Language of document : ECLI:EU:C:2024:153

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2024 (1)

Kawża C40/23 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikoli 107 u 108 TFUE — Regolament (UE) 2015/1589 — Artikolu 4(3) — Dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura li ma ġietx ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat — Prinċipju ta’ ċertezza legali”






1.        F’dan l-appell, il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2022, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (2), li tannulla d-Deċiżjoni C(2020) 2998 final (3).

2.        Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha meta ddikjarat, f’din id-deċiżjoni, il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura li ma kinitx ikklassifikata minn qabel bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

3.        Id-dibattitu bejn il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi għall-ewwel darba (sakemm ma inix sejjer żball) dwar kwistjoni rilevanti għas-sistema ta’ kontroll ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, stabbilita fl-Artikoli 107 u 108 TFUE u deskritta fir-Regolament (UE) 2015/1589 (4).

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma stabbiliti fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor f’dawn it-termini:

–        Fis‑27 ta’ Marzu 2019, b’mod konformi mad-Direttiva (UE) 2015/1535 (5), l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ liġi li jipprojbixxi l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku.

–        L-abbozz ta’ liġi, li ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, kellu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2). Dan ipprovda għall-possibbiltà li tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata lil impjant tal-faħam li kien affettwat b’mod sproporzjonat, fir-rigward tal-impjanti l-oħra, minħabba l-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku.

–        Wara n-notifika tal-abbozz ta’ liġi skont id-Direttiva 2015/1535, il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, teżamina l-informazzjoni relatata ma’ għajnuna allegata.

–        Il-Kummissjoni talbet ċerta informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, u dawn irrispondew ripetutament li l-kumpens previst mil-liġi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

–        Il-liġi ġiet approvata fil‑11 ta’ Diċembru 2019 u daħlet fis-seħħ fl‑20 ta’ Diċembru ta’ wara. F’dak il-mument kienu jeżistu ħames impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam fil-Pajjiżi l-Baxxi (6).

–        Peress li l-impjant Hemweg 8, minħabba l-karatteristiċi tiegħu (7), ma setax igawdi mill-perijodu tranżitorju ta’ ħames sa għaxar snin mogħti lill-erba’ impjanti l-oħra u ġie mġiegħel jagħlaq fl-aħħar tal‑2019, is-sid tiegħu (Vattenfall) kiseb kumpens ta’ EUR 52.5 miljun mingħand il-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Klima.

–        Fit‑12 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni, li fiha kkonkludiet li l-miżura ta’ kumpens lil Vattenfall minħabba l-għeluq ta’ Hemweg 8 kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

–        Fil-punt 48 tad-Deċiżjoni ġie pprovdut, fir-rigward tal-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat, li, “meta titqies l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, ma [setax] jiġi konkluż, b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, li […] [kien] jeżisti dritt għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 52.5 miljun”. Minn dan il-fatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma setax jiġi eskluż li l-miżura eżaminata “tagħti għajnuna mill-Istat lill-impriża inkwistjoni”.

–        Fil-punt 49 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li, fi kwalunkwe każ, “ma [kienx meħtieġ] li ssir konklużjoni definittiva […] dwar jekk il-miżura [irrappreżentatx] jew le benefiċċju għall-operatur jew u għalhekk [ikkostitwixxietx] għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li, anki kieku kienet teżisti għajnuna mill-Istat, [hija kkunsidrat] li l-miżura [kienet] kompatibbli mas-suq intern” (8).

II.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5.        Fis‑27 ta’ Lulju 2020, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi appella mid-Deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

6.        Insostenn tat-talba tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi invoka ħames motivi:

–        L-ewwel tlieta, “fil-każ fejn id-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem fis-sens li timplika neċessarjament il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna” (9).

–        Ir-raba’ u l-ħames motivi kienu diretti “kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma tiddeċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat” (10). Huma kienu bbażati, rispettivament: a) fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni li tiddikjara miżura kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE, mingħajr ma tkun ikklassifikatha minn qabel bħala għajnuna mill-Istat; u b) fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

7.        Il-Qorti Ġenerali laqgħet l-aħħar żewġ motivi u annullat id-Deċiżjoni.

8.        L-argumenti li wassluha sabiex tilqa’ r-raba’ motiv kienu, essenzjalment, dawn li ġejjin:

–        “L-użu tat-terminu ‘għajnuna’, fl-Artikolu 107(3) TFUE, jimplika li l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern tista’ tiġi eżaminata biss wara li din il-miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala għajnuna” (11).

–        “Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, li miżura tal-Istat jew ma tikkostitwixxix ‘għajnuna’ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhix tegħleb id-diffikultajiet kollha li qamu bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni” (12).

–        “Hija biss miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, li tista’ titqies mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern” (13).

–        Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

–        Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li “l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, applikabbli f’dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament [...] jistabbilixxi għalhekk lista eżawrjenti tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tadotta wara l-investigazzjoni preliminari tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, li fosthom ma hemmx il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara miżura nazzjonali kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma l-Kummissjoni tkun iddeċidiet minn qabel dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat” (14).

–        F’dan il-każ, “huwa stabbilit li l-Kummissjoni kellha dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna [...], b’tali mod li [...] hija ddeċidiet li ma tagħtix deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern”. Konsegwentement, “[i]l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tmur kontra kemm l-Artikolu 107(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589” (15).

–        Fil-qosor, “billi qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern, mingħajr ma ddeċidiet minn qabel dwar jekk tali miżura kinitx tikkostitwixxi għajnuna, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha” (16).

9.        Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-approvazzjoni tal-ħames motiv kienet ibbażata fuq dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali:

–        “[I]l-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, din il-miżura ma ġietx ikklassifikata, filwaqt li […] dan huwa prerekwiżit neċessarju għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mas-suq intern (17)”.

–        “[F]il-każ fejn il-kompetituri ta’ Vattenfall jibdew proċedura quddiem il-qrati nazzjonali dwar il-legalità tal-miżura inkwistjoni u jekk dawn tal-aħħar jikklassifikawha bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn dan jirriżulta li l-Artikolu 108(3) TFUE kien inkiser minħabba l-assenza ta’ notifika tal-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni u li huwa r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandu jitlob mingħand Vattenfall interessi għall-perijodu ta’ illegalità” (18).

–        “L-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ħalliet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi f’sitwazzjoni inċerta fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna ġdida bis-saħħa tar-regoli dwar il-kumulu ta’ għajnuna” (19).

–        “Għaldaqstant ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kienet tippermetti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, li jkun jaf b’eżattezza d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jaġixxi kif xieraq (20)”.

–        “F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni, billi ddeċidiet li ma tagħtix deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kellhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali” (21).

III. L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.      Fl-appell tagħha, irreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni titlob:

–        L-annullament tas-sentenza kkontestata.

–        Iċ-ċaħda tar-raba’ u l-ħames motivi invokati fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

–        Li tiġi eżerċitata s-setgħa mogħtija fit-tieni sentenza, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi solvuta l-kawża u jiġi miċħud l-appell kollu kemm hu bħala infondat.

–        Il-kundanna għall-ispejjeż tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

11.      Il-Kummissjoni tibbaża l-appell tagħha fuq aggravju wieħed, maqsum f’żewġ partijiet. Fihom, hija tallega rispettivament: a) l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589; u b) żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

12.      Fil-każ li s-sentenza appellata tiġi annullata, il-Kummissjoni titlob li l-ewwel tliet motivi jiġu ddikjarati inammissibbli jew, mill-inqas, infondati, u li r-raba’ u l-ħames motivi jiġu miċħuda bħala infondati.

13.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li jiġi miċħud l-appell u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

14.      It-tnejn li huma ppreżentaw repliki u kontrorepliki.

IV.    Evalwazzjoni

A.      L-ewwel parti tal-aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589

1.      L-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

15.      Il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata kienet ibbażata fuq interpretazzjoni restrittiva żżejjed tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, billi kkonstatat li din l-istituzzjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tadotta d-Deċiżjoni.

16.      Skont il-Kummissjoni:

–        Il-Qorti Ġenerali tibda mill-premessa (infondata), li l-kompetenza għandha tiġi prevista espressament f’dispożizzjoni speċifika tar-Regolament 2015/1589.

–        L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija qabel, fid-dawl tal-għanijiet tagħhom, tikkonferma li l-ebda waħda minnhom ma teħtieġ il-klassifikazzjoni minn qabel ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

–        Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tinvolvi d-danni kollha kkawżati mill-inċertezza inerenti fi proċedura mtawla mingħajr bżonn, f’sitwazzjonijiet li fihom l-inkompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern tista’ tiġi eskluża minn qabel.

17.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddefendi l-korrettezza tas-sentenza appellata. Fl-opinjoni tiegħu:

–        Il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa determinanti għall-kompetenza tal-Kummissjoni. Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżamina jekk teżistix għajnuna mill-Istat u mbagħad tevalwa jekk din hijiex kompatibbli mas-suq intern.

–        F’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun iktar sempliċi li jiġi stabbilit jekk miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern milli li jiġi ddeterminat jekk tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni setgħet teskludi inkompatibbiltà biss kieku ma kienx hemm differenzi bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat.

–        Peress li f’dan il-każ teżisti kawża f’dan ir-rigward u l-miżura inkwistjoni ma ġietx innotifikata, il-Kummissjoni ma setgħetx, bħala gwardjan tat-Trattati, tħalli barra element essenzjali tas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat.

2.      Analiżi

18.      Il-problema mqajma minn din l-ewwel parti tal-aggravju tidher, bħala prinċipju, sempliċi fid-deskrizzjoni tagħha, iżda r-risposta għaliha hija delikata u kumplessa.

19.      Minn issa ngħid li, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma hijiex korretta meta tattribwixxi “eċċess tal-kompetenzi” (22) għal Deċiżjoni tal-Kummissjoni li, preċiżament, teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 107 u 108 TFUE u r-Regolament 2015/1589.

20.      Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni fl-ebda ċirkustanza ma għandha l-kompetenza li tadotta deċiżjoni li fiha tiddikjara miżura tal-Istat kompatibbli ta’ mas-suq intern jekk ma tkunx ikklassifikatha minn qabel bħala għajnuna mill-Istat.

21.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument iġib miegħu żball ta’ liġi li għandu jiġi kkoreġut (23).

22.      Fost il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 107 u 108 TFUE hemm dik li ttemm proċedura ta’ eżami preliminari (ipproċessata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589) mingħajr ma tqajjem oġġezzjonijiet għall-miżura nazzjonali eżaminata. Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ.

23.      Huwa differenti jekk, meta tiddeċiedi f’dan is-sens, deċiżjoni partikolari jkollha difett invalidanti (li ma jkunx dak ta’ nuqqas ta’ kompetenza) bl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għal miżura eżaminata, mingħajr ma tiġi ċċarata minn qabel in-natura tagħha bħala għajnuna mill-Istat (24).

24.      Għalhekk, minbarra dak li jirreferi għall-kompetenza tal-Kummissjoni, dan l-appell għandu jiffoka fuq jekk is-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat (l-Artikoli 107 u 108 TFUE u r-Regolament 2015/1589) għandhiex tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta jew, għall-kuntrarju, tippermettix li jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni. Din l-istituzzjoni hija favur fehim teleoloġiku u funzjonali tal-kompiti fdati lilha bħala l-garanti tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-suq intern.

25.      Ċertament, ma humiex ftit, u lanqas ma huma nieqsa minn raġunijiet validi, l-argumenti li jsostnu interpretazzjoni stretta, bħal dik tal-Qorti Ġenerali u difiża f’dan l-appell, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

26.      Fl-opinjoni tiegħi, madankollu, f’sitwazzjonijiet bħal dawk f’din il-kawża, jista’ jkun meħtieġ qari mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod li t-tifsira litterali tagħha tiġi integrata b’attributi teleoloġiċi u twassal, finalment, għall-aċċettazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni.

27.      L-ewwel, ser nirreferi għall-interpretazzjoni li fuqha hija bbażata s-sentenza appellata.

a)      Interpretazzjoni stretta

28.      Bħala l-ewwel approssimazzjoni, il-Qorti Ġenerali tinterpreta l-Artikoli 107 u 108 TFUE f’sekwenza loġika:

–        L-ewwel, għandu jiġi stabbilit jekk il-miżura tikkostitwixxix “għajnuna”, jiġifieri, jekk il-fondi jew il-benefiċċji pubbliċi mogħtija lil kumpanija jew settur tal-produzzjoni jirrispondux għal ebda titolu ieħor għajr is-sempliċi xewqa li tingħata għajnuna jew vantaġġ (25).

–        Jekk il-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura eżaminata bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija għandha tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

29.      Din l-istess sekwenza tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, dwar l-għajnuna notifikata (26). Kif tfakkar il-Qorti Ġenerali (27), l-organizzazzjoni tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat f’żewġ fażijiet suċċessivi u ffokati fuq kwistjonijiet differenti hija ratifikata mid-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-artikolu, skont liema:

–        Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika, “wara eżami preliminari”, li l-miżura ppjanata u nnotifikata minn Stat Membru “ma tikkostitwixxix għajnuna” (il-paragrafu 2).

–        “Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni skont it- TFUE tkun ġiet applikata” (il-paragrafu 3) (28).

–        “Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) tat- TFUE […]” (il-paragrafu 4).

30.      Għaldaqstant, mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, jirriżulta li l-għoti ta’ għajnuna huwa proċess li fih: a) l-ewwel għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat; u b) sussegwentement, jiġi evalwat jekk, minkejja li, fil-prinċipju, tkun illegali, din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern.

31.      Li jiġi aċċettat dan l-approċċ, li huwa dak adottat fis-sentenza appellat, ikun ifisser li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżura inkwistjoni mingħajr ma tkun iddeċidiet minn qabel li din tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

32.      Nagħraf li din l-interpretazzjoni għandha appoġġ sod fit-testi leġiżlattivi applikabbli. Ma nemminx, madankollu, minn dak li ser nispjega hawn taħt, li hija l-unika waħda possibbli u lanqas li hija dik li għandha tiġi applikata għal dan il-każ. U, minkejja li l-qari ta’ bosta sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jikkorroborawha, huwa diskutibbli jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi estrapolata għal każijiet bħal dak inkwistjoni.

b)      Interpretazzjoni derivata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

33.      Ta’ min jispeċifika, qabel inkompli, li s-soluzzjoni sostnuta mis-sentenza kkontestata sa issa (sakemm ma inix sejjer żball) ma ġiet preżunta minn ebda deċiżjoni espliċita tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ din il-kawża.

34.      Kif irrilevat il-Kummissjoni (29), is-sentenza British Aggregates, invokata fil-punt 54 tas-sentenza appellata, tirreferi, fil-parti msemmija mill-Qorti Ġenerali, għall-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju (eżawrjenti) fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kunsiderazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat. Din is-sentenza ma tiddeċiedix dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern mingħajr ma l-ewwel jiġi ċċarat l-istatus tagħha bħala għajnuna mill-Istat (30).

35.      Dan huwa wkoll il-każ fis-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (31), li l-punti 43 u 44 tagħha huma ċċitati fil-punt 58 tas-sentenza appellata:

–        Minn naħa waħda, il-punti 43 u 44 imsemmija qabel huma limitati għar-riproduzzjoni, essenzjalment, tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (32).

–        Min-naħa l-oħra, f’dik il-kawża, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ikkonfermat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, li fir-rigward tagħha hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fi tmiem l-eżami preliminari tal-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern. Id-dibattitu sottostanti kien iċċentrat madwar l-elementi użati mill-Kummissjoni sabiex tiddikjara dik il-kompatibbiltà.

36.      Fir-realtà, ma hemmx nuqqas ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom, ċertament, jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna hija xi ħaġa li għandha tiġi riżolta qabel is-sentenza dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Dawn huma, madankollu, dikjarazzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, huma fformulati fuq bażi inċidentali, u ma humiex neċessarjament rilevanti għall-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni adottata f’kull każ mill-Qorti tal-Ġustizzja.

37.      Is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (33), tafferma, pereżempju, li “l-Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, wara l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, hija ma kinitx f’pożizzjoni tkun konvinta li l-miżura nnotifikata hija kompatibbli mas-suq intern. L-istess japplika meta jibqgħalha dubji dwar il-klassifikazzjoni stess bħala ‘għajnuna’, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ta’ din il-miżura” (34).

38.      Madankollu, is-sentenza msemmija kienet tikkonċerna kemm appelli kontra l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni kif ukoll kontra d-Deċiżjoni sussegwenti li kklassifikat il-miżura fiskali inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

39.      Fir-rigward tas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK (35), fiha jiġi ddikjarat li “il-kwistjoni dwar jekk miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat issir qabel dik li tikkonsisti fil-verifika, jekk ikun il-każ, ta’ jekk għajnuna inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-missjoni imposta fuq il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, skont l-Artikolu 106(2) TFUE […]. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha, qabel ma teżamina eventwalment miżura fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, tkun tista’ tistħarreġ jekk din il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat […]” (36).

40.      Barra minn hekk, dak li ġie diskuss f’dan l-appell kien jekk kienx xieraq “li tħallas interessi għall-perijodu li matulu l-miżuri ta’ għajnuna li hija bbenefikat minnhom ġew implimentati illegalment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjarahom kompatibbli mas-suq intern”.

41.      Finalment, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2023, Il-Kummissjoni vs Braesch et (37), tiddikjara li, “meta l-Kummissjoni tikkonstata, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE, li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi ‘għajnuna mill-Istat’, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tadotta deċiżjoni […] li permezz tagħha tiddikjara li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE”.

42.      Għal darba oħra, f’dik l-okkażjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx dak inkwistjoni hawnhekk. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni inkwistjoni fil-kawża kkonstatat li ċerti miżuri kienu jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li setgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (38).

43.      Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019 (39), din il-qorti rrikonoxxiet li l-Kummissjoni setgħet tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżura tal-Istat mas-suq intern “għall-ipoteżi li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna”. Għalhekk hija aċċettat li Deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiddikjara l-miżura kompatibbli mas-suq intern, mingħajr il-ħtieġa li tkun deċiża minn qabel il-klassifikazzjoni ta’ dik il-miżura bħala għajnuna (40).

44.      Id-domanda magħmula f’din il-proċedura ma ġietx solvuta sa issa (għal darba oħra, sakemm ma inix sejjer żball) mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġietx iffaċċjata b’kawża li fiha ġiet ikkontestata l-kompetenza tal-Kummissjoni li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura li ma kinitx ikklassifikata minn qabel bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

c)      Interpretazzjoni integrata u funzjonali

45.      Nifhem li hija meħtieġa interpretazzjoni alternattiva għal dik ippreżentata sa issa, jekk jiġi preżunt li l-legalità ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat hija kkundizzjonata mid-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

46.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, id-domanda deċiżiva ma hijiex tant, nerġa’ nirrepeti, jekk il-Kummissjoni għandhiex il-kompetenza li tiddikjara li miżura hija kompatibbli mas-suq intern, iżda pjuttost taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiddikjara l-inkompatibbiltà tagħha.

47.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikoli 107 u 108 TFUE jirriżultaw fl-għoti ta’ kompetenza ġenerali lill-Kummissjoni sabiex tiżgura kompetizzjoni ġusta fis-suq intern. Din il-kompetenza hija mogħtija lilha sabiex tiżgura li l-Istati Membri ma jwasslux għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jagħtu għajnuna ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat (41).

48.      Prova tal-eżistenza ta’ din il-kompetenza ġenerali tinsab fil-kontenut tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament 2015/1589: “il-Kummissjoni tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess teżamina informazzjoni li tirrigwarda għajnuna allegatament kontra l-liġi minn kwalunkwe sors” (42).

49.      Is-setgħa pprovduta f’dan l-artikolu turi li l-Kummissjoni għandha dmir ta’ viġilanza attiva sabiex tissalvagwardja l-integrità tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Dan id-dmir ma huwiex limitat għall-eżami ta’ abbozzi ta’ għajnuna nnotifikati mill-Istati Membri jew għall-ilmenti li jistgħu jintbagħtu lilha mill-partijiet interessati, iżda jestendi, b’mod ġenerali, għal kwalunkwe miżura pubblika li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq.

50.      Fid-dawl ta’ dan id-dmir ġenerali ta’ viġilanza, is-silenzju tal-Kummissjoni quddiem miżura li ma ġietx innotifikata lilha, li ma kinitx is-suġġett ta’ ilment minn parti interessata jew li, ikun xi jkun il-mezz li permezz tiegħu waslet għall-għarfien tagħha, ma tatx lok għal suspetti li jġegħluha taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, jirrappreżenta, fl-aħħar mill-aħħar, dikjarazzjoni impliċita ta’ kompatibbiltà mas-suq intern; jiġifieri, is-suppożizzjoni li ma hemm l-ebda miżura li tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

51.      F’dan l-istess sens, infakkar li, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni hija kkunsidrata li awtorizzat il-miżura meta ma tkunx ħadet deċiżjoni b’konformità mal-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dak l-artikolu fit-terminu previst fil-paragrafu 5 tal-istess artikolu. Jiġifieri, l-awtorizzazzjoni hija mifhuma li ngħatat mingħajr ma l-Kummissjoni tkun espliċitament iddeċidiet, f’sens jew ieħor, dwar l-istatus ta’ għajnuna tal-miżura nazzjonali.

52.      Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni (43) li huwa diffiċli li wieħed jifhem li dak li din l-istituzzjoni tista’ tagħmel permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha (tawtorizza, bis-silenzju tagħha, il-miżura, minkejja li ma tkunx ħadet deċiżjoni minn qabel dwar il-kundizzjoni tal-għajnuna tagħha) ma tistax tagħmlu billi tiddeċiedi, espressament, li ma hijiex ser toġġezzjona għal dik l-istess miżura peress li tqis li hija kompatibbli mas-suq intern, kemm jekk hija għajnuna mill-Istat jew le.

53.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri bid-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà, li, ninsisti, ma teħtieġx b’mod ineżorabbli d-definizzjoni minn qabel bħala għajnuna tal-miżura eżaminata, il-Kummissjoni tista’ biss toħroġ id-dikjarazzjoni espliċita ta’ inkompatibbiltà ta’ għajnuna pubblika f’każijiet previsti: meta, skont l-Artikolu 107 TFUE u wara l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE, din id-dikjarazzjoni speċifika tkun xierqa fir-rigward ta’ miżuri li jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod iktar preċiż, fir-rigward ta’ miżuri li jirrispondu għad-definizzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fid-dettalji kollha tagħha, li ser ikollhom jiġu evalwati immedjatament mill-angolu ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern (44).

54.      Konsegwentement, u fir-rigward ta’ din il-kawża, meta l-Kummissjoni teskludi b’mod inekwivoku, matul l-ewwel eżami preliminari, li l-miżura inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, hija tillimita lilha nnifisha għall-osservanza tal-obbligu ġenerali tagħha li tiżgura l-integrità tal-kompetizzjoni.

55.      Kienet jew ma kinitx għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dak li kien rilevanti kien, fi kwalunkwe każ, li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni (45) u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u kkontribwixxiet għall-kisba ta’ għan definit b’mod ċar ta’ interess komuni (il-preservazzjoni tal-ambjent billi jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu).

56.      Li kieku l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni kuntrarja u nnotifikat, prima facie, li din il-miżura setgħet tkun inkompatibbli mas-suq intern, kien ikollha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, wara li tivverifika, fl-aspetti kollha tagħha (46), li kienet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija setgħet tifformula, jekk applikabbli, dikjarazzjoni ta’ illegalità.

57.      Barra minn hekk, jiena naqbel mal-Kummissjoni (47) li l-Artikolu 107 TFUE ma jispeċifikax l-ordni li fiha din l-istituzzjoni għandha teżamina jekk miżura nazzjonali hijiex għajnuna mill-Istat jew jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern, sabiex tiġi adottata deċiżjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tillimita, indebitament, il-possibilitajiet ta’ azzjoni mogħtija lill-Kummissjoni.

58.      Dan l-approċċ, minbarra li jirrikonoxxi l-kompetenza ġenerali attribwita lill-Kummissjoni fil-qasam tad-difiża tas-suq intern kontra distorsjonijiet eventwali kkawżati minn għajnuna pubblika, huwa naturalment kompatibbli mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, skont kif tallega l-Kummissjoni stess.

59.      Fil-fatt, ma tantx ikun jagħmel sens li r-riżorsi baxxi ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jiġu ddedikati għat-twettiq ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali bħal dik tal-Artikolu 108(2) TFUE (xi kultant delikata u kumplessa), biss sabiex tingħaraf in-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżura meta, wara eżami preliminari rigoruż (48), jista’ jiġi eskluż b’mod inekwivoku li tkun inkompatibbli mas-suq intern, għalkemm fl-ipoteżi li kienet għajnuna (49).

60.      Fil-qosor, fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-aggravju għandha tiġi milqugħa, peress li l-Kummissjoni kellha kompetenza sabiex tadotta d-Deċiżjoni u ma wettqet ebda żball invalidanti meta ddikjarat il-miżura nazzjonali inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern (u ma qajmitx oġġezzjonijiet kontriha) kemm jekk kellha n-natura ta’ għajnuna mill-Istat jew le.

B.      It-tieni parti tal-aggravju

1.      L-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

61.      Il-Kummissjoni tallega li hemm żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali fis-sentenza appellata. Hija tagħmel dawn l-argumenti sabiex issostni r-raġunament tagħha:

–        Id-Deċiżjoni, billi tiddikjara li l-miżura kkontestata hija kompatibbli mas-suq intern, tibbenefika miċ-ċertezza legali. B’mod partikolari, tagħmilha ċara li l-Kummissjoni ma hijiex ser tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew tordna l-irkupru tal-kumpens ikkontestat.

–        Għall-kuntrarju, is-soluzzjoni tal-Qorti Ġenerali tippreżumi li l-Kummissjoni, f’kawżi bħal dik preżenti, ser ikollha twettaq eżami bir-reqqa u kumpless sabiex tiddetermina jekk il-miżura tikkostitwixxix għajnuna, li jippreġudika ċ-ċertezza legali minflok issaħħaħha.

–        Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (50), għalkemm il-Kummissjoni, jekk tqis li miżura tkun kompatibbli mas-suq intern, għandha tinforma lill-Istat Membru, hija madankollu ma hijiex obbligata li tieħu deċiżjoni jekk, waqt l-eżami preliminari, tikkonkludi li ma hemmx bżonn li tinbeda l-proċedura tal-Artikolu 108(2) TFUE.

–        Konsegwentement, jekk il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jiġix miksur mill-fatt li l-Kummissjoni ma tadottax deċiżjoni (u, għalhekk, ma tiddeċidix dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat), dan ma jkunx miksur lanqas jekk, kif jiġri hawnhekk, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, minħabba li tqis li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat).

–        Għalkemm kieku l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda għajnuna mill-Istat, il-kompetituri kien ikollhom l-opportunità li jikkontestaw din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, huma setgħu jitolbu l-ħlas ta’ imgħax għall-perijodu ta’ illegalità, anki kieku l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura kienet għajnuna mill-Istat jew ma kinitx eżaminatha.

–        Ir-Regolament 2015/1589 ma jeħtieġx li jinbeda eżami preliminari ta’ miżura li ma hijiex innotifikata. Jekk tkun teżisti inċertezza legali f’dan il-każ, din tkun attribwibbli lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lill-kumpannija mogħtija l-kumpens, li ddeċidew, rispettivament, li jħallsu u jaċċettaw il-kumpens mingħajr ma jinnotifikawha lill-Kummissjoni.

–        L-allegata inċertezza mqajma fil-każ ta’ akkumulazzjoni bi ħlasijiet sussegwenti tkun biss ipotetika u assolutament ma hijiex konvinċenti.

–        Anki li kieku evalwat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkwantifika l-ammont eżatt tagħha, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali.

62.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jinsisti li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-Deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, kisret il-prinċipju ta’ legalità, li jimplika ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ma’ dan, huwa jżid l-argumenti li ġejjin:

–        Billi ma ddeċidietx dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni poġġiet lill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, peress li s-sitwazzjoni u r-relazzjonijiet legali la huma ċari u lanqas prevedibbli. Ma huwiex ċar għaliex is-sigurtà għandha tbati, iktar milli tissaħħaħ, minħabba eżami dettaljat tal-kwistjoni, mingħajr ma jiġi spjegat għaliex dan l-eżami għandu neċessarjament ikun twil u kumpless.

–        Huwa irrilevanti li f’dan il-mument ma kienet inbdiet l-ebda proċedura quddiem il-qorti nazzjonali, peress li l-possibbiltà li tinbeda tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet għalfejn id-Deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

–        L-akkumulazzjoni tal-miżura b’pagamenti sussegwenti ħafna drabi hija ipotetika, peress li hija avveniment futur, iżda dak li huwa deċiżiv huwa li hemm il-possibbiltà u li l-Istati Membri għandhom jeħduha inkunsiderazzjoni.

2.      Analiżi

63.      Jekk jiġi aċċettat, kif nipproponi jien, li l-Kummissjoni għandha kompetenza sabiex tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ miżura li ma tkunx ikklassifikatha minn qabel bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, id-Deċiżjoni tkun ġiet adottata skont il-prinċipju tal-legalità. Fuq din l-istess linja, ikun ġie osservat ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

64.      Jekk, kif ippruvajt nispjega, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ finanzjament pubbliku mas-suq intern (iżda mhux —ninsisti— tiddikjara l-inkompatibbiltà tagħha mingħajr ma l-ewwel tikklassifikaha bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE), dik id-dikjarazzjoni, fir-realtà, ikollha l-effett li teskludi l-eżistenza stess ta’ għajnuna illegali, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

65.      L-illegalità ta’ għajnuna pubblika (ipotetika) tiddependi b’mod inseparabbli mill-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Hija biss għajnuna li, filwaqt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, minbarra li tkun pubblika, tikkawża distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tkun inkompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, illegali.

66.      Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura b’dawn il-karatteristiċi, kemm jekk fl-aħħar mill-aħħar tkun għajnuna mill-Istat jew le, mas-suq intern hija l-istess bħal li jiġi ddeterminat li, kieku kellha n-natura ta’ għajnuna, ma tkunx għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

67.      F’dan il-kuntest, id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq intern magħmula mid-Deċiżjoni tinvolvi konferma impliċita tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

68.      Abbażi ta’ din il-premessa, ma nara l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali f’din il-kawża.

69.      L-ewwel, id-Deċiżjoni, billi ma tqajjimx oġġezzjonijiet għall-miżura, tikkonferma l-validità tagħha u, indirettament, l-evalwazzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, u tagħti lok għall-implementazzjoni tagħha mingħajr riżervi mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.

70.      It-tieni, it-tħassib dwar deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali futura u ipotetika li tikklassifika bħala għajnuna li tmur kontra l-Artikolu 107(1) TFUE l-miżura li l-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, legali, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni jidhirli li huwa infondat. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara hekk ma tistax tiġi riveduta mill-qrati nazzjonali.

71.      Il-Qorti Ġenerali taqbel mal-argument tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li jsostni, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li l-kompetituri ta’ Vattenfall setgħu jibdew proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali sabiex dawn “jikklassifikawha [il-miżura inkwistjoni] bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE”. Iżda, kif għadni kif indikajt, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tipprekludi, fundamentalment, din il-possibbiltà.

72.      It-tielet, lanqas ma nipperċepixxi li jista’ jkun hemm iktar problemi fir-rigward ta’ akkumulazzjoni futura ta’ għajnuna ġdida, minħabba li ma jkunx hemm konformità mar-regoli li jeħtieġu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali ta’ għajnuna riċevuta jew li jiġu imposti ċerti limiti fuq din l-akkumulazzjoni (51).

73.      In-natura ipotetika ta’ din il-kritika hija evidenti, fost raġunijiet oħra, meta jiġi vverifikat li ma hemm l-ebda prova li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ipproċeda sabiex jinnotifika formalment lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet (sussegwenti) derivati mill-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika (52). Jekk dan huwa l-każ, ma huwiex evidenti kif tista’ sseħħ akkumulazzjoni ta’ għajnuna għal dan il-kunċett, a posteriori.

74.      Fil-qosor, nemmen li din it-tieni parti tal-aggravju għandha tiġi milqugħa wkoll.

C.      Riżoluzzjoni finali tat-tilwima

75.      Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-ilqugħ tal-appell ifisser l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tas-sentenza appellata u, jekk applikabbli, id-deċiżjoni definittiva tal-kawża minn din tal-aħħar meta n-natura tagħha tippermetti hekk.

76.      Fil-fehma tiegħi, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jippermettu d-deċiżjoni definittiva tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

77.      L-ewwel tliet motivi għal annullament invokati mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi quddiem il-Qorti Ġenerali kienu fil-każ li d-Deċiżjoni tinvolvi l-kunsiderazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Madankollu, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali meta ma wettqitx l-analiżi tagħha (53), dawn it-tliet motivi huma bbażati fuq premessa li ma hijiex preċiża: id-Deċiżjoni ma tiddeċidix dwar in-natura tal-miżura, u tillimita ruħha li tiddikjara li, anki li kieku kienet għajnuna mill-Istat, kienet tkun kompatibbli mas-suq intern.

78.      Ir-raba’ u l-ħames motivi kienu bbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta d-Deċiżjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fid-dawl ta’ dak li ntqal sa issa, iż-żewġ raġunijiet huma infondati.

79.      Konsegwentement, l-appell tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiġi miċħud.

D.      Spejjeż

80.      Skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kif mitlub mill-Kummissjoni, l-ispejjeż għandhom jiġu imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

V.      Konklużjoni

81.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        Tilqa’ l-appell.

–        Tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Novembru 2022, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑469/20, EU:T:2022:713).

–        Teżerċita s-setgħa stabbilita fl-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi taqta’ definittivament il-kawża, u tiċħad l-appell għal annullament ippreżentat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala infondat.

–        Tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Kawża T‑469/20, EU:T:2022:713. Iktar ’il quddiem, “is-sentenza appellata”.


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) — il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU 2020, C 220, p. 2). Iktar ’il quddiem, “id-Deċiżjoni”.


4      Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 248, p. 9).


5      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 241, p. 1).


6      Jiġifieri, Amercentrale 9, Eemshaven A/B, Engie Maasvlakte, MPP3 u Hemweg 8.


7      Skont il-punt 10 tas-sentenza appellata, Hemweg 8 ma kienx jaħraq il-bijomassa, ma kien jipproduċi l-ebda enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tiegħu kienet l-iktar baxxa fost il-ħames impjanti.


8      Fil-punti 54 sa 87 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni esponiet fit-tul ir-raġunijiet għalfejn qieset li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fir-replika tagħha (punt 20), il-Kummissjoni tipprovdi li, “anki jekk wieħed jassumi li l-ħlas lil Vattenfall kien jagħti vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dan ikun kompatibbli mal-paragrafu 3(c), peress li f’termini sempliċi ħafna, il-waqfien tal-użu tal-faħam fl-impjant ta’ Hemweg huwa ta’ benefiċċju għall-ambjent”.


9      Il-punt 36 tas-sentenza appellata. L-ewwel raġuni kienet ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ; it-tieni, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-oneru tal-prova; it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.


10      Il-punt 36 tas-sentenza appellata.


11      Il-punt 53 tas-sentenza appellata.


12      Il-punt 54 tas-sentenza appellata, b’ċitazzjoni tas‑sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757) (iktar ’il quddiem is-“sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni”, punt 113).


13      Il-punt 55 tas-sentenza appellata.


14      Il-punt 59 tas-sentenza appellata.


15      Il-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata.


16      Il-punt 62 tas-sentenza appellata.


17      Il-punt 64 tas-sentenza appellata.


18      Il-punt 65 tas-sentenza appellata.


19      Il-punt 66 tas-sentenza appellata.


20      Il-punt 70 tas-sentenza appellata.


21      Il-punt 71 tas-sentenza appellata.


22      Il-punt 62 tas-sentenza appellata.


23      Fil-fatt, jidhirli li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi lanqas ma jaqbel ma’ dan l-argument fit-totalità tiegħu, peress li, fil-punt 43 tar-risposta tiegħu għall-appell, jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tista’ tadotta Deċiżjoni bħal dik inkwistjoni (mingħajr ma jiġi deċiż jekk hijiex għajnuna jew le) jekk ma jkunx hemm diskussjoni dwar dan il-punt bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni. B’dan il-mod ikkonferma, fil-fehma tiegħi, li din ma hijiex problema reali ta’ kompetenza, u għalhekk huwa diffiċli għalija naċċetta li l-kompetenza tal-Kummissjoni tista’ tiddependi mill-pożizzjoni, ta’ qbil jew nuqqas ta’ qbil, tal-Istat Membru f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni.


24      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jiċħadx li, jekk tkun għajnuna mill-Istat (li jiċħad), il-miżura tista’ tkun koperta mill-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, kif diġà spjegajt, la tafferma u lanqas tiċħad li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna: hija tillimita ruħha sabiex tiddikjara li, fil-każ li kienet għajnuna, tkun ammissibbli taħt din id-dispożizzjoni.


25      It-trasferiment ta’ dawn il-fondi minħabba kumpens legalment dovut għandu titolu differenti minn dak ta’ għoti ta' vantaġġ.


26      Għalkemm l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jirreferi għall-għajnuna nnotifikata, l-eżami ta’ għajnuna allegatament kontra l-liġi (mhux innotifikata) jista’ jsir mill-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess: f’dan il-każ, dan l-eżami għandu jintemm b’dikjarazzjoni li tikkonforma mal-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Dan hu previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2015/1589. Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni mingħajr ma ġiet innotifikata l-miżura mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.


27      Il-punti 56 sa 59 tas-sentenza appellata.


28      Il-Kummissjoni ssostni li l-frażi “safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE” użata fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 ma tistax tiġi interpretata, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali, fis-sens li l-kompatibbiltà tista’ tiġi eżaminata biss ladarba l-miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat (il-punt 33 tal-appell). Fil-fehma tagħha, din il-frażi hija subordinata għall-proposta prinċipali tad-dispożizzjoni (“tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern”), li jfisser li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura mingħajr ma ssolvi b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk tikkostitwixxix għajnuna (il-punti 35 u 36 tal-appell).


29      Il-punt 29 tal-appell.


30      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jaċċetta din l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, għalkemm jirrileva li dan ma jfissirx li “l-ebda konklużjoni rilevanti ma tista’ tiġi dedotta” minn din is-sentenza (il-punt 31 tar-risposta tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi).


31      Kawża C‑83/09 P, EU:C:2011:341.


32      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


33      Kawża C‑562/19 P, EU:C:2021:201.


34      Punt 50.


35      Kawża C‑445/19, EU:C:2020:952.


36      Il-punt 35.


37      Kawża C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 64.


38      B’mod li ma huwiex eżawrjenti, tista’ tiġi ċċitata wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni (C‑131/15 P, EU:C:2016:989), li fil-punt 33 tagħha huwa kkonstatat li dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna għandha twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dak il-każ, ġiet ikkontestata l-korrettezza tal-Kummissjoni fil-verifika tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna waqt eżami preliminari.


39      Sentenza a&o hostel and hotel Berlin vs Il-Kummissjoni (T‑578/17, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 72 sa 79).


40      Il-punt 73 tas-sentenza mogħtija fil-kawża T‑578/17. Il-Qorti Ġenerali żiedet, f’dan l-istess paragrafu, li l-Kummissjoni setgħet taġixxi b’dan il-mod, iżda li dan ma jfissirx li l-kontroll tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-miżura seta’ jkun inqas intens: “il-fatt li l-eżistenza ta’ għajnuna ġiet ammessa biss bħala ipoteżi ma jnaqqas bl-ebda mod l-intensità tal-analiżi li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq fir-rigward tal-inkompatibbiltà [tal-miżura]. Fil-fatt, li kieku dan ma kienx il-każ, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura tal-Istat mas-suq intern b’mod inqas bir-reqqa, minħabba l-għażla diskrezzjonali tagħha li tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk hijiex għajnuna mill-Istat jew le”.


41      Kompetenza simili tirriżulta mid-dixxiplina tal-kontroll tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impriżi (l-Artikoli 101 sa 106 TFUE).


42      Fuq din il-linja, l-Artikolu 105(1) TFUE, jipprovdi li l-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri rikonoxxuta fl-Artikolu 104 TFUE, għandha tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, u b’mod partikolari, tinvestiga fuq inizjattiva tagħha stress każijiet ta’ ksur suspettat ta’ dawn il-prinċipji, li għandhom tendenza li jipprevjenu mġiba kollużiva jew sfruttament abbużiv ta’ pożizzjonijiet dominanti fis-suq.


43      Il-punt 50 tal-appell.


44      L-inkompatibbiltà mas-suq intern hija kwalità li tiddefinixxi l-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 jfissru li l-inkompatibbiltà tal-ex Artikolu 107(1) TFUE hija definittiva biss ladarba l-konkorrenza ta’ xi waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet tkun ġiet eskluża.


45      Miżura jista’ jkollha ċerti effetti negattivi limitati fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, iżda tkun ammissibbli jekk il-bilanċ ġenerali (pereżempju, mil-lat ta’ protezzjoni ambjentali ikbar) ikun ġeneralment pożittiv għall-interess komuni. Huwa preċiżament dan l-aħħar interess li jindika l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.


46      Kemm f’termini tal-istatus vantaġġjuż tagħha (għajnuna nieqsa minn kull titolu ieħor għajr ix-xewqa li tiffavorixxi kompetitur) kif ukoll il-finanzjament tagħha b’fondi pubbliċi u l-effett ta’ distorsjoni tagħha fuq il-kompetizzjoni.


47      Il-punt 24 tal-appell.


48      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Ma’ din il-kunsiderazzjoni għandu jiżdied li, f’dan il-każ, il-parti li tikkontesta d-Deċiżjoni, jiġifieri r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma hijiex qiegħda tagħmel dan minħabba diskrepanzi sostantivi fir-rigward tad-deċiżjoni finali tagħha. Ma nistax ma naqbilx miegħu, peress li l-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni għall-miżura statali, li jiffaċilita l-implementazzjoni mingħajr riżervi tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni.


50      Li tiċċita s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, EU:C:1973:152).


51      Il-Qorti Ġenerali tiċċita bħala tali l-punt 81 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 (2014/C 200/01) (ĠU 2014, C 200, p. 1) u l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 [TFUE] u 108 [TFUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1).


52      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrikonoxxi dan fil-punt 18 tal-kontroreplika tiegħu, filwaqt li jfakkar li l-Artikolu 4(3) ta’ din il-Liġi jobbligah jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħuda sabiex tiġi implimentata.


53      Il-punt 37 tas-sentenza appellata.