Language of document :

Kawża C437/22

Proċedura kriminali

vs

R.M.
u
E.M

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Riigikohus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Frar 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sostenn għall-iżvilupp rurali għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 7 – Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi – Regolament Nru 1306/2013 – Artikoli 54 u 56 – Regolament Delegat Nru 640/2014 – Artikolu 35 – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament mingħand il-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità – Kunċett ta’ ‘benefiċjarju’”

1.        Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Clearance tal-kontijiet – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Debituri tal-obbligu ta’ rimbors – Persuni mhux benefiċjarji tal-għajnuna li deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex jiksbu din l-għajnuna – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1306/2013, premessa 39, Artikolu 54(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56) (Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 7; Regolament tal-Kummissjoni Nru 640/2014, Artikolu 35(6))

(ara l-punti 49 sa 54, 60 sa 63, u d-dispożittiv 1)

2.        Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Finanzjament mill-FAEŻR – Għajnuna għall-iżvilupp rurali – Rifjut jew irtirar ta’ għajnuna – Benefiċjarju li pprovda provi foloz biex jirċievi l-għajnuna – Kunċett ta’ benefiċjarju – Rappreżentant ta’ persuna ġuridika li wettqet manuvri frawdolenti bl-għan li tikseb għajnuna għal din il-persuna ġuridika – Esklużjoni – Rappreżentant li jirċievi l-profitti ġġenerati mill-persuna ġuridika – Assenza ta’ effett

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 640/2014, Artikolu 35(6))

(ara l-punti 67 sa 68, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-possibbiltà għal Stat Membru li jeżiġi r-rimbors ta’ għajnuna ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mħallsa indebitament lil kumpannija benefiċjarja, direttament mingħand il-persuni fiżiċi li huma r-rappreżentanti legali tagħha meta dawn ikunu wettqu aġir frawdolenti bl-għan li jiksbu din l-għajnuna, anki jekk ma jistgħux huma stess jitqiesu bħala benefiċjarji tal-għajnuna.

Il-kumpannija X OÜ, li ngħaqdet mal-kumpannija Y OÜ, kienet kisbet għajnuna taħt il-programmi ta’ żvilupp rurali tal-Estonja għas-snin 2007 sa 2013 u għas-snin 2014 sa 2020.

R.M. u E.M., martu, kienu suċċessivament ir-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija.

Fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra R.M. u E.M., il-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru, l-Estonja), u sussegwentement it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja) iddikjaraw lil R.M. ħati ta’ tliet frodi fil-qasam tas-sussidji favur il-kumpannija X u E.M. ħatja bħala koawtriċi ta’ tnejn minn dawn il-frodi, talli deliberatament ipprovdew informazzjoni falza lill-awtorità Estonjana kompetenti sabiex jiksbu l-għajnuna inkwistjoni.

Barra minn hekk, l-imsemmija qrati kkundannaw lil R.M. u lil E.M. iħallsu lir-Repubblika tal-Estonja l-ammont ta’ din l-għajnuna, indebitament irċevuta mill-kumpannija X.

R.M. u E.M. ippreżentaw appelli fil-kassazzjoni quddiem il-Qorti Suprema, il-qorti tar-rinviju, peress li qiesu li l-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament jista’ jsir b’mod validu biss fil-konfront tal-benefiċjarju tagħha, jiġifieri l-kumpannija Y li ssuċċediet lill-kumpannija X fid-drittijiet u l-obbligi tagħha wara l-fużjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkonfermat il-kundanni ta’ R.M. u ta’ E.M. għal frodi fil-qasam tas-sussidji, tesprimi dubji dwar il-possibbiltà li dawn jintalbu r-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni.

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (1) jippermettux li jintalab l-irkupru ta’ għajnuna ffinanzjata mill-FAEŻR u li ġiet riċevuta indebitament wara manuvri frawdolenti mhux biss mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, iżda wkoll mingħand persuni li, mingħajr ma jistgħu jitqiesu bħala benefiċjarji tal-imsemmija għajnuna, ipparteċipaw fl-irregolarità li wasslet għall-ħlas indebitu tagħha.

It-tieni, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta persuna ġuridika tkun kisbet għajnuna agrikola wara manuvri frawdolenti imputabbli lir-rappreżentanti tagħha, dawn jistgħux, sa fejn, fil-fatt, huma dawn ir-rappreżentanti li jirċievu l-profitti li tiġġenera din il-persuna ġuridika, jitqiesu li huma “benefiċjarji” ta’ din l-għajnuna, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (2).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat b’mod partikolari l-kuntest u l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

Minn naħa, il-premessa 39 tar-Regolament Nru 1306/2013 tenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri li jipprevjenu, jikxfu u jittrattaw b’mod effettiv kull irregolarità u li għandhom, għal dan il-għan, japplikaw ir-Regolament Nru 2988/95. Barra minn hekk, l-Artikolu 54(3)(b) ta’ dan ir-regolament, li jippermetti lill-Istati Membri li ma jitolbux l-irkupru ta’ għajnuna rċevuta indebitament meta dan jirriżulta impossibbli minħabba l-insolvenza, b’mod partikolari, “tal-persuni legalment responsabbli għall-irregolarità”, ikun imċaħħad minn effett utli, jekk ma jkunx possibbli li jintalab l-irkupru tal-għajnuna kkonċernata wkoll mingħand dawn il-persuni.

Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jintalab l-irkupru ta’ għajnuna indebitament riċevuta mhux biss mill-benefiċjarju tagħha, iżda wkoll minn persuni li deliberatament ipprovdew informazzjoni falza sabiex din tinkiseb tikkontribwixxi għall-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (3), b’mod partikolari meta l-benefiċjarju huwa persuna ġuridika li ma għadhiex teżisti jew ma għandhiex riżorsi suffiċjenti sabiex tirrimborsa din l-għajnuna.

Barra minn hekk, il-fatt li dawn il-persuni jintalbu jirrimborsaw tali għajnuna indebitament irċevuta ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-leġiżlazzjoni rilevanti hija suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, anki jekk l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jipprevedix espliċitament obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna għal dawn il-persuni, dan l-artikolu għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 39 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament jagħmel riferiment espliċitu għar-Regolament Nru 2988/95 fir-rigward tad-definizzjoni tat-terminu “irregolarità”. Issa, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, ir-rimbors tal-għajnuna jista’ wkoll jiġi impost fuq il-persuni li pparteċipaw fit-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li minn tali analiżi ma jistax jiġi dedott li r-rappreżentanti ta’ persuna ġuridika li wettqu manuvri frawdolenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tikseb għajnuna agrikola jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċjarji” tal-għajnuna stess. Fil-fatt, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala “benefiċjarji” ta’ din l-għajnuna, fis-sens tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jekk dawn ma jaqgħu taħt ebda waħda mit-tliet kategoriji ta’ persuni msemmija fil-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tiegħu (4), u dan anki jekk, fil-fatt, huma dawn ir-rappreżentanti li jirċievu l-profitti li tiġġenera din il-persuna ġuridika.


1      Jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 13 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) moqri, minn naħa, flimkien mal-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


2      B’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 35(6) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri flimkien mal-punt 1 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat.


3      Kif previst fl-Artikolu 58(1)(e) tar-Regolament Nru 1306/2013. Ara wkoll l-għan ta’ effettività tal-ġlieda kontra l-frodi, imsemmi fir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2988/95.


4      Jiġifieri l-bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608)], il-benefiċjarju suġġett għall-kondizzjonalità fis-sens tal-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320).