Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2023 – Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-18/23)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: E. Leftheriotou, A.-E. Vasilopoulou u O. Pastellas)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2002) 8047 final tal-15 ta’ Novembru 2022 dwar il-ġestjoni kontabbli tal-ispejjeż iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija – Taqsima “Gwida” (FAEGG-G) għal diversi każijiet ta’ irregolaritajiet imwettqa fil-Greċja.

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontesta fir-rigward tal-parti relatata mal-ammont korrispondenti għall-parti tal-irkupru li ġiet annullata mill-qorti nazzjonali fil-każ 2014/10019, jiġifieri tnaqqas l-ammont li għandu jiġi rkuprat f’din il-kawża minn EUR 145 854.46 għal EUR 48 619.63; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-Repubblika Ellenika.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata f’dan li jikkonċerna l-imputazzjoni tal-ammont inkwistjoni, sa fejn ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 1 tħasser u ma għadux japplika għall-każijiet li jaqgħu taħt il-perijodu ta’ programmazzjoni 1994-1999, u li r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 2 japplika biss għall-każijiet ta’ irregolaritajiet fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

It-tieni motiv ibbażat fuq żball sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Griegi ma kinux diliġenti fil-ġestjoni tal-każ 2014/10019. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-imputazzjoni tas-somma EUR 145 854.46 hija sproporzjonata.

____________

1 Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal-11ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU 1994, L 178, p. 43).

1 Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).