Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-23 ta’ Ottubru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-93/12, D’Agostino vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-670/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall u G. Gattinara, aġenti)

Appellat: Luigi D’Agostino (Lussemburgu, il-Lussemburgu)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża F-93/12, D’Agostino/Commissioni;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn L. D’Agostino fil-Kawża F-93/12 bħala infondat;

tiddeċiedi li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura odjerna;

tikkundanna lil D’Agostino għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tissospendi l-proċedura sal-għoti tas-sentenza fil-Kawża T-368/12 P, Il-Kummissjoni vs Macchia.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball materjali u fuq żnaturament tal-fatti, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika s-sentenza tiegħu tat-13 ta’ Ġunju 2012, Macchia vs Il-Kummissjoni (F-63/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) għas-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt li ma talabx it-tiġdid tal-kuntratt tiegħu.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi, li jinqasam fi tliet partijiet ibbażati:

fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (Kondizzjonijiet tal-impjieg) (fir-rigward tal-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata);

fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-interess tas-servizz u l-prinċipju ta’ legalità (fir-rigward tal-punt 63 tas-sentenza appellata);

fuq ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u fuq il-fatt li dan it-Tribunal għalhekk iddeċieda ultra vires (fir-rigward tal-punti 59, 60 u 63).

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (fir-rigward tal-punti 57 u 59 tas-sentenza appellata).