Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija) fit-28 ta’ Ġunju 2022 – “DEVNIA TSIMENT” AD vs Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi”

(Kawża C-428/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad – Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “DEVNIA TSIMENT” AD

Konvenut: Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi”

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi 1 , kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija 2 u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) moqri flimkien mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 2(i) u (j) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-persuni li jkunu wettqu wasliet intra-Komunitarji ta’ kokk petrolifiku, fis-sens tal-punt 3.4.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 għall-finijiet ta’ produzzjoni, bħala l-persuni obbligati jistabbilixxu ħażniet ta’ emerġenza?

Il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 2(i) u (j) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita t-tipi ta’ prodotti li l-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma għal parti biss mit-tipi ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(i) ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008?

Il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 2(i) u (j) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li t-twettiq ta’ wasliet intra-Komunitarji, jew ta’ importazzjonijiet, ta’ tip ta’ prodott kopert mill-Artikolu 2(i) ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 minn persuna partikolari jagħti lok għall-obbligu għal din il-persuna li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza ta’ tip ieħor ta’ prodott differenti?

Il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 2(i) u (j) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuna partikolari l-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażna ta’ prodott li hija ma tużax fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha u li ma għandu ebda rabta magħha, obbligu dan li barra minn hekk jissuġġettaha għal piż finanzjarju sinjifikattiv (li jagħmel l-osservanza ta’ dan l-obbligu impossibbli fil-prattika) minħabba li hija ma għandhiex il-prodott inkwistjoni u minħabba li hija ma hijiex importatur u/jew depożitant tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiva għal xi waħda minn dawn id-domandi, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 2(i) u (j) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li wettqet wasliet intra-Komunitarji jew importazzjonijiet ta’ tip ta’ prodott partikolari tista’ tkun suġġetta għall-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza biss tal-istess tip ta’ prodott li kien is-suġġett tal-imsemmija wasliet jew importazzjonijiet intra-Komunitarji?

____________

1     ĠU 2009, L 265, p. 9.

1     ĠU 2008, L 304, p. 1.