Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Jannar 2013 - ClientEarth u Stichting BirdLife Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-56/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit); u Stichting BirdLife Europe (Zeist, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentant: O. Brouwer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-rifjut tal-konvenuta tal-applikazzjoni tagħhom għall-aċċess għall-aħħar abbozz ta' reviżjoni tal-letteratura, dwar l-hekk imsejjaħ "dejn tal-karbonju" tal-bijoenerġija dderivata mill-bijomassa, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-kawża inklużi l-ispejjeż ta' kwalunkwe intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed.

Ir-rikorrenti jsostnu li bħala riżultat tan-nuqqas tagħha li tindirizzahom b'deċiżjoni espressa dwar it-talba tagħhom għall-aċċess fil-limiti ta' żmien għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet konfermatorji li jinsabu fl-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-konvenuta impliċitament irrifjutat aċċess fis-sens tal-Artikolu 8(3). Barra minn hekk, ir-rikorrenti jgħidu li din id-deċiżjoni ta' rifjut impliċitu ma kinitx motivata u għalhekk huma jsostnu li għandha tiġi annullata minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 296 TFUE.

____________