Language of document : ECLI:EU:C:2024:154

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C76/22

QI

vs

Santander Bank Polska S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavie-Wola, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2014/17/UE – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali – Artikolu 25(1) – Rimbors antiċipat tal-kreditu – Tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu – Kunċett ta’ ‘kost totali tal-kreditu għall-konsumatur’ – Metodu ta’ kalkolu għat-tnaqqis”






1.        L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17/UE (2) jipprevedi d-dritt tal-konsumatur, li jissellef kreditu marbut ma’ proprjetà immobbli residenzjali, li jirrimborsah totalment jew parzjalment qabel l-iskadenza tal-kuntratt (bi tnaqqis tal-interessi u tal-ispejjeż relatati maż-żmien li jkun għad fadal).

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar it-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu favur il-konsumatur, bħala riżultat tar-rimbors antiċipat ta’ dan it-tip ta’ ftehim (3). Ikollha tagħmel dan dalwaqt ukoll fuq il-parti l-oħra tal-ekwazzjoni: il-kumpens (possibbli) lil kreditur għall-ispejjeż idderivati direttament minn dak ir-rimbors (4).

3.        Il-qorti li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari titlob li tingħata ċerti kjarifiki fir-rigward tad-dritt tal-konsumatur. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, skont liema metodu huwa kkalkolat it-tnaqqis tal-ispejjeż li jikkostitwixxu l-kost totali tal-kreditu, meta jsir ir-rimbors antiċipat.

I.      Il-kuntest ġuridiku. Id-Direttiva 2014/17

4.        Il-premessa 66 tagħha tipprevedi:

“Il-kapaċità ta’ konsumatur li jħallas lura l-kreditu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tgħin biex tipprovdi l-flessibbiltà matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu neċessarja għall-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Madankollu, jeżistu differenzi sostanzjali bejn il-prinċipji nazzjonali u l-kundizzjonijiet li taħthom il-konsumaturi għandhom il-kapaċità li jħallsu lura l-kreditu tagħhom u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir dan il-ħlas lura antiċipat. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta d-diversità fil-mekkaniżmi tal-finanzjament ipotekarju u l-firxa tal-prodotti disponibbli, ċerti standards fir-rigward tal-ħlas lura antiċipat tal-kreditu huma essenzjali fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jeżegwixxu l-obbligi tagħhom qabel id-data miftehma fil-kuntratt ta’ kreditu u l-fiduċja li jqabblu offerti sabiex isibu l-aħjar prodotti biex jissodifa ħtiġijiethom. L-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw, kemm jekk permezz tal-liġi kif ukoll permezz ta’ mezzi oħrajn bħal klawsoli kuntrattwali, li l-konsumaturi għandhom id-dritt għal ħlas lura antiċipat. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt. Fejn il-ħlas lura bikri jsir f’perijodu meta r-rata tat-teħid tas-self tkun fissa, l-eżerċizzju tad-dritt jista’ jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur speċifikat mill-Istat Membru. Dan l-interess leġittimu jista’ pereżempju jseħħ f’każ ta’ divorzju jew qgħad. Il-kundizzjonijiet stipulati mill-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ekwu u oġġettivament iġġustifikat għall-ispejjeż potenzjali direttament marbutin mall-ħlas lura antiċipat tal-kreditu. F’każijiet fejn Stati Membri jipprevedu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens, tali kumpens għandu jkun kumpens ekwu u oġġettivament iġġustifikat għall-ispejjeż potenzjali direttament marbutin mal-ħlas lura antiċipat tal-kreditu f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-kumpens. Il-kumpens m’għandux jeċċedi t-telf finanzjarju tal-kreditur.”

5.        Skont l-Artikolu 25:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumatur ikollu dritt li jeħles kompletament jew parzjalment mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi dak il-kuntratt. F’tali każijiet, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal tnaqqis fl-ispiża [kost] totali tal-kreditu lill-konsumatur, b’tali tnaqqis ikun jikkonsisti fl-imgħax u l-ispejjeż għat-tul ta’ żmien li jkun baqa’ tal-kuntratt.

2.      L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-tħaddim tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew skont il-mument li fih il-konsumatur iħaddem id-dritt, jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jiġi jitħaddem id-dritt.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kreditur ikun intitolat għal kumpens ġust u oġġettiv, fejn ġustifikat, għall-ispejjeż possibbli marbuta direttament mar-ripagament antiċipat tal-kreditu iżda m’għandhomx jimponu penali fuq il-konsumatur. F’dak ir-rigward, il-kumpens m’għandux jaqbeż it-telf finanzjarju tal-kreditur. Filwaqt li jitħarsu dawk il-kundizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-kumpens ma jistax jaqbeż ċertu livell jew ikun permess biss għal ċertu perijodu ta’ żmien.

4.      Fejn konsumatur ifittex li jeħles mill-obbligi tiegħu skont kuntratt ta’ kreditu qabel ma jiskadi l-kuntratt, il-kreditur għandu jagħti lill-konsumatur mingħajr dewmien wara li jkun irċieva t-talba, bil-miktub jew b’mezz dejjiemi ieħor, l-informazzjoni meħtieġa biex jikkunsidra din l-alternattiva. Dik l-informazzjoni għandha mill-inqas tikkwantifika l-implikazzjonijiet għall-konsumatur tal-ħelsien mill-obbligi tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu u tistipula b’mod ċar kwalunkwe preżunzjoni użata. Kwalunkwe preżunzjoni użata għandha tkun raġonevoli u ġustifikabbli.

5.      Fejn il-ħlas lura antiċipat isir f’perjodu meta r-rata tal-imgħax tas-self tkun fissa, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur.”

II.    Il-fatti, il-kawża u d-domanda preliminari

6.        Fil-15 ta’ Settembru 2017, QI ikkonkludiet, bħala konsumatriċi, kuntratt ta’ kreditu bl-għan li tixtri akkomodazzjoni mal-predeċessur legali ta’ Santander Bank Polska S.A. (iktar ’il quddiem “Santander Bank”), fl-ammont ta’  106 600 zloty Pollakk (PLN).

7.        Il-kuntratt kien jipprevedi terminu għar-rimbors tal-kreditu ta’ 360 xahar u kien jinkludi “kummissjoni għall-għoti tal-kreditu” ta’ 2.50 % tal-ammont misluf (5). Il-kummissjoni ġiet indikata bħala parti mill-kost totali tal-kreditu.

8.        Fl‑4 ta’ April 2019 (jiġifieri 19-il xahar wara l-konklużjoni tal-kuntratt), QI rrimborsat b’mod antiċipat il-kreditu kollu.

9.        Skont QI, Santander Bank kellha tirrimborsa parti mill-kummissjoni tal-għoti tal-kreditu, li tikkorrispondi għal perijodu ta’ 341 xahar. Hija qieset li l-ammont kien dak ta’ PLN 2 462,78, li huwa l-istess ammont li huwa talab lil Santander Bank.

10.      Fl-20 ta’ Lulju 2020, Santander Bank ċaħdet l-ilment ta’ QI. Hija sostniet li l-kummissjoni marbuta mal-għoti tal-kreditu kienet tikkonsisti f’pagament uniku u kienet eskluża mill-obbligu ta’ rimbors proporzjonali.

11.      Bħala prekawzjoni, Santander Bank indikat li, anki li kieku l-kummissjoni tal-għoti tal-kreditu kienet parzjalment rimborsabbli, il-parti li għandha tiġi rrimborsata ma għandhiex tkun proporzjonata mar-relazzjoni bejn il-perijodi, iżda mar-remunerazzjoni mistennija mill-kreditur għall-użu tal-finanzjament mill-konsumatur.

12.      Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavie-Wola, il-Polonja), li għandha tieħu deċiżjoni dwar l-kawża, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 [...] għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 [...], jiġifieri din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt tal-konsumatur għat-tnaqqis tal-ispiża [kost] totali tal-kreditu ipotekarju fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu ipotekarju jinkludi l-ispejjeż kollha li jkunu ġew imposti fuq il-konsumatur, inkluża wkoll il-kummissjoni għall-għoti tal-kreditu?

2)      L-obbligu ta’ tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju fil-każ ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu ipotekarju previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju għandha titnaqqas b’mod proporzjonali għar-relazzjoni tat-tul tat-terminu bejn il-ġurnata ta’ rimbors antiċipat tal-kreditu u l-ġurnata oriġinarjament miftiehma bħala ġurnata ta’ rimbors tal-kreditu mat-tul tat-terminu oriġinarjament miftiehem bejn il-ġurnata għar-rimbors tal-kreditu u l-ġurnata għar-rimbors totali tal-kreditu, jew inkella t-tnaqqis tal-ispiża totali tal-kreditu ipotekarju għandu jkun proporzjonali għat-telf ta’ benefiċċji mistennija mill-kreditur, jiġifieri għar-relazzjoni tal-interessi li kien għad fadal li jitħallsu wara r-rimbors antiċipat tal-kreditu (dovut għat-terminu mill-ġurnata wara r-rimbors totali effettiv sal-ġurnata oriġinarjament miftiehma għar-rimbors totali) mal-interessi dovuti għat-terminu kollu tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu oriġinarjament miftiehem (mill-ġurnata ta’ ħlas tal-kreditu għall-ġurnata miftiehma għar-rimbors totali tal-kreditu)?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Frar 2022.

14.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet sospiża, sakemm tinqata’ s-sentenza fil-Kawża C‑555/21, UniCredit Bank Austria.

15.      Peress li din is-sentenza ngħatat fid‑9 ta’ Frar 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-qorti tar-rinviju, filwaqt li staqsietha jekk, fid-dawl tal-kontenut tagħha, hija kinitx ser iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari.

16.      Fit-22 ta’ Marzu 2023, il-qorti tar-rinviju rrispondiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

17.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn QI, minn Santander Bank, mill-Gvern Ċek, Taljan, Pollakk u Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

18.      Iż-żamma ta’ seduta ma ġietx meqjusa indispensabbli.

IV.    Analiżi

A.      Metodi ta’ kalkolu tat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu, fil-każ li l-ammont tal-kummissjoni tal-għoti tal-kreditu jagħmel parti integrali mill-obbligu ta’ ħlas lura

19.      Skont l-indikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu ffokati fuq it-tieni domanda preliminari.

20.      Loġikament, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal din id-domanda biss jekk hija tqis li l-kummissjoni tal-għoti tal-kreditu hija spiża li taqa’ taħt it-tnaqqis previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17, li huwa s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari.

21.      Għalhekk, ser nieħu bħala xenarju r-risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda. F’każ ta’ risposta fin-negattiv, ir-riflessjonijiet tiegħi jsiru superfluwi.

22.      Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 għandux jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis (6) tal-kost totali tal-kreditu (jew ta’ parti integrali minn dan il-kost totali), meta l-konsumatur jammortizza b’mod antiċipat id-dejn tiegħu fil-konfront tal-kreditur.

23.      B’mod partikolari, hija tistaqsi dwar il-konformità mad-Direttiva 2014/17 ta’ żewġ kriterji, jew metodi, sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-kummissjoni tal-għoti tal-kreditu għandha titnaqqas, proporzjonalment, fl-eventwalità ta’ rimbors antiċipat (7)

24.      Skont l-ewwel kriterju, il-proporzjon tat-tnaqqis huwa l-kwozjent li jinkiseb ladarba jiġi diviż:

–        it-tul ta’ żmien (f’jiem) tal-perijodu bejn il-jum ta’ wara d-data tar-rimbors antiċipat u d-data prevista fil-kuntratt għar-rimbors totali tal-kreditu,

–        bit-tul ta’ żmien (f’jiem) tal-perijodu ta’ bejn id-data tal-prelevament u d-data inizjalment iffissata għar-rimbors totali tiegħu (8).

25.      Skont it-tieni kriterju, it-tnaqqis ikun proporzjonali għar-ratio (kwozjent) bejn:

–        l-interessi mitlufa mill-kreditur (dawk tal-perijodu mill-jum tar-rimbors antiċipat sad-data tar-rimbors totali miftiehma inizjalment); u

–        l-interessi totali (għall-perjodu bejn id-data tar-rilaxx tal-kreditu sad-data miftiehma għar-rimbors totali tiegħu) (9)

26.      QI tiddefendi l-ewwel metodu indikat, billi targumenta li t-tieni ma huwiex wieħed prattikabbli. Hija tindika li, fis-suq Pollakk, is-self ipotekarju għandu rati ta’ interess varjabbli. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-interessi li l-kreditur kien jistenna li jikseb wara d-data tar-rimbors antiċipat tas-self (10).

27.      Il-Kummissjoni Ewropea, li tiffavorixxi l-istess metodu, tibbaża l-opinjoni tagħha fuq il-fatt li d-Direttiva 2014/17 ma tinkludi l-ebda riferiment għal metodu partikolari. Minn dan is-silenzju hija tiddeduċi li, “f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, it-tnaqqis huwa maħsub bħala s-sempliċi konsegwenza tal-ammortizzazzjoni antiċipata, b’tali mod li l-kalkolu tiegħu ma jippreżentax diffikultajiet (11).”

28.      Skont il-Gvern Taljan, Pollakk u Portugiż, id-Direttiva 2014/17 ma riditx tirregola dan l-aspett li, għaldaqstant, ġie fdat lil kull Stat Membru (12). Abbażi ta’ din l-osservazzjoni komuni:

–        Il-Gvern Pollakk jiffavorixxi l-proporzjonalità lineari, li, bħala metodu “iktar komprensibbli u trasparenti għall-konsumaturi, li huwa iktar faċli li jiġi applikat u prevedibbli”, jaqdi tabilħaqq l-għan li joffri lill-konsumatur livell għoli ta’ protezzjoni (13).

–        Il-Gvern Taljan ma jikkummentax, ħlief biex jeskludi li l-kriterju ta’ kalkolu għandu jkun uniku għall-kostijiet kollha li huma s-suġġett ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17; huwa jeskludi wkoll il-fatt li dan il-kriterju uniku ipotetiku għandu jikkorrispondi mal-proporzjonalità lineari (14).

–        Il-Gvern Portugiż iħalli l-kwistjoni miftuħa (15).

29.      Santander Bank tirrakkomanda l-użu tat-tieni metodu, peress li huwa proporzjonali għat-telf ta’ profitti tal-kreditur (16).

30.      Għar-raġunijiet li ser nispjega, jiena tal-fehma li d-Direttiva 2014/17 ma tagħżel l-ebda wieħed miż-żewġ kriterji proposti. Fir-realtà, hija ma tirregolax il-metodoloġija tal-kalkolu tal-parti tal-kost totali tal-kreditu li għandha titnaqqas (jew titħallas lura, jekk ikun il-każ) lill-konsumatur, meta dan jillikwida b’mod antiċipat l-obbligi tiegħu.

31.      B’xi mod, din il-pożizzjoni taqbel ma’ dik li esprimiet il-qorti tar-rinviju billi żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda. Fir-risposta tagħha tat-22 ta’ Marzu 2023, hija ssostni li tagħżel li tagħmel dan “minħabba li ż-żewġ għażliet ippreżentati fir-rigward tat-tnaqqis tal-kostijiet jistgħu jitqiesu li huma validi”, filwaqt li żżid tgħid li hija stess “tiffavorixxi t-tnaqqis proporzjonali.”

B.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/17

1.      L-argument letterali

32.      Testwalment, ma hemm l-ebda istruzzjoni fid-Direttiva 2014/17 dwar kif għandu jiġi kkalkolat it-tnaqqis fil-kost totali ta’ kreditu li jiġi rrimborsat qabel it-terminu miftiehem.

33.      L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17 jindika biss l-għan tat-tnaqqis (il-kost totali tal-kreditu); il-kunċetti li fuqhom jopera t-tnaqqis (l-interessi u spejjeż oħra); u d-delimitazzjoni ratione temporis ta’ dawn il-kunċetti (iż-żmien tal-kuntratt li għad fadal).

34.      L-istess Artikolu 25(4) jordna li l-konsumatur li jixtieq jagħmel ir-rimbors antiċipat jingħata “l-informazzjoni meħtieġa biex jikkunsidra din l-alternattiva”. Dan jippreċiża, sussegwentement, il-kontenut minimu ta’ din l-informazzjoni, mingħajr ma jsemmi l-ebda kriterju ta’ kalkolu.

35.      L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/17, dwar l-informazzjoni bażika ġenerali li l-kreditur għandu jipprovdi dwar il-kuntratt ta’ kreditu, jipprovdi, fil-paragrafu 1(k) tiegħu, li dan għandu jinkludi “deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet direttament marbuta mall-ħlas lura antiċipat;”, mingħajr ma jispeċifika eżattament liema huma.

36.      Lanqas ma hemm espressjoni ta’ metodu speċifiku ta’ kalkolu fil-Fuljett Informattiv Standardizzat Ewropew (FISE) (17), li l-punt 9 tiegħu jinkludi d-dritt għar-rimbors antiċipat u jobbliga li jiġu ddefiniti, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tiegħu (18).

2.      Ix-xogħlijiet preparatorji

37.      Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kreditu għall-konsum, ġeneralment, bdiet bid-Direttiva 87/102/KEE (19), li ġiet segwita mid-Direttiva 2008/48/KE (20). Madankollu, huwa biss permezz tad-Direttiva 2014/17 li ġie stabbilit qafas regolatorju komuni għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum iggarantiti b’ipoteka jew b’garanzija paragunabbli fuq il-proprjetà immobbli residenzjali.

38.      Dawn it-tliet direttivi jipprevedu d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors antiċipat tas-self (21). F’dan ir-rigward, ix-xogħlijiet preparatorji rispettivi jaqblu li:

–        Kien hemm kontroversja dwar il-fatt li strument Ewropew jissanċixxi dan id-dritt, fid-dawl tas-soluzzjonijiet differenti fl-Istati Membri, minn naħa, u d-diffikultà biex jinstab bilanċ bejn l-interessi kollha inkwistjoni, min-naħa l-oħra (22)

–        Ma kien hemm l-ebda diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu assoċjat ma’ rimbors antiċipat tal-kreditu. Dan it-tnaqqis, li huwa kkunsidrat bħala “ġust” fid-Direttiva 87/102, japplika, fiż-żewġ direttivi l-oħra, fuq l-interessi u l-kostijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-konkretizzazzjoni eżatta tagħhom għal kull waħda minnhom (23).

39.      Il-proposta li jiġi adottat kriterju uniformi għall-kalkolu ta’ dan it-tnaqqis tidher biss fir-rigward tad-Direttiva 87/102, fid-dawl tar-riforma possibbli tagħha (24). Sakemm ma għandix xi żball, dan ma ġiex inkluż fin-negozjati tad-Direttiva 2008/48, u lanqas fid-Direttiva 2014/17, dwar kuntratti ta’ kreditu għal proprjetà immobbli residenzjali (25).

3.      Il-kuntest

40.      Lanqas l-interpretazzjoni sistematika ma twassal biex jiġi identifikat kriterju speċifiku li permezz tiegħu jista’ jiġi kkwantifikat it-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17.

41.      Diġà spjegajt x’imkien ieħor li d-Direttiva 2014/17 ma tirregolax b’mod komplet il-kuntratti ta’ kreditu relatati mal-proprjetà immobbli residenzjali u li hija twettaq, b’xi eċċezzjonijiet, armonizzazzjoni minima (26).

42.      Fir-rigward tar-rimbors antiċipat tal-kreditu, il-leġiżlatur Ewropew jirrikonoxxi d-dritt tal-konsumatur li jagħmel dan u li dan ikun akkumpanjat minn tnaqqis fil-kost totali dovut. B’kuntrast ma’ dan, huwa jafda f’idejn l-Istati Membri l-mod kif jiggarantixxu dan id-dritt (27) u jippermettilhom li jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tiegħu, u għalhekk jirrikonoxxilhom marġni ta’ azzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward (28).

43.      Għalkemm il-metodu ta’ kalkolu tal-kost totali tal-kreditu ma jidhirx b’mod speċifiku fost l-oqsma li għandhom jiġu deċiżi minn kull leġiżlatur nazzjonali, inqis li dan huwa wieħed minnhom:

–        minn naħa waħda, minħabba li l-enumerazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet isservi bħala eżempju (29);

–        min-naħa l-oħra, minħabba li l-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal dan il-kalkolu tikkuntrasta mad-dettall li miegħu d-Direttiva 2014/17 nnifisha tirregola l-metodu ta’ determinazzjoni ta’ valuri oħra (30).

44.      Lanqas il-qari tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17, meħud bħala ħaġa waħda, ma jippermetti li jiġi dedott metodu speċifiku ta’ kalkolu tat-tnaqqis inkwistjoni hawnhekk.

45.      Ma naħsibx li huwa xieraq li jiġi dedott l-istabbiliment tal-kriterju tal-“kurva tal-interessi” mir-referenza fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 (31), għal dritt għal kumpens tal-kreditur (32). Dan il-paragrafu jippermetti lil kull leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi jekk dan id-dritt jeżistix jew le.

46.      Il-preferenza għall-metodu l-ieħor, jiġifieri għall-proporzjonalità lineari, peress li huwa (allegatament) sempliċi (33), jew saħansitra l-“iktar sempliċi” għall-konsumatur (34), jidhirli li hija eskluża fid-dawl tal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2014/17.

47.      Skont din id-dispożizzjoni, il-kreditur huwa obbligat li jinforma lill-konsumatur li jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jħallas il-kreditu b’mod prematur. B’mod partikolari, huwa l-professjonist li għandu jikkwantifika “mill-inqas […] l-implikazzjonijiet għall-konsumatur tal-ħelsien mill-obbligi tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt ta’ kreditu u tistipula b’mod ċar kwalunkwe preżunzjoni użata.”

48.      Billi jimponi dan l-obbligu fuq il-kreditur, il-leġiżlatur Ewropew jirrikonoxxi d-diffikultà intrinsika tal-kalkoli marbuta mar-rimbors antiċipat tal-kreditu. Fl-istess ħin, dan jeskludi li huwa l-konsumatur li għandu jwettaqhom (35), ħaġa li, fl-opinjoni tiegħi, tikkontradixxi l-preferenza esklużiva għal ċertu kriterju ta’ kalkolu sempliċement għaliex huwa meqjus sempliċi, jew l-iktar sempliċi.

49.      Fl-aħħar nett, f’perspettiva kuntestwali usa’, infakkar li la d-Direttiva 2008/48 ma tagħżel metodu speċifiku ta’ kalkolu, u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tagħha, ma ħadet deċiżjoni f’dan ir-rigward (36).

4.      L-iskop

50.      Id-Direttiva 2014/17 tarmonizza aspetti tal-kuntratti ta’ kreditu relatati ma’ proprjetà immobbli residenzjali sabiex “ikun iffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern li jiffunzjona bla intoppi b’livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi” fir-rigward ta’ dawn il-kuntratti. Din tirrakkomanda wkoll li “[j]kun żgurat li konsumaturi li jkunu qed ifittxu [dawn il-]kuntratti jkunu jistgħu jagħmlu dan fiduċjużi li l-istituzzjonijiet li magħhom ikollhom x’jaqsmu, jaġixxu b’mod professjonali u responsabbli (37).”

51.      Bl-istess mod, hija tfittex li “tiżviluppa suq intern iktar trasparenti, effiċjenti u kompetittiv permezz ta’ kuntratti ta’ kreditu koerenti, flessibbli u ġusti relatati mal-proprjetà immobbli, filwaqt li tippromwovi s-self sostenibbli (min-naħa ta’ min isellef u min-naħa ta’ min jissellef) u b’hekk tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi (38).”

52.      F’dan il-kuntest, l-aċċettazzjoni tar-rimbors ta’ kreditu qabel l-iskadenza tal-kuntratt tiffavorixxi il-“kompetizzjoni fis-suq intern u l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni” u tipprovdi “l-flessibbiltà matul il-ħajja tal-kuntratt ta’ kreditu neċessarja għall-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja.” Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet il-konsumatur jiġi ffaċilitat fit-tfittxija tiegħu ta’ prodotti li jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu wkoll matul it-tul tal-kuntratt (39).

53.      Ma naħsibx li minn dawn l-għanijiet jista’ jiġi dedott, direttament jew indirettament, metodu speċifiku għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu. Iktar u iktar peress li d-Direttiva 2014/17 stess tirrikonoxxi differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri fir-rigward “[ta]l-prinċipji [...] u l-kundizzjonijiet li taħthom il-konsumaturi għandhom il-kapaċità li jħallsu lura l-kreditu tagħhom”, u tenfasizza fuq il-fatt li dawn għandhom jiġu rrispettati (40).

54.      B’mod partikolari, ma narax li l-intenzjoni li jkun hemm “livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur” hija sostenn suffiċjenti sabiex jintgħażel metodu bl-esklużjoni tal-ieħor. Ma narax li hemm bżonn li minn dan l-għan niddeduċi l-preferenza tal-leġiżlatur Ewropew għal kriterju speċifiku għall-kalkolu tat-tnaqqis (li, teoretikament, huwa iktar faċli biex jinftiehem u jiġi mwettaq mill-konsumatur), fost dawk kollha ammissibbli.

55.      Hija kwistjoni differenti li ċ-ċirkustanzi relatati ma’ dan it-tnaqqis, bħall-metodu ta’ kalkolu tiegħu, ma għandhomx iwasslu, la de jure u lanqas de facto, għall-annullament tad-dritt għar-rimbors innifsu jew sabiex jiddisswadu l-eżerċizzju tiegħu (41).

56.      Id-Direttiva 2014/17 tirrikonoxxi l-edukazzjoni finanzjarja dgħajfa tal-konsumatur li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu għal proprjetà immobbli residenzjali (42). Minn dan il-punt ta’ tluq, l-informazzjoni pprovduta mill-professjonist hija waħda ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-konsumatur (43).

57.      B’mod partikolari, id-Direttiva 2014/17 teżenta lill-konsumatur mill-kalkoli dwar ir-rimbors antiċipat ta’ kreditu u tafda l-protezzjoni tiegħu, f’dan il-qasam, għar-regoli li jistabbilixxu l-obbligu li jiġi spjegat lilu, b’mod trasparenti (44), kif ser jiġi stabbilit it-tnaqqis fil-kost totali tal-kreditu.

58.      Id-Direttiva 2014/17 tordna espliċitament li, meta l-konsumatur jitlob li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimbors antiċipat tal-kreditu, il-kreditur għandu jipprovdilu, mingħajr ebda dewmien, bil-miktub jew fuq mezz dejjiemi ieħor, l-informazzjoni meħtieġa biex jevalwa din l-alternattiva. Din għandha mill-inqas tinkludi l-implikazzjonijiet ekonomiċi tar-rimors u tistipula b’mod ċar minn fejn ikunu ġejjin (45).

59.      Fit-twettiq ta’ dan l-obbligu, bħal kull obbligu ieħor marbut mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-professjonist huwa suġġett għar-regoli ta’ kondotta preskritti mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/17 (46). Barra minn hekk, il-konsumatur igawdi wkoll mill-protezzjoni pprovduta minn direttivi oħra (47).

C.      Ħtieġa li jiġi speċifikat il-metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis fil-kuntratt ta’ kreditu

60.      Id-Direttiva 2014/17 ma hijiex intiża sabiex il-konsumatur ikun responsabbli għall-kalkolu tat-tnaqqis li jakkumpanja ħlas antiċipat tal-kreditu. Fi kwalunkwe każ, naħseb li l-persuna li tissellef għandha d-dritt li tkun taf minn qabel kif l-operazzjoni ser titwettaq u, ladarba titwettaq, li tivverifika kif din twettqet.

61.      Waħdu, l-ordni ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2014/17 ma jiggarantixxix dan id-dritt, peress li jiġi attivat biss meta l-konsumatur jitlob rimbors antiċipat tal-kreditu. Letteralment, il-FISE ma jinkludix id-deskrizzjoni tal-kriterju tal-kalkolu li għandu jiġi applikat għat-tnaqqis f’waqtu (48).

62.      Għal oqsma qrib dawk inkwistjoni f’din il-kawża, bħal dak irregolat mid-Direttiva 2008/48, il-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Iddikjarat li l-kreditur irid jibgħat lill-konsumatur “kopja tal-kuntratt ta’ kreditu kif ukoll l-informazzjoni kollha dwar ir-rimbors tal-kreditu li ma tinsabx fil-kuntratt innifsu iżda li hija neċessarja, minn naħa, għall-verifika tal-kalkolu tal-ammont li jikkorrispondi għat-tnaqqis tal-ispiża [kost] totali tal-kreditu li dan il-konsumatur jista’ jitlob wara r-rimbors antiċipat tiegħu u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun jista’ jeżerċita azzjoni potenzjali għall-irkupru ta’ dan l-ammont (49).”

–        Indikat, fir-rigward tal-kumpens marbut mar-rimbors antiċipat tal-kreditu, li l-kuntratt għandu “jindika l-metodu tal‑kalkolu ta’ dan il-kumpens b’mod konkret u b’mod li jinftiehem faċilment minn konsumatur medju, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jiddetermina l‑ammont tal-kumpens dovut fil-każ ta’ rimbors antiċipat fuq il-bażi tal‑informazzjoni mogħtija f’dan il-kuntratt. (50)”

63.      Inqis li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. Għalhekk, mill-mument li jikkonkludi l-kuntratt, il-konsumatur irid ikun jaf b’ċertezza a) li huwa għandu d-dritt li jirrimborsa s-self b’mod antiċipat; u b) kif il-kost totali tal-kreditu, jiġifieri l-parametri tal-aġġustament mill-ġdid tal-kost totali tal-kreditu, se tiġi aġġustata mill-ġdid jekk, fil-futur, huwa jiddeċiedi li jillikwida l-obbligi tiegħu b’mod antiċipat.

D.      Il-projezzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għal-kawża ineżami

64.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-approċċ li qiegħed nirrakkomanda, hija tista’ tikkonstata li d-Direttiva 2014/17 ma tagħżilx (u lanqas ma timponi jew ma tipprojbixxi) wieħed mill-kriterji deskritti mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda preliminari tagħha. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-imsemmija qorti għandha tkun ibbażata fuq argumenti ta’ natura differenti.

65.      Fid-digrieti tagħha ta’ rinviju u ta’ konferma tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li tippreferi tnaqqis li jkun “proporzjonali għar-ratio bejn il-perijodu li matulu l-kuntratt ma jiġix eżegwit (permezz ta’ amortizzazzjoni antiċipata) u l-perijodu inizjalment miftiehem, li matulu l-kuntratt kellu jiġi applikat (51).”

66.      Il-Gvern Pollakk jindika li din hija l-formula segwita minn qrati oħra ta’ dan l-Istat Membru; bl-istess mod, id-dritt nazzjonali ma jinkludi ebda previżjoni għall-kalkolu tal-aġġustament mill-ġdid tal-kost totali tal-kreditu (52).

67.      Il-fatt li din il-formula hija, miż-żewġ formoli msemmija, l-iktar sempliċi jew saħansitra l-aktar li tinftiehem minn konsumatur medju (53) ma tagħmilhiex l-unika waħda awtorizzata mid-Direttiva 2014/17. Ninsisti li din id-direttiva ma timponix soluzzjoni fuq oħra, iżda lanqas ma tipprojbixxi l-applikazzjoni “b’mod awtomatiku” ta’ dik li l-qorti tar-rinviju tidher li tippreferi.

E.      Il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

68.      Skont il-Gvern Taljan, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja favur li l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/17 jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi kriterju speċifiku wieħed jew iktar għall-kalkolu tal-ammont tat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu tista’ twassal, fil-futur immedjat, għan-nullità jew għall-invalidità ta’ klawżoli, stipulati f’kuntratti ta’ kreditu immobiljari, li jipprevedu kriterji oħra.

69.      Skont dan il-Gvern, tali dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha toħloq fluss ġdid ta’ tilwim, kemm ġudizzjarju kif ukoll extraġudizzjarju. Għalhekk, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita, ratione temporis, l-effetti ta’ tali sentenza, b’tali mod li din tkun effettiva ex nunc (54).

70.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-proposta tiegħi, it-talba tal-Gvern Taljan issir mingħajr skop. Fi kwalunkwe każ, inqis li l-limitazzjoni ratione temporis li dan il-gvern jappoġġja ma hijiex xierqa, għaliex, bħal fil-Kawża C‑555/21, UniCredit Bank Austria (55), ma ntweriex li l-kundizzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti (56).

V.      Konklużjoni

71.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja-Wola, il-Polonja) tkun kif ġej:

“L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jillikwida, totalment jew parzjalment, l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu qabel id-data tal-iskadenza tiegħu, ma jipprevedix metodu speċifiku għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu, fir-rigward tal-kosti relatati maż-żmien tal-kuntratt li jkun għad fadal.”


1      Lingwa oriġinali: L-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p.11).


3      Sentenza tad-9 ta’ Frar 2023, UniCredit Bank Austria (C‑555/21, EU:C:2023:78; iktar ’il quddiem is-“sentenza UniCredit Bank Austria”), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17.


4      Kawża VR Bank Ravensburg-Weingarten, pendenti, li fiha ppreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit‑28 ta’ Settembru 2023 (C‑536/22, EU:C:2023:721).


5      Il-kummissjoni kienet tammonta għal PLN 2 600.


6      Jew il-kalkolu tar-rimbors, jekk dan ikun diġà tħallas.


7      Dan ifisser li jrid jinstab il-proporzjon tat-tnaqqis li, ladarba mmultiplikat bil-valur tal-kummissjoni, iwassal, konsegwentement, għaċ-ċifra li għandha titnaqqas mill-kost totali tal-kreditu.


8      F’dan il-metodu, il-proporzjonalità hija “pura” jew “lineari”.


9      Il-metodu jidher li jikkorrispondi għall-kriterju tal-“kurva tal-interessi”. Fil-fehma tiegħu, kif jispjega b’mod iktar sempliċi l-Gvern Taljan fil-punt 26 tal-osservazzjonijiet tiegħu, “il-proporzjon tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati huwa kkalkolat billi l-interessi ordinarji li għad iridu jitħallsu fil-mument tar-rimbors antiċipat jitqabblu mal-interessi totali previsti fil-pjan ta’ ammortizzazzjoni tas-self.” Id-duttrina torbot dan il-metodu mal-kriterju tal-“kost amortizzat”, użat għall-evalwazzjoni tal-kontabbiltà tal-istrumenti finanzjarji.


10      Osservazzjonijiet ta’ QI, punt 11. Huwa jżid li, b’analoġija ma’ dak li ġie deċiż fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2021, A. S.A. (C‑212/20, EU:C:2021:934), dwar id-determinazzjoni tar-rata tal-kambju tax-xiri u tal-bejgħ ta’ munita barranija f’self ipotekarju indiċjat fuq din il-munita, il-konsumatur li jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu marbut ma’ proprjetà immobbli residenzjali għandu jkollu l-possibbiltà li jikkalkola huwa stess it-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu meta jeżerċita d-dritt tiegħu għar-rimbors antiċipat.


11      Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 39.


12      Nifhem li din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Gvern Ċek, għalkemm ma jiddikjarax dan b’mod espliċitu.


13      Osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, punti 34 u 35. Fil-punt 38, huwa jindika, bħal QI, l-assenza, fis-suq Pollakk tal-krediti ipotekarji, ta’ offerti ta’ self b’rata fissa għat-tul kollu tal-kuntratt.


14      Osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan, punti 43 u 42. Bl-istess mod, meta jipproponi risposta għat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Ċek jindika li l-kalkolu tat-tnaqqis għandu jieħu inkunsiderazzjoni “n-natura tal-kost inkwistjoni, in-natura tas-servizz marbut ma’ dan l-kost u l-metodu ta’ rimbors ta’ dan il-kost fir-rigward tal-provvista tas-servizz.”


15      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Portugiż, punti 37 u 38.


16      Osservazzjonijiet ta’ Santander Bank, punti 27 et seq. L-argument huwa, l-ewwel u qabel kollox, ta’ natura ekonomika. Fuq il-livell ġuridiku, Santander Bank tibbaża ruħha fuq ir-riferimenti magħmula għall-premessa 66 u għall-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2014/17 għall-kumpens mogħti lill-kreditur. Fil-fehma tiegħu, ma huwiex ċar jekk il-kwistjoni ġietx solvuta fit-test innifsu.


17      L-Anness II tad-Direttiva 2014/17. Il-premessa 40 tispjega li, permezz tal-FISE, għandha tingħata lill-konsumatur informazzjoni personalizzata dwar il-ftehim ta’ kreditu li għandu jiġi konkluż. Iżżid ukoll li l-fuljett, fil-mudell previst mid-Direttiva, ġie rivedut sabiex “biex jiġi żgurat li huwa ċar, jinftiehem u fih l-informazzjoni kollha li rriżulta li hija rilevanti għall-konsumaturi.”


18      Il-punt 9 tal-Parti A tal-FISE ma fihx referimenti testwali għat-tnaqqis tal-kost tal-kreditu. Ir-rekwiżit li jiġi indikat, jekk applikabbli, metodu ta’ kalkolu, jaqa’ fuq l-“imposta f’każ ta’ terminazzjoni.” It-Taqsima 9 fil-parti B tal-fuljett, li tagħti dettalji dwar l-istruzzjonijiet biex timtela, tidentifika din il-kummissjoni bil-kumpens eventwalment previst favur il-kreditur. Għal dak li ser nesponi fil-punti 60 et seq, il-mod li bih ser jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis eventwali minħabba rimbors antiċipat għandu wkoll jiġi kkomunikat lill-konsumatur li jkun beħsiebu jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu.


19      Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).


20      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p.46, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, fil-ĠU 2009, L 207, p.14). Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2008/48 ser titħassar b’effett mis-26 ta’ Novembru 2026 permezz tal-Artikolu 47 tad-Direttiva (UE) 2023/2225 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 2008/48/KE (ĠU L 2023/2225).


21      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 87/102, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48, u l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2014/17. Id-Direttiva (il-ġdida) 2023/2225 tirrifletti l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C-383/18, EU:C:2019:702), dwar l-ispejjeż li fuqhom japplika t-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu: ara l-premessa 70 u l-Artikolu 29(1).


22      Id-diskussjoni dwar id-dritt tal-konsumatur li jeħles mill-obbligi tiegħu qabel it-terminu miftiehem hija marbuta mill-qrib mad-dritt tal-kreditur għal kumpens, li bl-ebda mod ma huwa paċifiku. Ma’ dan jiżdied ukoll il-fatt li r-rimbors antiċipat jista’ jkollu riperkussjonijiet lil hinn mill-partijiet tal-kuntratt: ara t-tieni rapport tal-Parlament dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati dwar il-kreditu tal-konsumatur [COM(2002) 0443 – C5-0420/2002 – 2002/0222(COD)], dokument A5-0224/2004, emendi 96 sa 100. Dan iwissi dwar il-konsegwenzi negattivi potenzjali ta’ ħlas antiċipat u mingħajr ħlas, fir-rigward tal-konsumaturi “konformi”, li huma dawk li jżommu l-kuntratt sal-iskadenza miftiehma. Fil-qasam tal-kreditu ipotekarju, il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-White Paper dwar l-Integrazzjoni tas-Swieq ta’ Kreditu b’Ipoteka tal-UE, dokument SEC (2007) 1683, Anness III, p. 3. 60 u 61, tindika l-konsegwenzi sistemiċi marbuta ma’ kumpensi baxxi wisq għall-kreditur.


23      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702) dwar id-Direttiva 2008/48; u UniCredit Bank Austria dwar id-Direttiva 2014/17. Skont din il-ġurisprudenza, fil-każ tal-kreditu ipotekarju, id-dritt għal tnaqqis ma jinkludix l-ispejjeż li, indipendentement mit-tul tal-kuntratt, jitħallsu mill-konsumatur favur il-kreditur jew terzi fir-rigward ta’ servizzi li diġà ġew eżegwiti kollha bis-sħiħ meta jsir rimbors antiċipat. Minflok, fil-kuntest tal-kreditu għall-konsum, it-tnaqqis huwa impost fuq l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur. Il-premessa 70 tad-Direttiva 2023/2225 tippreċiża l-esklużjoni ta’ ċerti taxxi u kummissjonijiet imħallsa direttament lil terzi.


24      Taħt id-Direttiva 87/102, kull Stat Membru kien liberu li jiddetermina l-kwantità tat-tnaqqis. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrument tal‑1995 jikkunsidra s-suġġeriment, min-naħa ta’ Stat Membru partikolari, li jiġi ddefinit it-tnaqqis ġust “either by setting a percentage or a formula for its calculation”: COM(95) 117 final, punt 192. Ir-rapport tal‑1996 jillimita ruħu fit-tfakkir li d-Direttiva ma taffettwax il-kriterji ta’ kalkolu diġà fis-seħħ fl-Istati Membri: COM(96) 79 final, punt 55.


25      Għalkemm ix-xogħol li sar qabel id-Direttiva 2023/2225 ma ġiex diskuss f’dan il-punt, il-premessa 70 tagħha tindika li “[i]t-tnaqqis fil-kost totali tal-kreditu għall-konsumatur jenħtieġ li jkun proporzjonat għat-tul ta’ żmien li jifdal tal-ftehim ta’ kreditu […] (korsiv miżjud minni). Din il-preċiżazzjoni, li fl-opinjoni tiegħi hija konsistenti mar-rieda li fil-futur jiġi ddedikat il-metodu ta’ proporzjonalità lineari fil-qasam tal-kreditu għall-konsum, ma tidhirx f’testi preċedenti għal-laqgħa informali interistituzzjonali li seħħet fl‑1 ta’ Diċembru 2022.


26      Konklużjonijiet tal-Kawża VR Bank Ravensburg-Weingarten (C‑536/22, EU:C:2023:721, punt 19).


27      Permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew mezzi oħra, bħal klawżoli kuntrattwali (il-premessa 60 tad-Direttiva 2014/17).


28      F’ċerti ċirkustanzi, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet li bihom saħansitra jiġi eskluż l-eżerċizzju tad-dritt. Ara dak li telenka l-premessa 60 tad-Direttiva 2014/17: “l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt [għal ħlas lura bikri]. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu limitazzjonijiet ta’ żmien għall-eżerċizzju tad-dritt, trattament differenti skont it-tip tar-rata tal-imgħax tas-self jew restrizzjonijiet fir-rigward taċ-ċirkustanzi li taħthom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt. Fejn il-ħlas lura bikri jsir f’perijodu meta r-rata tat-teħid tas-self tkun fissa, l-eżerċizzju tad-dritt jista’ jiġi soġġett għall-eżistenza ta’ interess leġittimu min-naħa tal-konsumatur speċifikat mill-Istat Membru. Dan l-interess leġittimu jista’ pereżempju jseħħ f’każ ta’ divorzju jew qgħad […].”


29      Ma jidhirlix li huwa possibbli li wieħed jifhem b’mod differenti l-premessa 66 tad-Direttiva 2014/17, li tuża formoli miftuħa anki billi tirreferi għal-limiti tal-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors antiċipat tal-kreditu min-naħa tal-Istati Membri.


30      B’mod partikolari, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta stabbilita fl-Anness I.


31      U t-tieni parti tal-premessa 66.


32      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tar-rinviju, punt 74; kif ukoll l-osservazzjonijiet ta’ Santander Bank, punti 28 u 29.


33      Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, punt 39.


34      Osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, punti 34 u 35.


35      Kwistjoni oħra hija dik tal-verifika ta’ dawn il-kalkoli mill-konsumatur: iktar ’il quddiem, punti 60 et seq.


36      Is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Lexitor (C‑383/18, EU:C:2019:702), punt 24, tirriproduċi ż-żewġ interpretazzjonijiet proposti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/48 mill-qorti tar-rinviju, mill-konvenuti u mill-partijiet ikkonċernati l-oħra. Filwaqt li l-ewwel interpretazzjoni kienet tenfasizza t-tip ta’ spejjeż affettwati mit-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu, it-tieni waħda tindika wkoll il-metodu ta’ kalkolu sabiex jiġi applikat it-tnaqqis, li jikkonsisti “fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż kollha sostnuti mill-konsumatur u wara jitnaqqas l-ammont proporzjonalment għat-terminu li jkun baqa’ tal-kuntratt.” Is-sentenza tilqa’ tnaqqis li jinkludi l-ispejjeż kollha imposti fuq il-konsumatur, iżda mhux ir-riferiment għall-proporzjonalità. Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, għal dak li jirrigwarda l-bidla fis-sitwazzjoni wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2023/2225.


37      Premessa 5.


38      Premessa 6.


39      Premessa 66.


40      Loc. ult. cit.


41      Ir-rapport finali tal-istudju ta’ evalwazzjoni fuq id-Direttiva 2014/17, imwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Kummissjoni Ewropea), mir-Risk & Policy Analysts (RPA), ta’ Novembru 2020, jindika li ħafna drabi l-konsumaturi ma jkunux konxji kemm jiffrankaw permezz tar-rimbors antiċipat tal-kreditu (p. 9). Madankollu, iktar ’il quddiem, dan jirrikonoxxi d-diffikultà li wieħed jorbot l-eżerċizzju iktar limitat tad-dritt għal rimbors fil-prattika ma’ fattur preċiż. Fl-ebda każ ma jissemma l-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis tal-kost totali tal-kreditu huwa wieħed problematiku: id. loc., punt 5.2.7. Barra minn hekk, dan ir-rapport jenfasizza li normalment, ir-raġuni għaliex il-konsumatur ma jwettaqx rimbors antiċipat hija minħabba li ma jkunx jaffordja jagħmel dan: loc. ult. cit., p. 170.


42      Hija tikklassifika dan in-nuqqas ta’ għarfien bħala wieħed mill-problemi tas-suq ipotekarju tal-Unjoni (il-premessa 4). It-tieni kapitolu tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Edukazzjoni finanzjarja”, jinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jinkoraġġixxu miżuri ta’ sostenn għall-edukazzjoni tal-konsumaturi, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ kreditu ipotekarju.


43      Permezz tad-Direttiva 2014/17, il-konsumatur huwa d-destinatarju ta’ informazzjoni f’diversi stadji tal-proċess ta’ konklużjoni tal-kreditu, mir-reklamar għal dak tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. L-importanza li jintwera lill-konsumatur (min jissellef) f’dan l-aħħar stadju hija kkorroborata, mhux biss mill-Artikolu 25 tiegħu, iżda anki mill-Artikolu 27, li jimponi fuq il-kreditur dmir ta’ informazzjoni dwar il-bidliet fir-rati tas-self u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-pagamenti futuri. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jaqgħu taħt l-istess kapitolu tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Eżekuzzjoni tajba ta’ kuntratti ta’ kreditu u d-drittijiet marbuta.”


44      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-rekwiżit ta’ trasparenza, pereżempju, fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2021, A. S.A. (C‑212/20, EU:C:2021:934 punti 38 et seq), fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13/KEE tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 288). F’dan il-każ, din kienet klawżola kuntrattwali dwar il-prezz tax-xiri u tal-bejgħ ta’ munita barranija, f’kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċjat fuq din il-munita. Ara wkoll is-sentenzi li nirreferi għalihom fil-punt 62.


45      L-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2014/17. Nemmen li l-obbligu li jiġi kkomunikat kif se jiġi ddeterminat it-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jeżisti anki qabel ma dak li jissellef jitlob li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimbors antiċipat, minkejja li d-Direttiva ma tistabbilixxihx testwalment: Ara l-punti 60 et seq iktar ’il quddiem.


46      Irid jaġixxi “onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi.”


47      Jiġuni f’moħħi, b’mod partikolari, id-Direttiva 93/13/KEE u d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).


48      Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


49      Sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2023, Z. (Dritt li tinkiseb kopja tal-kuntratt ta’ kreditu) (C‑326/22, EU:C:2023:775, punt 30). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu16(1) tad-Direttiva 2008/48.


50      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, UK et (C‑33/20, C‑155/20 u C‑187/20, EU:C:2021:736), dwar l-Artikolu 10(2)(r) tad-Direttiva 2008/48.


51      Digriet tar-rinviju, punt 72.


52      Osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk, punt 34.


53      Id-Direttiva 2014/17 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ konsumatur. Ma għandi l-ebda raġuni sabiex naħseb li hija titbiegħed minn dik komunement assunta fil-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni tal-konsumatur medju, li tidentifikah “normalment informat u raġonevolment attent u prudenti”. L-obbligi ta’ informazzjoni tal-kreditur imsemmija iktar ’il fuq huma ovvjament eżiġibbli.


54      Osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan, punti 43 u 44.


55      F’din il-kawża, il-Gvern Taljan għamel talba simili. Fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħi (EU:C:2022:742), indikajt li “[j]ekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-argumenti li qiegħed nipproponi, ma jkunx neċessarju li tintlaqa’ t-talba tal-Gvern Taljan fir-rigward tal-eventwali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza. Barra minn hekk, inqis li tali limitazzjoni ma tkunx xierqa, peress li ma ntweriex li l-kundizzjonijiet (b’mod partikolari r-riperkussjonijiet ekonomiċi serji) meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward huma sodisfatti.”


56      Ara, inter alia, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti (C‑585/19, EU:C:2021:210, punti 78 sa 81); tat-22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ Reati tat-Traffiku) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 132); jew tas-26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings (C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 60).