Language of document : ECLI:EU:C:2024:158

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 110 TFUE – Dritt annwali għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni – Impożizzjoni ta’ dritt ogħla fuq il-vetturi użati importati meta mqabbla ma’ vetturi simili li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali”

Fil-Kawża C-694/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Björkland, K. Mifsud-Bonnici u R. Valletta Mallia, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 110 TFUE billi applikat, għall-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stati Membri oħra qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u miġjuba f’Malta b’effett minn din id-data, dritt annwali għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni ogħla minn dak applikat għall-vetturi simili rreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data.

 Ilkuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 2(1) tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur, kif emendat bl-Att XV tal-2016, li jinsab fil-Kapitolu 368 tal-Liġijiet ta’ Malta (iktar ’il quddiem l-“Att dwar ir-Reġistrazzjoni”), jipprovdi:

“F’dan l-Att kemm-il darba r-rabta tal-kliem ma teħtieġx xort’oħra -

[...]

‘dritt għal liċenza ta’ ċirkolazzjoni’ tfisser id-dritt imħallas fuq il-liċenzjar ta’ vettura bil-mutur u kull sena wara l-ewwel ħlas;

[...]

‘taxxa ta’ reġistrazzjoni’ tfisser it-taxxa ta’ reġistrazzjoni mitluba u miġbura skont l-artikolu 3;

[...]”

3        L-Artikolu 3(1) tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni jipprovdi:

“Għandha tiġi mitluba u miġbura mill-[Awtorità għat-Trasport f’Malta] favur il-Gvern, taxxa ta’ reġistrazzjoni u dritt għal liċenza ta’ ċirkolazzjoni bir-rata jew bl-ammont speċifikat f’dan l-Att fuq ir-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta’ -

(a)      kull vettura bil-mutur importata jew miġjuba f’Malta, u

(b)      kull vettura bil-mutur manifatturata f’Malta,

sakemm il-vettura bil-mutur ma tkunx soġġetta għal xi eżenzjoni taħt dan l-Att jew ma tkunx diġà reġistrata u liċenzjata f’pajjiż ieħor u tinġieb jew tiġi impurtata temporanjament f’Malta skont id-disposizzjonijiet tal-artikolu 18 […]”

4        L-Artikolu 8 ta’ din l-att huwa fformulat kif ġej:

“(1)      It-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi M1, M2 u M3 għandha tkun dovuta fuq il-valur tar-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur klassifikata jew klassifikata proviżorjament taħt it-Tieni Skeda, bir-rata jew bl-ammont speċifikat skont il-kategorija rispettiva u skont il-kriterji identifikati taħt kull Skeda:

Iżda fir-rigward ta’ vetturi M1 użati klassifikati skont it-Tieni Skeda barra minn dawk klassifikati taħt l-artikolu 6(2), ma għandhomx jaqbżu l-valur ta’ taxxa deprezzata li jkun fadal ta’ vettura bil-mutur identika jew simili fis-suq Malti.

(2)      It-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi N1, N2 u N3 għandha tkun skont ir-rati jew ammonti speċifikati fl-Ewwel Skeda.

(3)      Fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur li jinġiebu Malta wara li jkunu ġew leased jew mikrija minn Stat Membru ieħor u li jkunu soġġetti għall-ħlas ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni skont l-artikolu 3(2), it-taxxa tar-reġistrazzjoni li għandha titħallas tkun dik kif jipprovdi l-artikolu 3(3).

(4).      Vetturi bil-mutur M1 b’livelli ta’ emmissjonijiet CO2 li jkunu ekwivalenti għal 221g/km jew aktar (u jkollhom livell ta’ emissjonijiet li jkun ekwivalenti għall-iStandard Ewropew l-aktar riċenti jew l-iStandard Ewropew l-aktar riċenti nieqes wieħed jew l-iStandard Ewropew l-aktar riċenti nieqes tnejn) u motor cycles b’qawwa tal-magna li tkun ugwali għal 801cc jew aktar li jkunu se jiġu reġistrati għall-ewwel darba mal-[Awtorità għat-Trasport f’Malta] skont dan l-Att jistgħu jiġu reġistrati biex jintużaw fit-triq f’Malta unikament u esklussivament nhar ta’ Sibt, fil-Ħdud, fil-festi nazzjonali u fil-btajjel pubbliċi.

It-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq l-imsemmija vetturi bil-mutur M1 u muturi tkun bir-rata stabbilita fit-Tieni Skeda.

(5)      Għandu jitħallas dritt tal-liċenza ta’ ċirkolazzjoni mal-ħruġ tal-liċenza lill-vetturi bil-mutur M1 u lill-motor cycles li jiġu reġistrati skont is-subartikoli (3) u (4) bir-rata sħiħa stabbilita fir-Raba’ Skeda u kull rata stabbilita fir-Raba’ Skeda u kull sena wara.

[…]”

5        Ir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009, li huma suġġetti għal dritt għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni kkalkolat abbażi tal-kapaċità tal-magna, tal-metodu ta’ propulsjoni (diesel jew petrol) u tas-sena tal-manifattura tal-vettura, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-vetturi rreġistrati f’Malta b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009, li huma suġġetti għal dritt għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni kkalkolat abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 (fil-każ tal-magni petrol), tal-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ materji partikolati (fil-każ tal-magni diesel) u tas-sena ta’ manifattura.

 Ilproċedura prekontenzjuża u lproċedura quddiem ilQorti tal‑Ġustizzja

6        Fis-7 ta’ Ġunju 2019, wara li qieset li, billi applikat, għall-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika ta’ Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u miġjuba f’Malta b’effett minn din id-data, dritt annwali għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni (iktar ’il quddiem id-“dritt annwali”) ogħla mid-dritt annwali applikabbli għall-vetturi simili rreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data, ir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni kienet tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

7        Ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2019, li fiha, l-ewwel nett, esponiet li s-sistema tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi u s-sistema tad-dritt annwali kienu komplementari, b’tali mod li din is-sistema tal-aħħar ma setgħetx tiġi eżaminata b’mod iżolat fir-rigward tal-konformità tagħha mal-Artikolu 110 TFUE. It-tieni nett, hija ddikjarat li s-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni fir-rigward tad-dritt annwali applikabbli għall-vetturi rreġistrati f’Malta b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem is-“sistema l-ġdida”) kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u kienet tiffavorixxi vetturi ġodda, iżgħar u iktar nodfa. It-tielet nett, hija ddikjarat li l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida għall-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 kienet tippenalizza lill-persuni li kienu xtraw il-vettura tagħhom qabel l-imsemmija data. Ir-raba’ nett, hija indikat li kienu qegħdin jiġu analizzati emendi għall-Att dwar ir-Reġistrazzjoni li kellhom jippermettu li tiġi rrimedjata d-diskriminazzjoni li, skont il-Kummissjoni, ir-Raba’ Skeda ta’ dan l-Att kienet toħloq fir-rigward tal-vetturi importati f’Malta b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

8        Fid-9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha tenniet li, fil-fehma tagħha, is-sistema tad-dritt annwali stabbilita fir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni kienet tikser l-Artikolu 110 TFUE. Hija osservat li l-emendi msemmija mir-Repubblika ta’ Malta fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Awwissu 2019 kienu għadhom ma ġewx adottati, li hija ma kinitx ħadithom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha, iżda li, mill-fatt li dawn l-emendi kienu ġew proposti, hija ddeduċiet li r-Repubblika ta’ Malta kienet irrikonoxxiet l-eżistenza tad-diskriminazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, hija stiednet lir-Repubblika ta’ Malta tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn.

9        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2021, ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l-opinjoni motivata billi kompliet tippreċiża l-miżuri leġiżlattivi previsti sabiex jiġi rrimedjat l-allegat ksur. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru reġa’ enfasizza li l-issuġġettar tal-flotta kollha ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għas-sistema l-ġdida kien ser iwassal għal konsegwenzi negattivi għall-proprjetarji tal-vetturi kkonċernati. Fil-fatt, tali ssuġġettar kien ser jippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn il-proprjetarji, li, konformement mas-sistema preċedenti għar-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem is-“sistema l-antika”), kienu ħallsu, fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vettura tagħhom, taxxa f’dan ir-rigward, bit-tama li ebda ħlas fiskali ieħor ma kien ser ikun meħtieġ sussegwentement. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika ta’ Malta enfasizzat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet soċjali li kien ser ikollha tali bidla, li jirriżultaw mill-probabbiltà li l-vetturi li jaqgħu taħt is-sistema l-antika jappartjenu lil persuni f’sitwazzjoni ta’ prekarjetà finanzjarja.

10      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mir-Repubblika ta’ Malta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq irrikors

 Largumenti talpartijiet

11      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem ilment wieħed, ibbażat fuq il-ksur mir-Repubblika ta’ Malta tal-Artikolu 110 TFUE, inkwantu s-sistema stabbilita fir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni, sa fejn tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali, toħloq diskriminazzjoni fir-rigward tal-vetturi użati rreġistrati fi Stat Membru ieħor qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u importati f’Malta b’effett minn din id-data.

12      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li, konformement ma’ din is-sistema, il-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għandhom jiġu ntaxxati skont is-sistema l-antika, li permezz tagħha l-kalkolu tad-dritt annwali jitwettaq abbażi tal-kapaċità tal-magna tal-vettura, tal-metodu ta’ propulsjoni (diesel jew petrol) u tas-sena ta’ manifattura. Għall-kuntrarju, il-vetturi rreġistrati f’Malta b’effett minn din id-data għandhom jiġu ntaxxati skont is-sistema l-ġdida, li permezz tagħha l-kalkolu tad-dritt annwali jitwettaq abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 għall-vetturi b’magna petrol, tal-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ materji partikolati għall-vetturi b’magna diesel u tas-sena ta’ manifattura għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vetturi.

13      Peress li ma huwiex ikkontestat li d-dritt annwali applikabbli skont is-sistema l-ġdida huwa ogħla minn dak applikabbli skont is-sistema l-antika, il-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 huma suġġetti għal dritt annwali iżgħar meta mqabbla ma’ vetturi simili rreġistrati fi Stat Membru ieħor u miġjuba f’Malta b’effett minn din id-data. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipprovdi xi eżempji li, fil-fehma tagħha, juru din l-affermazzjoni.

14      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 110 TFUE jobbliga lil kull Stat Membru jagħżel u jorganizza t-taxxi fuq il-vetturi bil-mutur b’mod li dawn ma jkollhomx l-effett li jiffavorixxu l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li jiskoraġġixxu għalhekk l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili minn Stati Membri oħra (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, EU:C:2011:466, punt 25).

15      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta b’mod partikolari mis-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑47/88, EU:C:1990:449, punt 17), tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev (C‑2/09, EU:C:2010:312, punti 32 u 40), kif ukoll tas-7 ta’ April 2011, Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 55), li minnha jirriżulta li l-vetturi bil-mutur użati li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li jikkostitwixxu l-“prodotti ta’ Stati Membri oħra”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-vetturi mqiegħda għall-bejgħ fl-Istati Membri li ma jkunux l-Istat Membru kkonċernat u li jistgħu, fil-każ li jinxtraw minn resident ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jiġu importati u mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni fih, filwaqt li l-vetturi simili nazzjonali, li jikkostitwixxu l-“prodotti nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-vetturi bil-mutur użati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u bl-istess tkagħbir minħabba l-użu li jitqiegħdu għall-bejgħ fl-Istat Membru kkonċernat.

16      Issa, skont il-Kummissjoni, is-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni, sa fejn tiddetermina l-ammont tad-dritt annwali, ma tiħux inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-vetturi fejn din tkun seħħet fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika ta’ Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009, b’tali mod li minn dan tirriżulta tassazzjoni tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor ogħla minn dik tal-vetturi rreġistrati f’Malta qabel din id-data.

17      Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, bħal fil-każ tas-sistema fiskali Portugiża dwar id-dritt annwali ta’ ċirkolazzjoni impost fuq il-vetturi bil-mutur irreġistrati fil-Portugall, sistema li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet kuntrarja għall-Artikolu 110 TFUE, fid-digriet tas-17 ta’ April 2018, dos Santos (C‑640/17, EU:C:2018:275), is-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni għandha l-effett li tinkoraġġixxi tassazzjoni favorevoli tal-vetturi bil-mutur użati nazzjonali u li tiskoraġġixxi t-trasferiment, minn Stati Membri oħra, ta’ vetturi bil-mutur użati simili, u b’hekk tikser l-imsemmi artikolu.

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti invokati mir-Repubblika ta’ Malta, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex tiġġustifika l-konformità tar-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni mal-Artikolu 110 TFUE.

19      F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel nett, li l-argument tar-Repubblika ta’ Malta dwar in-natura komplementari tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tad-dritt annwali ma huwiex fondat peress li l-kompatibbiltà ta’ dan id-dritt tal-aħħar mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata indipendentement minn kull taxxa oħra fuq il-vetturi. Barra minn hekk, anki jekk din it-taxxa u dan id-dritt kellhom l-istess bażi legali fil-leġiżlazzjoni Maltija, ma hemm l-ebda korrelazzjoni bejniethom fil-mod kif jiġu kkalkolati, peress li t-taxxa ta’ reġistrazzjoni tinġabar darba biss filwaqt li d-dritt annwali jinġabar kull sena. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li r-Repubblika ta’ Malta tqis opportun li tintaxxa l-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 skont is-sistema l-antika, hija tista’ faċilment tirrimedja, b’mod kumpensatorju, id-diskriminazzjoni li toħloq ir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni, u dan sempliċement billi tagħti dan l-istess trattament fiskali lill-vetturi użati importati li jkunu ġew irreġistrati fi Stat Membru ieħor qabel din id-data.

20      It-tieni nett, it-tfittxija ta’ għan ambjentali, f’dan il-każ bl-adozzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fis-sistema l-ġdida, ma teżentax lil Stat Membru mill-obbligu li jevita kull diskriminazzjoni. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 60 tas-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu (C‑402/09, EU:C:2011:219), l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent jista’, f’dan il-każ, jintlaħaq b’mod iktar komplet u iktar koerenti billi jiżdied il-komponent ambjentali tad-dritt annwali għall-vetturi kollha ta’ ċerta età rreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2009, kemm jekk ikunu vetturi użati importati jew vetturi “nazzjonali”.

21      It-tielet nett, il-kunsiderazzjonijiet dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dwar l-implikazzjonijiet soċjali li jirriżultaw mill-issuġġettar tal-flotta nazzjonali ta’ vetturi bil-mutur irreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għas-sistema l-ġdida ma jistgħux jiġġustifikaw ksur tal-prinċipju fundamentali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 110 TFUE, peress li l-awtoritajiet Maltin jistgħu faċilment jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tagħhom, filwaqt li josservaw l-Artikolu 110 TFUE, u dan billi jissuġġettaw il-vetturi kollha li kienu ġew irreġistrati qabel din id-data, kemm jekk f’Malta u kemm jekk fi Stat Membru ieħor, għas-sistema l-antika.

22      Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċess pendenti li bih ir-Repubblika ta’ Malta kienet ser tagħmel emendi għall-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ma għandu ebda effett fuq dan ir-rikors. Fil-fatt, minn naħa, ebda emenda ma kienet għadha ġiet formalment adottata mir-Repubblika ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri, f’dan il-każ, fid-9 ta’ Awwissu 2021.

23      Ir-Repubblika ta’ Malta tirrileva, fl-ewwel lok, li ebda vettura ma hija mmanifatturata f’Malta, b’tali mod li l-vetturi kollha huma neċessarjament importati f’dan l-Istat Membru. B’hekk, fl-assenza ta’ suq lokali tal-vetturi, hija qatt ma seta’ jkollha l-intenzjoni li tadotta xi leġiżlazzjoni intiża li tipproteġi tali suq. Għaldaqstant, kull riferiment għal “prodotti nazzjonali”, meta mqabbla ma’ “prodotti importati”, fil-kuntest tas-suq Malti tal-vetturi, huwa assurd u huwa purament finzjoni. Għaldaqstant, l-argumenti legali kollha tal-Kummissjoni, sa fejn huma bbażati fuq tali finzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

24      Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula mis-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali ma hijiex ibbażata fuq jekk il-vettura kkonċernata kinitx ġiet immanifatturata f’Malta jew importata minn Stat Membru ieħor, ipoteżi li fiha jkun hemm b’mod ċar ksur tal-Artikolu 110 TFUE, iżda hija bbażata fuq id-data tar-reġistrazzjoni tal-imsemmija vettura.

25      Fit-tieni lok, ir-Repubblika ta’ Malta tenfasizza li ebda vettura ma tista’ tintuża fit-toroq Maltin sakemm il-proprjetarju tagħha ma jkunx ħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni mal-importazzjoni tagħha f’Malta u mar-reġistrazzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru u, sussegwentement, id-dritt annwali. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni u d-dritt annwali għandhom jitqiesu li jagħmlu parti minn sistema fiskali unika u globali, b’tali mod li l-evalwazzjoni ta’ wieħed mill-komponenti tagħha indipendentement mill-komponent l-ieħor ser twassal inevitabbilment għal konklużjonijiet inġusti u inekwi.

26      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika ta’ Malta tirrileva li d-differenza fit-trattament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali, li toħloq ir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni bejn il-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009, u għalhekk taħt is-sistema l-antika, u dawk irreġistrati b’effett minn din id-data, u għalhekk taħt is-sistema l-ġdida, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati taħt is-sistema l-antika kellhom iħallsu taxxa ta’ reġistrazzjoni nettament ogħla minn dik li għandhom iħallsu l-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati taħt is-sistema l-ġdida, fejn dawn tal-aħħar jiġu suġġetti, għall-kuntrarju, għal dritt annwali li jvarja skont l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-vetturi tagħhom.

27      Għalhekk, is-sistema hija maħsuba b’tali mod li twassal għal tassazzjoni globali ekwa tal-vetturi u li tirrimedja d-dannu li l-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-2009 jsofru, fil-każ kuntrarju, minħabba t-tnaqqis tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni li jirriżulta mill-emendi adottati fl-2009. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika ta’ Malta, għandu jitqies li l-vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u dawk irreġistrati b’effett minn din id-data jappartjenu għal żewġ kategoriji oġġettivament distinti li, minħabba l-bidla fis-sistema ta’ tassazzjoni, ma humiex paragunabbli u li għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ trattament diskriminatorju.

28      Sabiex tispjega dan l-argument, ir-Repubblika ta’ Malta tirreferi għal tabella li tinsab fl-Anness 1 tar-risposta tagħha, li tinkludi paragun bejn l-iktar seba’ mudelli ta’ vetturi rreġistrati f’Malta, li minnha jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-impożizzjoni ta’ dritt annwali ogħla fuq il-vetturi rreġistrati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 meta mqabbel mad-dritt annwali impost fuq il-vetturi rreġistrati qabel din id-data, kienet miżura ekwa sabiex il-piż fiskali globali fuq il-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati qabel l-2009 jitqarreb kemm jista’ jkun lejn dak fuq il-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009.

29      B’hekk, l-impożizzjoni ta’ dritt annwali ogħla fuq il-vetturi rreġistrati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 ma toħloq ebda diskriminazzjoni bejn il-vetturi rreġistrati qabel din id-data u dawk irreġistrati wara l-imsemmija data, iżda tikkontribwixxi, għall-kuntrarju, sabiex jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-inġustizzja sfaċċata li kienu jsofru l-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati qabel l-1 ta’ Jannar 2009 li kieku kellu jiġi applikat l-istess dritt annwali mingħajr distinzjoni. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ ammont ekwivalenti ta’ dritt annwali bl-ebda mod ma tippermetti lill-proprjetarji ta’ dawn il-vetturi tal-aħħar jammortizzaw it-taxxa ta’ reġistrazzjoni ogħla li huma jkunu ħallsu, bil-konsegwenza inevitabbli li l-valur residwu ta’ dawn il-vetturi jonqos ħafna meta mqabbel ma’ dak tal-vetturi rreġistrati wara din id-data.

30      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika ta’ Malta żżid tgħid li l-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u importati f’Malta b’effett minn din id-data ma jistgħux jiġu ekwiparati mal-vetturi li kienu ġew irreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data, peress li l-vetturi tal-ewwel kienu suġġetti għal sistema ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni totalment differenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom.

31      Fit-tielet lok, ir-Repubblika ta’ Malta tafferma mill-ġdid li s-sistema l-ġdida hija intiża li tipproteġi l-ambjent permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas billi tiffavorixxi vetturi ġodda, iżgħar u iktar nodfa. Taħt is-sistema l-ġdida, ir-rata tad-dritt annwali tiżdied proporzjonalment kemm skont l-età tal-vettura kif ukoll skont l-emissjonijiet totali tagħha ta’ CO2. Din is-sistema hija għalhekk effettivament intiża li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ vetturi li jniġġsu inqas kif ukoll bdil iktar frekwenti tal-vetturi b’oħrajn iktar ġodda, peress li r-rata tad-dritt annwali tibqa’ l-istess matul l-ewwel ħames snin wara r-reġistrazzjoni ta’ kull vettura.

32      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika ta’ Malta ttenni li l-fatt li jiġi impost l-issuġġettar tal-flotta kollha tal-vetturi bil-mutur irreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għas-sistema l-ġdida tippenalizza lill-persuni li kienu xtraw il-vettura tagħhom qabel din id-data, peress li tali ssuġġettar iwassal għal tnaqqis qawwi fil-valur residwu tal-vetturi kkonċernati u jimponi fuq il-proprjetarji tagħhom piż fiskali għoli fl-istadju tad-dritt annwali, meta dawn ikunu diġà ġarrbu piż fiskali għoli fl-istadju tar-reġistrazzjoni. Għalhekk, it-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tal-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati f’Malta taħt is-sistema l-antika. Barra minn hekk, l-imsemmi ssuġġettar ma jiħux inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet soċjali li jirriżultaw mill-fatt li l-vetturi li jaqgħu taħt is-sistema l-antika huma bħala regola ġenerali miżmuma minn persuni li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija prekarja.

33      Fil-ħames u fl-aħħar lok, ir-Repubblika ta’ Malta tindika li l-emendi għall-Att dwar ir-Reġistrazzjoni li jirrimedjaw l-allegat ksur tal-Artikolu 110 TFUE diġà ġew approvati mill-Parlament Malti u ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, filwaqt li tippreċiża, madankollu, li dawn l-emendi ġew ippreżentati lill-Kummissjoni biss fi spirtu ta’ kooperazzjoni u ta’ kompromess u li dawn bl-ebda mod ma jimplikaw ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ xi ksur jew diskriminazzjoni.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

34      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jseħħu sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (Protezzjoni taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni), C‑116/22, EU:C:2023:687, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għalhekk, f’dan il-każ, l-approvazzjoni mill-Parlament Malti, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tad-9 ta’ Ġunju 2021, tal-emendi għall-Att dwar ir-Reġistrazzjoni msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma għandha l-ebda effett fuq is-suġġett ta’ dan ir-rikors u lanqas fuq il-fondatezza tiegħu.

36      Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, l-Artikolu 110 TFUE jikkompleta d-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE għandha l-għan li tiżgura l‑moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni billi titneħħa kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti nazzjonali simili.

38      Din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata li hija kompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE biss jekk tkun stabbilita u organizzata b’tali mod li teskludi, f’kull każ, li l-prodotti importati jkunu ntaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, jekk fl-ebda każ ma jkollha effetti diskriminatorji (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li jkun hemm ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq il-prodott nazzjonali simili jiġu kkalkolati b’mod differenti u skont modalitajiet differenti li jwasslu, anki jekk biss f’ċerti każijiet, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, EU:C:2010:312, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE għandha tapplika kull darba li taxxa interna ta’ Stat Membru tkun ta’ natura li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ oġġetti li joriġinaw minn Stati Membri oħra għall-benefiċċju ta’ prodotti nazzjonali simili (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punt 38).

42      Issa, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-taxxi fuq il-vetturi bil-mutur, bħalma huma, b’mod partikolari, id-dritt ta’ ċirkolazzjoni u t-taxxa ta’ reġistrazzjoni, jikkostitwixxu taxxi interni tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑265/99, EU:C:2001:169, punt 51, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-vetturi bil-mutur li jinsabu fis-suq fi Stat Membru huma “prodotti nazzjonali” tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE. Meta dawn il-prodotti jitqiegħdu għall-bejgħ fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru, dawn għandhom jitqiesu li huma “prodotti simili” għall-vetturi użati importati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u bl-istess tkagħbir minħabba l-użu (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, EU:C:2011:466, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għaldaqstant, l-Artikolu 110 TFUE jobbliga lil kull Stat Membru jagħżel u jorganizza t-taxxi imposti fuq il-vetturi bil-mutur b’mod li ma jkollhomx l-effett li jiffavorixxu l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u li jiskoraġġixxu l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili (sentenza tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 56).

45      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet li tmur kontra l-Artikolu 110 TFUE leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha d-dritt uniku taċ-ċirkolazzjoni stabbilit minnha jiġi impost fuq il-vetturi bil-mutur żgħar intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri li jkunu ġew irreġistrati jew illiċenzjati fl-imsemmi Stat Membru mingħajr ma tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura fejn din tkun twettqet fi Stat Membru ieħor, bil-konsegwenza li t-tassazzjoni tal-vetturi importati minn Stat Membru ieħor tkun ogħla minn dik tal-vetturi nazzjonali simili. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni jkollha l-effett li tiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u għalhekk li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ April 2018, dos Santos, C‑640/17, EU:C:2018:275, punti 21 u 22).

46      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk is-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali għandhiex l-effett deskritt fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, b’tali mod li, kif issostni l-Kummissjoni, din is-sistema tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 110 TFUE.

47      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza u għall-kuntrarju tal-argument tar-Repubblika ta’ Malta dwar l-ineżistenza ta’ suq Malti ta’ vetturi, għandu jiġi kkonstatat li l-vetturi rreġistrati f’Malta u mqiegħda għall-bejgħ fis-suq tal-vetturi użati ta’ dan l-Istat Membru għandhom jitqiesu li huma “prodotti nazzjonali simili”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, għall-vetturi użati importati tal-istess tip, bl-istess karatteristiċi u bl-istess tkagħbir minħabba l-użu.

48      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 8(5) tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni, id-dritt annwali japplika għall-vetturi bil-mutur importati jew immanifatturati f’Malta u jinġabar mar-reġistrazzjoni ta’ tali vetturi u mbagħad kull sena.

49      It-tielet nett, huwa paċifiku li, taħt is-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni, jiġi applikat dritt annwali ddifferenzjat skont jekk dan id-dritt annwali jikkonċernax vetturi rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 jew b’effett minn din id-data. B’mod partikolari, fir-rigward tal-vetturi rreġistrati f’Malta qabel din id-data, il-kalkolu tad-dritt annwali għandu jsir abbażi tal-kapaċità tal-magna tal-vettura, tal-metodu ta’ propulsjoni (diesel jew petrol) u tas-sena tal-manifattura. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-vetturi rreġistrati f’Malta b’effett mill-imsemmija data, il-kalkolu tad-dritt annwali jitwettaq abbażi tal-emissjonijiet ta’ CO2 (fil-każ tal-magni petrol), tal-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ partikolati (fil-każ tal-magni diesel) u tas-sena ta’ manifattura għal dawn iż-żewġ tipi ta’ magni.

50      Ir-raba’ nett, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li, minħabba dawn il-modalitajiet differenti ta’ kalkolu, l-ammont tad-dritt annwali applikabbli għall-vetturi rreġistrati f’Malta mill-1 ta’ Jannar 2009 huwa ogħla mill-ammont tad-dritt annwali applikabbli għall-vetturi simili rreġistrati f’Malta qabel din id-data, kif jikkonfermaw l-eżempji li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kummissjoni u li ma ġewx ikkontestati mir-Repubblika ta’ Malta.

51      Għalhekk, is-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali għandha l-effett li l-vetturi użati mibjugħa f’Malta wara li jkunu ġew irreġistrati hemmhekk qabel l-1 ta’ Jannar 2009 huma suġġetti għal dritt annwali iżgħar meta mqabbla mal-vetturi użati simili rreġistrati fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika ta’ Malta qabel din id-data u miġjuba f’Malta b’effett mill-imsemmija data.

52      Għaldaqstant, tali sistema timponi, fuq il-vetturi użati rreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika ta’ Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u importati f’dan l-aħħar Stat Membru wara din id-data, tassazzjoni ogħla minn dik imposta fuq il-vetturi użati nazzjonali simili rreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data, sa fejn ma tiħux inkunsiderazzjoni d-data tar-reġistrazzjoni, fl-Istati Membri l-oħra, tal-vetturi importati. B’hekk, tali sistema għandha l-effett li tiffavorixxi l-bejgħ ta’ vetturi użati nazzjonali u, għalhekk, li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi użati simili (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ April 2018, dos Santos, C‑640/17, EU:C:2018:275, punt 21).

53      Fit-tielet lok, l-argumenti invokati mir-Repubblika ta’ Malta intiżi li jistabbilixxu l-konformità tas-sistema introdotta bir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni mal-Artikolu 110 TFUE ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

54      Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument dwar in-natura globali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tad-dritt annwali, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għall-fatt li dawn iż-żewġ taxxi għandhom l-istess bażi legali fil-leġiżlazzjoni Maltija, ma hemm xejn fil-provi prodotti mir-Repubblika ta’ Malta, b’mod partikolari fit-tabella li tinsab fl-Anness 1 tar-risposta tagħha, imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li jippermetti li jiġi stabbilit li l-imsemmija taxxa u l-imsemmi dritt huma marbutin b’mod li jiġġustifika li dawn ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konġunta.

55      Minn naħa, fir-rigward tan-natura stess ta’ din it-taxxa u ta’ dan id-dritt, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni hija dovuta minħabba r-reġistrazzjoni tal-vettura f’Malta, filwaqt li d-dritt annwali huwa dovut minħabba ż-żamma ta’ vettura adatta sabiex tintuża fit-toroq pubbliċi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżiġibbiltà ta’ din it-taxxa u ta’ dan id-dritt, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni hija dovuta darba biss, mar-reġistrazzjoni tal-vettura f’Malta, filwaqt li d-dritt annwali għandu jitħallas mar-reġistrazzjoni, imbagħad, kull sena, matul il-ħajja kollha tal-vettura.

56      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-eżistenza ta’ rabta bejn it-taxxa ta’ reġistrazzjoni u d-dritt annwali hija stabbilita, ir-Repubblika ta’ Malta, fi kwalunkwe każ, xorta waħda ma rnexxilhiex turi li l-ammont globali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallas mill-proprjetarji ta’ vetturi rreġistrati f’Malta qabel is-sena 2009 u tad-dritt annwali li għandu jitħallas matul il-ħajja kollha ta’ dawn il-vetturi jikkorrispondi għall-ammont globali tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa mill-proprjetarji ta’ vetturi simili rreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika ta’ Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u importati f’dan l-aħħar Stat Membru b’effett minn din id-data u tad-dritt annwali li għandu jitħallas matul il-ħajja kollha ta’ dawn il-vetturi tal-aħħar.

57      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika ta’ Malta fis-sens li s-sistema l-ġdida hija intiża li tipproteġi l-ambjent bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex kif l-introduzzjoni ta’ dritt annwali li jolqot b’mod iktar qawwi l-vetturi użati importati milli l-vetturi użati nazzjonali simili hija xierqa sabiex tiggarantixxi dan l-għan.

58      Barra minn hekk, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, it-tfittxija ta’ għan ta’ protezzjoni tal-ambjent tista’ tintlaħaq b’mod iktar komplet u koerenti billi jiżdied il-komponent ambjentali tad-dritt annwali għall-vetturi kollha ta’ ċerta età, jiġifieri l-vetturi użati rreġistrati għall-ewwel darba qabel is-sena 2009, kemm jekk f’Malta u kemm jekk fi Stat Membru ieħor. Tali żieda ma tiffavorixxix b’mod diskriminatorju s-suq nazzjonali tal-vetturi użati għad-detriment tat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi użati importati u tkun, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, EU:C:2011:466, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dwar kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali, anki jekk jitqies li dan il-prinċipju u dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu għan leġittimu sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament inkwistjoni, ir-Repubblika ta’ Malta lanqas ma stabbilixxiet kif l-introduzzjoni ta’ tali differenza fit-trattament huwa xieraq sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-imsemmi prinċipju u sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali.

60      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, jekk ir-Repubblika ta’ Malta tqis li huwa neċessarju li jiġu protetti l-aspettattivi li jista’ jkollhom il-proprjetarji tal-flotta ta’ vetturi bil-mutur nazzjonali rreġistrati f’Malta qabel l-1 ta’ Jannar 2009, hija tista’ tipprovdi tali protezzjoni, mingħajr ma tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 110 TFUE, billi tissuġġetta għas-sistema l-antika kemm dawn il-vetturi kif ukoll il-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor qabel din id-data u importati f’Malta b’effett mill-imsemmija data.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li s-sistema stabbilita fir-Raba’ Skeda tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tad-dritt annwali tikser l-Artikolu 110 TFUE u, għalhekk, l-ilment uniku mqajjem mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 110 TFUE billi, għall-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stati Membri oħra qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u miġjuba f’Malta b’effett minn din id-data, applikat dritt annwali għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni ogħla minn dak applikat għall-vetturi simili rreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      F’dan il-każ, peress li r-Repubblika ta’ Malta tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 110 TFUE billi, għall-vetturi bil-mutur irreġistrati fi Stati Membri oħra qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u miġjuba f’Malta b’effett minn din id-data, applikat dritt annwali għal liċenzja ta’ ċirkolazzjoni ogħla minn dak applikat għall-vetturi simili rreġistrati f’Malta qabel l-imsemmija data.

2)      Ir-Repubblika ta’ Malta għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.