Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (ir-Rumanija) fl-1 ta’ April 2016 – Ruxandra Paula Andriciuc et vs Banca Românească SA

(Kawża C-186/16)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Oradea

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ruxandra Paula Andriciuc et

Konvenuta: Banca Românească SA

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt għandu jiġi analizzat billi jitqies strettament il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew għandu jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha, matul iż-żmien tal-kuntratt eżegwit suċċessivament, tibdil sinjifikattiv tar-rata tal-kambju jrendi l-obbligi tal-konsumatur eċċessivament onerużi meta mqabbla mal-istat tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

Il-lingwaġġ sempliċi u ċar ta’ klawżola kuntrattwali previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jinftiehem fis-sens li l-klawżola inkwistjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-kuntratt u l-mod kif din tiffunzjona, jew għandha tindika wkoll il-konsegwenzi kollha li din jista’ jkollha fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur, bħar-riskju tal-kambju, u, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, jista’ wieħed iqis li l-obbligu tal-bank li jinforma lill-klijent fil-mument tal-għoti tal-kreditu jipprevedi biss il-kundizzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri l-interessi, il-kummissjonijiet u l-garanziji imposti fuq il-persuna li tissellef, mingħajr l-inklużjoni taħt dan l-obbligu tal-possibbiltà ta’ żieda fil-valur jew deprezzament ta’ munita barranija?

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” u s-“suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra”, ikopru klawżola inkluża f’kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur li ma ġietx innegozjata individwalment u li skontha l-kreditu għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).