Language of document : ECLI:EU:T:2014:932

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Novembru 2014(*

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta linja mmewġa — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Assenza ta’ karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑53/13,

Vans, Inc., stabbilita fi Cypress, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Hirsch, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Novembru 2012 (Każ R 860/2012‑5), dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal figurattiv li jirrappreżenta linja mmewġa bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz u V. Tomljenović (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2013,

wara li rat l-assenza ta’ talba għal iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u billi għalhekk iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq il-ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

[omissis]

12      Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eżaminaturi u l-Bordijiet tal-Appell tal-UASI għandhom jeżaminaw il-fatti ex officio. Isegwi li l-korpi kompetenti tal-UASI jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux ġew invokati mill-applikant għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Novartis vs UASI (CARE TO CARE), T‑68/13, EU:T:2014:29, punt 22; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra, EU:C:2006:422, punti 50, 51 u 54]. Minbarra dan, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-UASI jikser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 jekk jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni argumenti jew provi mressqa mill-partijiet fil-ħin [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2005, Focus Magazin Verlag vs UASI — ECI Telecom (Hi-FOCuS), T‑275/03, Ġabra, EU:T:2005:385, punt 43, u tal-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI — Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T‑323/03, Ġabra, EU:T:2006:197, punt 68].

13      F’dan il-każ, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tressaq żewġ ilmenti dwar, l-ewwel nett, l-assenza ta’ eżami xieraq tal-provi msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq u, it-tieni nett, motivazzjoni insuffiċjenti.

14      Fir-rigward tal-ewwel ilment, dwar l-assenza ta’ eżami xieraq tal-provi msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat, li minn imkien ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe argument jew prova mressqa mir-rikorrenti.

15      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat, f’dak li jikkonċerna d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-Annessi 5 u 6 tal-osservazzjonijiet tas-27 ta’ Jannar 2012, li mill-punti 14 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ħadhom inkunsiderazzjoni u ċaħadhom. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell irrefera għall-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara l-punt 84 iktar ’il quddiem) u applikahom għar-reġistrazzjonijiet Komunitarji invokati mir-rikorrenti sabiex jiskartahom sa fejn huwa ma kienx marbut mid-deċiżjonijiet preċedenti jew żbaljati meħuda mill-UASI. Huwa wara din l-analiżi li l-Bord tal-Appell afferma, b’mod żbaljat, eċċessivament, bħalma jindika l-użu tal-espressjoni “barra dan”, li dawn ir-reġistrazzjonijiet setgħu jkunu bbażati fuq l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      Huwa ċertament veru li, matul l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta indika, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-reġistrazzjonijiet Komunitarji setgħu jiġu bbażati fuq il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, dan l-iżball, li jikkonċerna, barra minn hekk, argument ippreżentat eċċessivament u mressaq matul l-eżami tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, iżda żball materjali li l-eventwali konsegwenzi tiegħu ser jiġu eżaminati fil-punti 84 sa 88 iktar ’il quddiem.

17      Fil-fatt, eżami superfiċjali tal-provi, bħal dak li f’dan il-każ ir-rikorrenti tikkontesta lill-Bord tal-Appell dwaru, jekk jiġi preżuppost rikonoxxut, ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont il-każ, evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti minn parti tista’ tagħti lok għal ksur tad-dispożizzjoni materjali applikabbli f’dan il-każ.

18      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna l-Anness 10 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi rrilevat li dan id-dokument fih, b’mod partikolari, indikazzjonijiet dwar il-volum ta’ bejgħ tar-rikorrenti matul is-snin 2010 u 2011 f’ċerti Stati Membri, jiġifieri l-Benelux, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka u l-Isvezja inkwantu jagħmlu parti mill-Iskandinavja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Polonja u r-Renju Unit. Dan fih ukoll previżjoni tal-bejgħ għas-sena 2012 għal dawn l-Istati Membri. Dan id-dokument huwa għalhekk intiż sabiex jikkompleta l-kontenut tad-dikjarazzjoni taħt ġurament tad-direttur tal-promozzjonijiet u tal-avvenimenti tar-rikorrenti, ippreżentata quddiem l-eżaminatur u li, bħalma l-Bord tal-Appell indika fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għal kunsiderazzjonijiet magħmula minnu, tinkludi ċifri dwar il-volum ta’ bejgħ li ma humiex maqsuma skont il-pajjiż, ma jindikawx l-ammont globali għall-Unjoni u ma humiex ikkonfermati minn dokumenti oħra, bħal fatturi.

19      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, bħalma sostniet ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma tax deċiżjoni dwar dan id-dokument. Fil-fatt, dan ma huwiex imsemmi, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, fost id-dokumenti supplimentari prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell u dan il-Bord ukoll ma semmiex dan id-dokument fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti minnha.

20      Għandu madankollu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell ma rreferiex għall-argumenti kollha ta’ parti waħda u għall-provi prodotti minnha jew ma weġibx għal kull wieħed minn dawn l-argumenti u provi ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jeħodhom inkunsiderazzjoni [sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI — Hoo Hing (Golden Elephant Brand), T‑303/08, Ġabra, EU:T:2010:505, punt 46].

21      F’dan il-każ, minn imkien ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni d-dokument ippreżentat fl-Anness 10 tar-rikors ippreżentat quddiemu. Il-Bord tal-Appell b’mod partikolari ma kkontestax lir-rikorrenti li ma ppreżentatux fil-ħin u ma ċaħdux bħala inammissibbli. Huwa possibbli li kien ħarab mill-attenzjoni tal-Bord tal-Appell il-fatt li l-Anness 10 tar-rikors quddiemu kien jinkludi indikazzjonijiet dwar il-volumi ta’ bejgħ tar-rikorrenti f’ċerti Stati Membri.

22      Għaldaqstant, dan il-fatt biss ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Dan jikkostitwixxi evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti mir-rikorrenti li tista’, skont il-każ, tagħti lok għal ksur ta’ dispożizzjoni materjali. L-eventwali konsegwenzi ta’ din l-evalwazzjoni żbaljata ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal‑eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 107 iktar ’il quddiem).

23      Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-prova li allegatament titnissel minn sorsi indipendenti, li tinsab fl-Anness 2 tal-osservazzjonijiet tas-27 ta’ Jannar 2012, għandu jiġi rrilevat li din hija paġna minn magazin tal-moda Elle. Din tirriproduċi l-fotografija ta’ mudell li jilbes par żarbun, iffabbrikati mir-rikorrenti, bis-sinjal li għalih kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, anki jekk din ma hijiex dikjarazzjoni, din tikkostitwixxi materjal promozzjonali li jikkonċernaha u ppubblikat f’magażin tal-moda, li jippermettilha tippreżenta l-prodotti tagħha lill-pubbliku. Bil-materjal pubbliċitarju kollu li kien ġie eżaminat mill-Bord tal-Appell fil-punti 26 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkontestat li ma ħax inkunsiderazzjoni dan id-dokument. Għalhekk dan ma kisirx id-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009.

25      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li, kif sostniet ir-rikorrenti, dan id-dokument għandu jiġi kkunsidrat bħala prova li titnissel minn sors indipendenti, għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jikkonċerna l-Anness 10 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell, minn imkien ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Bord tal-Appell irrifjuta li jieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kkontestax lir-rikorrenti li ma ppreżentatux fil-ħin u ma ċaħdux bħala inammissibbli. Għalhekk, anki jekk jiġi preżuppost li l-Bord tal-Apppell seta’ ma għamilx osservazzjoni dwar dan, dan il-fatt biss, kif ġie indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Dan jista’ jikkostitwixxi evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti mir-rikorrenti, li l-eventwali konsegwenzi tagħhom ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 107 iktar ’il quddiem).

26      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma tistax tikkontesta lill-Bord tal-Appell li wettaq ksur tad-dispożizzjoni proċedurali tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu miċħuda f’dan ir-rigward.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Vans, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Novembru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.