Language of document : ECLI:EU:C:2017:313

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-27 ta’ April 2017 (1)

Kawża C-186/16

Ruxandra Paula Andriciuc et

vs

Banca Românească SA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appel ta’ Oradea, ir-Rumanija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) – Kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’munita barranija – Klawżoli esklużi mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom – Klawżoli kuntrattwali li jirrigwardaw id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz li huma redatti b’mod ċar u li jinftiehem – Mument tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Portata u livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank”






1.        Permezz ta’ din il-kawża, il-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ tilwima bejn stabbiliment bankarju u diversi individwi li ssellfu l-flus, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-Artikoli 3(1) u 4(2) tad-Direttiva 93/13/KEE (2). Din it-tilwima qamet wara talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ ċerti klawżoli allegatament inġusti, imdaħħla f’kuntratti ta’ kreditu għall-konsum b’denominazzjoni f’munita barranija, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw “ir-riskju tal-kambju” u l-obbligu tal-ħlas lura tal-kreditu fil-munita barranija li fiha jkun ġie kkuntrattat.

2.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet mitluba tipprovdi ċerti kjarifiki fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 fil-kuntest partikolari ħafna tal-kuntratti ta’ kreditu ddenominati f’muniti barranin, din it-talba għal deċiżjoni preliminari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi preċiżazzjonijiet addizzjonali, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-mument li fih għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “żbilanċ sinfikanti [sinjifikattiv]” għad-detriment tal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u, fit-tieni lok, fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva li jeskludi b’mod partikolari l-klawżoli li jiddefinixxu l-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett” ta’ kuntratt mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta. Il-kawża toffri iktar fundamentalment l-okkażjoni li tingħata deċiżjoni dwar il-konformità stess tal-użu minn self f’muniti barranin (3) f’kuntest partikolarment sensittiv (4).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“1.      L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.      Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4.        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, “[k]lawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti [sinjifikattiv] fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

5.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar [b’mod ċar u li jinftiehem].”

6.        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar [b’mod ċar u li jinftiehem] […]”

 Id-dritt Rumen

 Il-Liġi Nru 193/2000

7.        Il-Legea nr. 193/2000 privind clauzele abuzive din contractele încheiate între comercianţi şi consumatori (Liġi Nru 193/2000 dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn in-negozjanti u l-konsumaturi), tal-10 ta’ Novembru 2000, fil-verżjoni tagħha kif ippubblikata mill-ġdid (5), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 93/13.

8.        Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi:

“1.      Klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata direttament mal-konsumatur hija kkunsidrata li hija inġusta jekk, ikkunsidrata b’mod iżolat jew flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-kuntratt, toħloq, bi ħsara għall-konsumatur jew b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti ta’ bona fede, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet.

[…]

6.      L-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni, minn naħa, meta mqabbla mas-servizzi jew mal-oġġetti pprovduti inkambju, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem.”

9.        Il-punt 1(p) tal-anness tal-Liġi Nru 193/2000 jipprovdi li jiġu ddikjarati inġusti dawk il-klawżoli kuntrattwali li jipprovdu li “l-prezz tal-oġġetti jiġi stabbilit fil-mument tal-konsenja, jew [li jippermettu] lill-bejjiegħ tal-oġġetti jew lill-fornitur tas-servizzi li jżid il-prezzijiet tiegħu mingħajr ma, fiż-żewġ każijiet, il-konsumatur ikollu d-dritt korrispondenti li jirrexxindi l-kuntratt jekk il-prezz finali ikun għoli wisq meta mqabbel mal-prezz miftiehem waqt il-konklużjoni tal-kuntratt”. Jiġi ppreċiżat li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt huma mingħajr xkiel għal klawżoli tal-indiċjar tal-prezzijiet, sa fejn dawn huma legali u sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu”.

10.      Il-punt 2 ta’ dan l-anness jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-punt 1(a), (p) u (t) ma japplikawx għal:

a)      tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-titoli trasferibbli, l-istrumenti finanzjarji u prodotti jew servizzi oħra li l-prezz tagħhom huwa marbut maċ-ċaqliq fil-prezz tas-suq jew fl-indiċi tal-borża jew fir-rata tas-suq finanzjarju li n-negozjant ma għandux kontroll fuqu,

b)      kuntratti ta’ xiri jew bejgħ ta’ muniti, travellers’ cheques jew international money order f’muniti jew strumenti ta’ ħlas internazzjonali oħra.”

11.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 4(6) u l-punt 2 tal-imsemmi anness ġew introdotti bil-Liġi Nru 363/2007, li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2007, u li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 363/2007, il-punt 1(p) tal-anness kien ifformulat kif ġej:

“Jitqiesu bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jippermettu li l-prezz jiġi stabbilit fil-mument tal-konsenja jew li l-prezz jiżdied fil-mument tal-konsenja meta mqabbel ma’ dak li jkun ġie miftiehem waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, jekk il-konsumatur ma jkollux id-dritt li jirrexxindi l-kuntratt meta huwa jqis il-prezz bħala għoli wisq meta mqabbel ma’ dak miftiehem oriġinarjament.”

 Il-kodiċi ċivili

12.      L-Artikolu 1578 tal-kodiċi ċivili, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti, kien jipprovdi:

“L-obbligazzjoni li tirriżulta minn self ta’ flus hija dejjem dik biss tas-somma li tissemma fil-kuntratt.

Jekk ikun hemm żieda jew tnaqqis fil-munita qabel iż-żmien tal-ħlas, id-debitur għandu jirritorna s-somma mislufa, u għandu jħallas dik is-somma biss fil-muniti użati fil-mument tal-ħlas.”

13.      L-Artikolu 970 tal-kodiċi ċivili, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti, huwa fformulat kif ġej:

“Il-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti in bona fide.

Huma jobbligaw mhux biss għal dak li huwa speċifikament imsemmi, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha meħtieġa minħabba n-natura tagħhom, skont l-ekwità, il-konswetudni jew il-liġi”.

 Il-Liġi Nru 190/1999

14.      L-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 190/1999 fuq il-kreditu ipotekarju għall-investimenti fi proprjetà immobbli (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 190/1999”), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, kien jipprovdi:

“Qabel l-iffirmar tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju għal investiment fi proprjetà immobbli, l-istabbiliment awtorizzat għandu jagħti lil min jissellef offerta bil-miktub li fiha jkun hemm il-kundizzjonijiet tal-kuntratt kollha u ż-żmien tal-validità tal-offerta, li ma jistax ikun ta’ inqas minn 10 tijiem minn meta d-debitur potenzjali jirċievi l-offerta.”

15.      L-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 190/1999 huwa fformulat kif ġej:

“Fil-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju għal investiment fi proprjetà immobbli, is-somma tal-kreditu mogħti tista’ tkun iddenominata f’leu jew f’munita konvertibbli u għandha tingħata lil min jissellef f’pagament wieħed jew f’diversi pagamenti”.

 Ir-Regolament Nru 3

16.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3 tal-Banca Naţională a Romaniei (bank nazzjonali tar-Rumanija), tat-12 ta’ Marzu 2007, dwar il-limitazzjoni tar-riskju ta’ kreditu fil-krediti intiżi għall-persuni fiżiċi, daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Awwissu 2008 u jipprovdi:

“Min isellef huwa obbligat jinforma lill-klijenti billi jsemmi, fil-kuntest tal-iskeda tal-pagamenti li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ kreditu jew, fl-assenza ta’ skeda ta’ pagamenti, b’referenza separata fil-kuntratt ta’ kreditu, l-eventwali żieda fl-ammonti dovuti fil-każ li jseħħ ċaqliq tal-kambju jew ir-riskju tar-rata tal-interessi, jew fil-każ ta’ żieda fl-ispiża tal-kreditu li toħroġ mill-kummissjonijiet u spejjeż oħra marbuta mal-immaniġġjar tal-kreditu previsti fil-kuntratt.”

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Mill-eżposizzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, bejn April 2007 u Ottubru 2008, Ruxandra Paula Andriciuc u 68 persuna oħra (iktar ’il quddiem “dawk li ssellfu”) ikkonkludew mal-bank Banca Românească SA (iktar ’il quddiem “il-bank”) kuntratti ta’ kreditu fi franki Svizzeri biex ikunu jistgħu jakkwistaw proprjetà immobbli, għall-finanzjament mill-ġdid ta’ krediti oħra jew sabiex jaqdu bżonnijiet personali.

18.      Skont l-Artikolu 1(2) tal-kuntratt iffirmat minn kull wieħed li ssellef, dawn tal-aħħar kienu obbligati jħallsu l-pagamenti mensili tal-kreditu fi franki Svizzeri. L-Artikolu 8(2) ta’ dan il-kuntrattt kien jipprovdi li “[k]ull pagament magħmul minn min jissellef sabiex iħallas lura l-kreditu għandu jsir fil-munita li fiha jkun ingħata l-kreditu”. Barra minn hekk, l-Artikoli 9.1 u 10.3.9 tal-imsemmi kuntratt kienu jinkludu żewġ klawżoli li, malli jkunu waslu l-iskadenzi tal-pagamenti mensili jew fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza minn min jissellef tal-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija kuntratti, kienu jippermettu lill-bank sabiex jieħu l-flus mill-kont ta’ min issellef u, jekk meħtieġ, jaqleb fil-munita tal-kuntratt il-flus likwidi disponibbli fil-kont tiegħu bir-rata tal-kambju użata mill-bank fil-jum tal-imsemmija operazzjoni. B’applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, kull differenza fir-rati tal-kambju kien ibatiha esklużivament min jissellef.

19.      Skont dawk li ssellfu, il-bank kien f’pożizzjoni li jipprevedi l-evoluzzjoni u ċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju tal-frank Svizzeru. Huma jsostnu li, peress li l-bank naqas milli jinformahom b’mod trasparenti fuq l-imsemmi ċaqliq, huwa aġixxa bi ksur tal-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni, ta’ twissija u ta’ parir kif ukoll tad-dmir tiegħu li jirredieġi l-klawżoli kuntrattwali b’mod ċar u li jinftiehem sabiex min jissellef ikun jista’ jevalwa l-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt li huwa kkonkluda.

20.      Peress li kkunsidraw il-klawżoli li jistabbilixxu l-ħlas lura tal-kreditu fi franki Svizzeri u li jitfgħu l-piż tar-riskju tal-kambju fuq min jissellef kienu jikkostitwixxu klawżoli inġusti, dawk li ssellfu, fit-2 ta’ April 2014, adixxew, għaldaqstant, lit-Tribunalul Bihor (qorti għolja ta’ Bihor, ir-Rumanija) b’kawża intiża, essenzjalment, sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità assoluta tal-imsemmija klawżoli kif ukoll sabiex il-bank jiġi ordnat jistabbilixxi, għal kull wieħed mill-kuntratti ta’ kreditu, skeda ġdida ta’ pagamenti li tipprevedi l-konverżjoni tas-self f’lei Rumeni, bir-rata tal-kambju li kienet fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

21.      Bis-sentenza tagħha Nru 280/COM tat-30 ta’ April 2015, it-Tribunalul Bihor (qorti għolja ta’ Bihor) ċaħdet ir-rikors.

22.      Dawk li ssellfu appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju li, minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt għandu jiġi analizzat billi jitqies strettament il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew għandu jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha, matul iż-żmien tal-kuntratt eżegwit suċċessivament, tibdil sinjifikattiv tar-rata tal-kambju jrendi l-obbligi tal-konsumatur eċċessivament onerużi meta mqabbla mal-istat tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

2.      Il-lingwaġġ sempliċi u ċar ta’ klawżola kuntrattwali previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jinftiehem fis-sens li l-klawżola inkwistjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-kuntratt u l-mod kif din tiffunzjona, jew għandha tindika wkoll il-konsegwenzi kollha li din jista’ jkollha fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur, bħar-riskju tal-kambju, u, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, jista’ wieħed iqis li l-obbligu tal-bank li jinforma lill-klijent fil-mument tal-għoti tal-kreditu jipprevedi biss il-kundizzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri l-interessi, il-kummissjonijiet u l-garanziji imposti fuq il-persuna li tissellef, mingħajr l-inklużjoni taħt dan l-obbligu tal-possibbiltà ta’ żieda fil-valur jew deprezzament ta’ munita barranija?

3.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjonijiet ‘kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt’ u s-‘suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra’, ikopru klawżola inkluża f’kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur li ma ġietx innegozjata individwalment u li skontha l-kreditu għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita?”

23.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn dawk li ssellfu, mill-bank, mill-Gvernijiet Rumeni u Pollakki kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

24.      Saret seduta fid-9 ta’ Frar 2017, li fiha pparteċipaw dawk li ssellfu, il-bank, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni.

 Analiżi

25.      Qabel ma neżamina waħda waħda d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, nixtieq, l-ewwel nett, nagħmel xi osservazzjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju, ammissibbilità li ġiet ikkontestata mill-bank.

26.      Fil-fatt, il-bank esprima d-dubji tiegħu dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula. Huwa jsostni li d-domandi preliminari la kienu neċessarji – fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti fil-materja – u lanqas rilevanti – fid-dawl tan-natura tal-kawża prinċipali. Ir-rinviju preliminari huwa intiż, fir-realtà, li jikseb soluzzjoni individwali sabiex tingħata soluzzjoni konkreta għall-kawża prinċipali.

27.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u, min-naħa l-oħra, ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi magħmula f’dan il-każ ma huma ta’ ebda utilità għall-qorti tar-rinviju, li qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tiddeċiedi dwar jekk huwiex xieraq li jsir rinviju preliminari (6).

28.      F’dan ir-rigward, huwa stabbilit sew li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (7).

29.      Fir-rigward, imbagħad, tal-kontenut tad-domandi magħmula f’dan il-każ, dawn jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-mod li bih għandha tinftiehem, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, evoluzzjoni li tkun seħħet wara l-konklużjoni tal-kuntratt, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tan-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali f’tali kuntest u, it-tielet nett, id-definizzjoni ta’ dak li jaqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” jew l-“adegwatezza tal-prezz” fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

30.      L-istess bħalma ġie ssuġġerit mill-Gvern Rumen, jidhirli li dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati f’ordni li hija bil-kontra minn kif ġew magħmula. Il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li jeskludi mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta ċerti klawżoli kuntrattwali, kif ukoll dik dwar jekk il-klawżoli inkwistjoni ġewx ifformulati b’mod “ċar u li jinftiehem” iqumu qabel kull evalwazzjoni fil-mertu tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli (8).

31.      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli skont iċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ dawk tal-Artikoli 3(1) u 4(2), il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżoli kuntrattwali fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar (9).

 Fuq it-tielet domanda: l-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

32.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk il-klawżola kuntrattwali li skontha l-kreditu jitħallas lura fl-istess munita li fiha ngħata – u li, skont dawk li ssellfu, titfa’ għaldaqstant il-piż tar-“riskju tal-kambju” fuq il-konsumatur – taqax taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

33.      Wara li nagħmel ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tat-tagħlim tal-ġurisprudenza, ser neżamina l-każ tal-kuntratti tas-self bħalma huma dawk involuti fil-kawża prinċipali.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

34.      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ma jiġux evalwati għan-natura inġusta tagħhom il-klawżoli li jirrigwardaw il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt” u “[]s-suffiċjenza [l-adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra”. Din id-dispożizzjoni tistrieħ fuq l-idea li ċ-ċentru tar-relazzjoni kuntrattwali (essentialia negotii) ma għandux, fil-prinċipju, ikun affettwat minn intervent estern (10), u b’mod partikolari mill-intervent tal-qorti.

35.      Fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tipprovdi ċerti kjarifiki importanti fuq il-portata ta’ din id-dispożizzjoni u fuq il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fl-eżami tal-klawżoli kuntrattwali fid-dawl ta’ dawn.

36.      L-ewwel nett, hija ddikjarat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu bilfors jiġi interpretat b’mod strett, peress li dan jagħti eċċezzjoni mill-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti kif previst fid-Direttiva 93/13 (11).

37.      Imbagħad, hija enfasizzat li l-kunċetti użati fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (12).

38.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt”, dan jirreferi għall-klawżoli li jistabbilixxu l-obbligazzjonijiet essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Il-klawżoli li huma ta’ natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza nnifisha tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux għaldaqstant jaqgħu taħt il-kunċett tas-“suġġett prinċipali”. Għandu jiġi enfasizzat li, biex wieħed jiddistingwi bejn dak li huwa “essenzjali” minn dak li huwa “aċċessorju” f’kuntratt speċifiku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, l-istruttura ġenerali u l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni kif ukoll il-kuntest ġuridiku u fattwali tiegħu (13).

39.      Fit-tieni lok, ġie ppreċiżat li l-klawżoli li jirrigwardaw il-prezz u r-remunerazzjoni għandhom portata mnaqqsa, peress li ma jirrigwardawx l-adegwatezza tal-prezz fir-rigward tar-remunerazzjoni. Peress li ma teżisti l-ebda skala jew kriterju li jistgħu jiggwidaw lill-qorti fl-istħarriġ tagħha, ma tistax fil-fatt tiġi eskluża l-evalwazzjoni tan-natura inġusta (14).

 Il-klawżoli li jeżiġu l-ħlas lura ta’ self f’ċerta munita jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni?

40.      F’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit jekk klawżola mdaħħla f’kuntratt ta’ self konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ negozjati individwali u li skontha l-kreditu għandu jitħallas lura f’dik l-istess munita taqax taħt waħda miż-żewġ ipoteżijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

41.      Fid-dawl tal-portata limitata tal-esklużjoni li tikkonċerna l-klawżoli li jirrigwardaw il-prezz u r-remunerazzjoni, imfakkra fil-punt 39 iktar ’il fuq, jidhirli li huwa eskluż li l-klawżola li teżiġi l-ħlas lura tas-self fil-munita li fih ikun ingħata tista’ tirreferi għat-tieni raġuni għal esklużjoni.

42.      Min-naħa l-oħra, jiena tal-fehma li din il-klawżola tirrigwarda s-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Fil-fatt, jidhirli li l-klawżola li teżiġi l-ħlas lura ta’ self fil-munita li fih ikun ingħata s-self tikkostitwixxi element essenzjali tal-obbligazzjoni tad-debitur li tikkonsisti fil-ħlas lura tal-ammont mogħti lilu minn dak li jsellef.

43.      B’mod ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ tal-kuntratti ta’ kreditu, minn naħa, l-obbligazzjoni essenzjali tal-bank hija li jagħmel is-somma mislufa disponibbli u, min-naħa l-oħra, dik ta’ min jissellef hija l-ħlas lura tal-kapital u l-interessi (li jirrappreżentaw il-prezz tal-kreditu). Issa, dawn l-obbligazzjonijiet huma marbutin b’mod inseparabbli mal-munita li fih ingħata l-kreditu, u wieħed ma jistax jikkunsidra li huma biss l-ammonti kkwantifikati msemmija, bl-esklużjoni tal-munità ta’ riferiment, li jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tal-kuntratt (15).

44.      Il-fatt li kreditu għandu jitħallas lura f’ċerta munita jikkostitwixxi, evidentement, wieħed mill-pilastri ta’ kuntratt ta’ self, b’mod partikolari ta’ self iddenominat f’munita barranija. Permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, min issellef jintrabat, prinċipalment, li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ min jissellef ċerta somma ta’ flus. Dan tal-aħħar jintrabat, min-naħa tiegħu, prinċipalment li jħallas lura, ġeneralment bl-interessi, din is-somma skont l-iskadenzi previsti. Dawn l-obbligazzjonijiet essenzjali jirreferu għaldaqstant għal somma flus li għandha, neċessarjament, tkun iddefinita b’riferiment għal standard ta’ valur speċifiku, jiġifieri l-munita tal-ħlas u tal-ħlas lura stipulata fil-kuntratt ta’ kreditu.

45.      Din il-konklużjoni hija, fil-fehma tiegħi, imsaħħa mill-fatt li, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni fir-rigward tal-munita li fiha s-self għandu jitħallas lura, hemm il-preżunzjoni li dan għandu jsir fl-istess munita bħal dik li fiha jkun ingħata s-self. Fil-fatt, skont il-prinċipju tan-nominaliżmu monetarju, li hija regola tad-dritt mifruxa ħafna b’mod partikolari fis-sistemi legali tat-tradizzjoni tal-liġi ċivili, huwa meħtieġ li t-tmiem ta’ obbligazzjoni pekunjarja ssir bil-ħlas tas-somma numerika msemmija fil-ftehim ta’ bejn il-partijiet, mingħajr ma dak l-ammont jiġi affettwat minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ valur. Din ir-regola, li ġiet stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 1578 tal-kodiċi ċivili Rumen (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), tipprojbixxi fil-prinċipju l-intervent sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċaqliq fil-valur monetarju, kemm jekk għall-għoli jew għall-baxx, biex jiġi mibdul l-ammont dovut fil-ġurnata tal-ħlas. Mistoqsi waqt is-seduta f’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen ikkonferma li, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni li tkun tinsab fil-kuntratt tas-self fir-rigward tal-munita li fiha għandu jsir il-ħlas lura tas-self, għandu jiġi konkluż li dan il-ħlas lura għandu jsir fl-istess munita bħal dik li fiha jkun ingħata is-self.

46.      Barra minn hekk, fir-rigward tas-self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk wieħed jara n-natura, l-istruttura ġenerali u d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt, l-obbligazzjoni tal-ħlas lura fi franki Svizzeri hija, fil-fehma tiegħi, ta’ natura essenzjali.

47.      Din il-konklużjoni toħroġ kemm mill-formulazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-kuntest fattwali u ġuridiku li fih ġew konklużi l-kuntratti ta’ self inkwistjoni.

48.      Hemm żewġ elementi ta’ kuntest, li huma partikolari għall-kawża prinċipali, li jidhirli li huma determinanti f’dan ir-rigward.

49.      L-ewwel wieħed huwa li l-kuntratti ta’ self f’munita barranija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġeneralment japplikaw għalihom rata ta’ interessi iktar baxxa minn dawk f’munita nazzjonali, u dan preċiżament b’kunsiderazzjoni tar-“riskju tal-kambju” li huma jistgħu jwasslu għalih fil-każ ta’ żvalutar tal-munita nazzjonali (16).

50.      It-tieni element li għandu jissemma huwa li l-bank, b’mod konkret, ta s-self fi franki Svizzeri u huwa intitolat jikseb il-ħlas lura ta’ dak is-self fl-istess munita. Fl-ebda mument ma jipproċedi, kif jidher li qiegħda tissuġġerixxi l-Kummissjoni, għall-kambju tal-munita, u dawk li ssellfu jibqgħu liberi li jħallsu l-pagamenti mensili fi franki Svizzeri indipendentement mis-sors. L-obbligazzjoni tal-ħlas lura tal-pagamenti mensili fi franki Svizzeri hija ’l bogħod milli titqies element aċċessorju tal-kuntratt. Hija ma tirrigwardax modalità ta’ ħlas aċċessorja, imma fil-fatt in-natura stess tal-obbligazzjoni tad-debitur.

51.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi li wasslu għal din il-kawża huma differenti minn dak li wasslu għall-kawża li tat lok għas-sentenza Kásler u Káslerné Rábai (17). F’din l-aħħar kawża, mhux biss is-self kien ġie ddenominat fi franki Svizzeri u kellu jitħallas lura fil-munita nazzjonali (forint Ungeriż), iżda l-pagamenti mensili kienu kkalkolati skont il-prezz tal-bejgħ ta’ dik il-munita pprattikat mill-istabbilment bankarju inkwistjoni. Bil-kontra tal-approċċ li ddefenda l-Gvern Pollakk, jiena tal-fehma li teżisti differenza bejn il-kuntratti ta’ kreditu f’muniti barranin u l-krediti indiċjati fuq muniti barranin. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-ħlas lura jsir dejjem f’munita nazzjonali. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex eżatt li l-klawżola tal-ħlas lura f’munita barranija tiġi mqabbla ma’ klawżola msejħa “monetarja”. Ir-riklassifikazzjoni tal-kuntratt inkwistjoni bħala kuntratt ta’ kreditu sempliċiment “indiċjat fuq munita barranija” tinjora l-fatt li r-riferiment għall-munita barranija huwa element ċentrali tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self.

52.      Ukoll, bil-kontra ta’ klawżola li tirrigwarda mekkaniżmu ta’ tibdil fl-ispejjeż ta’ servizzi pprovduti lill-konsumaturi (bħalma huwa dak inkwistjoni fil-kawża Invitel (18)) jew ta’ servizzi offruti min-negozjant, ir-“riskju tal-kambju” jagħmel sewwasew parti mill-elementi ċentrali tal-kuntratt ta’ self f’muniti barranin. Bl-istess mod, għalkemm, kif iddeċidiet il-Qorti fil-kawża Matei (19), il-kunċett tal-“ispiża totali tal-kreditu” fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Direttiva 2008/48/KE (20), ma jistax jixxebbah ma’ dak tas-“suġġett prinċipali tal-kuntratt”, il-munita li fiha jrid jitħallas lura s-self hija obbligazzjoni essenzjali li tikkaratterizza l-kuntratt ta’ self.

53.      Fl-aħħar nett, qabel ma nikkonkludi rigward it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa importanti li tiġi ttrattata fil-qosor il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, jistax jiġi invokat l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.

54.      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva “[i]l-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni]”. Din l-esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa ekwilibriju bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet f’ċerti kuntratti (21).

55.      F’dan ir-rigward, il-fatt li qorti tar-rinviju fformulat formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija għamlet riferiment għalihom jew le fid-domandi tagħha. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (22).

56.      Issa, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ġie osservat, b’mod partikolari mill-Gvern Rumen u mill-bank, li tqum il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli inkwistjoni kinux biss ir-riflessjoni tal-prinċipju tan-nominaliżmu monetarju stabbilit fl-Artikolu 1578 tal-kodiċi ċivili Rumen (ara l-punt 12 iktar ’il fuq).

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, li tinsab f’kuntratt konkluż minn negozjant ma’ konsumatur, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss jekk l-imsemmija klawżola kuntrattwali tirrifletti l-kontenut ta’ dispożizzjoni legali jew regolamentari mandatorja, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (23).

58.      F’dan il-każ, huwa permissibbli li wieħed ikollu dubji, minn naħa, dwar jekk il-prinċipju tan-nominaliżmu monetarju kienx japplika b’mod assolut fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, biex jiġi stabbilit jekk l-effett abbużiv preżunt jirriżultax mid-dritt nazzjonali biss jew mill-effett konġunt ta’ dan u tal-klawżoli inkwistjoni. Fid-dawl tal-portata restrittiva tal-esklużjoni prevista fl-Artikoli 1(2) tad-Direttiva 93/13, ma huwiex ċert li din tapplika peress li l-Artikolu 1578 tal-kodiċi ċivili jista’ jitqies bħala regola li wieħed jista’ jvarja minnha. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti nazzjonali biss li għandha tagħmel il-verifiki f’dan ir-rigward.

59.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali li jagħmlu parti minnu dawn tal-aħħar, jekk il-klawżola kkonċernata, li skontha l-kreditu għandu jitħallas lura fl-istess munita bħal dik li ngħata fiha, tirriflettix dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Jekk le, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra li din il-klawżola taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, u dan jeskludi lill-imsemmija klawżola mill-eżami tan-natura potenzjalment inġusta tagħha. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ klawżola mdaħħla f’kuntratt ta’ self li taħtha min jissellef għandu jħallas is-somma fl-istess munita bħal dik li fiha ngħata s-self.

 Fuq it-tieni domanda preliminari: kunċett ta’ natura “ċara u li tinftiehem” tal-klawżoli kuntrattwali

60.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk l-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali, f’dan il-każ dik li tipprovdi għall-obbligu tal-konsumatur sabiex iħallas lura l-kreditu li ngħatalu fl-istess munita, għandhiex tkun akkumpanjata b’informazzjoni eżawrjenti rigward il-konsegwenzi ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minn din il-klawżola.

61.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li r-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali li jorbtu konsumatur u negozjant għandu jiġi osservat anki meta l-klawżola taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (24). Il-klawżoli msemmija f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li jaqgħu taħt il-qasam irregolat mid-direttiva, jevitaw l-evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom biss sa fejn il-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami individwali ta’ kull każ, li huma ġew redatti min-negozjant b’mod ċar u li jinftiehem (25). Fi kliem ieħor, tkun xi tkun il-konklużjoni li għaliha tasal il-qorti a quo fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għall-klawżoli inkwistjoni, ir-rekwiżit li huma jiġu redatti b’mod “ċar u li jinftiehem” japplika.

62.      Sussegwentement, illum jinsab stabbilit sew li r-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, li għandu jiġi analizzat fid-dawl tal-premessa għoxrin tad-Direttiva 93/13 (26) u li għandu l-istess portata bħal dak ikkontemplat fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, huwa ta’ importanza fundamentali u jimplika li l-konsumatur jieħu konjizzjoni effettiva tal-klawżoli kollha. Fil-fatt huwa abbażi tal-informazzjoni pprovduta min-negozjant li l-konsumatur jiddeċiedi li jintrabat kuntrattwalment mal-istess negozjant (27).

63.      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku wkoll li dan ir-rekwiżit għandu jinftiehem b’mod estensiv: huwa ma jistax jiġi ridott għal aspett formali u grammatikali, iżda jimplika li l-konsumatur ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jistgħu jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih, bħalma huwa l-eventwali tibdil fl-ispejjeż li huwa jkollu jinkorri (28). F’dan il-kuntest, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li wieħed jista’ jistenna minn konsumatur medju li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (29).

64.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa kruċjali, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ obbligi finanzjarji partikolarment onerużi, bħalma huma dawk li jistgħu jikkaratterizzaw is-self mogħti għal żmien twil, li n-negozjanti jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni biżżejjed biex jippermettulhom jidħlu fil-kuntratt b’għarfien sħiħ.

65.      B’mod iktar preċiż, meta huwa jkun ser jipproponi lil konsumatur kuntratt standard ta’ self, in-negozjant għandu jesponi, permezz ta’ informazzjoni li tinftiehem faċilment, il-konsegwenzi potenzjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan il-konsumatur. Dan tal-aħħar għandu, b’mod partikolari, ikun f’pożizzjoni li jifhem li huwa dieħel biex, inkambju għal ċerti vantaġġi finanzjarji (bħal pereżempju rata ta’ interessi baxxa), jassumi ċertu livell ta’ riskju. Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każijiet ta’ krediti li ma jirrigwardawx proprjetà immobbli, jiżdiedu mal-obbligu ġenerali ta’ informazzjoni li joħroġ mid-Direttiva 93/13 obbligi iktar preċiżi previsti mid-direttivi fuq il-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumaturi (30).

66.      Biex nerġa’ lura għall-każ ineżami, filwaqt li l-konsumatur medju, raġonevolment attent u avżat huwa, fil-prinċipju, f’pożizzjoni li jifhem li rata tal-kambju monetarju tista’ tvarja, huwa għandu, min-naħa l-oħra, ikun informat b’mod ċar bil-fatt li, bil-fatt li jiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, huwa jkun espost għal ċertu riskju tal-kambju li eventwalment, ikun ekonomikament diffiċli għalih li jassumi fil-każ ta’ żvalutar tal-munita li fiha huwa jirċievi d-dħul tiegħu (31).

67.      F’dan il-kuntest, għandu jkun mitlub min-negozjant, f’dan il-każ il-bank, li huwa jesponi, fid-dawl tal-esperjenza u l-għarfien tiegħu fil-qasam, il-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti għat-teħid ta’ self f’munita barranija, b’mod partikolari fil-każ fejn il-konsumatur li jissellef ma jirċevix id-dħul tiegħu f’dik il-munita.

68.      Madankollu, jidhirli li ma huwiex raġonevoli li n-negozjant ikun mitlub li jinforma, fl-istadju tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, lill-konsumatur bil-fatt li jkunu seħħew avvenimenti jew żviluppi wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jipprevedi. Wieħed ma jistax jitlob lin-negozjanti biex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni barra minn dik li huma għandhom jew li, oġġettivament, għandu jkollhom għarfien tagħha fil-mument tal-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt.

69.      F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ elementi li juru li l-bank kien f’pożizzjoni li jipprevedi l-iżvilupp, ġeneralment storiku, tar-rata tal-kambju bejn il-leu Rumen u l-frank Svizzeru fl-iskala li ġiet osservata mis-sena 2007 u li huwa naqas deliberatament milli jinforma lil dawk li ssellfu b’dan, jidhirli li huwa ċar li ma huwiex raġonevoli li n-negozjant ikun meħtieġ li huwa biss ibati r-riskju tal-kambju. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li n-negozjant effettivament aċċerta ruħu li l-konsumaturi kkonċernati kienu fehmu sew il-klawżoli tal-kuntratt ta’ self u għaldaqstant li huma kienu kompletament f’pożizzjoni li jevalwaw il-konsegwenzi ekonomiċi tiegħu.

70.      F’dan ir-rigward, il-problema li għandna quddiemna għandha tkun distinta minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282).

71.      F’din l-aħħar kawża, kien determinanti li jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom il-pubbliċità u l-informazzjoni pprovduti minn dak li jsellef fil-kuntest tan-negozjar ta’ kuntratt ta’ self, konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, setax mhux biss isir jaf bl-eżistenza tad-differenza, ġeneralment osservata fis-suq tat-titoli trasferibbli, bejn ir-rata tal-kambju tal-bejgħ u r-rata tal-kambju tax-xiri ta’ munita barranija, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, li jistgħu jkunu sinjifikattivi għalih, tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ħlasijiet li huwa ser ikollu finalment iħallas u, għaldaqstant, l-ispiża totali tas-self li ħa (32). Infakkar li, fil-kawża msemmija, il-kwistjoni ma kinitx direttament iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju, imma l-fatt li l-ħlasijiet mensili għall-ħlas lura tas-self kienu kkalkolati skont ir-rata tal-kambju tal-bejgħ tal-munita pprattikata mill-bank.

72.      Bħala konklużjoni, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li l-klawżola dwar il-ħlas lura tal-kreditu fl-istess munita tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Dan ir-rekwiżit ma jistax madankollu jwassal sabiex jobbliga lin-negozjant jantiċipa u jinforma lill-konsumatur bi żviluppi sussegwenti li ma humiex prevedibbli, bħalma huma dawk li jikkaratterizzaw iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju tal-muniti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li dan in-negozjant jassumi l-konsegwenzi tiegħu.

 Fuq l-ewwel domanda: il-mument tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “żbilanċ sinfikanti”

73.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-“[i]żbilanċ sinfikanti [sinjifikattiv]” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, għandux jiġi analizzat b’riferiment biss għas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt jew jistax jittieħed inkunsiderazzjoni żvilupp li jseħħ wara l-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt li rrenda l-obbligi finanzjarji tal-konsumatur eċċessivament onerużi meta mqabbla ma’ dawk li kien hemm fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

74.      B’mod preliminari, jidhirli li huwa opportun li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva 93/13 u mis-sistema ta’ protezzjoni li hija tipprevedi, din il-kwistjoni jkollha sens biss jekk wieħed jasal biex jikkonkludi li l-klawżola inkwistjoni ma taqax taħt l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva – għaliex hija ma tirreferix la għas-suġġett u lanqas għall-prezz tas-servizz jew ukoll għaliex ma hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem – u li hija suġġetta għaldaqstant għal eżami fil-mertu tan-natura inġusta tagħha. Fil-każ kuntrarju, din il-kwistjoni tidher bħala irrilevanti.

75.      Fil-każ li jirriżulta neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-mument li fih wieħed għandu jevalwa l-eżistenza ta’ “żbilanċ sinfikanti [sinjifikattiv]” bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 (33), jiena tal-fehma li jirriżulta ċar kemm mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kif ukoll min-natura tal-protezzjoni li hija tagħti lill-konsumatur li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali żbilanċ għandha ssir b’riferiment għaċ-ċirkustanzi u l-elementi ta’ informazzjoni disponibbli fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

76.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva, skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-eżistenza ta’ “żbilanċ sinifikanti [sinjifikattiv] fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt”. Din id-dispożizzjoni teskludi, a priori, kull riferiment għal avvenimenti jew żviluppi li jseħħu wara l-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

77.      Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, “il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu (34)”.

78.      Dawn id-dispożizzjonijiet jindikaw b’mod ċar biżżejjed li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

79.      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-għan imfittex mid-Direttiva 93/13, dan huwa intiż li jiggarantixxi lill-konsumatur protezzjoni kontra l-inserzjoni, min-negozjanti, ta’ klawżoli kuntrattwali li jirriżultaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom jiġi konkluż il-kuntratt inkwistjoni kif ukoll tal-klawżoli l-oħra tiegħu (35), li jwasslu biex joħolqu żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet fil-kuntratt. F’dan il-kuntest għandu jiġi vverifikat li n-negozjant, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, seta’ raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta l-konklużjoni tal-kuntratt (36).

80.      Għalkemm, b’applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, huwa evidenti li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – u għaldaqstant tal-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet għad-detriment tal-konsumatur – għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjant seta’ kellu għarfien tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u li kienu tali li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ dan, din l-evalwazzjoni ma tista’ qatt tiddependi fuq l-avvenimenti li jiġru wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huma indipendenti mill-volontà tal-partijiet.

81.      Fil-fehma tiegħi, jekk mill-aspett tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu ċċensurati klawżoli kuntrattwali li jistabbilixxu żbilanċ favur in-negozjant, dan tal-aħħar ma jistax, min-naħa l-oħra, jinżamm responsabbli għal żviluppi li jseħħu wara l-konklużjoni tal-kuntratt li huma indipendenti mill-volontà tiegħu. Kieku kellu jkun bil-kontra, mhux biss in-negozjant jitgħabba b’obbligi sproporzjonati, iżda wkoll ikun ippreġudikat il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

82.      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni netta bejn il-każ fejn klawżola kuntrattwali twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u l-każ fejn, għalkemm ma jkunx hemm klawżola inġusta, l-obbligi tal-konsumatur ikunu, minħabba tibdil fiċ-ċirkustanzi li jseħħ wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u li huwa indipendenti mill-volontà tal-partijiet, ipperċepiti minn dan tal-aħħar bħala iktar onerużi.

83.      L-ewwel ipoteżi, li tikkorrispondi b’mod partikolari għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C-92/11, EU:C:2013:180) u li kienet tikkonċerna l-possibbiltà tan-negozjant li, bl-inserzjoni ta’ klawżola standard, jibdel unilateralment il-prezz tal-provvista ta’ servizzi (forniment ta’ gass), l-“iżvilupp sussegwenti” għall-kuntratt inkwistjoni kien jikkonċerna effettivament l-implementazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li kienet, sa mill-bidu, inġusta minħabba li ġġib żbilanċ sinjifikattiv bejn il-partijiet.

84.      It-tieni ipoteżi, jiġifieri dik fejn ma tkun teżisti l-ebda klawżola inġusta iżda fejn, minħabba l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi, l-obbligi li jkollu l-konsumatur jiġu pperċepiti minn dan tal-aħħar bħala eċċessivi, ma taqax, min-naħa l-oħra, taħt il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 93/13 (37).

85.      Jidhirli li dan huwa l-każ tal-klawżola li, fil-każ ta’ kuntratt ta’ self f’munita barranija, timponi li l-ħlasijiet mensili tal-ħlas lura tas-self għandhom isiru f’dik l-istess munita u, għaldaqstant, fil-każ ta’ żvalutar tal-munita nazzjonali meta mqabbla ma’ dik l-istess munita “titfa’” ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur.

86.      Ma jidhirx li tali klawżola, bħala tali, iġġib żbilanċ. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju, li, infakkar, jista’ jseħħ kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel, huwa fatt li ma jiddependix mill-volontà ta’ xi waħda mill-partijiet fil-kuntratt tas-self. Il-fatt li l-obbligazzjoni li min jissellef għandu jwettaq tkun saret, minħabba ċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju, iktar oneruża, meta din tinqaleb f’munita nazzjonali ma jistax iwassal biex jittrasferixxi r-riskju tal-kambju fuq min isellef.

87.      Barra minn hekk, biex jiġi kkonstatat żbilanċ sinjifikattiv, għandha tiġi kkonstatata differenza bejn l-ammont misluf u l-ammont imħallas lura. Issa, tali differenza ma teżistix: l-istituzzjoni bankarja sellfet ċerta numru ta’ unitajiet monetarji u hija għandha dritt li tikseb il-ħlas lura ta’ dak l-istess numru ta’ unitajiet monetarji.

88.      Fi kliem ieħor, il-fatt li r-riskju tal-kambju jintefa’ fuq il-konsumatur ma joħloqx, minnu nnifsu, żbilanċ sinjifikattiv, peress li n-negozjant (f’dan il-każ il-bank) ma għandux il-kontroll tar-rata tal-kambju li ser tkun fis-seħħ wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

89.      Filwaqt li l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv għandha tiġi evalwata wkoll b’riferiment għall-avvenimenti li l-kreditur professjonali kien jaf bihom jew seta’ jipprevedi fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward ta’ avvenimenti li jseħħu matul il-ħajja tal-kuntratt inkwistjoni, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet.

90.      Bħala konklużjoni u fil-każ li jitqies neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt għandu jiġi evalwat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjant seta’ raġonevolment jipprevedi waqt il-konklużjoni tal-kuntratt. Dan l-iżbilanċ ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġi evalwat b’riferiment għal żviluppi sussegwenti għall-konklużjoni tal-kuntratt, bħalma huwa ċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju, li n-negozjant ma kellux il-kontroll tiegħu u li huwa ma setax jantiċipa.

 Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmulin mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija) bil-mod li ġej:

1)      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura ġenerali u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati kif ukoll fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali li jagħmlu parti minnu dawn tal-aħħar, jekk il-klawżola kkonċernata, li skontha l-kreditu għandu jitħallas lura fl-istess munita bħal dik li ngħata fiha, tirriflettix dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Jekk le, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra li din il-klawżola taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, u dan jeskludi lill-imsemmija klawżola mill-eżami tan-natura potenzjalment inġusta tagħha. Dan jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ klawżola mdaħħla f’kuntratt ta’ self li taħtha min jissellef għandu jħallas is-somma fl-istess munita bħal dik li fiha ngħata s-self.

2)      Ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li l-klawżola dwar il-ħlas lura tal-kreditu fl-istess munita tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Dan ir-rekwiżit ma jistax madankollu jwassal sabiex jobbliga lin-negozjant jantiċipa u jinforma lill-konsumatur bi żviluppi sussegwenti li ma humiex prevedibbli, bħalma huma dawk li jikkaratterizzaw iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju tal-muniti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li dan in-negozjant jassumi l-konsegwenzi tiegħu.

3)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt għandu jiġi evalwat b’riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjant seta’ raġonevolment jipprevedi waqt il-konklużjoni tal-kuntratt. Dan l-iżbilanċ ma jistax, min-naħa l-oħra, jiġi evalwat b’riferiment għal żviluppi sussegwenti għall-konklużjoni tal-kuntratt, bħalma huwa ċ-ċaqliq fir-rata tal-kambju, li n-negozjant ma kellux il-kontroll tiegħu u li huwa ma setax jantiċipa.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3      Din il-kawża hija differenti kemm mill-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282), li kienet tirrigwarda l-klawżoli kuntrattwali li jiddeterminaw ir-rati applikabbli rispettivament għall-għoti u għall-ħlas lura tas-self, kif ukoll mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127), li kienet tirrigwarda l-klawżoli, min-naħa, li jippermettu taħt ċerti kundizzjonijiet, lil min isellef li jbiddel ir-rata tal-interessi u, min-naħa l-oħra, li jipprovdu għall-ġbir, min-naħa ta’ dan, ta’ kummissjoni għar-riskju.


4      Ara l-punt 1 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:85). Skont l-informazzjoni li seta’ jkolli għad-dispożizzjoni tiegħi, is-self fi franki Svizzeri kien ittieħed minn iktar minn 50 000 familja fir-Rumanija. Jirriżulta, barra minn hekk, mill-informazzjoni mibgħuta fil-kuntest ta’ din il-kawża li r-rata tal-kambju bejn il-frank Svizzeru u l-leu Rumen kienet, bejn l-2007 u l-2014, bejn wieħed u ieħor irdoppjat. Għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’deċiżjoni bid-data tas-7 ta’ Frar 2017, il-Curtea Constituțională (qorti kostituzzjonali, ir-Rumanija), fil-kompożizzjoni ta’ assemblea plenari, iddikjarat invalida leġiżlazzjoni Rumena li baxxiet ir-rata tal-kambju li kellha tiġi applikata waqt il-ħlas lura tas-self fi franki Svizzeri, għall-iskopijiet, x’aktarx, li tipprevjeni u tirrimedja s-sitwazzjonijiet ta’ djun eċċessiv. Dik il-qorti kkunsidrat b’mod partikolari li, billi mexa b’dak il-mod, il-leġiżlatur kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, għaldaqstant, aġixxa bi ksur tar-regoli ta’ ordni kostituzzjonali. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li kawżi oħra, attwalment pendenti (ara b’mod partikolari l-Kawżi C‑627/15, Gavrilescu; C‑483/16, Sziber; C‑38/17, GT, C‑51/17, Ilyés u Kiss, C‑118/17, Dunai, C‑119/17, Lupean u Lupean kif ukoll C‑126/17, Czakó), jirrigwardaw ukoll il-prattika tas-self f’muniti barranin.


5      Ippubblikata mill-ġdid l-iktar reċentement fil-Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 543, tat-3 ta’ Awwissu 2012.


6      Anki fejn tkun teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun (ara b’mod partikolari s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


7      Għal applikazzjoni reċenti ta’ dawn il-prinċipji, isir riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C-421/14, EU:C:2017:60, punti 29 sa 34).


8      Għal eżerċizzju simili, ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 41 u 42).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 48); tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 45), u tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 53).


10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:85, punt 33).


11      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 42); tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punt 49), u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C-96/14, EU:C:2015:262, punt 31).


12      Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 49 u 50); tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punti 53 u 54), u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C-96/14, EU:C:2015:262, punt 33).


14      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 54 u 55), u tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punti 55 u 56).


15      Għal eżami iktar iddettaljat tal-“obbligazzjonijiet essenzjali” li jikkaratterizzaw kuntratt ta’ kreditu, nieħu l-libertà li nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:85, punti 56 sa 65).


16      Ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 2/2014 PJE de la Kúria (qorti suprema, l-Ungerija), mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt ċivili li għaliha s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Banif Plus Bank (C-312/14, EU:C:2015:794, punti 43 sa 45) tagħmel riferiment espliċitu. F’din id-deċiżjoni, il-Kúria ddeċidiet li, fil-prinċipju, il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita li għandhom l-effett li, inkambju għal rata ta’ interessi iktar favorevoli minn dik offruta għas-self iddenominat f’munita nazzjonali, ir-riskju li togħla l-munita jaqa’ kompletament fuq il-konsumatur, jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt.


17      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282).


18      Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C-472/10, EU:C:2012:242).


19      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127).


20      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C-92/11, EU:C:2013:180, punt 28) u l-premessa tlettax tad-Direttiva Nru 93/13.


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C-115/08, EU:C:2009:660, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 80).


24      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 68).


25      Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C-484/08, EU:C:2010:309, punt 32).


26      Din il-premessa teżiġi li “l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.


27      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 66 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punti 71 u 72); tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punt 73), u tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C-348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punti 51, 52, 55 u 60).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 74), u tas-26 ta’ Frar 2015, Matei (C-143/13, EU:C:2015:127, punt 75).


30      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva 2008/48.


31      Ara, f’dan ir-rigward, ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, tal-21 ta’ Settembru 2011, dwar self f’munita barranija (BERS/2011/1) (ĠU 2011, C 342, p. 1), Rakkomandazzjoni A – Għarfien ta’ dawk li jissellfu dwar ir-riskju, punt = 1.


32      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282, punt 74).


33      Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164), u tas-16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado (C-226/12, EU:C:2014:10).


34      Korsiv miżjud minni.


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Constructora Principado (C-226/12, EU:C:2014:10, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C-415/11, EU:C:2013:164, punt 69).


37      Id-Direttiva 93/13 hija intiża biss sabiex tiskoraġġixxi u tissanzjona l-użu min-negozjanti ta’ klawżoli li jġibu żbilanċ sinjifikattiv u mhux biex tirregola sitwazzjonijiet legali ta’ “impreviżjoni”, li jistgħu eventwalment jiġu indirizzati mid-dritt nazzjonali.