Language of document : ECLI:EU:C:2024:148

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva (UE) 2015/2366 – Artikolu 4(3) u (5) – Servizz jew tranżazzjoni ta’ ħlas – Direttiva 2009/110/KE – Artikolu 2(2) – Ħruġ ta’ flus elettroniċi. – Żamma minn istituzzjoni ta’ ħlas tal-fondi tal-klijenti mingħajr ordni ta’ ħlas speċifika – Klassifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑661/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

“ABC Projektai” UAB, li kienet “Bruc Bond” UAB,

vs

Lietuvos bankas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi (Relatur), M. Ilešič, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “ABC Projektai” UAB, li kienet “Bruc Bond” UAB, minn J. Jarusevičius, avukat, u P. Grendelis,

–        għall-Gvern Litwan, minn V. Kazlauskaitė-Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, S. L. Kalėda, A. Steiblytė u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, bir-rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97), kif ukoll tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija “ABC Projektai” UAB, li qabel kienet “Bruc Bond” UAB, u l-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja), dwar l-irtirar tal-liċenzja bħala stabbiliment tal-ħlas mogħtija qabel lil ABC Projektai.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2009/110

3        Skont il-premessa 7 tad-Direttiva 2009/110:

“Jixraq li tiġi introdotta definizzjoni ċara tal-flus elettroniċi sabiex tkun teknikament newtrali. Din id-definizzjoni għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas joħroġ valur maħżun imħallas minn qabel bi tpartit għal fondi, li jkun jista’ jintuża għall-finijiet ta’ ħlas minħabba li persuni terzi jgħodduh bħala ħlas.”

4        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/110 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistipula r-regoli dwar l-eżerċizzju tal-attività tal-ħruġ tal-flus elettroniċi li skonthom l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kategoriji li ġejjin ta’ emittenti ta’ flus elettroniċi:

(a)      l-istituzzjonijiet tal-kreditu, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2010, L 239M, p. 1)] […] ;

(b)      l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva […] ;

(c)      l-istituzzjonijiet ġiro tal-uffiċċji postali […] ;

(d)      il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali […] ;

(e)      l-Istati Membri jew l-awtoritajiet reġjonali jew lokali tagħhom […].”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)      ‘istituzzjoni tal-flus elettroniċi’ tfisser persuna ġuridika li ngħatat awtorizzazzjoni skont it-Titolu II biex toħroġ il-flus elettroniċi;

(2)      ‘flus elettroniċi’ tfisser valur monetarju maħżun elettronikament, anke b’mod manjetiku, kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif definiti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, bir-rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5)] u li huwa aċċettat minn persuna [fiżika jew] ġuridika għajr l-emittent tal-flus elettroniċi;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/110, intitolat “Projbizzjoni tal-emissjoni ta’ flus elettroniċi”:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu lill-persuni naturali jew legali li ma humiex emittenti ta’ flus elettroniċi milli jemettu flus elettroniċi.”

 IdDirettiva 2013/36/UE

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), intitolat “Projbizzjoni kontra persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li persuni jew impriżi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jwettqu n-negozju ta’ ġbir ta’ depożiti jew fondi rimborżabbli oħrajn mill-pubbliku.”

 Id-Direttiva 2015/2366

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Suġġett”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li skonthom l-Istati Membri għandhom jiddistingwu bejn is-sitt kategoriji li ġejjin ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament:

[…]

(b)      l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE, inkluż, f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva u mal-liġi nazzjonali, fergħat tagħhom, fejn it-tali fergħat jinsabu fl-Unjoni [Ewropea] u s-sede uffiċjali tagħhom jinsabu barra l-Unjoni, sakemm is-servizzi ta’ pagament pprovduti minn dawk il-fergħat huma marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi;

[…]

(d)      istituzzjonijiet ta’ pagament;

[…]”

9        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti 3, 4, 5, 12 u 23 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

3.      ‘servizz ta’ pagament’ tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness I;

4.      ‘istituzzjoni ta’ pagament’ tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha;

5.      ‘tranżazzjoni ta’ pagament’ tfisser att, mibdi mill-pagatur jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;

[…]

12.      ‘kont ta’ pagament’ tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ pagament li jintuża għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;

[…]

23.      ‘debitu dirett’ tfisser servizzi ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, ill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju, jew lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur stess”.

10      L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Salvagwardja tar-rekwiżiti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu li istituzzjoni ta’ pagament li tipprovdi s-servizzi ta’ pagament kif imsemmija fil-punti (1) sa (6) tal-Anness I tissalvagwardja l-fondi kollha li jkunu ġew riċevuti mill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament jew permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, f’wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)      fl-ebda ħin il-fondi ma għandhom jitħalltu mal-fondi ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minbarra l-utenti ta’ servizzi ta’ pagament li f’isimhom ikunu miżmuma l-fondi u, meta jkunu għadhom miżmuma mill-istituzzjoni ta’ pagament u jkunu għadhom ma ngħatawx lil benefiċjarju jew trasferiti lil fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor sa tmiem il-jum ta’ negozju wara l-jum meta l-fondi jkun ġew riċevuti, jiġu depożitati f’kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew investiti f’assi likwidi siguri u b’riskju baxx kif definit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju; u għandhom jiġu protetti f’konformità mal-liġi nazzjonali fl-interess tal-utenti ta’ servizzi ta’ pagament kontra pretensjonijiet ta’ kredituri oħra tal-istituzzjoni ta’ pagament, b’mod partikolari f’każ ta’ insolvenza;

(b)      il-fondi għandhom ikunu koperti minn polza ta’ assigurazzjoni jew minn xi garanzija komparabbli oħra minn kumpannija tal-assigurazzjoni jew istituzzjoni tal-kreditu, li ma tagħmilx parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni ta’ pagament innifisha, għal ammont ekwivalenti għal dak li jkun ġie segregat fin-nuqqas ta’ polza tal-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli oħra, pagabbli fil-każ li l-istituzzjoni ta’ pagament ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha.

2.      Fejn istituzzjoni ta’ pagament tkun meħtieġa tissalvagwardja fondi taħt il-paragrafu 1 u porzjon ta’ dawk il-fondi ser jintuża għal tranżazzjonjiet ta’ ħlas futuri fejn l-ammont li jifdal ser jintuża għal servizzi mhux ta’ pagament, dik il-parti tal-fondi li ser tintuża għal tranżazzjonjiet ta’ pagament futuri għandha tkun soġġetta wkoll għar-rekwiżiti tal-paragrafu 1. Meta dak il-porzjon ikun varjabbli jew mhux magħruf minn qabel, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-istituzzjonijiet ta’ pagament japplikaw dan il-paragrafu abbażi ta’ porzjon rappreżentattiv li hu preżunt li jintuża għal servizzi ta’ pagament dment li tali porzjon rappreżentattiv jista’ jiġi stmat b’mod raġonevoli abbażi tad-data storika b’mod li jissodisfa lill-awtoritajiet kompetenti.”

11      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Għoti ta’ awtorizzazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-impriżi għajr dawk imsemmija fil-punti (a), (b), (c), (e) u (f) tal-Artikolu 1(1) u għajr persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33, li biħsiebhom jipprovdu servizzi ta’ pagament, jiksbu awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni ta’ pagament qabel jibdew jipprovdu servizzi ta’ pagament. […]”

12      L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Attivitajiet”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 5 tiegħu:

“1.      Minbarra l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, l-istituzzjonijiet ta’ pagament għandu jkollhom id-dritt li jkunu involuti fl-attivitajiet li ġejjin:

(a)      il-forniment ta’ servizzi operattivi u servizzi anċillari relatati mill-qrib bħall-iżgurar tal-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, servizzi tal-kambju ta’ valuta, attivitajiet ta’ salvagwardja, u l-ħażna u l-ipproċessar ta’ data;

(b)      it-tħaddim ta’ sistemi ta’ pagament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35;

(c)      attivitajiet ta’ negozju minbarra l-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, b’kont meħud tal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali.

2.      Fejn l-istituzzjonijiet ta’ pagament jinvolvu ruħhom fil-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar ta’ pagament, jistgħu jżommu biss kontijiet ta’ pagament li jintużaw esklużivament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament.

3.      Kwalunkwe fond riċevut minn istituzzjonijiet ta’ pagament mingħand utenti ta’ servizzi ta’ pagament, bil-ħsieb ta’ forniment ta’ servizzi ta’ pagament ma għandux jikkostitwixxi depożitu jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36/UE, jew flus elettroniċi kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE.

4.      L-istituzzjonijiet ta’ pagament jistgħu jagħtu kreditu relatat ma’ servizzi ta’ pagament kif imsemmija fil-punt (4) jew (5) tal-Anness I biss jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)      il-kreditu għandu jkun anċillari u jingħata esklużivament b’konnessjoni mal-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

(b)      minkejja r-regoli nazzjonali dwar il-forniment ta’ kreditu permezz ta’ kards tal-kreditu, il-kreditu mogħti b’konnessjoni ma’ pagament u mwettaq skont l-Artikolu 11(9) u l-Artikolu 28 għandu jitħallas lura f’perijodu qasir li fl-ebda każ ma għandu jaqbeż it-12-il xahar;

(c)      tali kreditu ma għandux jingħata minn fondi riċevuti jew miżmuma għall-fini tal-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

(d)      il-fondi proprji tal-istituzzjoni ta’ pagament għandhom f’kull ħin u għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet superviżorji jkunu adatti fir-rigward tal-ammont ġenerali ta’ kreditu mogħti.

5.      L-istituzzjonijiet ta’ pagament ma għandhomx iwettqu n-negozju li jieħdu depożiti jew fondi oħra li jistgħu jitħallsu lura skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36/UE.”

13      L-Artikolu 78 tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Riċevuti tal-ordnijiet ta’ pagament” jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mument tar-riċevuta huwa meta l-ordni ta’ pagament tiġi riċevuta mill-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur.

Il-kont tal-pagatur ma għandux jiġi debitat qabel tiġi riċevuta l-ordni ta’ pagament. Jekk il-ħin tar-riċevuta ma jkunx f’jum ta’ negozju għall-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-pagatur, l-ordni ta’ pagament għandha titqies bħala li ġiet irċevuta fil-jum ta’ negozju li jmiss. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jista’ jistabbilixxi ħin limitu qrib it-tmiem tal-jum ta’ negozju li warajh kull ordni ta’ pagament li tiġi rċevuta għandha titqies bħala li ġiet riċevuta fil-jum ta’ negozju li jkun imiss.

2.      Jekk l-utent ta’ servizzi ta’ pagament li jibda ordni ta’ pagament u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tiegħu jiftiehmu li l-esekuzzjoni tal-ordni ta’ pagament għandha tibda f’jum speċifiku jew fi tmiem perijodu speċifiku jew fil-jum li fih il-pagatur ikun poġġa fondi għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, il-ħin tar-riċevuta għall-finijiet tal-Artikolu 83 għandu jitqies li huwa l-jum miftiehem. Jekk il-jum miftiehem mhuwiex jum ta’ negozju għall-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, l-ordni ta’ pagament riċevuta għandha titqies bħala li ġiet riċevuta fil-jum ta’ negozju li jmiss.”

14      L-Artikolu 83 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tranżazzjonijiet ta’ pagament għal kont ta’ pagament”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur jiżgura li, wara l-mument tar-riċevuta kif imsemmija fl-Artikolu 78, l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament se jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju sa tmiem il-jum ta’ negozju segwenti. Dak il-limitu tal-perijodu jista’ jiġi estiż b’jum ta’ negozju ieħor għal tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija fuq karta.”

15      L-Artikolu 87 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Data ta’ valur u disponibbiltà ta’ fondi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data ta’ valur tal-kreditu għall-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju mhijiex aktar tard mill-jum ta’ negozju li fih l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament huwa kkreditat lill-kont tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju.”

16      L-Anness I tad-Direttiva 2015/2366, intitolat “Servizzi ta’ pagament (kif imsemmi fil-punt (3) tal-Artikolu 4)”, jistabbilixxi l-lista tal-attivitajiet meqjusa bħala tali:

“1.      Servizzi li jippermettu li flus kontanti jitqiegħdu f’kont ta’ pagament kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont ta’ pagament.

2.      Servizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont ta’ pagament kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont ta’ pagament.

3.      Esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inkluż trasferimenti ta’ fondi fuq kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor:

(a)      esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba,

(b)      esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ pagament jew strument ta’ pagament simili jew apparat simili;

esekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet permanenti.

4.      Esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu għal utent ta’ servizzi ta’ pagament:

(a)      esekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba,

(b)      esekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard ta’ pagament jew apparat simili,

(c)      esekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet permanenti;

5.      Ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament u/jew il-kisba ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament.

6.      Rimessa ta’ flus.

7.      Servizzi ta’ bidu ta’ pagament.

8.      Servizzi ta’ informazzjoni dwar kontijiet.”

 Iddritt Litwan

17      Id-Direttiva 2015/2366 ġiet trasposta fid-dritt Litwan mil-Lietuvos Respublikos mokėjimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Pagamenti), kif emendata bil-Liġi Nru XIII-1092 tas-17 ta’ April 2018 (TAR, 2018, Nru 2018–6727) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pagamenti”), u l-Lietuvos Respublikos mokėjimo įstaigų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Pagament), kif emendata bil-Liġi Nru XI-549 tas‑17 ta’ April 2018 (TAR, 2018, Nru 2018–6729).

18      L-Artikolu 46(1) tal-Liġi dwar il-Pagamenti jipprovdi li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ta’ min iħallas għandu jiżgura li, wara li tiġi rċevuta l-ordni ta’ ħlas, l-ammont ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas bl-euro mwettqa fil-Litwanja u b’destinazzjoni lejn Stat Membru ieħor jiġi kkreditat fuq il-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju sa mhux iktar tard mit-tmiem tal-ewwel ġurnata tax-xogħol segwenti, ħlief kif previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż b’ġurnata tax-xogħol addizzjonali meta t-tranżazzjoni ta’ ħlas tinbeda fuq karta.

19      Id-Direttiva 2009/110 ġiet trasposta fid-dritt Litwan mil-Lietuvos Respublikos elektroninių pinigų ir elektroninių pinigų įstaigų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Flus Elettroniċi u l-Istabbilimenti ta’ Flus Elettroniċi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2018 (TAR, 2018, Nru 2018–6730).

20      L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi jipprojbixxi l-ħruġ ta’ flus elettroniċi lil kull persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex emittent ta’ flus elettroniċi.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari.

21      ABC Projektai, kumpannija suċċessur fid-dritt ta’ Bruc Bond, kisbet mingħand il-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja), fit‑13 ta’ Ottubru 2016, liċenzja li tawtorizzaha tipprovdi servizzi ta’ pagament.

22      B’hekk, hija kienet awtorizzata tipprovdi s-servizzi ta’ pagament segwenti: it-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, inklużi t-trasferimenti ta’ fondi permezz ta’ kont ta’ pagament mal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-utent jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor; id-debiti diretti, inklużi d-debiti diretti awtorizzati individwalment u t-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument simili u/jew trasferimenti, inklużi l-ordnijiet permanenti u t-trasferimenti ta’ fondi.

23      Fis-16 ta’ April 2020, il-Bank tal-Litwanja rtira din il-liċenzja billi invoka għaxar motivi, li wieħed minnhom biss huwa kkonċernat minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-ħruġ, minn ABC Projektai, ta’ flus elettroniċi mingħajr ma kellha l-kwalità ta’ emittent ta’ tali flus, u b’hekk kisret l-Artikolu 5 tal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-flus elettroniċi u l-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

24      Skont il-Bank tal-Litwanja, ABC Projektai żammet il-fondi tal-klijenti għal iktar żmien milli meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas. Hija qieset li l-fatt li fondi rċevuti minn klijenti jiġu ttrasferiti għal kontijiet għal pagamenti rċevuti mingħajr destinazzjoni konkreta u li dawn jinżammu għal diversi jiem, jew saħansitra, xi drabi, diversi xhur, mingħajr ma jitwettaq trasferiment ta’ fondi lejn il-kontijiet tad-destinatarji ta’ dawn il-ħlasijiet jikkostitwixxi fil-fatt ħruġ ta’ flus elettroniċi.

25      F’dan ir-rigward, il-Bank tal-Litwanja bbaża ruħu fuq il-Lietuvos banko Priežiūros tarnybos pozicija dėl mokėjimo sąskaitose laikomų lėšų (pożizzjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja dwar il-fondi miżmuma f’kontijiet ta’ ħlas), kif approvata mil-Lietuvos banko Priežiūros tarnybos direktoriaus 2016 m. vasario 29 d. sprendimas Nr. 241–53 (id-Deċiżjoni Nru 241-53 tad-Direttur tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja, tad‑29 ta’ Frar 2016). Minn din il-pożizzjoni, adottata, skont il-Bank tal-Litwanja, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, jirriżulta li istituzzjoni ta’ pagament tista’ tirċievi fondi f’kont ta’ pagament miftuħ magħha biss jekk ikunu akkumpanjati minn ordni ta’ ħlas, li għandha tiġi eżegwita fit-termini stabbiliti mil-Liġi dwar il-Pagamenti u li l-istituzzjoni ta’ pagament għandha tieħu miżuri suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li l-fondi mħallsa minn terzi fil-kont ta’ pagament ta’ klijent ma jinżammux lil hinn mit-tul neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-pagamenti. Fil-każ li dawn ir-rekwiżiti ma jiġux osservati, il-fondi li jinsabu f’kont ta’ pagament tal-istituzzjoni ta’ pagament għandhom jitqiesu li huma depożiti, fondi rimborsabbli oħra jew flus elettroniċi.

26      ABC Projektai kkontestat id-deċiżjoni li tirtiralha l-liċenzja ta’ stabbiliment ta’ pagament quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja). Peress li din il-qorti ċaħdet ir-rikors, ABC Projektai appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju.

27      ABC Projektai ssostni li l-qorti tal-ewwel istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ flus elettroniċi u li, għalhekk, din il-qorti ma segwietx it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Paysera LT (C‑389/17, EU:C:2019:25). Minn din is-sentenza jirriżulta li, meta s-servizz ta’ pagament ma huwiex ipprovdut minn stabbiliment ta’ flus elettroniċi u meta l-provvista tiegħu ma għandhiex l-għan li toħroġ u lanqas li tirrimborsa l-valur nominali ta’ servizzi elettroniċi, dan is-servizz ta’ ħlas ma jistax jitqies bħala attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

28      Il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-punt 29 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-ħruġ ta’ flus elettroniċi ma huwiex attività “spontanja” u jseħħ, għall-kuntrarju, bl-għan li jippermetti r-rimbors tal-valur nominali tal-flus elettroniċi. Issa, f’dan il-każ, ABC Projektai ma kellhiex l-għan li toħroġ il-flus elettroniċi. Madankollu, peress li ċerti klijenti ma kinux indikaw id-destinazzjoni tal-ħlasijiet li huma xtaqu jagħmlu, il-fondi neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienu nżammu minnha lil hinn mit-tul neċessarju għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas u kienu ġew irritornati lill-klijenti biss wara xi żmien.

29      Dik il-qorti tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imsemmija sentenza, tat deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk servizzi ta’ ħlas ipprovduti minn stabbiliment ta’ servizzi elettroniċi kellhomx jitqiesu li huma servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, mingħajr madankollu ma eżaminat dak li kien jiddistingwi l-attività tal-istabbilimenti ta’ pagament minn dik tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn istituzzjoni ta’ ħlas taċċetta fondi mingħajr ordni ta’ ħlas speċifika biex tittrasferihom fl-istess ġurnata tax-xogħol jew f’dik segwenti u l-fondi jibqgħu fil-kont tal-istituzzjoni ta’ ħlas intiż għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas għal żmien li jeċċedi l-limiti għall-eżekuzzjoni tas-servizz ta’ pagament stabbilit mil-liġi, l-azzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ ħlas għandhom jitqiesu bħala:

a)      parti minn servizz ta’ ħlas jew minn tranżazzjoni ta’ ħlas, kif iddefinit fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 4 tad-[Direttiva 2015/2366], magħmul mill-istituzzjoni ta’ ħlas; jew

b)      flus elettroniċi kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2009/110]?”

 Fuq iddomanda preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 u l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-attività ta’ istituzzjoni ta’ pagament li tikkonsisti f’li tirċievi fondi minn utent ta’ servizz ta’ pagament, mingħajr ma dawn il-fondi jkunu immedjatament akkumpanjati minn ordni ta’ pagament, b’tali mod li jibqgħu disponibbli fuq kont ta’ pagament, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, ġestit minn din l-istituzzjoni, tikkostitwixxi servizz ta’ pagament ipprovdut minn din l-istituzzjoni ta’ pagament, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jew tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, jew tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110.

32      Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “servizzi ta’ pagament” bħala waħda jew iktar mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, eżerċitati fuq bażi professjonali. Konformement ma’ dan l-anness, dawn l-attivitajiet jinkludu, b’mod partikolari, is-servizzi li jippermettu l-ħlas ta’ flus kontanti f’kont ta’ pagament u li jiġu rtirati kif ukoll it-tranżazzjonijiet kollha meħtieġa mill-ġestjoni ta’ kont ta’ pagament, l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament, inklużi tranżazzjonijiet ta’ pagament li fil-kuntest tagħhom il-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu mogħtija lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, b’mod iktar partikolari l-eżekuzzjoni ta’ ġbid ta’ kreditu, inklużi d-debiti diretti awtorizzati individwalment, l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument simili u l-eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, inklużi ordnijiet permanenti.

33      Skont il-punt 5 tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, “tranżazzjoni ta’ pagament” tfisser att, mibdi minn min iħallas, jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, li jikkonsisti fit-tqegħid, fit-trasferiment jew fil-ġbid ta’ fondi, indipendentement minn kull obbligu sottostanti bejn min iħallas u l-benefiċjarju.

34      Minn dan jirriżulta li, meta utent ta’ servizzi ta’ pagament iqiegħed fondi għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ pagament u meta dawn il-fondi jiġu kkreditati fuq kont ta’ pagament miżmum minn din l-istituzzjoni f’isem dan l-utent, dawn it-tranżazzjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jitqiesu li jikkostitwixxu tranżazzjoni marbuta mal-ġestjoni ta’ kont ta’ pagament fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 u għalhekk bħala li jifformaw parti minn servizz ta’ pagament, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tagħha.

35      Issa, dawn it-tranżazzjonijiet ma jistgħux jitilfu tali klassifikazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-fondi rċevuti fl-imsemmi kont ta’ pagament ma jkunux akkumpanjati minn ordni ta’ pagament fl-istess jum jew fil-jum ta’ negozju sussegwenti.

36      Ċertament, id-Direttiva 2015/2366 tissuġġetta lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament għal diversi obbligi, b’mod partikolari fir-rigward tat-terminu għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ pagament jew id-dati ta’ referenza li għandhom jintużaw. B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 83(1) tad-Direttiva 2015/2366, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ta’ min iħallas għandu jiżgura li, wara li jirċievi l-ordni ta’ pagament, li sseħħ skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva, l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju sa mhux iktar tard minn tmiem l-ewwel jum ta’ negozju li jmiss, fejn dan il-perijodu jista’ jiġi estiż b’jum ta’ xogħol addizzjonali fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mibdija fuq karta. Fir-rigward tad-data tal-valur li fiha l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament jiġi kkreditat fil-kont tal-benefiċjarju, l-Artikolu 87(1) tad-Direttiva 2015/2366 jeżiġi li din id-data ma tkunx iktar tard minn dik tal-jum ta’ negozju li matulu l-ammont tat-tranżazzjoni ta’ pagament jiġi kkreditat fil-kont tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju.

37      Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma teskludi li fondi jiġu kkreditati minn qabel f’kont ta’ pagament fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ ħlas futuri, inklużi ordnijiet ta’ pagament li għadhom ma ġewx speċifikati, u lanqas ma tistabbilixxi terminu li fih, wara li tali kont ikun ġie kkreditat b’ċertu ammont, dan l-ammont għandu jintuża għall-finijiet ta’ tranżazzjoni ta’ pagament.

38      Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2015/2366 tirreferi għal każijiet ta’ servizzi ta’ pagament li l-eżekuzzjoni tajba tagħhom teħtieġ li jiġu kkreditati fondi minn qabel fuq kont ta’ pagament mingħajr ma jkunu akkumpanjati minn ordni ta’ pagament.

39      Fil-fatt, il-punt 23 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi espressament l-eżekuzzjoni ta’ debiti diretti minn kont ta’ pagament, mibdija minn min jitħallas abbażi tal-kunsens mogħti lil dan tal-aħħar minn min iħallas. Issa, l-eżekuzzjoni tajba ta’ tali tranżazzjoni ta’ pagament tippreżupponi d-disponibbiltà, minn qabel, tal-fondi neċessarji għal din it-tranżazzjoni fil-kont ta’ pagament ta’ min iħallas.

40      Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2015/2366 jobbliga lill-istituzzjonijiet ta’ pagament jipproteġu, skont il-modalitajiet li din id-dispożizzjoni tipprevedi fil-punti (a) u (b) tagħha, il-fondi kollha li ġew irċevuti jew mill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament, jew permezz ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament. Issa, il-modalitajiet ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw espressament is-sitwazzjoni li fiha dawn il-fondi jkunu għadhom miżmuma, fi tmiem il-jum ta’ negozju wara l-jum li fih ikunu ġew irċevuti, mill-istituzzjoni ta’ pagament u jkunu għadhom ma ngħatawx lill-benefiċjarju jew ittrasferiti lil fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament.

41      L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2015/2366 jikkonferma wkoll tali interpretazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ssemmi espressament il-każ meta ċerti fondi tal-utent għandhom jintużaw għal tranżazzjonijiet ta’ pagament futuri, inkluż meta l-ammont ta’ tali fondi jvarja jew ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat minn qabel.

42      Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 18(4) ta’ din id-direttiva jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-istabbilimenti ta’ ħlas jagħtu krediti ta’ natura anċillari diffiċilment jaqbel ma’ obbligu strett li kull ordni ta’ ħlas ikun akkumpanjat bit-trasferiment tas-somom korrispondenti fil-kont li minnu l-ordni ta’ pagament ikkonċernat ser tiġi eżegwita.

43      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li t-trasferiment ta’ fondi f’kont ta’ pagament għandu dejjem isir għall-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ pagament, kemm jekk dawn l-ordnijiet ikunu diġà speċifikati jew le. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2015/2366, l-istituzzjonijiet ta’ pagament, meta jipprovdu servizz ta’ pagament wieħed jew iktar, jista’ jkollhom biss kontijiet ta’ pagament li jintużaw esklużivament għal tranżazzjonijiet ta’ pagament.

44      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 18(3) ta’ din id-direttiva, il-fondi rċevuti minn istituzzjonijiet ta’ pagament mingħand utenti ta’ servizzi ta’ pagament bl-għan tal-provvista ta’ servizzi ta’ pagament ma jikkostitwixxux depożiti jew fondi oħra rimborsabbli, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/36, u lanqas flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 18(5) tagħha, l-istituzzjonijiet ta’ pagament ma jeżerċitawx l-attività ta’ riċezzjoni ta’ tali depożiti jew ta’ tali fondi oħra rimborsabbli.

45      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi evitata l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ atti ta’ riċeviment ta’ fondi f’attività ta’ riċeviment ta’ depożiti jew ta’ fondi oħra rimborsabbli, il-kontijiet li fuqhom huma kkreditati dawn il-fondi għandhom, konformement mal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, jintużaw esklużivament għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas.

46      Fir-rigward ta’ eventwali klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ tranżazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110, kif previst mill-qorti tar-rinviju u kif issuġġerit mill-Gvern Litwan, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-kunċett ta’ “flus elettroniċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa ddefinit bħala valur monetarju maħżun f’forma elettronika, inkluż b’mod manjetiku, li jirrappreżenta kreditu fuq l-emittent, li jinħareġ kontra l-għoti ta’ fondi għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament u li huwa aċċettat minn persuna fiżika jew ġuridika differenti mill-emittent ta’ flus elettroniċi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-projbizzjoni ġenerali f’dan is-sens stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, l-istituzzjonijiet ta’ ħlas ma humiex awtorizzati joħorġu l-flus elettroniċi.

47      Issa, għalkemm reġistrazzjoni f’kont ta’ pagament tirrappreżenta wkoll kreditu, espress f’valur monetarju, fuq l-istituzzjoni kkonċernata fil-konfront ta’ utent tas-servizzi tagħha li nħareġ wara l-għoti ta’ fondi, minn din id-definizzjoni tal-flus elettroniċi mogħtija mill-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110 jiġi dedott li l-ħruġ ta’ flus elettroniċi huwa distint mis-sempliċi reġistrazzjoni f’kont ta’ pagament sa fejn, b’mod partikolari, qabel ma jintuża għall-finijiet ta’ tali ħlas, dan għandu jkun “maħżun” f’forma elettronika, li jimplika li jkun inħareġ qabel, jiġifieri jiġi ttrasformat f’attiv monetarju separat mill-fondi ttrasferiti, u li l-użu tiegħu, bħala mezz ta’ ħlas, jiġi aċċettat minn persuna fiżika jew ġuridika differenti mill-emittent ta’ flus elettroniċi.

48      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 sa 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa tal-inqas neċessarju, sabiex attività taqa’ taħt il-ħruġ ta’ “flus elettroniċi”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jkun jeżisti ftehim kuntrattwali bejn l-utent u l-emittent ta’ flus elettroniċi li skontu dawn il-partijiet jaqblu espressament li dan l-emittent joħroġ attiv monetarju distint sal-valur monetarju tal-fondi mħallsa mill-utent. Issa, it-trasferiment u ż-żamma ta’ fondi f’kont ta’ pagament mingħajr ma jiġu ordnati immedjatament tranżazzjonijiet ta’ pagament bil-valur ta’ dawn il-fondi ma jimplikax li l-utent tas-servizz ta’ pagament immanifesta l-approvazzjoni tiegħu, espressa jew taċita, li jinħarġu flus elettroniċi.

49      Mill-proċess ma jirriżultax li ABC Projektai kkonvertiet uħud mill-fondi li hija kienet tirċievi fi flus maħżuna f’forma elettronika, inkluż b’mod manjetiku, li jistgħu jintużaw minn netwerk ta’ klijenti li jaċċettawhom volontarjament. Pjuttost kollox jidher li jindika li dawn kienu fondi ddepożitati f’kontijiet ta’ pagament u li kienu jistgħu jintużaw biss għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ pagament tal-utenti kkonċernati.

50      Sussegwentement, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Paysera LT (C‑389/17, EU:C:2019:25), imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma hijiex direttament rilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet stabbiliment ta’ flus elettroniċi u l-kawża prinċipali kienet tirrigwarda r-regoli ta’ kalkolu ta’ fondi proprji tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi. Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhiex tali kwalità u jidher li qatt ma kellha l-intenzjoni li toħroġ flus elettroniċi.

51      Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, jekk jitqies li ABC Projektai kisret uħud mir-rekwiżiti leġiżlattivi li japplikaw fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ ħlas jew li hija kisret dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-ġestjoni tal-kont ta’ pagament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan mhux neċessarjament jagħmel tranżazzjonijiet imwettqa minn dan il-fornitur, ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110. Fil-fatt, mingħajr preġudizzju għal klassifikazzjoni mill-ġdid tat-tranżazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 44 u 47 ta’ din is-sentenza, il-ksur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ta’ ċerti rekwiżiti regolamentari jew kuntrattwali jista’ ċertament jagħti lok għar-responsabbiltà tiegħu, iżda tali irregolaritajiet ma għandhomx, fihom innifishom, il-konsegwenza li jeskludu t-tranżazzjoni inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/2366.

52      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366 u l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-attività ta’ istituzzjoni ta’ pagament li tikkonsisti f’li tirċievi fondi minn utent ta’ servizz ta’ pagament, mingħajr ma dawn il-fondi jkunu immedjatament akkumpanjati minn ordni ta’ pagament, b’tali mod li jibqgħu disponibbli fuq kont ta’ pagament, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, ġestit minn din l-istituzzjoni, tikkostitwixxi servizz ta’ pagament ipprovdut minn din l-istituzzjoni ta’ pagament, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, u mhux tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110.

 Fuq lispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE, u l-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-attività ta’ istituzzjoni ta’ pagament li tikkonsisti f’li tirċievi fondi minn utent ta’ servizz ta’ pagament, mingħajr ma dawn il-fondi jkunu immedjatament akkumpanjati minn ordni ta’ pagament, b’tali mod li jibqgħu disponibbli fuq kont ta’ pagament, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, ġestit minn din l-istituzzjoni, tikkostitwixxi servizz ta’ pagament ipprovdut minn din l-istituzzjoni ta’ pagament, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2015/2366, u mhux tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.