Language of document : ECLI:EU:C:2024:162

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C693/22

I. sp. z o. o.

vs

M. W.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Bejgħ ta’ database li tinkludi data personali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata – Il-punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 5(1)(b) – Limitazzjoni tal-fini – Artikolu 6(1), (3) u (4) – Legalità tal-ipproċessar – Osservanza ta’ obbligu legali impost fuq il-kontrollur – Twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku – Artikolu 23(1)(j) – Infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili – Miżura neċessarja u proporzjonata”






1.        Il-bejgħ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, ta’ database li tinkludi data personali jista’ jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, iktar ’il quddiem il-“GDPR”) (2), meta s-suġġetti tad-data ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal tali bejgħ?

2.        Din hija l-mistoqsija ewlenija magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

3.        Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha teżamina każ partikolari fir-rigward tal-GDPR, u tieħu pożizzjoni dwar ċerti elementi prinċipali ta’ dan ir-regolament, bħall-kunċett ta’ “kontrollur”, il-legalità tal-ipproċessar u l-estensjoni tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-fini.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

4.        L-Artikolu 4 tal-GDPR jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]”

5.        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Id-data personali għandha:

a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […]

c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

6.        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

[…]

c)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. […] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

4.      Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

a)      kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

b)      il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

c)      in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

d)      il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

e)      l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

7.        L-Artikolu 23(1) tal-GDPR, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprevedi:

“1.      Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

j)      l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.”

 Iddritt Pollakk

8.        L-Artikolu 299 tal-ustawa Kodeks spółek handlowych (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Kumpanniji Kummerċjali) tal‑15 ta’ Settembru 2000 (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1 467, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kumpanniji Kummerċjali”), huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.      Meta l-eżekuzzjoni kontra kumpannija tirriżulta ineffettiva, il-membri tal-bord tad-diretturi huma responsabbli in solidum għad-dejn tagħha.

§ 2.      Membru tal-bord tad-diretturi jista’ jkun eżentat mir-responsabbiltà prevista fil-paragrafu 1 jekk juri li saret applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment fi żmien xieraq jew li fl-istess waqt ingħatat deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ approvazzjoni tal-ftehim mal-kredituri fil-kuntest ta’ pjan ta’ ftehim mal-kredituri, jew li l-assenza ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment ma hijiex imputabbli lilu, jew li minkejja l-assenza ta’ applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment u l-assenza ta’ deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ ristrutturazzjoni jew l-assenza ta’ approvazzjoni tal-ftehim mal-kredituri fil-kuntest ta’ pjan ta’ ftehim mal-kredituri, il-kreditur ma jkunx ġie ppreġudikat.”

9.        Skont l-Artikolu 796(1) tal-Ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑2021, pożizzjoni 1805), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”):

“It-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija ppreżentata, skont il-każ, quddiem il-qorti jew l-uffiċjal ġudizzjarju. It-talba mressqa lill-uffiċjal ġudizzjarju tista’ tiġi ppreżentata fuq formola uffiċjali.”

10.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 799(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tipprovdi:

“Talba għall-eżekuzzjoni jew talba għal eżekuzzjoni ex officio tippermetti li ssir l-eżekuzzjoni skont kull metodu awtorizzat, bl-eċċezzjoni tal-eżekuzzjoni fuq beni immobbli. […]”

11.      Il-punt 3 tal-Artikolu 824(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“It-terminazzjoni totali jew parzjali tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja hija kkonstatata ex officio:

[…]

meta jidher b’mod ċar li bl-eżekuzzjoni forzata ma huwa ser jinkiseb ebda ammont ikbar mill-ispejjeż tal-implimentazzjoni tagħha.”

12.      L-Artikolu 831 tal-kodiċi msemmi jipprevedi:

“§ 1      Ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata:

[…]

3)      id-drittijiet inaljenabbli, ħlief jekk l-aljenabbiltà tagħhom tkun ġiet eskluża b’kuntratt u s-suġġett tal-provvista jista’ jkun is-suġġett ta’ eżekuzzjoni forzata jew jekk l-eżerċizzju tad-dritt jista’ jiġi fdat lil ħaddieħor.”

13.      L-ustawa o komornikach sądowych (il-Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji) tat‑22 ta’ Marzu 2018 (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1168), kif emendata, (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji”), tirregola l-istatus u l-attivitajiet tal-uffiċjali ġudizzjarji. Skont l-Artikolu 3(1) u (3) tagħha:

“L-uffiċjal ġudizzjarju huwa awtorità pubblika li jwettaq atti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata u ta’ miżuri kawtelatorji. Dawn l-atti jitwettqu mill-uffiċjal ġudizzjarju, mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi.

[…]

L-uffiċjal ġudizzjarju huwa responsabbli mill-funzjonijiet li ġejjin:

1)      l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fil-kawżi ta’ krediti pekunjarji jew mhux pekunjarji u ta’ depożitu ta’ garanzija, inkluż ordnijiet Ewropej għas-sekwestru kawtelatorju ta’ kontijiet bankarji, mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti mill-[Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili];

[…]”

14.      L-Artikolu 9(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-uffiċjal ġudizzjarju ma jistax jirrifjuta talba intiża:

1)      għall-implimentazzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata,

[…]

atti li fir-rigward tagħhom għandu l-kompetenza skont id-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili].

15.      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-liġi msemmija tipprovdi li:

“Is-somom maqbuda minn kont bankarju, minn kont miżmum f’bank kooperattiva tat-tfaddil u ta’ kreditu jew minn kont miżmum ma’ entità li teżerċita attivitajiet ta’ intermedjazzjoni, miksuba wara l-ewwel ħlas imwettaq mid-debitur tal-kreditu maqbud, għandhom jiġu ttrasferiti mill-uffiċjal ġudizzjarju lill-kreditur mhux qabel is-seba’ jum u mhux wara l-erbatax il-jum mid-data meta jinqabdu. […]”

16.      L-ustawa o ochronie baz danych (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Databases), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2021, pożizzjoni 386) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Databases”), tipprevedi dan li ġej, fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tagħha:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

1.      ‘databases’ tfisser: ġabra ta’ data jew ta’ elementi oħra miġbura skont metodu jew sistema partikolari, aċċessibbli individwalment bi kwalunkwe mezz, inkluż b’mezzi elettroniċi, u li teħtieġ investiment sostanzjali mill-perspettiva kwalitattiva jew kwantitattiva sabiex tistabbilixxi, tivverifika u tippreżenta l-kontenut tagħha.”

17.      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Databases jipprovdi:

“Il-manifattur ta’ database għandu d-dritt esklużiv u trasferibbli li jestratta d-data u li jużaha mill-ġdid totalment jew f’parti sostanzjali, ivvalutata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv.”

 Ilkawża prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

18.      Il-kumpannija I. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew il-“kumpannija kreditriċi”), stabbilita fil-Polonja, għandha kreditu, ikkonfermat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, kontra l-kumpannija NMW, speċjalizzata fil-bejgħ online, li M.W. huwa membru tal-bord tad-diretturi tagħha.

19.      Fuq talba tar-rikorrenti inbdiet proċedura ta’ eżekuzzjoni kontra l-kumpannija NMW intiża biex jitħallas dan il-kreditu. Din il-proċedura wasslet għal deċiżjoni tal-uffiċjal ġudizzjarju li tittermina din l-eżekuzzjoni għar-raġuni li l-kumpannija NMW ma kellhiex assi li setgħu jkunu s-suġġett tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ressqet azzjoni kontra M.W. quddiem is-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja), abbażi tal-Artikolu 299(1) tal-Kodiċi ta’ Kumpanniji Kummerċjali, li jipprevedi r-responsabbiltà finanzjarja ta’ membru tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija debitriċi fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ rkupru ta’ kreditu permezz tal-assi ta’ din il-kumpannija.

20.      M.W. talab li din l-azzjoni tiġi miċħuda, għar-raġuni li l-kumpannija NMW kellha assi li kull wieħed minnhom kellu valur ogħla mill-kreditu tar-rikorrenti, jiġifieri kodiċi tas-sors ta’ software ta’ xiri online flimkien ma’ servizz ta’ kważi cashback (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma M.”) u żewġ databases ta’ utenti ta’ din il-pjattaforma.

21.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-bejgħ tal-pjattaforma M. biss, mingħajr dawn id-databases, ma jkunx attraenti fis-suq daqs dak tal-“pakkett” kollu.

22.      Għalhekk, huwa neċessarju, skont din il-qorti, li tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk id-databases maħluqa minn NMW jistgħux jiġu ttrasferiti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, tweġiba affermattiva twassal għaċ-ċaħda tar-rikors fil-kawża prinċipali.

23.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minkejja li hija ma hijiex marbuta bil-valutazzjoni tal-valur tal-assi inkwistjoni li bbaża ruħu fuqha M.W. – iktar u iktar peress li din il-valutazzjoni ma saritx minn espert ġudizzjarju –, it-tweġiba għall-mistoqsija fuq imsemmija xorta hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali peress li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ċivili Pollakka ma jippermettux li tiġi prodotta tali prova mingħajr ma l-ewwel tiġi stabbilita r-rilevanza tagħha.

24.      Din il-qorti tqis li d-databases ikkonċernati jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “databases” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (3), b’tali mod li d-detentur tagħhom, il-kumpannija NMW, iżżomm id-dritt patrimonjali li tittrasferixxi dawn id-databases skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni jistgħu jsiru fuq kull dritt patrimonjali, ħlief jekk dispożizzjoni teskludi espressament tali possibbiltà. Madankollu, il-leġiżlatur Pollakk ma ppreveda ebda regola li tipprojbixxi l-eżekuzzjoni forzata ta’ database bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali.

25.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-fatt li tali databases jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja peress li dawn jinkludu data personali ta’ mijiet ta’ eluf ta’ utenti tal-pjattaforma M. u ma teżisti ebda prova li l-utenti ta’ din il-pjattaforma taw il-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom taħt il-forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data lil terzi, lil hinn mill-imsemmija pjattaforma. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li d-data inkwistjoni ma taqax fil-kategoriji speċjali ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR.

26.      Din il-qorti tistaqsi wkoll dwar ir-rabta bejn ir-restrizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data personali stabbiliti mill-GDPR u d-dritt ta’ trasferiment liberu ta’ database li jirriżulta mid-Direttiva 96/9 u mid-dritt nazzjonali, inkluż, fil-fehma tagħha, dak ta’ trasferiment ta’ database fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni.

27.      Huwa f’dan il-kuntest li s-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1)(a) [tal-GDPR], moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(a), (c) u (e) ta’ dan ir-regolament, u kif ukoll mal-Artikolu 6(3) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tippermetti l-bejgħ, fi proċedura ta’ eżekuzzjoni, ta’ database, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9/KE […] li tinkludi fiha data personali, jekk is-suġġetti ta’ din id-data ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal dan il-bejgħ?”

28.      Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet ikkonċernati, kif ukoll I., għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023.

 Analiżi

 Fuq lammissibbiltà

29.      Għandhom qabel kollox jiġu indirizzati żewġ kwistjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari.

30.      L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali esprimiet, waqt is-seduta, dubji dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda. Skont din il-parti, il-kumpannija NMW kienet diġà tterminat l-attività ekonomika tagħha ftit snin ilu. B’mod iktar preċiż, din il-kumpannija ma baqgħalhiex bord tad-diretturi jew ta’ tmexxija u kienet ilha minn April 2019 (4) ma tipprovdi servizz lill-utenti tal-pjattaforma M. Għalhekk, hija kienet neċessarjament waqqfet kwalunkwe pproċessar ta’ data personali marbut mal-eżerċizzju tal-attività tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipji ta’ limitazzjoni tal-fini u ta’ limitazzjoni tal-konservazzjoni kienu jeħtieġu t-tħassir tad-data kkonċernata, u fin-nuqqas l-eżistenza nnifisha tad-databases inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun illegali. Fid-dawl ta’ dan, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-legalità tal-bejgħ tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

31.      Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 5(1)(e) tal-GDPR, id-data personali (5) għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar żmien milli jkun meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet li għalihom hija tkun ipproċessata. Minn dan jirriżulta li anki pproċessar ta’ data inizjalment legali jista’ jsir, biż-żmien, inkompatibbli mal-GDPR meta din id-data ma tkunx iktar meħtieġa għat-twettiq ta’ tali għanijiet (6). F’tali każ, id-data għandha titħassar (7). F’dan il-każ, id-data inkwistjoni kienet ċertament miġbura għall-finijiet tal-attività ta’ bejgħ online eżerċitata minn NMW. Jekk din tal-aħħar kienet waqqfet din l-attività f’April 2019, ma hemm ebda dubju li din id-data ma kinitx għadha neċessarja għat-twettiq tagħha, u għalhekk kellha titħassar. Fl-assenza ta’ tali tħassir, l-eżistenza tad-databases inkwistjoni ma tkunx konformi mal-GDPR, u n-nuqqas ta’ rilevanza ta’ din id-domanda preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali jkun manifest.

32.      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit mill-qorti nazzjonali u taħt ir-responsabbiltà tagħha, mingħajr ma tista’ tikkontestah jew tivverifika l-eżattezza tiegħu (8).

33.      Issa, ma jirriżulta minn ebda punt tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-kumpannija NMW kienet itterminat l-attività tagħha f’April 2019, kif issostni r-rikorrenti.

34.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tal-GDPR fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/9.

35.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Direttiva 96/9 hija intiża biex tneħħi, permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, id-diskrepanzi li kienu jeżistu bejniethom fil-qasam tal-protezzjoni legali tad-databases u li kienu jxekklu l-funzjonament tas-suq intern, il-moviment liberu tal-beni u tas-servizzi fl-Unjoni kif ukoll l-iżvilupp ta’ suq informattiv fi ħdanha (9). Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali ta’ databases ta’ kull xorta, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jiddefinixxi d-“database” bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

36.      L-imsemmija direttiva teħtieġ li l-Istati Membri kollha jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom protezzjoni ta’ databases permezz ta’ dritt sui generis. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 jirriżerva għall-manifattur ta’ database li teħtieġ investiment sostanzjali, mill-perspettiva kwalitattiva u kwantitattiva, id-dritt li jipprojbixxi l-atti ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid tal-kontenut kollu ta’ din id-database jew ta’ parti sostanzjali minnu. Skont l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, dan id-dritt huwa trasferibbli.

37.      Skont il-qorti tar-rinviju, id-databases tal-kumpannija NMW jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jaqgħu taħt il-protezzjoni żgurata mil-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Databases u mid-Direttiva 96/9, li tagħha dik tal-ewwel tikkostitwixxi t-traspożizzjoni tat-tieni fl-ordinament ġuridiku Pollakk. L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi b’mod partikolari li l-manifattur għandu d-dritt esklużiv u trasferibbli li jestratta d-data u li jużaha mill-ġdid kollha jew parti sostanzjali minnha. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa dritt patrimonjali ta’ natura assoluta u jipproduċi effetti erga omnes. Skont id-dritt Pollakk, kull dritt patrimonjali jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni espressament prevista mil-liġi. Issa, il-leġiżlatur Pollakk ma ppreveda ebda regola li tipprojbixxi l-eżekuzzjoni forzata fir-rigward tad-databases. Minn dan isegwi li l-uffiċjal ġudizzjarju għandu, f’dan il-każ, dritt li jittrasferixxi d-databases għan-nom tal-kreditur, derivanti mid-dritt tal-manifattur ikkonċernat mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jittrasferixxihom liberament. L-invokazzjoni ta’ dan id-dritt tista’ tostakola l-applikazzjoni tar-regoli tal-GDPR f’każ bħal dak ta’ din il-kawża u għalhekk tirrendi din id-domanda inammissibbli.

38.      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li d-dritt sui generis irrikonoxxut fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva ma huwiex korrettament identifikat mill-qorti tar-rinviju. Fir-realtà dan huwa dritt li wieħed jipprekludi atti li jikkonsistu b’mod partikolari f’kostruzzjoni mill-ġdid tad-database jew ta’ parti sostanzjali minnha bi spiża ferm iżgħar minn dik meħtieġa għat-tfassil oriġinali (10), u għalhekk l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa dak li jiżgura lill-persuna li ħadet l-inizjattiva u li assumiet ir-riskju li tiddedika investiment sostanzjali għall-kisba, għall-verifika jew għall-preżentazzjoni tal-kontenut ta’ database, id-dħul mill-investiment tagħha billi tiġi protetta kontra l-approprjazzjoni mhux awtorizzata tar-riżultati miksuba minn dan l-investiment (11).

39.      Barra minn hekk u fuq kollox, fir-rigward tar-rabta bejn id-Direttiva 96/9 u l-GDPR, mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw b’mod partikolari l-protezzjoni ta’ data personali u r-rispett tal-ħajja privata, u mill-premessa 48 tad-direttiva msemmija li d-dispożizzjonijiet tagħha huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data previsti mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (12), li l-GDPR huwa s-suċċessur tagħha (13).

40.      Għalhekk, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ din il-kawża.

 Fuq ilmertu

41.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(a), il-punti (a), (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(3) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil uffiċjal ġudizzjarju jbigħ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, database li tinkludi data personali, meta s-suġġetti ta’ din id-data ma tawx il-kunsens tagħhom għal tali bejgħ.

42.      L-analiżi legali tiegħi ser tiżvolġi kif ġej. Fir-rigward tal-GDPR (Taqsima 2), il-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament f’dan il-każ u dik li tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-kontrollur inkwistjoni ser jiġu indirizzati qabel ma niffoka fuq l-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-legalità ta’ tali pproċessar.

43.      Ir-raġunament żviluppat f’dawn il-konklużjonijiet ser juri li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni jikkoinċidu biss parzjalment ma’ dawk invokati fid-domanda preliminari. Għalhekk, ir-risposta proposta ser tirrigwarda dawn id-dispożizzjonijiet (14).

 Fuq leżistenza ta’ pproċessar u lidentifikazzjoni talkontrollur

44.      Kif jirriżulta mill-premessa 10 tiegħu, il-GDPR huwa intiż b’mod partikolari biex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fl-Unjoni, u għal dan il-għan, li jiżgura applikazzjoni koerenti u omoġenja tar-regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali ta’ dawn il-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni kollha (15).

45.      Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, dan ir-regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat meta din id-data tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba biex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

46.      Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi sensiela ta’ eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, ibbażati fuq it-tip ta’ attività li fil-kuntest tagħha jitwettaq l-ipproċessar. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fid-dawl tal-ħtieġa li dawn l-eċċezzjonijiet jingħataw interpretazzjoni restrittiva, huwa neċessarju li din l-attività tkun waħda minn dawk espressament imsemmija fl-Artikolu 2(2) tal-GDPR jew li tista’ titqiegħed fl-istess kategorija tagħhom. Għalhekk, il-karatterizzazzjoni ta’ attività bħala proprja għall-Istat jew għal awtorità pubblika ma hijiex suffiċjenti biex wieħed iqis li l-ipproċessar inkwistjoni jitwettaq fil-kuntest ta’ attività li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR (16).

47.      Għal dak li jinteressana, għandu jiġi osservat li l-ipproċessar imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni forzata ta’ pretensjoni skont id-dritt ċivili ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

48.      L-isfumaturi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR huma ddefiniti mill-kunċett ta’ “pproċessar”. Skont il-punt 2 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett jinkludi kull attività mwettqa jew le b’mezzi awtomatizzati u applikata għal data jew settijiet ta’ data personali, b’mod partikolari, bħall-“irkupru”, “il-konsultazzjoni”, “l-użu” u “it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor” ta’ din id-data. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti portata wiesgħa lill-imsemmi kunċett (17).

49.      Ikun hemm ipproċessar ta’ data personali f’dan il-każ?

50.      Għandha ssir preċiżazzjoni preliminari. L-operazzjonijiet dwar id-data personali mwettqa mill-kumpannija NMW għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività tagħha ta’ bejgħ online permezz tal-pjattaforma M. ma jaqgħux fil-parametri tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Din id-domanda tirrigwarda esklużivament il-proċedura ta’ eżekuzzjoni intiża għall-bejgħ forzat tad-databases ikkonċernati. Skont il-qorti tar-rinviju, tali proċedura tinvolvi pproċessar fis-sens tal-GDPR, li huwa responsabbli minnu l-uffiċjal ġudizzjarju.

51.      Il-kjarifiki pprovduti waqt is-seduta mill-Gvern Pollakk fir-rigward tal-missjoni fdata lill-uffiċjal ġudizzjarju fil-kuntest ta’ tali proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ma jħallu ebda dubju, fil-fehma tiegħi, dwar l-eżattezza ta’ din l-interpretazzjoni.

52.      Dan il-gvern spjega li l-proċedura inkwistjoni tibda bis-sekwestru tad-database, li permezz tiegħu l-uffiċjal ġudizzjarju jikseb l-aċċess għad-data personali kontenuta fiha, sabiex jipproċedi bil-valutazzjoni tal-valur tagħha u jindikah fil-proċess verbal tas-sekwestru. Għall-finijiet ta’ tali valutazzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jwettaq sensiela ta’ operazzjonijiet, inkluż l-estrazzjoni, il-konsultazzjoni u l-użu ta’ din id-data (18). Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tingħalaq bit-trasferiment tad-database permezz ta’ irkant pubbliku. Ladarba l-aġġudikazzjoni ssir definittiva u t-totalità tal-prezz jitħallas, l-uffiċjal ġudizzjarju jipproċedi bit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-akkwirent tad-database imsemmija.

53.      Minn dan jirriżulta li d-data personali kontenuta f’databases bħal dawk inkwistjoni kienet huma tal-inqas estratta, ikkonsultata u użata mill-uffiċjal ġudizzjarju fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-valur tagħha, u mbagħad imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-akkwirent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li pproċessar ta’ data personali jista’ jkun ikkostitwit minn diversi operazzjonijiet, fejn kull waħda minnhom tkun tirrigwarda stadji differenti li jistgħu jinkludu pproċessar (19). F’dan il-każ, dawn l-operazzjonijiet għandhom għalhekk jitqiesu li jikkostitwixxu “pproċessar” fis-sens tal-GDPR.

54.      Imbagħad għandha tiġi identifikata l-persuna responsabbli minn dan l-ipproċessar.

55.      Infakkar li, skont il-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, il-kunċett ta’ “kontrollur” ikopri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji u l-korpi l-oħra li, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar (20). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li, meta l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati b’mod partikolari mid-dritt ta’ Stat Membru, il-kontrollur jista’ jinħatar jew il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati minn dan id-dritt. Tali definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur” hija intiża biex tiżgura, skont ġurisprudenza stabbilita, protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data (21).

56.      Meta d-determinazzjoni tal-għanijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar issir mid-dritt nazzjonali, għandu, skont il-ġurisprudenza l-iktar reċenti, jiġi vverifikat jekk dan id-dritt jaħtarx lill-kontrollur jew jipprevedix il-kriterji speċifiċi applikabbli għall-ħatra tiegħu. Il-ħatra tal-kontrollur mid-dritt nazzjonali tista’ tkun mhux biss espliċita, iżda wkoll impliċita. F’dan l-aħħar każ, xorta huwa meħtieġ li din id-determinazzjoni tirriżulta b’mod suffiċjentement ċert mir-rwol, mill-kompitu jew mill-kompetenzi mogħtija lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (22).

57.      F’dan il-każ, mill-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji jirriżulta li l-uffiċjal ġudizzjarju huwa awtorità pubblika li twettaq, mingħajr ħsara għal eċċezzjonijiet previsti mil-liġi, atti b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata. Barra minn hekk u kif issemma iktar ’il fuq, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li, meta l-eżekuzzjoni forzata tirrigwarda databases, dawn l-atti jikkonsistu b’mod partikolari fl-estrazzjoni, fil-konsultazzjoni, fl-użu ta’ data personali kontenuta fihom fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-valur ta’ dawn id-databases fid-dawl ta’ trasferiment permezz ta’ rkanti pubbliċi, kif ukoll fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom lill-akkwirent ladarba l-aġġudikazzjoni ssir definittiva. Għalhekk, jidhirli li d-dritt Pollakk iddetermina, tal-inqas b’mod impliċitu, l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-uffiċjal ġudizzjarju.

58.      Jirriżulta li f’dan il-każ l-uffiċjal ġudizzjarju bħala awtorità pubblika responsabbli minn kull proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, inkluż dik li tirrigwarda database, jista’ jitqies li huwa l-kontrollur tad-data personali kontenuta fiha fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.

59.      Il-qorti tar-rinviju ma ssemmi ebda dispożizzjoni tad-dritt Pollakk li timponi fuq il-kumpannija debitriċi NMW obbligi ta’ kooperazzjoni mal-uffiċjal ġudizzjarju sabiex tippermettilu jevalwa l-valur tad-databases ikkonċernati fid-dawl tal-bejgħ forzat tagħhom.

60.      Ma jistax jiġi eskluż li tali obbligi jimplikaw it-twettiq ta’ pproċessar ieħor fis-sens tal-GDPR, li tiegħu tkun responsabbli din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fis-sentenza fil-kawża Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru minn operatur ekonomiku ta’ data personali li dan tal-aħħar għandu legalment jipprovdi jimplikaw tali pproċessar, li jiżdied mal-ipproċessar imwettaq minn din l-amministrazzjoni permezz tat-talba li biha hija titlob il-komunikazzjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data (23).

61.      Għalkemm konċepibbli b’mod astratt, huwa inqas probabbli li l-uffiċjal ġudizzjarju u l-kumpannija debitriċi NMW jistgħu jitqiesu kontrolluri konġunti tal-ipproċessar imwettaq fuq id-data personali inkwistjoni għall-finijiet tal-bejgħ forzat. Din il-konklużjoni hija prevedibbli, skont is-sentenza État belge, meta l-operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar ikunu magħqudin b’għanijiet u b’mezzi ddeterminati mid-dritt nazzjonali u sakemm dan jiddefinixxi l-obbligi rispettivi ta’ kull wieħed mill-kontrolluri konġunti (24).

62.      Għalhekk, l-analiżi li ġejja hija bbażata fuq il-premessa fid-dawl tal-elementi ta’ dan il-każ, li tgħid li l-uffiċjal ġudizzjarju huwa l-uniku kontrollur inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63.      Bħala kontrollur, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa mhux biss responsabbli mill-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali (25), iżda wkoll destinatarju ta’ numru kunsiderevoli ta’ obbligi, li għalihom jikkorrispondu d-drittijiet tas-suġġetti tad-data (26). Dawn l-obbligi jistgħu jiġu ristretti biss mil-leġiżlatur nazzjonali skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 tal-GDPR. Mistoqsi waqt is-seduta dwar l-eżistenza ta’ tali dispożizzjonijiet leġiżlattivi fid-dritt nazzjonali, il-Gvern Pollakk indika biss l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data. Madankollu, dan l-artikolu jirrestinġi biss il-portata tal-obbligi tal-kontrollur li jeżerċita missjoni pubblika li tirriżulta mill-Artikolu 14(1), (2) u (4) tal-GDPR (“Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data”).

 Fuq illegalità talipproċessar ta’ data personali inkwistjoni

64.      Kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, kwalunkwe pproċessar ta’ data personali għandu b’mod partikolari jkun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar ta’ data stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-GDPR, u fir-rigward tal-prinċipju tal-legalità tal-ipproċessar, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (27).

65.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ ipoteżijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jiġi kklassifikat bħala legali. Tali klassifikazzjoni timplika li l-ipproċessar jaqa’ taħt wieħed minn dawn l-ipoteżijiet. Issa, għandu jitfakkar li l-ipproċessar inkwistjoni ma jaqax taħt l-ipoteżi prinċipali prevista minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li fiha s-suġġett tad-data ta l-kunsens għall-ipproċessar għal għan speċifiku wieħed jew iktar (28). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ebda prova ma hija prodotta fil-proċedura prinċipali li tippermetti li jiġi kkonstatat li s-suġġetti tad-data miġbura fid-databases inkwistjoni kienu taw il-kunsens biex id-data tagħhom tiġi ttrasferita lil terzi lil hinn mill-attività marbuta mal-pjattaforma M., b’mod partikolari li din tinbiegħ fl-aħħar ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.

66.      Skont il-qorti tar-rinviju, l-ipproċessar mill-uffiċjal ġudizzjarju jista’ jaqa’ taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR (ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur), jew taħt il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament (ipproċessar neċessarju għall-finijiet tat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur) (29).

67.      Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji tagħti lill-uffiċjal ġudizzjarju l-istatus ta’ awtorità pubblika. Fil-fehma tiegħi, ikun diffiċli li jiġi sostnut li l-operazzjonijiet fdati lilu fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata intiża biex jiġu ssodisfatti l-interessi tal-kreditur, ma jirriflettux l-eżekuzzjoni ta’ kompitu li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li għandu dan l-uffiċjal ġudizzjarju.

68.      Barra minn hekk, ma huwiex faċli li jitqies li l-ipoteżi prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR tapplika għas-sitwazzjoni ta’ dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huwa strettament delimitat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Opinjoni Nru 6/2014 tal-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 29” (30), l-obbligu legali li huwa suġġett għalih il-kontrollur għandu jkun suffiċjentement ċar fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li huwa jeħtieġ. Dan jimplika, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet legali li jsemmu espressament in-natura u l-għan tal-ipproċessar (31).

69.      F’dan il-każ, ma naħsibx li d-dispożizzjonijiet invokati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Artikolu 3(1), il-punt 1 tal-Artikolu 9(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji, kif ukoll l-Artikolu 796(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 799(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jistgħu jiġu kklassifikati bħala tali, sa fejn minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta biss li l-uffiċjal ġudizzjarju, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, għandu jilqa’ kull talba intiża għall-implimentazzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata skont il-metodi kollha awtorizzati. B’mod iktar preċiż, id-dritt Pollakk donnu ma jimponix fuq l-uffiċjal ġudizzjarju obbligu legali ta’ bejgħ forzat ta’ database li fiha data personali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Artikolu 831(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jeskludi mill-eżekuzzjoni forzata d-“drittijiet inaljenabbli”, li jista’ jinftiehem bħala projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ database fil-każ fejn dan ikun inkompatibbli mal-GDPR.

70.      Fi kwalunkwe każ, ma huwiex neċessarju li jiġi eskluż li din l-aħħar ipoteżi hija rilevanti wkoll f’dan il-każ. Fil-fatt, minkejja li huwa suffiċjenti li tapplika ipoteżi waħda ta’ legalità, kif jikkonferma l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li pproċessar wieħed jista’ jissodisfa diversi minn dawn l-ipoteżijiet (32).

71.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-ipproċessar inkwistjoni jaqa’ fl-ipoteżi ta’ legalità stabbilita fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

72.      Għandu jiġi osservat li din l-ipoteżi timplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kundizzjoni oħra ta’ legalità tal-ipproċessar. Fil-fatt, l-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża li l-bażi tal-ipproċessar imsemmija b’mod partikolari fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament għandha tkun stabbilita mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku kif ukoll tkun proporzjonata għall-għan leġittimu li triq tilħaq (33).

73.      Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR jirrikjedu l-eżistenza ta’ bażi legali, b’mod partikolari nazzjonali, li sservi bħala bażi għall-ipproċessar ta’ data personali mill-kontrolluri ta’ dan l-ipproċessar li jaġixxu b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kompitu li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, bħal dik żgurata mill-uffiċjal ġudizzjarju fil-kuntest tal-eżekuzzjoni forzata fuq l-assi ta’ kumpannija (34).

74.      Fil-fehma tiegħi, din il-bażi legali tikkonsisti fid-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Pollakk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li minnhom jirriżulta li l-uffiċjal ġudizzjarju, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, għandu jsegwi kull talba intiża għall-implimentazzjoni ta’ eżekuzzjoni forzata skont il-metodi awtorizzati kollha.

75.      Il-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar inkwistjoni huwiex konformi mal-GDPR teħtieġ finalment analiżi ta’ kwistjoni legali addizzjonali, li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża.

76.      Fil-fatt, nosserva li l-għan tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-uffiċjal ġudizzjarju, jiġifieri l-bejgħ forzat ta’ databases ta’ utenti tal-pjattaforma M. sabiex jiġu ssodisfatti l-interessi tal-kredituri tal-kumpannija NMW, huwa differenti mill-għan inizjali tal-ipproċessar ta’ data personali minn din il-kumpannija, jiġifieri sabiex jippermetti l-użu tal-pjattaforma M. għall-bżonnijiet tal-attività ta’ bejgħ online tal-kumpannija msemmija.

77.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-“limitazzjoni tal-fini”, id-data personali għandha, minn naħa, tinġabar għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u min-naħa l-oħra, ma tiġix ipproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tinkludix indikazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li fihom ipproċessar ulterjuri ta’ data personali jista’ jitqies bħala kompatibbli mal-għanijiet tal-ġbir inizjali ta’ din id-data (35).

78.      Mill-Artikolu 6(4) tal-GDPR moqri fid-dawl tal-premessa 50 ta’ dan ir-regolament (36), jirriżulta li l-eżami ta’ tali kompatibbiltà jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sensiela ta’ kriterji, mhux eżawrjenti, elenkati fih.

79.      Huwa evidenti li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’dan il-każ ma jistax iwassal għal tweġiba affermattiva dwar il-kompatibbiltà tal-għanijiet inkwistjoni. Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement, l-imsemmija kriterji jirriflettu n-neċessità ta’ rabta konkreta, loġika u suffiċjentement stretta bejn l-għanijiet tal-ġbir inizjali tad-data personali u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data, u jippermettu li jiġi żgurat li dan l-ipproċessar ulterjuri ma jmurx kontra l-aspettattivi leġittimi tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-użu ulterjuri tad-data tagħhom (37). Madankollu, tali rabta ma tistax tiġi stabbilita f’din il-kawża.

80.      Fi kwalunkwe każ, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tal-GDPR jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għanijiet issir neċessarja biss “[f]ejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1) [tal-GDPR]”.

81.      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-utenti tal-pjattaforma M. ma tawx il-kunsens tagħhom għal ipproċessar għal għan differenti minn dak li għalih inġabret id-data personali tagħhom. Għalhekk, wieħed għandu jistaqsi jekk tali pproċessar huwiex ibbażat fuq id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni u jekk jistax ikun ikkunsidrat bħala miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 23(1) tal-GDPR.

82.      F’dan ir-rigward, jidhirli qabel kollox neċessarju li jiġi ppreċiżat li din l-ipoteżi kienet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li tikkostitwixxi deroga reali mill-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-fini. Billi bbażat ruħha fuq il-premessa 50 tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kontrollur huwa għalhekk awtorizzat li jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data kkonċernata indipendentement mill-kompatibbiltà ta’ dan l-ipproċessar mal-għanijiet li għalihom din id-data nġabret inizjalment, sabiex jiġu ssalvagwardati l-għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tal-GDPR. Huwa għalhekk li hija kkonkludiet li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament tapplika għall-produzzjoni bħala prova ta’ dokumenti li jinkludi data personali ta’ terzi persuni miġbura prinċipalment għall-finijiet ta’ kontroll fiskali, ordnat minn qorti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ċivili (38).

83.      Minkejja li din l-interpretazzjoni tista’ ddejjaq lil dawk li jqisu li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali għandu jkun jista’ jiġi limitat biss minn miżuri leġiżlattivi nazzjonali, din hija totalment konformi, fil-fehma tiegħi, mal-intenzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-espożizzjoni tal-motivi dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fix-xogħol preparatorju tal-GDPR tesprimi, forsi b’mod iktar ċar mill-premessa 50 ta’ dan ir-regolament, l-għażla li tippermetti lill-kontrollur marġni, issorveljat attentament, li jwettaq ipproċessar inkompatibbli mal-għanijiet indikati fil-mument tal-ġbir tad-data personali li tkun is-suġġett tiegħu (39).

84.      Peress li l-eżistenza ta’ bażi legali li sservi bħala bażi għall-ipproċessar inkwistjoni diġà ġiet stabbilita, għandu issa jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar huwiex intiż biex jiżgura l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-GDPR.

85.      Ninnota li fost dawn l-għanijiet hemm, skont il-punt (j) tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni “l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili”. Jidhirli li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni huwa xieraq sabiex jiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-qorti tar-rinviju, l-għan ta’ dan l-ipproċessar jirriżulta mill-qari konġunt tal-Artikolu 911 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji, li jawtorizzaw lill-uffiċjal ġudizzjarju jbigħ id-database u sussegwentement, jittrasferixxi l-ammont miksub minn dan il-bejgħ forzat lill-kreditur.

86.      Il-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar imwettaq mill-uffiċjal ġudizzjarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata huwiex miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili, taqa’ fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil din il-qorti, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, l-indikazzjonijiet kollha neċessarji f’dan is-sens fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (40).

87.      Fir-rigward tan-neċessità, huwa stabbilit li miżura hija neċessarja meta l-għan leġittimu mfittex ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżura daqstant xierqa iżda inqas vinkolanti. Fi kliem ieħor, huwa possibbli li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tat-talba tal-kumpannija kreditriċi permezz ta’ mezzi oħra daqstant effikaċi iżda li jippreġudikaw inqas id-dritt tal-utenti tal-pjattaforma M. għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali? F’dan ir-rigward, ser nosserva biss li, skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li jiġu ssodisfatti l-interessi tal-kumpannija kreditriċi fuq il-patrimonju tal-kumpannija debitriċi mingħajr ma jseħħ il-bejħ forzat tad-databases ikkonċernati.

88.      Fir-rigward tal-proporzjonalità, l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ ibbilanċjar tal-interessi opposti inkwistjoni skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari eżaminat.

89.      F’dan il-każ, l-ewwel minn dawn l-interessi, li huwa dritt fundamentali sanċit fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 16 TFUE, jikkonsisti fil-protezzjoni tal-utenti tal-pjattaforma M. fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Strettament marbut miegħu huwa d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Kif tistabbilixxi l-premessa 4 tal-GDPR, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Wieħed minn dawn id-drittijiet huwa d-dritt għall-proprjetà, li jinsab fl-Artikolu 17 tal-Karta. Issa, il-bejgħ ta’ database proprjetà tad-debitur fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jikkontribwixxi, fil-fehma tiegħi, għar-rispett tad-dritt għall-proprjetà tad-detentur ta’ kreditu ġudizzjarjament ikkonstatat.

90.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 17 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), b’tali mod li s-sens u l-portata tiegħu, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huma l-istess bħal dawk li l-KEDB tagħti lill-imsemmi Artikolu 1.

91.      Skont ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għall-proprjetà jimplika li l-Istati għandhom l-obbligu pożittiv li jimplimentaw sistema ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li tkun effettiva fil-prattika bħal fid-dritt u li tiżgura li l-proċeduri li l-leġiżlazzjoni stabbilixxiet għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi jkunu implimentati mingħajr dewmien indebitu (41). Meta l-kreditur huwa attur privat, l-Istat għandu l-obbligu li jagħti l-assistenza neċessarja lill-kredituri fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni, pereżempju permezz ta’ servizz ta’ uffiċjali ġudizzjarji (42). F’dan il-kuntest, meta l-awtoritajiet ikunu obbligati jaġixxu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza u dawn jastjenu, in-nuqqas ta’ attività tagħhom tista’ twassal għar-responsabbiltà tal-Istat b’mod partikolari fil-qasam tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB (43).

92.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan il-bilanċ bejn id-dritt għall-proprjetà, minn naħa, u d-drittijiet għall-protezzjoni ta’ data personali u r-rispett tal-ħajja privata, min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni element speċifiku li jirriżulta mill-proċess.

93.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, peress li ebda dispożizzjoni tad-dritt Pollakk ma tintroduċi restrizzjonijiet fuq il-livell suġġettiv fir-rigward tal-akkwirent ta’ database, u l-unika kundizzjoni hija li jkollu l-kapaċità legali, din il-lakuna timplika li l-akkwirent terz jista’ jkun ukoll entità stabbilita lil hinn mill-Unjoni Ewropea, li ma hijiex marbuta, bħala tali, bl-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-ipproċessar ta’ data personali previsti mill-GDPR.

94.      F’tali sitwazzjoni, jidhirli li l-ipproċessar inkwistjoni jwassal għal sagrifiċċju eċċessiv tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, u għalhekk ma jistax jitqies bħala miżura proporzjonata. Dan ir-riżultat jista’ jiġi evitat, pereżempju, permezz ta’ regola tad-dritt nazzjonali li timponi li l-uffiċjal ġudizzjarju jinkludi fl-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti għall-finijiet tal-bejgħ bl-irkanti, klawżola li timponi li l-akkwirent terz josserva r-regoli tal-GDPR.

 Konklużjoni

95.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja):

Il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 6(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil uffiċjal ġudizzjarju jbigħ, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, database li tinkludi data personali, meta s-suġġetti ta’ din id-data ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal tali bejgħ, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar imwettaq minn dan l-uffiċjal ġudizzjarju fir-rigward tal-imsemmija data jikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni skont id-dritt ċivili.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459.


4      L-utenti tal-pjattaforma M. kienu rċevew email, fit‑30 ta’ April 2019, li fiha kienu informati li NMW kienet itterminat l-attivitajiet tagħha marbuta ma’ tali pjattaforma.


5      Ma tqajjem ebda dubju dwar il-fatt li d-data li tinsab fid-databases inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala “data personali” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 tal-GDPR.


6      Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi (C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 54).


7      Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 33).


8      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca – MIUR et (Riċerkaturi universitarji) (C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Football Dataco et (C‑173/11, EU:C:2012:642, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara l-premessa 7 tad-Direttiva 96/9.


11      Ara l-premessi 39 u 40 tad-Direttiva 96/9. Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Innoweb (C‑202/12, EU:C:2013:850, punt 36).


12      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


13      Għall-kuntrarju ta’ dak li tqis il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 96/9 (“Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom”) ma jirregolax ir-rabta ta’ din id-direttiva mal-GDPR. Ara f’dan ir-rigward, il-premessa 18 ta’ din l-istess direttiva.


14      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tkun tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Infraestruturas de Portugal u Futrifer Indústrias Ferroviárias (C‑66/22, EU:C:2023:1016, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi (C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 48).


16      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 70), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ “kontrollur” tal-Kummissjoni tal-Petizzjonijiet tal-Parlament ta’ dan il-Land. Ara wkoll, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 66) u tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Koalitsia “Demokratichna Bulgaria – Obedinenie” (C‑306/21, EU:C:2022:813, punt 39).


17      Din l-interpretazzjoni tirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-espressjoni “kwalunkwe attività”, u min-natura mhux eżawrjenti, espressa bl-espressjoni “bħalma huma”, tal-operazzjonijiet elenkati fiha. Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 35).


18      Jista’ jinħatar espert fil-każ fejn l-uffiċjal ġudizzjarju jqis li l-valutazzjoni tal-valur ta’ din id-database jeħtieġ għarfien speċjalizzat minħabba elementi speċifiċi tagħha. F’dan il-każ, id-database titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-espert mill-uffiċjal ġudizzjarju.


19      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 72). Għall-finijiet ta’ kompletezza, nenfasizza li s-sentenza msemmija kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pproċessar” kif kien iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46. Minkejja li din id-direttiva ma għadhiex fis-seħħ u kienet issostitwita mill-GDPR, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja xorta tibqa’ rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, peress li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett baqgħet identika fiż-żewġ strumenti, bl-eċċezzjoni ta’ emendi formali minuri. Għalhekk, ser nagħmel riferiment għas-sentenzi li jirrigwardaw lil wieħed minn dawn l-istrumenti mingħajr ma nagħmel distinzjoni.


20      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-punt 7 tal-Artikolu 4 tal-GDPR huwa fil-fatt dak li tiġi żgurata, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, protezzjoni effikaċi u kompleta tal-persuni fiżiċi. Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Google (Tneħħija ta’ referenza għal kontenut allegatament ineżatti) (C‑460/20, EU:C:2022:962, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22      Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, État belge (Data pproċessata minn ġurnal uffiċjali) (C‑231/22, EU:C:2024:7, punti 29 u 30). Ara wkoll il-Linji Gwida 07/2020 dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u ta’ proċessur fil-GDPR, adottati fis‑7 ta’ Lulju 2021, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://edpb.europa.eu/system/files/2023-10/edpb_guidelines_202007_controllerprocessor_final_fr.pdf, punt 24, li jgħidu li “b’mod aktar komuni, aktar milli taħtar direttament lill-kontrollur jew tistabbilixxi l-kriterji għall-ħatra tiegħu, il-liġi tistabbilixxi kompitu jew timponi dmir fuq persuna biex tiġbor u tipproċessa ċerta data. F’dawn il-każijiet, l-għan tal-ipproċessar spiss jiġi determinat mil-liġi. Normalment il-kontrollur ikun dak maħtur mil-liġi għat-twettiq ta’ dan l-għan, dan il-kompitu pubbliku”.


23      Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, b’mod partikolari l-punti 37, 38 u 60).


24      Sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024 (C‑231/22, EU:C:2024:7, punt 49). Irrid nippreċiża li, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ responsabbiltà konġunta ma twassalx neċessarjament għal responsabbiltà ekwivalenti tal-operaturi differenti kkonċernati mill-ipproċessar ta’ data personali. Għall-kuntrarju, dawn l-operaturi jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti ta’ dan l-ipproċessar u skont gradi differenti, b’tali mod li l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull wieħed minnhom għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nacionalinis visuomenės sveikatos centras (C‑683/21, EU:C:2023:949, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara l-Kapitolu II tal-GDPR. Skont l-Artikolu 5(2) tal-GDPR: “[i]l-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.


26      Ara l-Kapitolu III tal-GDPR.


27      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C-512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-premessa 40 tal-GDPR, li jirriflettu l-prinċipju Latin “volenti non fit iniuria” (xejn ma jippreġudika lil min ta kunsens).


29      Dan id-dubju ma huwiex sorprendenti peress li teżisti sovrappożizzjoni ċara tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet, peress li l-kompiti li jkunu ta’ interess pubbliku jew li jaqgħu taħt l-awtorità pubblika ġeneralment ikunu bbażati fuq dispożizzjoni legali.


30      Dan huwa korp konsultattiv indipendenti stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46 u mbagħad issostitwit bl-adozzjoni tal-GDPR mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.


31      Bħala eżempju, huwa jsemmi obbligu, impost fuq awtorità lokali, li tiġbor data personali għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ multi għal parkeġġ illegali.


32      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 42).


33      Ara wkoll il-premessa 45 tal-GDPR.


34      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Norra Stockholm Bygg (C‑268/21, EU:C:2023:145, punt 32).


35      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi (C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 32).


36      Skont din il-premessa, “[f]ejn is-suġġett tad-data jkun ta kunsens jew l-ipproċessar ikun bbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex jiġu salvagwardati, b’mod partikolari, objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali, il-kontrollur għandu jkun jista’ jwettaq ipproċessar ulterjuri tad-data personali irrispettivament mill-kompatibbiltà tal-għanijiet”.


37      Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Digi (C‑77/21, EU:C:2022:805, punt 36).


38      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Norra Stockholm Bygg (C‑268/21, EU:C:2023:145, punti 33 sa 41).


39      Espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill: Pożizzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 6/2016 fl-ewwel qari tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), adottata fit‑8 ta’ April 2016 (punt 3.3).


40      Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Qorti EDB, 7 ta’ Ġunju 2005, Fuklev vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2005:0607JUD007118601, punt 91).


42      Ara b’mod partikolari, Qorti EDB, 19 ta’ Ottubru 2006, Kesyan vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2006:1019JUD003649602, punt 80).


43      Ara b’mod partikolari, Qorti EDB, 28 ta’ Settembru 1995, Scollo vs L‑Italja (CE:ECHR:1995:0928JUD001913391, punt 44).