumpens skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport, peress li dan il-kumpens kien jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104. Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu li l-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija huwa applikabbli għal XXX u li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

21      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità tal-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-Artikolu 11 tal-Liġi 14/1994, li huwa intiż li jittrasponi d-Direttiva 2008/104, mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, kif ukoll mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, skont din l-interpretazzjoni, iż-żidiet fil-benefiċċju tas-sigurtà soċjali mogħtija fuq bażi volontarja ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11, peress li ma humiex direttament marbuta max-xogħol. Mill-imsemmija interpretazzjoni jirriżulta li l-kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg” u, għaldaqstant, li XXX ma jistax jitlob il-kumpens skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport.

22      Skont il-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva 2008/104, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tagħha, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex XXX ikollu d-dritt għall-istess kumpens li għalih ħaddiem irreklutat direttament minn Serveo Servicios ikollu dritt fl-istess sitwazzjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal-Artikolu 11 tal-Liġi 14/1994 tista’ twassal għal sitwazzjoni assurda li fiha żewġ ħaddiema feruti matul l-istess inċident fuq il-post tax-xogħol jiksbu kumpens differenti, skont jekk ikunux ġew irreklutati direttament mill-impriża utenti jew le.

23      Minbarra dan, fir-rigward tal-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ XXX ġie xolt wara l-inkapaċità permanenti totali ta’ dan tal-aħħar li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp (C‑426/20, EU:C:2022:373), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” jinkludi kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem, minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

24      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li XXX ibati minn diżabbiltà minħabba l-inċident fuq il-post tax-xogħol inkwistjoni u li, minħabba f’hekk, tilef l-impjieg tiegħu. Issa, il-fatt lil dan tal-aħħar ma jiġix irrikonoxxut id-dritt għal kumpens bl-istess mod bħall-ħaddiema rreklutati direttament minn Serveo Servicios li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, jiġifieri skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport, jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, ipprojbita mill-Artikolu 21 tal-Karta.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta], l-Artikolu 2 TUE u l-Artikoli 3[1](f) u 5 tad-Direttiva [2008/104] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni Spanjola li teskludi mill-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” kumpens dovut lil ħaddiem li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie mxolji minn aġenzija ta’ xogħol temporanju meta ġie ddikjarat f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità permanenti totali minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol li huwa ġarrab fl-impriża utenti tas-servizzi tiegħu?”

 Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

26      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li n-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li d-domandi li hija tagħmel jagħmlu parti minnu jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti dwar l-importanza għall-qorti nazzjonali li tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex ikollha dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li huwa meħtieġ li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, huwa indispensabbli li, fil-qorti tar-rinviju stess, il-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Dawn ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-qorti tar-rinviju għandha, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ikollha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa. Dawn huma mfakkra fil-punt 15 tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1) (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, tal-Artikolu 2 TUE kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(f) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/104. Madankollu, din il-qorti ma tindikax bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 2 TUE u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta jistabbilixxu rispettivament il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni Ewropea, li l-qorti tar-rinviju sempliċement tindika, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li l-fatt li lil XXX ma jiġix irrikonoxxut id-dritt għal kumpens daqslikieku kien ħaddiem irreklutat direttament minn Serveo Servicios jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq diżabbiltà, ipprojbita minn dan l-Artikolu 21.

31      Issa, il-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx kif il-fatt li jingħata kumpens lil XXX abbażi tal-Artikolu 42 tal-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija pjuttost milli abbażi tal-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni għad-detriment tiegħu fir-rigward ta’ diżabbiltà. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Gvern Spanjol, li, sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar liema minn dawn il-ftehimiet kollettivi ħaddiem jista’ jibbaża ruħu sabiex jitlob kumpens għal inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, huwa l-istatus ta’ dan il-ħaddiem li huwa determinanti, billi diżabbiltà possibbli li l-imsemmi ħaddiem ibati minnha hija irrilevanti f’dan il-kuntest.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hemm iktar lok li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ XXX fid-dawl tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), relatati b’mod partikolari mad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, dispożizzjonijiet li għalihom il-qorti tagħmel riferiment mingħajr madankollu ma tippreċiża kif dawn id-dispożizzjonijiet huma rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

33      Barra minn hekk, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi riferiment għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), li jipprovdi li “[m]’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess”, għandu jiġi kkonstatat li l-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda indizju ta’ diskriminazzjoni ta’ XXX li hija bbażata fuq is-sess.

34      It-tieni nett, fir-rigward tal-Artikolu 2 UE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza sa fejn din ma tinkludi ebda preċiżazzjoni dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-imsemmija dispożizzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104.

 Fuq iddomanda preliminari

36      Permezz tad-domanda tagħha, u fir-rigward ta’ dak li jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tipprovdi li l-kumpens li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistgħu jitolbu abbażi ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tagħhom, huwa ammont inqas minn dak tal-kumpens li dawn il-ħaddiema setgħu jitolbu, fl-istess sitwazzjoni u bl-istess bażi, li kieku kienu ġew irreklutati direttament minn din l-impriża utenti sabiex jokkupaw fiha l-istess pożizzjoni għall-istess perijodu ta’ żmien.

 Fuq ilkunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi taxxogħol u talimpjieg”, fis-sens talewwel subparagrafu talArtikolu 5(1) tadDirettiva 2008/104, moqri flimkien malArtikolu 3(1)(f) tagħha

37      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk kumpens, dovut lil ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija abbażi tal-inkapaċità permanenti totali tiegħu li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tiegħu, jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

38      Għalkemm il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 ma tinkludi ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg” inkluż fih għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi jew le tali kumpens, dan il-kunċett b’mod partikolari jirreferi, konformement mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, għall-kunċett ta’ “remunerazzjoni”.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-aħħar kunċett ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2008/104.

40      Għalkemm huwa minnu li, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/104, din “għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ paga”, għandu jiġi ppreċiżat li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi rinunzja tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddetermina huwa stess il-portata tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens ta’ din id-direttiva, billi din id-dispożizzjoni tfisser biss li dan il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jippreżerva s-setgħa tal-Istati Membri li jiddefinixxu dan il-kunċett fis-sens tad-dritt nazzjonali, aspett li l-imsemmija direttiva ma għandhiex l-għan li tarmonizza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, Betriebsrat der Ruhrlandklinik (C‑216/15, EU:C:2016:883, punti 30 sa 32).

41      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens normali tagħhom fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Navitours, C‑294/21, EU:C:2022:608, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      L-ewwel nett, skont is-sens normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” huwa mifhum b’mod ġenerali bħala l-flus imħallsa għal xogħol partikolari jew għall-provvista ta’ servizz.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni tinsab fil-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tal-provvista inkwistjoni, korrispettiv li huwa normalment iddefinit bejn il-fornitur u d-destinatarju tas-servizz (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit, C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 157(2) TFUE bħala “il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu”. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’ u jinkludi, b’mod partikolari, il-benefiċċji kollha fi flus jew in natura, attwali jew futuri, dejjem jekk ikun hemm kunsens, anki indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem abbażi tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, kemm jekk skont kuntratt ta’ xogħol, skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Prixair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fost il-benefiċċji kklassifikati bħala “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, jinsabu preċiżament il-benefiċċji mħallsa mill-persuna li timpjega minħabba l-eżistenza ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol imħallsa b’salarju li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw sors ta’ dħul għall-ħaddiema, anki jekk dawn, f’każijiet speċifiċi, ma jeżerċitaw l-ebda attività prevista mill-kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, in-natura ta’ remunerazzjoni ta’ tali benefiċċji ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li huma jissodisfaw ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bedi, C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-“remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, tagħmel parti mill-“kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278), kif ukoll tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 131 u 132, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punti 20 u 21).

47      Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 huwa intiż, b’mod iktar speċifiku mill-imsemmija klawżoli, li jiżgura protezzjoni effettiva tal-ħaddiema atipiċi u prekarji, b’tali mod li interpretazzjoni analoga għal dik adottata mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE, hija meħtieġa, a fortiori, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f)(ii) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 36).

48      Għalkemm, ċertament, kumpens bħal dak imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza ma jitħallasx direttament bħala korrispettiv għal provvista ta’ xogħol imwettqa minn ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu, madankollu, jitqies li tali kumpens jikkostitwixxi benefiċċju fi flus, li, minn naħa, huwa mogħti indirettament mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem minħabba l-impjieg ta’ dan tal-aħħar sa fejn dan il-kumpens huwa previst minn ftehim kollettiv li huwa applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, jitħallas lil dan il-ħaddiem bl-għan li jiġi kkumpensat it-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-inkapaċità ta’ dan tal-aħħar li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, b’tali mod li dan il-kumpens għandu l-għan li jiżguralu sors ta’ dħul.

49      Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f)(ii) tad-Direttiva 2008/104, huwa wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri kumpens li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistgħu jitolbu abbażi ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li jkun seħħ fl-impriża utenti.

50      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li minnu jagħmel parti l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f)(ii) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 13 ta’ din id-direttiva, id-Direttiva 91/383 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

51      Issa, mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/383, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 1 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jibbenefikaw, fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, mill-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema l-oħra tal-impriża utenti. Barra minn hekk, skont dan l-Artikolu 2(2), moqri flimkien ma’ dan il-punt 2 tal-Artikolu 1, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija ma tistax tiġġustifika differenza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u dan iktar u iktar peress li, hekk kif jirriżulta mir-raba’ premessa tal-imsemmija direttiva, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, f’ċerti setturi, huma esposti għal iktar riskji ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol milli l-ħaddiema l-oħra.

52      Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/383 jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, bla ħsara għar-responsabbiltà stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti tkun, matul it-tul il-perijodu tal-assenjazzjoni, responsabbli għall-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol marbuta mas-sigurtà, mal-iġjene u mas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-protezzjoni tas-“sigurtà” u tas-“saħħa” fuq ix-xogħol taqa’ taħt il-“kundizzjonijiet tax-xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 91/383, u li l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għandu, f’dan ir-rigward, jiġi ttrattat, matul it-tul tal-assenjazzjoni tiegħu, bl-istess mod bħall-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti.

54      Min-naħa l-oħra, kumpens bħal dak imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza huwa marbut mal-protezzjoni tas-“sigurtà” u tas-“saħħa” fuq il-post tax-xogħol sa fejn ir-responsabbiltà tal-impriża utenti u, jekk ikun il-każ, tal-aġenzija tax-xogħol temporanju, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol marbuta ma’ din il-protezzjoni, tmur id f’id mal-kumpens għad-danni fl-ipoteżi fejn l-imsemmija protezzjoni ma tirnexxix, jiġifieri, b’mod partikolari, meta inċident fuq il-post tax-xogħol iseħħ matul it-tul tal-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija bil-konsegwenza tal-inkapaċità permanenti totali ta’ dan il-ħaddiem milli jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu.

55      Fid-dawl tar-riferiment magħmul mid-Direttiva 2008/104 għad-Direttiva 91/383, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-kuntest li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 jagħmel parti minnu, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha, jikkorrobora l-interpretazzjoni li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, li għalih jagħmel riferiment il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet, jinkludi kumpens bħal dak imsemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza.

56      It-tielet nett, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2008/104, mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 31 tal-Karta li, konformement mal-paragrafu 1 tiegħu, jistabbilixxi b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa tiegħu, is-sigurtà tiegħu u d-dinjità tiegħu. L-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) jindikaw, f’dan ir-rigward, li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tax-xogħol” għandu jinftiehem fis-sens tal-Artikolu 156 TFUE, minkejja li din l-aħħar dispożizzjoni ma tiddefinixxix dan il-kunċett. Fir-rigward tal-iskop protettiv tad-drittijiet tal-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija segwit mill-imsemmija direttiva, din l-assenza ta’ preċiżjoni hija favur ħafna interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Għaldaqstant, sa fejn id-Direttiva 2008/104 għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, għandu jiġi kkonstatat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li jekk, fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, ir-riskju finanzjarju għall-impriżi utenti kien iktar baxx fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema meta mqabbla mal-ħaddiema li huma jirreklutaw direttament, dawn l-impriżi jkunu inqas inċentivati jinvestu fis-sigurtà tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, u dan iwassal sabiex dan l-għan jiġi injorat.

58      Konsegwentement, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2008/104 jikkorroboraw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f)(ii) ta’ din id-direttiva, bħala “kundizzjoni bażika tax-xogħol u tal-impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, li skont din il-kunċett jinkludi kumpens li ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jista’ jitlob abbażi tal-inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti.

59      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi invalidata, kuntrarjament għal dak li essenzjalment jallega l-Gvern Spanjol, minħabba li tali kumpens jitħallas wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija jew ukoll minħabba l-fatt li dan il-kumpens allegatament joriġina biss mid-dikjarazzjoni ta’ inkapaċità permanenti totali għax-xogħol tal-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija kkonċernat u, għalhekk, fit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

60      Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-kumpens inkwistjoni jitħallas wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ma jeskludix li dan jista’ jkollu natura ta’ remunerazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(f)(ii) tad-Direttiva 2008/104 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 70).

61      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg”, li teskludi l-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, unikament minħabba li l-fatt li dan il-kumpens huwa marbut mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, tmur kontra kemm tal-kuntest li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnu kif ukoll tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punti 39 u 45).

62      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-inċident fuq il-post tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa l-fatt li ġġenera l-inkapaċità permanenti totali ta’ XXX li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, seħħ “għat-tul [...] l-assenjazzjoni tagħhom [fl-]impriża utenti”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, b’tali mod li ma jistax jiġi aċċettat li l-kumpens imħallas minħabba din l-inkapaċità joriġina biss mit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ XXX.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li kumpens, dovut lil ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija abbażi tal-inkapaċità permanenti totali ta’ dan tal-aħħar li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tiegħu, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

 Fuq ilportata talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament imsemmi flewwel subparagrafu talArtikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104

64      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, għandu jiġi rrilevat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom, matul l-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti, jibbenefikaw minn kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg minn tal-inqas ugwali għal dawk li jkunu applikabbli għalihom li kieku kienu ġew irreklutati direttament minn din l-impriża sabiex fiha jokkupaw l-istess pożizzjoni.

65      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fl-ewwel lok, il-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u tal-impjieg li jkunu applikabbli għall-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija inkwistjoni kieku kien ġie rreklutat direttament mill-impriża utenti, sabiex fiha jokkupa l-istess pożizzjoni bħal dik li effettivament jokkupa fiha, u dan matul l-istess perijodu, u, b’mod iktar preċiż, f’dan il-każ, il-kumpens li jkollu dritt għalih abbażi tal-inkapaċità permanenti totali li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. Fit-tieni lok, hija din il-qorti li għandha tqabbel dawn il-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ma’ dawk li huma effettivament applikabbli għal dan il-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, matul it-tul tal-assenjazzjoni tiegħu ma’ din l-impriża utenti, u dan sabiex jiġi żgurat, abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-osservanza jew le tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-imsemmi ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punt 50).

66      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-dawl tal-interpretazzjoni, mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tal-Artikolu 11 tal-Liġi 14/1994, il-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistgħu jitolbu biss, fil-każ ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, kumpens, skont l-Artikolu 42 tal-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija, li huwa ammont inferjuri meta mqabbel mal-kumpens li l-ħaddiema rreklutati direttament mill-impriża utenti għandhom dritt għalih skont l-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport. B’mod iktar preċiż, skont il-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, XXX, bħala ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija, għandu dritt għal kumpens għal ammont ta’ EUR 10 500 abbażi tal-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet kollettivi, filwaqt li, kieku kien ġie rreklutat direttament minn Serveo Servicios, huwa jkollu dritt għal kumpens għal ammont ta’ EUR 60 101.21 abbażi tat-tieni wieħed minn dawn il-ftehimiet kollettivi.

67      Jekk dan huwa effettivament il-każ, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, XXX ma bbenefikax, matul it-tul tal-assenjazzjoni tiegħu ma’ Serveo Servicios, minn kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li huma tal-inqas ugwali għal dawk li kienu jkunu applikabbli għalih kieku kien ġie rreklutat direttament minn din l-impriża utenti sabiex fiha jokkupa l-istess pożizzjoni matul l-istess tul ta’ żmien.

68      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, skont l-Artikolu 5(2) sa (4) tad-Direttiva 2008/104, li jipprevedu, taħt ċerti kundizzjonijiet preċiżi, derogi mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, id-deċiżjoni tar-rinviju u l-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu ebda informazzjoni dwar eventwali implimentazzjoni ta’ waħda minn dawn id-derogi fi Spanja.

69      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm, ċertament, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/104, l-imsieħba soċjali għandhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jistabbilixxu, għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tali ftehimiet għandhom, madankollu, konformement ma’ dan il-paragrafu 3, moqri flimkien mal-premessi 16 u 17 ta’ din id-direttiva, jiggarantixxu l-protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.

70      Issa, l-obbligu li tiġi ggarantita l-protezzjoni globali tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jeżiġi, b’mod partikolari, li benefiċċji fil-qasam tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li huma ta’ natura li jikkumpensaw id-differenza fit-trattament subita minn dawn il-ħaddiema jingħataw lil dawn tal-aħħar, billi l-osservanza ta’ dan l-obbligu għandha tiġi evalwata b’mod konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, TimePartner Personalmanagement, C‑311/21, EU:C:2022:983, punti 44 u 50). Għalhekk, sabiex tkun tista’ ssir deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 permezz tal-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Temporanju Permezz ta’ Aġenzija, huwa neċessarju, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, li dan il-ftehim kollettiv jippermetti li tiġi ggarantita lil XXX tali protezzjoni globali billi jingħatawlu benefiċċji kumpensatorji f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li jippermettu li jiġu paċuti l-effetti tad-differenza fit-trattament li huwa jissubixxi.

71      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, hija marbuta, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-iskop ta’ din id-direttiva sabiex tinkiseb soluzzjoni konformi mal-għan li għandu jintlaħaq minnha, billi interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali hija madankollu eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp, C‑426/20, EU:C:2022:373, punti 56 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li XXX għandu dritt għall-kumpens li huwa jitlob abbażi tal-Artikolu 31 tal-Ftehim Kollettiv tas-Settur tat-Trasport kieku kien ġie rreklutat direttament minn Serveo Servicios, hija din il-qorti, b’mod partikolari, li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 11 tal-Liġi 14/1994 jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/104 u, għaldaqstant, li jiġi interpretat għajr billi jċaħħad lil XXX minn dan il-kumpens, interpretazzjoni li tmur kontra l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva hekk kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza.

73      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skont din il-kumpens li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistgħu jitolbu abbażi ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tagħhom, huwa ammont inferjuri għal dak tal-kumpens li dawn il-ħaddiema jistgħu jitolbu, fl-istess sitwazzjoni u bl-istess mod, kieku dawn kienu ġew irreklutati direttament minn din l-impriża utenti sabiex fiha jokkupaw l-istess pożizzjoni matul l-istess perijodu ta’ żmien.

 Fuq lispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skont din il-kumpens li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija jistgħu jitolbu abbażi ta’ inkapaċità permanenti totali li jeżerċitaw il-professjoni abitwali tagħhom, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li għandha bħala konsegwenza t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija tagħhom, huwa ammont inferjuri għal dak tal-kumpens li dawn il-ħaddiema jistgħu jitolbu, fl-istess sitwazzjoni u bl-istess mod, kieku dawn kienu ġew irreklutati direttament minn din l-impriża utenti sabiex fiha jokkupaw l-istess pożizzjoni matul l-istess perijodu ta’ żmien.

Firem


1      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.