Language of document : ECLI:EU:C:2017:703

Kawża C-186/16

Ruxandra Paula Andriciuc et

vs

Banca Românească SA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 3(1) u Artikolu 4(2) – Evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali – Kuntratt ta’ kreditu konkluż f’munita barranija – Riskju tal-kambju jinġarr b’mod sħiħ mill-konsumatur – Żbilanċ sinjifikattiv bejn id-dritttijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt – Mument li fih għandu jiġi evalwat l-iżbilanċ – Portata tal-kunċett ta’ klawżoli ‘abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar’ – Livell ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-bank”

Sommarju– Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Settembru 2017

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji imperattivi – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jirrigwardaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti inkambju – Kunċett – Klawżola integrata f’kuntratt ta’ self konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur mingħajr ma tkun ġiet innegozzjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li l-kreditu għandu jiġi rrimborsat f’din l-istess munita – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ intelliġibbiltà u ta’ trasparenza

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Kamp ta’ applikazzjoni – Klawżoli li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew li jirrigwardaw il-prezz jew ir-remunerazzjoni u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti inkambju – Klawżola integrata f’kuntratt ta’ self konkluż f’munita barranija bejn negozjant u konsumatur mingħajr ma tkun ġiet innegozzjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li l-kreditu għandu jiġi rrimborsat f’din l-istess munita – Inklużjoni – Kundizzjonijiet – Obbligu ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ intelliġibbiltà u ta’ trasparenza – Livell ta’ informazzjoni rikjesta – Portata – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 4(2))

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 – Żbilanċ sinifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw minn kuntratt – Evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-eżistenza tal-imsemmi żbilanċ imwettaq fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi kollha magħrufa min-negozzjant fl-imsemmi mument

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 27-31)

2.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkopri klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inserita f’kuntratt ta’ self f’munita barranija li ma ġietx innegozjata b’mod individwali u li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li fiha ngħata s-self, peress li din il-klawżola tistabbilixxi prestazzjoni essenzjali li tikkaratterizza dan il-kuntratt. Konsegwentement, din il-klawżola ma tistax titqies bħala inġusta, sa fejn tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, permezz ta’ kuntratt ta’ kreditu, il-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tipprovdi lill-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tirrimborsa, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont skont l-iskadenzi previsti. Il-prestazzjonijiet ta’ tali kuntratt huma marbuta, għaldaqstant, ma’ ammont ta’ flus li għandu jiġi ddefinit inkwantu l-munita tal-ħlas u tar-rimbors stabbilita. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li kreditu għandu jiġi rrimborsat f’ċerta munita huwa marbut, bħala prinċipju, mhux ma’ modalità aċċessorja tal-ħlas, iżda man-natura stess tal-obbligu tad-debitur, u b’hekk jikkostitwixxi element essenzjali ta’ kuntratt ta’ self.

(ara l-punti 38, 41, u d-dispożittiv 1)

3.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem jippreżumi li, fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu, l-istabbilimenti finanzjarji għandhom jipprovdu lill-persuni li jissellfu informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet infurmati sew u prudenti.F’dan ir-rigward, dan ir-rekwiżit jimplika li klawżola li tistabbilixxi li s-self għandu jiġi rrimborsat fl-istess munita barranija li jkun ingħata fiha s-self, għandha tinftiehem mill-konsumatur kemm fuq livell formali u grammatikali, iżda wkoll fir-rigward tal-portata konkreta tagħha, fis-sens li konsumatur li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u avżat, ikun jista’ mhux biss jaf bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward.

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, il-persuna li tissellef għandha tiġi informata b’mod ċar bil-fatt li, billi tiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, hija tesponi ruħha għal riskju tal-kambju li possibbilment ikun ekonomikament diffiċli li tiġġestixxi f’każ ta’ żvalutazzjoni tal-munita li fiha hija tirċievi d-dħul tagħha. Min-naħa l-oħra, in-negozjant, f’dan il-każ l-istabbiliment bankarju, għandu jesponi il-varjazzjonijiet possibbli tar-rata tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, b’mod partikolari fil-każ li l-konsumatur li jissellef ma jkunx jirċievi d-dħul tiegħu f’din il-munita.Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li n-negozjant ikkomunika lill-konsumaturi kkonċernati l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lil dawn tal-aħħar jevalwaw il-konsegwenzi ekonomiċi ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq l-obbligi finanzjarji tagħhom.

(ara l-punti 50, 51, u d-dispożittiv 2)

4.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpetat fis-sens li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li n-negozjant seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u waqt li tieħu kont b’mod partikolari tat-tagħrif espert u tal-konoxxenzi tan-negozjant, f’dan il-każ tal-bank, fir-rigward tal-varjazzjonijiet possibbli tar-rati tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, l-eżistenza ta’ żbilanċ possibbli fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punt 58 u d-dispożittiv 3)