Language of document : ECLI:EU:C:2023:151

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2023 (1)

Kawża C601/21

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligi – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24/UE – Derogi –Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u ta’ dokumenti uffiċjali oħra – Protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri – Miżuri inqas intrużivi”






I.      Introduzzjoni

1.        Għall-awtoritajiet pubbliċi, fl-Unjoni Ewropea u f’postijiet oħra, il-bżonn li tiġi protetta l-integrità ta’, u l-fiduċja tal-pubbliku fi, dokumenti pubbliċi (bħal passaporti, poloz tal-vot, jew kards tas-servizz tal-membri tad-dipartimenti tal-pulizija, tal-militar u tal-intelligence), iqajjem tħassib sinjifikattiv f’termini ta’ sigurtà. Speċjalment fid-dinja tal-lum, fejn in-nies tista’ tivvjaġġa faċilment u malajr, u d-data iktar u iktar, dawn l-awtoritajiet huma involuti f’kompetizzjoni li ma tispiċċa qatt, kontra l-kriminali, biex jiżviluppaw materjal u tekniki li jirrendu l-falsifikazzjoni u t-tbagħbis ta’ dokumenti pubbliċi diffiċli kemm jista’ jkun.

2.        L-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (2), u l-Artikolu 346(1) TFUE jippermettu lill-Istati Membri, essenzjalment, jeskludu ċerti kuntratti pubbliċi mill-proċeduri previsti f’din id-direttiva meta l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom tkun tista’ tiġi kompromessa, sakemm ma jkunux jeżistu miżuri inqas restrittivi.

3.        Liema interessi pubbliċi jistgħu jitqiesu bħala “interessi essenzjali tas-sigurtà” għal dan il-għan? Liema huwa l-marġni ta’ manuvra għall-Istati Membri f’dan ir-rigward? Stat Membru huwa intitolat li jagħżel il-livell ta’ protezzjoni li huwa jqis l-iktar xieraq fir-rigward ta’ dawn l-interessi? Sa fejn jasal id-dmir ta’ Stat Membru li jikkunsidra, u jekk meħtieġ, jadotta miżuri li jistgħu jkunu inqas restrittivi?

4.        Dawn huma, fil-qosor, il-kwistjonijiet legali ewlenin li jqumu f’din il-kawża, li jien ser nipprova niċċara b’dawn il-konklużjonijiet.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni Ewropea

5.        Skont l-Artikolu 346(1) TFUE,

“[i]d-dispożizzjonijiet tat-Trattati m’għandhomx ikunu inkompatibbli mar-regoli li ġejjin:

a)      l-ebda Stat ma jkun obbligat li jagħti tagħrif li l-kxif tiegħu ikun jikkunsidrah li jmur kontra l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu;

[…]”.

6.        L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 2014/24, dwar is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif emendata u attwalment fis-seħħ, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi […], li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

[…]

3.      L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija soġġetta għall-Artikolu 346 TFUE.”

7.        Il-punt 9 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi “kuntratti pubbliċi ta’ servizzi” bħala “kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt 8[6]” (3)

8.        L-Artikolu 15(2) u (3) tal-istess direttiva, dwar “[d]ifiża u sigurtà”, jipprovdi:

“2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi […] li mhumiex eżentati skont l-ewwel paragrafu sal-punt li l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri inqas intrużivi, pereżempju bl-impożizjoni ta’ rekwiżiti mmirati għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel disponibbli fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kif previst f’din id-Direttiva.

Barra minn hekk, u f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 346(1) tat-TFUE, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi […] li mhumiex eżentati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa fejn l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tobbliga lill-Istat Membru biex jagħti informazzjoni li huwa jqis l-iżvelar tagħha bħala kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

3.      Fejn l-akkwist u t-twettiq tal-kuntratt pubbliku […] huma ddikjarati bħala sigrieti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri speċjali ta’ sigurtà skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fi Stat Membru, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika dment li l-Istat Membru jkun iddetermina li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu ggarantiti minn miżuri inqas intrużivi, bħal dawk imsemmija fl-ewwwel subparagrafu tal-paragrafu 2.”

B.      Iddritt Pollakk

9.        L-Artikolu 11(4) tal-ustawa z dnia 11 września 2019 r. - Prawo zamówień publicznych (il-Liġi tal-11 ta’ Settembru 2019 dwar il-Kuntratti Pubbliċi; iktar ’il quddiem il-“Pzp tal-2019”) jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma għandhomx japplikaw għal kuntratti għall-produzzjoni ta’:

1)      dokumenti pubbliċi vojta msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi tat-22 ta’ Novembru 2018 […], kif ukoll il-personalizzazzjoni jew l-individwalizzazzjoni tagħhom;

2)      timbri tas-sisa;

3)      marki legali u stikers tal-kontroll imsemmija fil-Liġi tal-20 ta’ Ġunju 1997 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq […];

4)      il-poloz tal-vot u l-poloz tal-vot bil-Braille msemmija fl-Artikolu 40(1) u fl-Artikolu 40a(1) rispettivament tal-Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011 li tistabbilixxi l-Kodiċi Elettorali […] kif ukoll fl-Artikolu 20 tal-Liġi tal-14 ta’ Marzu 2003 dwar ir-Referendum Nazzjonali […];

5)      sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikolu 32(1) tal-Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011 dwar il-Kodiċi Elettorali;

6)      sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’softwer intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi tat-22 ta’ Novembru 2018 dwar id-Dokumenti Pubbliċi, li fihom ċippa elettronika, konformement mal-użu intiż tagħhom”.

10.      Il-lista li ġejja ta’ dokumenti pubbliċi tinsab fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi tat-22 ta’ Novembru 2018: 1) karti tal-identità; 2) passaporti; 3) kotba tal-baħrin imsemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar ix-Xogħol Marittimu tal-5 ta’ Awwissu 2015; 4) dokumenti maħruġa skont l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 83(1) tal-Liġi dwar l-Atti ta’ Stat Ċivili tat-28 ta’ Novembru 2014; 5) dokumenti maħruġa lill-barranin skont l-Artikolu 37 u l-Artikolu 226 tal-Liġi dwar il-Barranin tat-12 ta’ Diċembru 2013; 6) dokumenti maħruġa lil membri ta’ missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ Stati barranin jew lil kwalunkwe persuna assimilata lilhom bis-saħħa ta’ liġijiet, konvenzjonijiet jew liġi internazzjonali konswetudinarja, kif ukoll dokumenti maħruġa lill-membri tal-familja tagħhom li jagħmlu parti mill-unità domestika tagħhom skont l-Artikolu 61 tal-Liġi dwar il-Barranin tat-12 ta’ Diċembru 2013; 7) id-dokument maħruġ liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 48(1) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 2006 dwar id-Dħul, ir-Residenza u l-Ħruġ mit-Territorju tar-Repubblika tal-Polonja ta’ Ċittadini tal-Istati Membri tal-UE u tal-Membri tal-Familja Tagħhom; 8) dokumenti maħruġa lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 48(2) ta’ din il-liġi; 9) dokumenti maħruġa lill-barranin skont l-Artikolu 55(1) u l-Artikolu 89i(1) tal-Liġi tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar l-Għoti ta’ Protezzjoni lill-Barranin fit-Territorju tar-Repubblika tal-Polonja; 10) titoli infurzabbli maħruġa minn qrati jew uffiċjali ġudizzjarji; 11) kopji ta’ sentenzi finali li jistabbilixxu l-akkwist, l-eżistenza jew l-estinzjoni ta’ dritt jew li għandhom x’jaqsmu mal-istat ċivili; 12) kopji ta’ sentenzi jew ċertifikati, maħruġa minn qorti, li jagħtu s-setgħa lir-rappreżentanza ta’ persuna, it-twettiq ta’ att legali jew l-amministrazzjoni ta’ proprjetà speċifika; 13) kopji ta’ ordnijiet ta’ qrati u uffiċjali tal-qorti li jikkonċernaw it-twaħħil tal-avviż ta’ infurzar fuq ordni ta’ infurzar minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 777(1)(1) u (11) tal-Liġi tas-17 ta’ Novembru 1964 li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk is-suġġett tagħhom ikun ordni ta’ infurzar mhux maħruġa mill-qorti; 14) kopji ta’, u estratti, minn dokumenti relatati mal-atti notarili msemmija fl-Artikolu 79(1-1b) u (4) tal-Liġi tal‑14 ta’ Frar 1991 dwar il-Professjoni Notarili, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 79(2) ta’ din il-liġi u l-protesti msemmija fl-Artikolu 79(5) tagħha; 15) iċ-ċertifikat tal-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru;16) dokumenti militari personali maħruġa lil persuni mdaħħla fir-reġistru militari skont l-Artikolu 54(1) tal-Liġi tal-21 ta’ Novembru 1967 dwar l-Obbligu Ġenerali tad-Difiża tar-Repubblika tal-Polonja; 17) dokumenti militari personali maħruġa skont l-Artikolu 48(1) tal-Liġi tal-11 ta’ Settembru 2003 dwar is-Servizz Militari Professjonali; 18) karti tal-identità maħruġa skont l-Artikolu 137c(1) ta’ din il-liġi tal-11 ta’ Settembru 2003; 19) karti tal-identità maħruġa skont l-Artikolu 54a(1) ta’ din il-liġi tal-21 ta’ Novembru 1967; 20) annotazzjoni f’passaport, imsemmija fl-Artikolu 19(1) tal-Liġi tat-13 ta’ Lulju 2006 dwar il-Passaporti; 21) l-istiker tal-viża; 22) il-“karta Pollakka” (Karta Polaka); 23) il-karta li tiċċertifika d-diżabbiltà jew il-grad ta’ diżabbiltà; 24) l-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ tabib; 25) il-permess sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ dentist; 26) il-liċenzja tas-sewqan; 27) iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni professjonali u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura, ħlief għaċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 73(3) tal-Liġi tal-20 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Kodiċi tat-Triq; 28) il-ktejjeb tal-vettura (“karta pajazdu”); 29) iċ-ċertifikat temporanju msemmi fl-Artikolu 71(1) tal-Liġi tal-20 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Kodiċi tat-Triq; 30) il-karta takografika msemmija fl-Artikolu 2(4) tal-Liġi tal-5 ta’ Lulju 2018 dwar it-Takografi; 31) iċ-ċertifikat tal-ADR imsemmi fl-Artikolu 2(10) tal-Liġi tad-19 ta’ Awwissu 2011 dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi; 31a) id-dokument ta’ reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi tat-12 ta’ April 2018 dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Jottijiet u ta’ Bastimenti Oħra sa Tul ta’ 24 metru; u 32) karti tas-servizz ta’: a) uffiċjali tal-pulizija, b) gwardji tal-fruntiera, c) aġenti tas-sigurtà tal-Istat, d) uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, e) uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, f) uffiċjali tal-Uffiċċju Ċentrali Kontra l-Korruzzjoni, g) uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, h) uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, i) uffiċjali u persunal tal-amministrazzjoni tal-ħabs, j) uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana, k) persuni impjegati f’unitajiet organizzattivi tal-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali, l) spetturi tal-Ispettorat tat-Trasport bit-Triq, m) membri tal-pulizija militari.

III. Lisfond talkawża u lproċedura prekontenzjuża

11.      Skont l-Artikolu 90 tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri kellhom jittrasponu din id-direttiva sat-18 ta’ April 2016.

12.      Fl-14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mill-awtoritajiet Pollakki notifika tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva Billi qieset li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva, il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni fil-25 ta’ Jannar 2019.

13.      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2019, l-awtoritajiet Pollakki wieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni billi informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeżaminaw mill-ġdid ċerti aspetti tal-miżuri ta’ traspożizzjoni sabiex jiżguraw il-konformità ma’, inter alia, id-Direttiva 2014/24. L-awtoritajiet Pollakki, madankollu, ċaħdu wħud mill-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

14.      Fil-5 ta’ Novembru 2019, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ liġi ġdida, il-Pzp tal-2019, intiża sabiex tissostitwixxi, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet fis-seħħ qabel.

15.      Fit-28 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, fejn indikat lakuni fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24. F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, bil-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-awtoritajiet Pollakki kienu tabilħaqq irrimedjaw uħud mill-problemi identifikati preċedentement. Madankollu, il-Kummissjoni żammet l-oġġezzjonijiet l-oħra mqajma fl-ittra ta’ intimazzjoni, li l-awtoritajiet Pollakki kienu kkontestaw.

16.      Fit-tweġiba tagħhom tat-28 ta’ Jannar 2020, l-awtoritajiet Pollakki reġgħu ma qablux mal-ilmenti tal-Kummissjoni, billi sostnew li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

18.      Permezz tar-rikors tagħha, ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi żiedet eżenzjonijiet, relatati mal-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, materjal stampat u timbri u mmarkar, li ma humiex previsti fid-Direttiva 2014/24, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE; u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

19.      Fir-risposta tagħha, ippreżentata fis-17 ta’ Diċembru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20.      Il-Kummissjoni ppreżentat replika fid-9 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat kontroreplika fil-21 ta’ Marzu 2022, u t-tnejn li huma ppreżentaw ukoll l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2022.

V.      Analiżi

A.      Largumenti talpartijiet

21.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li r-Repubblika tal-Polonja, meta ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fid-dritt nazzjonali, eskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti ta’ produzzjoni ta’ serje kbira u diversa ta’ dokumenti u ta’ oġġetti oħra (iktar ’il quddiem id-“dokumenti inkwistjoni”). Fil-fatt, dawn il-kuntratti ġew fdati direttament lil Polska Wytwórnia Papierów Wartościowych (iktar ’il quddiem “PWPW”) – impriża pubblika stabbilita fil-Polonja u miżmuma b’mod sħiħ mit-Teżor tal-Istat – mingħajr ma ġiet organizzata sejħa għal offerti pubblika għal dan il-għan.

22.      Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva 2014/24 tipprevedi espressament każijiet fejn id-dispożizzjonijiet tagħha ma japplikawx. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-lista ta’ derogi hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżawrjenti, u li tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

23.      Skont il-Kummissjoni, il-Gvern Pollakk ma jistax validament jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 sabiex jiġġustifika l-esklużjoni tal-kuntratti ta’ produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Stamperija tal-Istat) (4), li huma – fil-fehma tagħha – applikabbli mutatis mutandis għal din il-kawża. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-miżuri adottati mill-Istati Membri ma jistgħux jiġu eżentati, fl-intier tagħhom, mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sempliċement għaliex ikunu ttieħdu fl-interess tas-sigurtà pubblika jew tad-difiża nazzjonali. Huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju ta’ dawn id-derogi li għandu jistabbilixxi li l-ħtieġa li jiġu protetti tali interessi ma setgħetx tinkiseb permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

24.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li wħud mill-interessi invokati mill-Gvern Pollakk ma humiex relatati mas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru, u jerġa’ inqas mal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. Barra minn hekk, hija ssostni li, anki fir-rigward ta’ dawk l-interessi li jistgħu possibbilment jaqgħu taħt dan il-kunċett, il-Gvern Pollakk naqas milli juri li l-għan tal-protezzjoni ta’ tali interessi ma jistax jintlaħaq ugwalment permezz ta’ miżuri alternattivi, li huma inqas restrittivi.

25.      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Pollakk ma spjegax għaliex PWPW hija l-unika kumpannija bl-esperjenza u ċ-ċertifikati tekniċi meħtieġa biex tipproduċi d-dokumenti inkwistjoni skont l-ogħla standards ta’ sigurtà. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li diversi kumpanniji attivi fl-Unjoni (inklużi xi wħud stabbiliti fil-Polonja) joffru garanziji simili f’termini ta’ kapaċità teknika, stabbiltà finanzjarja u sigurtà. Fil-fatt, PWPW tinsab f’kompetizzjoni ma’ dawn il-kumpanniji fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti, għal Stati Membri oħra tal-Unjoni (jew, saħansitra, għal pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea), għall-produzzjoni ta’ dokumenti ekwivalenti għal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

26.      Il-Kummissjoni ssostni li xejn ma jżomm lill-awtorità kontraenti milli timponi rekwiżiti partikolarment għolja għall-offerenti (f’termini ta’ kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji, ta’ moralità, eċċ.), u milli titlobhom jipproduċu l-prova li huma jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. B’mod partikolari, l-Artikolu 42 u 58 tad-Direttiva 2014/24 jagħtu, fil-fehma tal-Kummissjoni, marġni wiesa’ ta’ manuvra lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan ir-rigward. Pereżempju, operatur ekonomiku jista’ jiġi mitlub jaċċetta li jsiru kontrolli xierqa mill-awtoritajiet, u jipprovdi garanziji dwar is-sigurtà u l-puntwalità tal-provvista kif ukoll garanziji ta’ solvenza. Il-kuntratt jista’ jinkludi wkoll klawżoli dwar il-kumpens u r-responsabbiltà finanzjarja u dixxiplinarja fil-każ ta’ ksur.

27.      Il-Kummissjoni tesprimi dubju dwar jekk l-argument tal-Gvern Pollakk dwar l-impossibbiltà de facto li PWPW tfalli huwiex korrett peress li, inter alia, id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu applikabbli għall-għajnuna finanzjarja pprovduta lil din il-kumpannija mit-Teżor.

28.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li hija għandha sistema estensiva ta’ sigurtà tad-dokumenti uffiċjali, u li PWPW hija entità kkontrollata u ġestita b’mod sħiħ mill-Istat. Hija żżid li, skont il-liġi nazzjonali, ishma jew drittijiet marbuta ma’ ishma li huma proprjetà tat-Teżor – bħal dawk ta’ PWPW – ma jistgħux, fil-prinċipju, jinbiegħu. Eċċezzjonalment, il-bejgħ possibbli ta’ dawn l-ishma jista’ jkun suġġett għall-kundizzjoni ta’ approvazzjoni mill-Kunsill tal-Ministri, iżda jista’ jsir biss favur kumpanniji pubbliċi oħra li ma jistgħux jinbiegħu lil azzjonisti privati.

29.      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, tali konfigurazzjoni tippermetti l-eżerċizzju ta’ kontroll sħiħ kemm fuq il-funzjonament tal-korpi ta’ PWPW kif ukoll fuq il-proċess tal-produzzjoni ta’ dokumenti uffiċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti tal-kompitu tal-produzzjoni ta’ tali dokumenti lil tali entità, mingħajr ma ssir proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jillimita ċ-ċirku ta’ entitajiet li għandhom aċċess għal informazzjoni kkunsidrata bħala kklassifikata. Soluzzjoni bħal din tiżgura wkoll il-kontinwità tal-produzzjoni, filwaqt li telimina r-riskji assoċjati mal-falliment tal-produttur jew l-eżekuzzjoni ħażina ta’ eventwali kuntratt pubbliku.

30.      Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar falliment ta’ kumpannija bħal PWPW, il-Gvern Pollakk jirrimarka li, għalkemm il-falliment ta’ kumpanniji li huma proprjetà tat-Teżor huwa ovvjament possibbli, dan ir-riskju huwa kważi non-eżistenti minħabba l-importanza strateġika tagħhom. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda raġuni sabiex tispjega għalfejn, f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji ta’ PWPW, ma jkunx possibbli li tingħata għajnuna mill-Istat lil din il-kumpannija.

31.      Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, is-sitwazzjoni fattwali u legali f’din il-kawża ma hijiex simili għal dik eżaminata mill-Qorti fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, imsemmija hawn fuq. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-istatus legali tal-kumpannija Awstrijaka responsabbli għall-istampar ta’ dokumenti uffiċjali kien differenti b’mod sinjifikattiv minn dak ta’ PWPW, peress li kienet kumpannija privata b’responsabbiltà limitata li l-ishma tagħha, miżmuma minn individwi privati, kienu kkwotati fil-Borża. Barra minn hekk, hija tqis li l-kontroll mill-Gvern Awstrijak fuq il-kumpannija kien ferm iktar limitat milli fil-każ hawnhekk fir-Repubblika tal-Polonja. Fuq din il-bażi, il-Gvern Pollakk jargumenta li, skont il-liġi Awstrijaka, il-livell ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali tal-Istat magħżul mill-awtoritajiet kien inqas minn dak magħżul fil-Polonja, u li din tal-aħħar ma tistax tiġi obbligata tnaqqas dan il-livell ta’ protezzjoni għal dak magħżul minn Stati oħra.

32.      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-garanziji kuntrattwali proposti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi evitat li l-interessi tas-sigurtà tagħha jkunu jistgħu jiġu mhedda minħabba eventwali akkwist tal-operatur ekonomiku inkwistjoni jew minħabba influwenza fuq il-korpi ta’ ġestjoni tiegħu mis-servizzi sigrieti ta’ pajjiż terz jew minn grupp kriminali organizzat. Fir-rigward tar-riskju ta’ insolvenza tal-produttur tad-dokumenti, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, li hija intiża sabiex tistabbilixxi kriterju ta’ eliġibbiltà fil-forma ta’ ċertifikat tal-kapaċità finanzjarja li jippermetti li l-kuntratt jiġi eżegwit b’mod sigur u mingħajr ostakoli, ma tippermettix li jiġi evitat deterjorament f’daqqa fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-operatur ekonomiku kkonċernat.

33.      L-esklużjonijiet previsti fil-liġi nazzjonali huma għalhekk – fil-fehma tal-Gvern Pollakk – miżura proporzjonata, adegwata u meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv li jiġu ggarantiti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Polonja fil-livell li jitqies adegwat. Sabiex tintwera l-proporzjonalità tal-użu tad-derogi, ma huwiex meħtieġ – skont il-Gvern Pollakk – li jiġi pprovat li, fil-każ li d-direttiva inkwistjoni tiġi applikata, il-probabbiltà ta’ theddida lill-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat tkun partikolarment għolja. Fil-fatt, anki l-iċken probabbiltà ta’ dannu sinjifikattiv lill-interessi tas-sigurtà tal-Istat – fl-opinjoni ta’ dan il-gvern – tikkostitwixxi raġuni għall-użu minn dawn id-derogi.

34.      B’mod iktar ġenerali, il-Gvern Pollakk isostni li l-Kummissjoni ma wrietx li l-livell ta’ sigurtà tal-Istat li jista’ jinkiseb billi l-produzzjoni ta’ dokumenti tiġi fdata lil entità magħżula skont id-Direttiva 2014/24 ikun daqstant għoli jekk dan il-kompitu jiġi fdat lil kumpannija proprjetà tat-Teżor.

B.      Evalwazzjoni

35.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma tiġi kkontestata mill-Gvern Pollakk, id-Direttiva 2014/24 hija, bħala prinċipju, applikabbli għall-kuntratti pubbliċi għall-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-kuntratti pubbliċi inkwistjoni (i) ma jikkonċernawx is-servizzi, is-setturi u s-sitwazzjonijiet li għalihom l-Artikoli 7 sa 12 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedu esklużjonijiet, u (ii) għandhom valur li ma huwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2014/24 jagħmilha ċara li, bħala prinċipju, din id-direttiva tapplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi “organizzati fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà”.

36.      Madankollu, il-Gvern Pollakk isostni li tali kuntratti jistgħu jingħataw mingħajr ma jintużaw il-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2014/24 peress li wħud mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u (3) tagħha huma applikabbli għal dan il-każ.

37.      Fit-taqsimiet li ġejjin, l-ewwel ser nistabbilixxi l-qafas analitiku rilevanti (1), u mbagħad ser nevalwa l-argumenti tal-partijiet fid-dawl ta’ dan il-qafas (2). Il-konklużjoni tiegħi ser tkun li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, kif inhi bħalissa, ma tistax titqies li taqa’ kompletament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi diskussi f’dawn il-konklużjonijiet u li, konsegwentement, hija tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (3).

1.      Il-qafas analtiku rilevanti

a)      LArtikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 346(1)(a) TFUE

38.      L-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi għal erba’ sitwazzjonijiet li fihom din id-direttiva “ma għandhiex tapplika”. Dawn id-derogi mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva – li kollha jikkonċernaw il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fil-qasam tad-“difiża u s-sigurtà”, kif jindika b’mod ċar it-titolu ta’ din id-dispożizzjoni (5) – huwa s-segwenti.

39.      L-ewwel, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/24, din id-direttiva ma tapplikax għal kuntratti pubbliċi “sal-punt li l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru ma tkunx tistax tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri inqas intrużivi”. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2), din id-direttiva ma tapplikax sa fejn l-applikazzjoni tagħha “tobbliga lill-Istat Membru biex jagħti informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha bħala kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu”. It-tielet, l-Artikolu 15(3) jipprovdi għal żewġ sitwazzjonijiet addizzjonali, li fihom id-Direttiva ma tapplikax, jiġifieri meta l-kuntratt pubbliku jkun (i) “iddikjarat[…] bħala sigriet[…]”, jew (ii) “[għandu jkun akkumpanjat] minn miżuri ta’ sigurtà speċjali skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fi Stat Membru”. Skont dan il-paragrafu wkoll, dan huwa validu biss sa fejn “l-Istat Membru jkun iddetermina li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu ggarantiti minn miżuri inqas intrużivi”.

40.      Madankollu, nosserva wkoll li l-Artikolu 346(1)(a) TFUE ma jidhirx li jżid, fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-proċedura, deroga oħra (jew awtonoma). Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/24 jinkludi riferiment espliċitu għall-Artikolu 346(1)(a) TFUE (6) u ż-żewġ dispożizzjonijiet huma fformulati b’mod simili ħafna. Għalhekk, l-ewwel dispożizzjoni tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, applikazzjoni tal-prinċipju stabbilit fit-tieni dispożizzjoni fil-qasam irregolat mid-Direttiva 2014/24. Għaldaqstant, ladarba l-argumenti tal-partijiet jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni separata u indipendenti abbażi tal-Artikolu 346(1)(a) TFUE (7). F’dan ir-rigward, ninnota, inċidentalment, li l-argumenti tal-partijiet jidhru konsistenti ma’ tali approċċ.

41.      Il-Gvern Pollakk jinvoka tliet derogi previsti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24; jiġifieri, id-derogi kollha ħlief dawk marbuta mal-kuntratti sigrieti (iktar ’il quddiem id-“derogi inkwistjoni”). Madankollu, la fis-sottomissjonijiet bil-miktub u lanqas fis-sottomissjonijiet orali tiegħu, dan il-gvern ma jiżviluppa argumenti li huma speċifiċi għal waħda jew l-oħra minn dawk id-derogi; l-argumenti tal-Kummissjoni lanqas ma huma iktar speċifiċi f’dan ir-rigward, li jwassalni biex nemmen li ż-żewġ partijiet jaqblu – għall-inqas fil-prinċipju – li l-qafas ta’ analiżi għat-tliet derogi inkwistjoni huwa fil-biċċa l-kbira analogu.

42.      Jien tal-istess fehma. Minkejja xi differenzi testwali bejn id-diversi paragrafi jew subparagrafi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24 (8) u xi terminoloġija li tista’ tidher ambigwa (9), huma jikkondividu l-istess elementi ewlenin u għalhekk jeħtieġu mill-Qorti evalwazzjoni relattivament simili.

b)      Ilportata tadderogi inkwistjoni

43.      Essenzjalment, id-derogi inkwistjoni jippermettu lil kull Stat Membru jeskludi l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ ċerti servizzi mill-proċeduri previsti mid-Direttiva 2014/24 meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) l-interessi pubbliċi protetti jirrigwardaw l-“interessi ta’ sigurtà” ta’ dak l-Istat Membru, (ii) dawn l-interessi jistgħu jitqiesu bħala “essenzjali”, (iii) l-applikazzjoni tad-direttiva inkwistjoni tista’, fil-fehma ta’ dan l-Istat Membru, tippreġudika l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, u (iv) il-protezzjoni ta’ dawn l-interessi ma tistax tiġi ggarantita b’miżuri inqas intrużivi.

44.      Issa se nipprova niċċara t-tifsira ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

i)      Il-kunċett ta’ “interessi essenzjali tas-sigurtà”

45.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet (i) u (ii), huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi l-interessi pubbliċi speċifiċi li jikkostitwixxu l-“interessi essenzjali tas-sigurtà” tiegħu. (10) Fl-istess ħin, madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward ma tistax tiġi mfixkla, inkella t-termini essenzjali u s-sigurtà jitnaqsilhom kull effett prattiku.

46.      Nista’ nirrikonoxxi li d-definizzjoni ta’ “sigurtà” b’mod preċiż u eżawrjenti hija kompitu impossibbli. Dak li fil-fatt huwa kopert minn dan il-kunċett jiddependi, fil-fehma tiegħu, fuq numru kbir ta’ fatturi li jistgħu jvarjaw bejn id-diversi Stati Membri kif ukoll maż-żmien. L-istess japplika fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni li tgħid li l-interessi relatati mas-sigurtà protetti mill-Istati Membri għandhom ikunu “essenzjali”. Dan l-aġġettiv jeħtieġ evalwazzjoni li hija neċessarjament suġġettiva, tal-inqas sa ċertu punt: ħafna jiddependi fuq kunsiderazzjonijiet storiċi, politiċi u ġeopolitiċi li jistgħu jvarjaw minn Stat għall-ieħor (11).

47.      Madankollu, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 ma jitnaqqsux għal sempliċi formalità, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tivverifika jekk, meta jinvoka d-derogi inkwistjoni, Stat Membru jkunx qabeż il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu (12), peress li l-esklużjoni mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija maħsuba biex tipproteġi l-interessi li jew ma jkunux relatati, jew li huma relatati biss b’mod remot, mas-sigurtà (13).

48.      F’dan ir-rigward, naħseb li t-terminu “sigurtà” – li jinsab kemm fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll fl-Artikolu 346 TFUE – jikkorrispondi għat-termini “sigurtà pubblika” (14) u “sigurtà nazzjonali” (15) li jistgħu jinstabu f’diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u fil-biċċa l-kbira jikkoinċidi ma’ (iżda bla dubju huwa usa’ mit-)terminu “sigurtà interna” (16) li jidher f’għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

49.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fir-rigward tat-terminu “sigurtà nazzjonali”, dan jikkonsisti fl-“interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà u tinkludi l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l‑Istat bħala tali” (17). Fi kliem ieħor, dan it-terminu jirreferi għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru jew ta’ persuni fir-rigward ta’ theddid ta’ ċerta importanza li jirriżulta minn ċirkustanzi li jistgħu jkunu interni (kriminalità organizzata, irvellijiet, eċċ.) jew esterni (spjunaġġ jew kontrospjunaġġ, il-gwerra ċibernetika, eċċ.) fl-Istat. Tali theddid jista’ jkun speċifiku għal dan l-Istat (bħal gruppi nazzjonalisti paramilitari jew armati) jew ta’ natura globali (bħal pandemija letali), ta’ oriġini umana (inċidenti nukleari, diżastri ambjentali, atti ta’ terroriżmu, eċċ.) jew li jseħħu b’mod naturali (terremoti, tsunami, għargħar, eċċ.).

50.      Fir-rigward tat-terminu “essenzjali”, huwa jimplika neċessarjament ċerta selettività fir-rigward tal-funzjonijiet u l-interessi pubbliċi li (anki jekk relatati mas-sigurtà) jistgħu jiġu koperti mid-derogi inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, dan it-terminu għandu jinftiehem bħala li jillimita dawn id-derogi għall-komponenti ewlenin tal-politika ta’ sigurtà tal-Istati Membri, bl-esklużjoni ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw biss indirettament jew b’mod remot is-sigurtà pubblika (18).

51.      Biex inkun ċar, m’għandix dubju li ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet - konnessi ma’, pereżempju, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-ambjent, ir-rispett tal-ħajja privata, il-finanzi pubbliċi, eċċ. – jistgħu, meta jkunu ta’ natura sistemika jew fuq skala kbira, iqajmu wkoll problemi ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, noqgħod lura ħafna milli napprova interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 li twassal għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-derogi stabbiliti fih lil hinn minn kull interess li, meta jiġi affettwat, ikollu impatt immedjat u manifest fuq is-sigurtà tal-istituzzjonijiet jew tal-persuni ta’ Stat Membru.

52.      Dan l-approċċ jidher konsistenti mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni li jgħid li l-eċċezzjonijiet minn regoli tal-Unjoni ta’ applikazzjoni ġenerali – bħal dawk inkwistjoni f’dan ir-rikors – għandhom jiġu interpretati b’mod strett (19).

ii)    Il-preġudizzju

53.      Fir-rigward tal-kundizzjoni (iii) msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, huma meħtieġa tliet osservazzjonijiet, ibbażati fuq il-kliem stess tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.

54.      L-ewwel, it-test tad-dispożizzjoni – li jenfasizza l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru (“jqis”, “iddetermina”) – jagħmilha ċara li Stat Membru ma huwiex marbut li jipprovdi provi pożittivi u inkonfutabbli li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 fir-rigward ta’ ċerti kuntratti pubbliċi effettivament tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. Huwa biżżejjed li Stat Membru jispjega, abbażi ta’ elementi konkreti u kredibbli (20), ir-raġunijiet għalfejn għandu bażi raġonevoli biex iqis (21) li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal ċerti kuntratti pubbliċi tista’ tikkomprometti (22) l-interess essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

55.      It-tieni, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta wkoll li t-theddida għall-interessi tas-sigurtà invokata minn Stat Membru ma għandhiex tkun attwali jew ċerta: ir-riskji potenzjali jistgħu, fil-fehma tiegħi, ikunu biżżejjed (23). Madankollu, dawk ir-riskji ma jistgħux ikunu purament spekulattivi jew ipotetiċi, iżda għandhom ikunu reali.

56.      It-tielet, it-test tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 (“il-protezzjoni […] ma tkunx tista’ tiġi ggarantita”, “l-iżvelar tagħha bħala kontra”, “l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu ggarantiti”), jissuġġerixxi wkoll li t-theddid (attwali jew potenzjali) għas-sigurtà għandu jkollu livell minimu ta’ gravità. Insibha diffiċli li nqis il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni bħala li jkopri avvenimenti jew sitwazzjonijiet li, minħabba l-iskala, id-daqs u l-impatt limitati tagħhom, ma joħolqu l-ebda theddida suffiċjentement serja għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet ta’ Stat Membru u għall-benesseri ġenerali tal-poplu tiegħu (24).

57.      Dawn huma elementi li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, il-miżuri adottati mill-Istati Membri b’rabta mar-rekwiżiti leġittimi ta’ interess nazzjonali ma humiex esklużi fl-intier tagħhom mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba li jittieħdu, inter alia, fl-interess tas-sigurtà pubblika (25). B’mod partikolari, la l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 u lanqas l-Artikolu 346(1)(a) TFUE ma jistgħu jinqraw b’tali mod li jagħtu lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi (26).

58.      Fid-dawl tal-marġni ta’ manuvra sinjifikattiv mogħti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward (27), madankollu, l-istandard ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, fil-fehma tiegħi, ikun wieħed tan-natura raġonevoli jew plawżibbli (28).

iii) Il-proporzjonalità tal-miżura

59.      Fl-aħħar, il-kundizzjoni (iv) imsemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet tikkonsisti fin-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ “miżuri inqas intrużivi”. Dan ifisser li, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġu invokati b’mod validu d-derogi stabbiliti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, Stat Membru għandu juri li l-esklużjoni tal-proċeduri ta’ sejħa għal offerti għall-kuntratti pubbliċi inkwistjoni hija miżura xierqa u neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

60.      F’dan il-kuntest, punt speċifiku jista’ jkollu bżonn kjarifika: il-Gvern Pollakk jargumenta li, skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-grad ta’ protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tagħhom fil-livell li huma jqisu l-aktar xieraq. B’konsegwenza ta’ dan, il-miżuri nazzjonali adottati biex jiżguraw dan il-livell ta’ protezzjoni ma jistgħux jitqiesu sproporzjonati, sakemm kwalunkwe miżura alternattiva disponibbli oħra ma tkunx tiżgura dan il-livell ta’ protezzjoni. Minn dan jirriżulta li Stat Membru ma jistax jiġi mġiegħel jaċċetta livell iktar baxx ta’ protezzjoni ta’ minn dak magħżul, għar-raġuni li l-miżuri alternattivi jkunu inqas restrittivi għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

61.      Meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta jekk tikkondividix din il-fehma, il-Kummissjoni wieġbet fin-negattiv. Madankollu, jidhirli li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet sabiex tispjega r-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħha u, fi kwalunkwe każ, naqset milli tindika kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tagħti lill-Unjoni s-setgħa li tistħarreġ l-għażliet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

62.      F’dan ir-rigward, tendenzjalment naqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Gvern Pollakk. Sakemm kwistjoni ma tkunx ta’ tali natura u dimensjoni li taffettwa s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk taqa’ taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (29), l-Unjoni ma għandha l-ebda kompetenza speċifika fir-rigward tas-sigurtà nazzjonali jew pubblika tal-Istati Membri. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat huma essenzjalment maħsuba biex jistabbilixxu l-limiti tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea – jew b’mod ġenerali (30), jew inkella meta jaġixxu f’ċerti oqsma speċifiċi (bħas-suq intern (31) u l-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (32)) – meta dan ikun jista’ jaffettwa l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri. Kif enfasizzat b’mod konsistenti l-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 4(2) TUE jirriżulta li “s-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru” (33).

c)      L-oneru tal-prova

63.      Huwa stabbilit sew li, fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Din l-istituzzjoni għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-informazzjoni neċessarja sabiex din tal-aħħar tiddetermina jekk il-ksur huwiex stabbilit, u ma tistax tibbaża ruħha fuq xi tip ta’ preżunzjoni għal dan il-għan (34).

64.      Ladarba l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi biex tipprova l-fatti rilevanti, huwa mbagħad l-Istat Membru konvenut li għandu jikkontesta fil-mertu u fid-dettall l-informazzjoni prodotta u dak li ġie dedott minnha (35). B’mod partikolari, meta Stat Membru jibbaża ruħu fuq deroga prevista mid-dritt tal-Unjoni – bħal f’din il-kawża – huwa dan l-Istat Membru li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet rilevanti huma ssodisfatti (36). Il-piż fuq l-Istat Membru konvenut jinkludi l-obbligu li jiġu analizzati l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dan l-Istat, u li jiġu prodotti provi speċifiċi li jissostanzjaw l-argumenti tiegħu (37).

65.      Madankollu, l-oneru tal-prova mqiegħed fuq dan l-Istat Membru ma jistax – żiedet il-Qorti tal-Ġustizzja – ikun tant estensiv li jitlob li huwa jipprova, b’mod pożittiv, li l-ebda miżura konċepibbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq l-għan pubbliku taħt l-istess kundizzjonijiet (38). Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li, qabel ma jadottaw derogi mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jeżaminaw bir-reqqa l-possibbiltà li jużaw miżuri li huma inqas restrittivi (39), iżda ma jistgħux ikunu mistennija jidentifikaw kull miżura alternattiva li tista’ tiġi prevista ipotetikament, u jispjegaw għaliex kollha għandhom jiġu esklużi. Ma’ dan inżid ngħid li Stat Membru ma jistax ikun meħtieġ jadotta miżuri alternattivi, meta dawn il-miżuri jkunu ta’ fattibbiltà jew ta’ effettività inċerta, jew meta huma jwasslu għal piż (organizzattiv jew finanzjarju) intollerabbli fuq l-Istati Membri inkwistjoni.

66.      Huwa fid-dawl ta’ dan il-qafas analitiku li issa ser neżamina l-merti tal-argumenti tal-partijiet.

2.      Analiżi tal-argumenti tal-partijiet

67.      Sabiex jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2014/24 għandu, fl-ewwel lok, jiġi vverifikat jekk l-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kellha l-għan li tipproteġi jistgħux jitqiesu bħala “interessi essenzjali tas-sigurtà” fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) ta’ din id-direttiva. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru inkwistjoni kellux motivi raġonevoli sabiex jikkunsidra li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni tista’ twassal għal theddid għas-sigurtà pubblika li huwa reali u suffiċjentement serju. Fit-tielet lok, għandha tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

68.      F’dan l-istadju, madankollu huma meħtieġa xi osservazzjonijiet preliminari.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

69.      L-ewwel, għandi nosserva li l-evalwazzjoni legali f’dan il-każ xi drabi ssir kemxejn ikkomplikata mill-fatt li ż-żewġ partijiet żviluppaw l-argumenti tagħhom b’mod pjuttost ġenerali, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni teskludi mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi – kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni – il-kuntratti għall-produzzjoni ta’ numru pjuttost kbir u divers ta’ dokumenti u ta’ oġġetti oħra.

70.      Ma nqisx li dawn id-dokumenti u oġġetti jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jitqiesu li jappartjenu għal grupp omoġenju. Ma fihomx informazzjoni simili u ma jaqdux l-istess funzjoni. Mill-inqas sa ċertu punt, huma prodotti wkoll minn materjali differenti u fuq bażi ta’ tekniki differenti. Ir-raġunijiet li għalihom dawn id-dokumenti ġew esklużi mis-sejħiet għal offerti pubbliċi jvarjaw, u huwa inkontestabbli li n-natura sensittiva tagħhom kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jaffettwaw l-interessi tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja, ivarjaw – saħansitra b’mod sinjifikattiv.

71.      Għalhekk ftit li xejn huwa sorprendenti li, ta’ spiss, l-argumenti mressqa minn waħda mill-partijiet ikollhom ċerta forza, iżda biss fir-rigward ta’ wħud mid-dokumenti inkwistjoni. Dan in-nuqqas ta’ qbil bejn l-argumenti legali tal-partijiet u s-sitwazzjoni fattwali sottostanti għandu, fil-fehma tiegħi, impatt sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni legali li din il-kawża titlob li ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod iktar partikolari fuq il-mod kif din it-tilwima tista’ tiġi solvuta. Nerġa’ niġi għal dan il-punt fi tmiem dawn il-konklużjonijiet.

b)      Il-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà

72.      Il-Gvern Pollakk isostni li l-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni hija attività li tista’ taffettwa l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24. Essenzjalment, l-argument ewlieni tal-Gvern Pollakk huwa maqsum fi tnejn. L-ewwel, huwa jirreferi għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tad-dokumenti li huma meħtieġa għall-funzjonament korrett u kontinwu tal-amministrazzjoni pubblika. It-tieni, huwa jenfasizza li l-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni tirrikjedi l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali (jew sigrieta) li ma għandhiex tiġi żvelata lil persuni mhux awtorizzati, u ta’ teknoloġiji u għarfien espert speċifiku li ma għandhomx jinkisbu minn tali persuni. F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk jirreferi għat-theddid għas-sigurtà kkawżat minn fenomeni bħall-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

73.      Inqis li huwa fid-diskrezzjoni ta’ Stat Membru li jikkunsidra li l-iżgurar tal-kontinwità tal-provvista ta’ dokumenti meħtieġa mill-apparat amministrattiv tiegħu sabiex jiffunzjona kif suppost jikkostitwixxi wieħed mill-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. Barra minn hekk, ma għandi l-ebda diffikultà li naqbel mal-Gvern Pollakk li l-ġlieda kontra l-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti mhux biss hija koperta bis-sħiħ mill-kunċett ta’ “sigurtà pubblika/nazzjonali”, iżda tista’ titqies ukoll bħala komponent fundamentali – u għalhekk “essenzjali” – tal-politika ta’ sigurtà tiegħu.

74.      Minkejja dan, irrid nosserva li – kemm fis-sottomissjonijiet bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta – tqajmet il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni ta’ ċerti dokumenti speċifiċi mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kinitx ġenwinament marbuta mal-ġlieda kontra t-theddid imsemmi hawn fuq. Jidhirli li l-Gvern Pollakk kien pjuttost vag fit-tweġibiet tiegħu dwar dan il-punt u, fl-aħħar mill-aħħar, irrefera għal għanijiet oħra li l-esklużjonijiet inkwistjoni kienu jsegwu. Huwa rrefera, b’mod partikolari, għall-interessi pubbliċi li ġejjin: (i) il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa pubblika fir-rigward tal-permessi sabiex jiġu eżerċitati l-professjonijiet ta’ tabib u ta’ dentist, (ii) il-protezzjoni tal-offerta pubblika fir-rigward tat-timbri tas-sisa, (iii) il-garanzija tas-sigurtà tal-vetturi fir-rigward tad-dokumenti kkonċernati bl-istatus ta’ dawn tal-aħħar, u (iv) il-garanzija tal-fiduċja tal-pubbliku fir-riżultat tal-elezzjonijiet fir-rigward tal-poloz tal-vot u s-sinjali olografiċi fuq iċ-ċertifikati tad-drittijiet tal-vot.

75.      Filwaqt li naqbel li l-garanzija tal-fiduċja li l-pubbliku għandu li l-elezzjonijiet ikunu ġusti tista’ titqies bħala wieħed mill-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru, ma nqisx li l-argumenti mressqa mill-Gvern Pollakk fir-rigward tal-interessi l-oħra msemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet huma konvinċenti. Kif imsemmi, jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom it-theddid għas-saħħa pubblika jista’ jitqies li jaffettwa l-interessi essenzjali tas-sigurtà. Lanqas ma neskludi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, it-theddid għall-finanzi pubbliċi jista’ jkun ta’ tali kobor u gravità li jista’ jitqies li għandu impatt fuq l-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru (40). Madankollu, ma huwiex faċli li wieħed jimmaġina ċ-ċirkustanzi li fihom kwistjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur jew ta’ sikurezza fit-toroq jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “interessi essenzjali tas-sigurtà”.

76.      Madankollu, u irrispettivament minn dak li ntqal hawn fuq, ma narax – u lanqas il-Gvern Pollakk ma rrefera għal dan – xi theddida jew riskju speċifiku għas-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza fit-toroq u l-finanzi pubbliċi li, f’dan il-każ, jistgħu jilħqu l-limitu minimu ta’ gravità meħtieġ biex jitqiesu b’mod plawżibbli bħala “interess essenzjali tas-sigurtà”. Pereżempju, is-sempliċi fatti – allegati minn dan il-gvern – li l-eżistenza ta’ ċertifikati mediċi foloz tkun tfisser li ċerti individwi jirċievu trattament minn persuni mingħajr kwalifiki mediċi xierqa, u li l-eżistenza ta’ timbri tas-sisa foloz tirriżulta f’telf ta’ dħul għat-Teżor Pollakk huma, fil-fehma tiegħi, manifestament insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.

77.      Barra minn hekk, fost id-dokumenti inkwistjoni hemm xi wħud li fir-rigward tagħhom il-Gvern Pollakk ma spjegax ir-rabta loġika mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tiegħu. Lanqas ma nara, għal dawn id-dokumenti, tali konnessjoni ovvja. Biex insemmu biss ftit: marki legali u stikers ta’ kontroll imsemmija fil-kodiċi tat-triq, il-kotba tal-baħrin, id-dokumenti assoċjati mar-reġistri tal-istat ċivili, it-titoli eżekuttivi, is-sentenzi jew deċiżjonijiet maħruġa minn qrati jew marixxalli, iċ-ċertifikati tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ inġenji tal-ajru, id-dokumenti li jiċċertifikaw diżabbiltà, il-liċenzji tas-sewqan, il-kotba tal-vetturi, id-dokumenti takografiċi, u d-dokumenti tas-servizz ta’ ċerti uffiċjali pubbliċi bħal uffiċjali tat-taxxa u uffiċjali tad-dwana jew spetturi tat-trasport bit-triq.

78.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jiena tal-fehma li r-Repubblika tal-Polonja tista’, f’dan il-każ, tinvoka b’mod validu d-derogi inkwistjoni sakemm l-esklużjonijiet mir-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi jkunu intiżi: (i) sabiex jipproteġu lil dan l-Istat Membru mit-theddid ikkawżat mil-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, (ii) sabiex jiżguraw il-fiduċja tal-pubbliku fir-riżultati tal-elezzjonijiet, u (iii) sabiex jiżguraw il-provvista ta’ dokumenti li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika. Min-naħa l-oħra, jiena tal-fehma li r-riskji l-oħra għas-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja li huma invokati – bħal dawk għas-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sikurezza fit-toroq u l-finanzi pubbliċi – ma humiex tali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-derogi inkwistjoni.

c)      Il-preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà

79.      Fir-rigward tal-probabbiltà u tal-gravità tal-preġudizzju għall-interessi tas-sigurtà li huma inkwistjoni, jiena tal-fehma li l-Gvern Pollakk jista’ raġonevolment iqis li l-attività ta’ produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni tista’, jekk tiġi fdata lil kumpannija li ma tikkonformax ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, toħloq theddid għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha li huma kemm reali kif ukoll sinjifikattivi.

80.      F’ċerti ċirkustanzi, il-ħsara li tista’ tirriżulta minn żvelar (“leak”) ta’ informazzjoni tista’ tkun – kif jargumenta l-Gvern Pollakk u kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni – ta’ natura kważi irreversibbli. Il-ħsara tista’ tabilħaqq tkun dejjiema u diffiċli biex tissewwa: id-dokumenti ffalsifikati jistgħu jkomplu jiċċirkulaw għal xi żmien u oħrajn ġodda jistgħu jiġu prodotti faċilment. Ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi estremi, ċerti bidliet fil-proċeduri u t-tekniki użati għall-ħruġ ta’ wħud mid-dokumenti inkwistjoni jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġi evitat iktar theddid fil-futur.

81.      Madankollu, għandi d-dubji tiegħi kemm eventwali tfixkil fil-produzzjoni ta’ kull wieħed mid-dokumenti li jinsabu fil-lista inkwistjoni jista’ jitqies li huwa ta’ theddida serja biżżejjed għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika Pollakka. Fil-fehma tiegħi, il-bżonn li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tista’ tiġi invokata b’mod validu biss fir-rigward ta’ dawk id-dokumenti li huma strettament indispensabbli u mhux sostitwibbli għall-apparat amministrattiv fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat, b’tali mod li anki dewmien relattivament żgħir fil-kunsinna ta’ dawn id-dokumenti ma jkunx jista’ jiġi ttollerat. Il-maġġoranza l-kbira tad-dokumenti inkwistjoni ma jidhirlix li jissodisfaw dawn il-kriterji.

d)      Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità

82.      Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni tal-Gvern Pollakk li jeskludi l-kuntratti pubbliċi inkwistjoni mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Madankollu, fid-dawl tal-kliem stess tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (41), sabiex tiġi rrispettata l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali/pubblika, jidhirli li t-test ta’ proporzjonalità huwa ġġustifikat biss f’żewġ stadji.  (42) Dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja hija sempliċement obbligata li tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hijiex adatta sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex isir dan.

i)      L-adegwatezza tal-miżura

83.      L-ewwel, fir-rigward tal-adegwatezza tal-esklużjoni sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tagħha, l-evalwazzjoni tista’ tkun relattivament sempliċi: għalija huwa pjuttost evidenti li ċ-ċentralizzazzjoni tal-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni f’entità waħda, li hija kompletament proprjetà tal-Istat u kkontrollata direttament minnu, li topera fit-territorju Pollakk, tista’ tnaqqas ir-riskji li (i) persunal mhux awtorizzat jista’ jkollu aċċess għal materjali sensittivi u informazzjoni kunfidenzjali (jew sigrieta), u b’hekk jiffalsifika d-dokumenti inkwistjoni jew jirriproduċi t-teknoloġija u l-għarfien espert meħtieġa għal dan (43), u (ii) il-kumpannija tista’ tidħol f’diffikultajiet finanzjarji li jistgħu jheddu l-kontinwità tal-provvista tad-dokumenti inkwistjoni.

84.      Fil-fatt, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jintervjenu – u, possibbilment, ikollhom l-aħħar kelma – fl-għażliet ewlenin kollha (ta’ funzjonament, fil-qasam kummerċjali, tekniku, ta’ riżorsi umani, eċċ.) magħmula mill-entità inkwistjoni. Is-setgħat ta’ kontroll (pereżempju fil-bini tal-kumpannija, jew fuq il-persunal tal-entità) jistgħu jiġu eżerċitati wkoll, jekk ikun il-każ, bl-użu tas-setgħat mogħtija lill-forzi tal-pulizija. Il-fatt li l-kuntrattur huwa kompletament proprjetà tat-Teżor (u li d-dritt nazzjonali jipprevedi ċerti limitazzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ tal-ishma tiegħu) huwa wkoll assigurazzjoni li l-proprjetà tal-kuntrattur ma tistax “taqa’ f’idejn ħżiena”, li jista’ potenzjalment iseħħ fiċ-ċirkustanza ta’ kumpanniji li l-ishma tagħhom huma nnegozjati pubblikament fil-borża. Barra minn hekk, il-kontroll pubbliku għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw b’mod aktar faċli u rapidu sitwazzjonijiet ta’ diffikultà finanzjarja tal-kumpannija, u b’hekk ikunu jistgħu jadottaw miżuri xierqa ta’ rimedju fil-ħin.

85.      Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tidher li tista’ tagħti kontribut utli għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà invokati mir-Repubblika tal-Polonja.

ii)    Neċessità tal-miżura

86.      It-tieni aspett – dak tan-neċessità tal-miżura – iqajjem, fil-fehma tiegħi, kwistjonijiet iktar kumplessi.

87.      Il-kwistjoni kruċjali hija jekk il-Gvern Pollakk weriex in-neċessità tal-applikazzjoni tad-derogi inkwistjoni sabiex jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. Għal dan il-għan, dan il-gvern kellu jistabbilixxi li l-protezzjoni ta’ tali interessi ma setgħetx tinkiseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti kif prevista mid-Direttiva 2014/24 (44).

88.      F’dan il-kuntest, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont dak li allega l-Gvern Pollakk f’din il-proċedura, il-livell ta’ protezzjoni tal-interessi inkwistjoni magħżul minn dak il-gvern huwa partikolarment għoli. Dan huwa element li, kif imsemmi fil-punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi.

89.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi, essenzjalment, li kombinazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi stretti (skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 (45)) u ta’ kriterji ta’ għażla (skont l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 (46)) tkun daqstant effettiva għall-protezzjoni tal-interessi invokati mill-Gvern Pollakk bħall-esklużjoni mis-sejħiet għall-offerti ta’ kuntratt pubbliku. Il-Kummissjoni tindika wkoll id-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jimmodifikaw il-kuntratti pubbliċi (Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 (47)), u li jitterminawhom (Artikolu 73 tad-Direttiva 2014/24 (48)), f’ċirkustanzi speċifiċi.

90.      Jiena tal-fehma li, sa ċertu punt, il-Kummissjoni għandha argument validu. Fil-fatt, fir-rigward tal-iżgurar tal-kontinwità tal-provvista, ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-kumpanniji privati, bħala definizzjoni, joffru garanziji iktar baxxi. Kif ikkonfermat fis-seduta mill-Gvern Pollakk, PWPW hija “kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata”, jiġifieri kumpannija b’responsabbiltà limitata li – għall-inqas formalment – ma hijiex differenti minn bosta kumpanniji privati oħra. Bħala tali, dik il-kumpannija tista’ tiltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji u, jekk is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tiddeterjora b’mod serju, tista’ saħansitra tfalli.

91.      Ovvjament nifhem li l-Gvern Pollakk jagħmel l-almu tiegħu biex iżomm lil din il-kumpannija finanzjarjament vijabbli u, fejn meħtieġ, isalvaha minn proċedimenti ta’ falliment. Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, jista’ jkun hemm xi limiti għall-kapaċità ta’ dan il-gvern li jagħmel dan. Inter alia, ir-regoli tal-UE dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu applikabbli. Ma għandux jiġi injorat, f’dan il-kuntest, li PWPW hija attiva f’firxa ta’ attivitajiet (disinn grafiku, produzzjoni u personalizzazzjoni ta’ diversi dokumenti, li joffru soluzzjonijiet tal-informatika, eċċ.) u ta’ swieq ġeografiċi (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni Ewropea), fejn hija tikkompeti ma’ kumpanniji oħra.

92.      Fil-fehma tiegħi, jistgħu faċilment jiġu previsti għadd ta’ miżuri biex jiġu minimizzati r-riskji għall-kontinwità tal-provvista allegati mill-Gvern Pollakk. Pereżempju, xejn ma jipprekludi lil dan il-gvern imsemmi l-aħħar milli jitlob lill-offerenti/kuntratturi biex, inter alia: (i) jissodisfaw kriterji finanzjarji stretti għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti, (ii) perjodikament jittrażmettu bilanċi u rapporti finanzjarji dettaljati sabiex jippermettu lill-amministrazzjoni tikkontrolla s-“saħħa” tal-kumpannija, u (iii) jimpenjaw ruħhom fit-trasferiment tal-produzzjoni fil-każ ta’ falliment (jew fil-każ tal-impossibbiltà sussegwenti li jeżegwixxu debitament il-kuntratt).

93.      Għalhekk, jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn għandha l-għan li tiżgura l-kontinwità tal-provvista tad-dokumenti inkwistjoni, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà invokati mill-Gvern Pollakk. L-istess livell ta’ protezzjoni ta’ dawn l-interessi jista’ jinkiseb anki jekk il-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni kellha tiġi fdata lil kumpannija waħda jew iktar permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.

94.      Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-miżuri ssuġġeriti mill-Kummissjoni ma humiex effettivi daqs l-esklużjoni mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fir-rigward tal-ħtieġa li jiġi evitat żvelar ta’ informazzjoni jew ta’ teknoloġija. Fi kliem ieħor, dawn il-miżuri alterattivi ma jilħqux, fil-fehma tiegħi, l-il-livell ta’ protezzjoni magħżul mill-Gvern Pollakk.

95.      L-ewwel, huwa ċar għalija li s-sempliċi introduzzjoni fil-kuntratt ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari jew finanzjarja u ta’ kumpens fil-każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni jew ksur ieħor tar-regoli tas-sigurtà ma humiex ta’ effettività komparabbli: ir-raġunament li jiġu esklużi ċerti kuntratti mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa preċiżament li jitnaqqas ir-riskju li jseħħ id-dannu. Kumpens finanzjarju ex post facto mill-kuntrattur, jew l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fuq il-persuni kkonċernati ma jidhirx li huwa ta’ tant użu għar-Repubblika tal-Polonja u, konsegwentement, ma jidhirx li jikkostitwixxi alternattiva valida għal miżuri ex ante iktar stretti, li jistgħu jevitaw il-ksur. Jiena ovvjament konxju li l-klawżoli ta’ kumpens u ta’ responsabbiltà huma maħsuba wkoll biex jiddisswadu milli wieħed jikser il-liġi. Madankollu, meta jiġu biex jiskoraġġixxu persuni li jistgħu jkunu konnessi ma’, pereżempju, gruppi terroristiċi, servizzi sigrieti barranin jew organizzazzjonijiet kriminali b’saħħithom milli jipprovaw jaċċessaw informazzjoni sensittiva ħafna, l-effetti preventivi ta’ tali klawżoli jidhru pjuttost limitati.

96.      Il-Kummissjoni ssuġġeriet li, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tal-Gvern Pollakk li juża, jekk ikun meħtieġ, il-poteri pubbliċi tal-forzi tal-pulizija sabiex jikkontrolla l-kumpannija inkwistjoni u l-persunal tagħha, il-kuntrattur jista’ jkun meħtieġ iwettaq l-attivitajiet tiegħu fil-Polonja. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għall-fatt li kumpanniji oħra stabbiliti fil-pajjiż diġà għandhom iċ-ċertifikati ta’ sigurtà meħtieġa biex jeżerċitaw attivitajiet bħal dawk eżerċitati minn PWPW.

97.      Uħud mill-argumenti tal-Kummissjoni huma pjuttost konvinċenti. Il-kuntrattur jista’ tabilħaqq jintalab jipproduċi id-dokumenti l-iktar sensittivi fil-Polonja, sabiex jippermetti kontroll iktar effettiv u, jekk ikun meħtieġ, l-infurzar mill-awtoritajiet pubbliċi.

98.      Madankollu, il-Gvern Pollakk jista’ – leġittimament, fil-fehma tiegħi – jikkunsidra importanti l-fatt li jkun jista’ jinfluwenza jew jikkontrolla ċerti deċiżjonijiet essenzjali meħuda mill-kumpannija li jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-attivitajiet eżerċitati minn din il-kumpannija (bħal reklutaġġ ta’ persunal, biex nagħti eżempju wieħed). Huwa diffiċli li wieħed jikkontesta li l-livell ta’ intervent li l-awtorità pubblika tista’ teżerċita fir-relazzjonijiet ma’ kumpannija pubblika huwa ogħla minn dak li hija tista’ teżerċita fil-konfront ta’ kumpannija privata, irrispettivament mill-klawżoli u l-garanziji li jistgħu jiġu inklużi fil-kuntratt. Kif tfakkar ripetutament, fil-prinċipju hija r-Repubblika tal-Polonja li għandha tagħżel il-livell xieraq ta’ protezzjoni tal-interessi involuti.

99.      L-istess kunsiderazzjonijiet jistgħu japplikaw, mutatis mutandis, għall-produzzjoni ta’ poloz tal-vot u sinjali olografiċi fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot.

100. Għalhekk, jiena tal-fehma li r-Repubblika tal-Polonja tista’ tinvoka l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, sa fejn l-esklużjonijiet mis-sejħa għal offerti pubblika jikkonċernaw dokumenti li l-falsifikazzjoni tagħhom jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-ġlieda li dan l-Istat qed imexxi kontra l-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-kriminalità organizzata, kif ukoll dawk li jista’ jkollhom impatt fuq il-korrettezza u l-ġustizzja tal-elezzjonijiet (jew il-perċezzjoni li l-pubbliku għandu tagħhom).

3.      Konklużjonijiet: sabiex tinqata’ din il-kawża

101. L-analiżi ta’ hawn fuq twassalni għall-konklużjonijiet segwenti.

102. L-ewwel, uħud mill-interessi invokati mill-Gvern Pollakk f’din il-kawża jistgħu jitqiesu bħala “interessi essenzjali tas-sigurtà” fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24. Qed nirreferi għall-ħtiġijiet (i) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-faċilizazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-kriminalità organizzata, (ii) sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tad-dokumenti li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni pubblika, u (iii) sabiex tiġi ggarantita l-fiduċja tal-pubbliku fir-riżultat ġust tal-elezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża ma nsib l-ebda element li jiġġustifika t-trattament tal-interessi relatati mas-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza fit-toroq u l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi bħala “interessi essenzjali tas-sigurtà” fis-sens tad-Direttiva 2014/24.

103. It-tieni, jiena tal-fehma li r-Repubblika tal-Polonja għandha motivi raġonevoli sabiex tqis li t-theddid li hija beħsiebha tipprevjeni jew timminimizza bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa reali u suffiċjentement serju. Madankollu, ma nara l-ebda theddida bħal din meta d-dokumenti li r-Repubblika tal-Polonja għandha l-intenzjoni li tiżgura l-kontinwità tal-provvista tagħhom ma jkunux insostitwibbli jew indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni tal-Istat.

104. It-tielet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni – billi tiċċentralizza l-produzzjoni tad-dokumenti inkwistjoni f’entità waħda, li hija kollha kemm hi proprjetà tal-Istat u kkontrollata direttament minnu – tikkonforma biss parzjalment mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod iktar speċifiku, jista’ jitqies neċessarju li jinkiseb il-livell adegwat ta’ protezzjoni magħżul mill-Gvern Pollakk biss fir-rigward ta’ dokumenti li l-falsifikazzjoni tagħhom x’aktarx li effettivament tippreġudika l-ġlieda tar-Repubblika tal-Polonja kontra l-gwerra ċibernetika, it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-faċilizazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti jew il-kriminalità organizzata, jew timmina l-fiduċja tal-pubbliku fir-riżultat tal-elezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, jeżistu miżuri alternattivi inqas intrużivi sabiex jiġu evitati r-riskji, invokati mill-Gvern Pollakk, għall-kontinwità tal-provvista tad-dokumenti inkwistjoni.

105. Dan kollu jfisser li – fil-fehma tiegħi – kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja parzjalment rebħu u parzjalment tilfu fit-talbiet tagħhom f’din il-kawża. Jekk dan ikun il-każ, il-mistoqsija kruċjali ssir, ovvjament, dik dwar sa fejn dan ir-rikors għandu jintlaqa’ u sa fejn għandu jiġi miċħud.

106. Biex nindirizza din il-mistoqsija, issa rrid nerġa’ lura għall-kwistjoni li semmejt fir-rimarki preliminari tiegħi: kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Pollakk fil-biċċa l-kbira żviluppaw l-argumenti tagħhom b’mod pjuttost ġenerali, filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni teskludi mill-għoti tal-kuntratti pubbliċi l-produzzjoni ta’ numru pjuttost kbir u divers ta’ dokumenti u oġġetti oħra (49).

107. Meta mistoqsija waqt is-seduta jekk kinux jikkunsidraw li qiesu kif xieraq il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dokument, iż-żewġ partijiet sostnew li ma kinux meħtieġa jagħmlu dan. Il-Gvern Pollakk tenna l-fehma li d-dokumenti kollha inkwistjoni huma ta’ importanza kruċjali għall-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà tiegħu u, konsegwentement, kollha jistgħu jiġu esklużi mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li, sal-preżent, il-Gvern Pollakk kien irrifjuta li jidħol fi kwalunkwe diskussjoni utli dwar il-punt u, fi kwalunkwe każ, kellu jkun dan il-gvern li jispjega lill-Qorti tal-Ġustizzja l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dokument.

108. Ma nistax ngħid li ma ħassejtx frustrazzjoni meta rċevejt dawn it-tweġibiet. Fil-fatt, minħabba dan l-approċċ mill-partijiet, u minkejja evalwazzjoni bir-reqqa tal-motivi tal-Kummissjoni u tal-oġġezzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, kif ukoll eżami tal-provi mressqa miż-żewġ partijiet, ma nistax “nislet linja” preċiża bejn id-dokumenti li jistgħu jiġu esklużi b’mod leġittimu mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u dawk li ma jistgħux.

109. Normalment, fil-kuntest ta’ rikors dirett, il-fatt li parti ma tissostanzjax l-pretensjonijiet tagħha ma jagħtix lok għal problemi proċedurali kbar: il-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova (50) jistgħu jiggwidaw lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-diversi punti kontenzjużi. F’dan il-każ, madankollu, insibha partikolarment diffiċli li nidentifika, fir-rigward ta’ ċerti aspetti tat-tilwima, il-parti li kellha l-oneru tal-prova (jew tal-konfutazzjoni) ta’ fatt speċifiku. F’dan it-tip ta’ ping-pong proċedurali li fih l-oneru tal-prova jinbidel kull darba li parti tkun iġġustifikat il-pożizzjoni tagħha b’mod plawżibbli, jista’ xi drabi jagħmilha diffiċli li jiġi deċiż min ikun skorja l-punt – biex ngħidha b’mod metaforiku.

110. Barra minn hekk, ma nħossnix komdu nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi din it-tilwima fuq il-bażi ta’ applikazzjoni awtomatika (u għalhekk, nazzarda ngħid, għamja) tar-regoli dwar l-oneru tal-prova. Huwa minnu li kull parti għandha tagħżel bir-reqqa l-approċċ li hija tixtieq tadotta u l-istrateġija kontenzjuża tagħha, peress li l-għażliet magħmula f’dan ir-rigward ikollhom ta’ spiss konsegwenzi importanti. Meta qorti tagħti deċiżjoni finali dwar kwistjoni, u ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li tiġi appellata dik id-deċiżjoni, din il-kwistjoni ssir res judicata u, bħala tali, ma tistax tkun is-suġġett ta’ kontestazzjoni ġdida.

111. Għalhekk, ladarba tintemm proċedura ġudizzjarja, ir-realtà proċedurali tissostitwixxi kwalunkwe realtà “alternattiva” oħra.

112. Madankollu, filwaqt li dan normalment jista’ jitqies bħala sempliċi fatt tal-ħajja, noqgħod lura milli napprova applikazzjoni estrema ta’ dan l-approċċ – li tista’, fl-aħħar mill-aħħar, twassal lill-imħallfin biex jabbandunaw is-sens komun u jadottaw deċiżjonijiet mhux raġonevoli – fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

113. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement indikat, fil-kuntest ta’ tali proċedura huwa r-rwol tagħha li tivverifika l-allegat ksur, anki meta l-konvenut ma jikkontestahx (51). Dan jista’ jiġi spjegat, fil-fehma tiegħi, minħabba l-konsegwenzi potenzjalment estensivi li jistgħu jirriżultaw, għal Stat Membru, minn sentenza negattiva mogħtija skont l-Artikoli 258 jew 259 TFUE: dan l-Istat Membru jkun meħtieġ jemenda l-miżura nazzjonali kkontestata. U dan huwa minnu irrispettivament minn jekk, b’difiża aħjar, ikunx seta’ juri li din il-miżura kienet fil-fatt konformi mad-dritt tal-Unjoni (52). L-assenza ta’ emenda tal-miżura nazzjonali kkontestata tista’ tesponi lil dan l-Istat Membru għal sanzjonijiet finanzjarji (53) u għal azzjonijiet għal responsabbiltà (54).

114. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, meta ma jkunx kompletament ċar min kellu jipprova x’hiex, minħabba li ż-żewġ partijiet jidhru li huma responsabbli għan-natura inkompleta tal-proċess, jista’ jkun approċċ sensibbli min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevita li tiddeċiedi dwar dawk il-kwistjonijiet li mhumiex strettament indispensabbli sabiex tinqata’ t-tilwima. Dan jidhirli li huwa partikolarment importanti f’kawża bħal dik preżenti, fejn iż-żamma ta’ argument wieħed tar-rikorrent jew tal-konvenut jista’ jkollha riperkussjonijiet immedjati fuq il-protezzjoni ta’ ċerti interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru.

115. F’dan l-isfond, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fundamentalment, żewġ għażliet.

116. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ – kif għamlet f’xi kawżi bikrija li fihom hija qieset li l-informazzjoni pprovduta miż-żewġ partijiet ma kinitx tippermettilha tagħmel evalwazzjoni suffiċjentement preċiża tal-kwistjonijiet inkwistjoni – tagħti sentenza interlokutorja. F’tali sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lill-partijiet jeżaminaw mill-ġdid ċerti kwistjonijiet imqajma mit-tilwima fid-dawl tal-gwida li tinsab f’dawk is-sentenzi, u li jirrapportaw lilha sa ċerta data, u wara dan il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza finali (55).

117. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ sempliċement tiddikjara li, billi eskludiet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, materjal stampat u timbri u mmarkar mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 2014/24, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 15(2) u (3) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE. Fil-fatt, l-analiżi tiegħi wriet li, bla dubju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni teskludi mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi numru (probabbilment kbir) ta’ dokumenti li fir-rigward tagħhom id-derogi previsti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex applikabbli.

118. Għal raġunijiet tal-ekonomija tal-proċedura, jiena nargumenta favur it-tieni għażla. F’dan ir-rigward, nenfasizza li, fid-dawl tat-talbiet tal-Kummissjoni (56), il-Qorti la tiddeċiedi ultra petita u lanqas infra petita. Fl-istess ħin, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti gwida suffiċjenti lill-Gvern Pollakk dwar kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi emendata biex tinkiseb konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożittiv tas-sentenza, li jiddeskrivi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 258 TFUE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-motivi tas-sentenza (57).

119. Barra minn hekk, kull nuqqas ta’ qbil fil-futur, bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja, dwar jekk din tal-aħħar irnexxielhiex tikseb konformità sħiħa mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, jekk ikun il-każ, jiġi solvut, (i) fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE u, jekk in-nuqqas ta’ qbil ikompli wara din il-proċedura, (ii) fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat, taħt l-Artikolu 263 TFUE, mir-Repubblika tal-Polonja kontra kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina n-neċessità u l-ammont tas-sanzjonijiet dovuti minn dan l-Istat Membru (58).

120. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, fl-istat attwali tagħha, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 u, għaldaqstant, tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

VI.    Fuq lispejjeż

121. F’konformità mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, sakemm, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li jkun iġġustifikat li parti tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

122. F’dan il-każ, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja talbu li l-parti l-oħra tiġi kkundannata għall-ispejjeż u rnexxielhom fuq xi talbiet u tilfu fuq oħrajn. Għaldaqstant, inqis li huwa korrett li kull waħda mill-partijiet tiġi ordnata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

VII. Konklużjoni

123. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi eskludiet il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, materjal stampat, timbri u mmarkar mir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 15(2) u (3) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.


3      Il-punt 6 jikkonċerna d-definizzjoni ta’ “kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet”.


4      C‑187/16, EU:C:2018:194 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija”).


5      Bl-istess mod, it-titolu tas-subtaqsima tad-Direttiva 2014/24 li jinkludi l-Artikolu 15 huwa intitolat “Akkwist li jinvolvi aspetti ta’ difiża jew sigurtà”.


6      Riferiment ieħor għal din id-dispożizzjoni tat-Trattat tista’ tinstab fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva.


7      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C-187/16, EU:C:2017:578, punti 43 u 45; iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija”).


8      Bħal, partikolarment, il-fatt li it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/24, kuntrarjament għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 15(3) tagħha, ma jirrikjedix espressament l-assenza ta’ “miżuri inqas intrużivi” effettivi. Madankollu, in-nuqqas ta’ tali rekwiżit, fil-fehma tiegħi, ma huwiex importanti, peress li fi kwalunkwe każ huwa jirriżulta mill-prinċipju ta’ proporzjonalità.


9      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/24 jibda bit-terminu “barra minn hekk”, li jissuġġerixxi li huwa jissupplimenta dak li kien previst fl-ewwel subparagrafu tiegħu. Madankollu, jidhirli li s-sitwazzjoni (ifformulata b’mod aktar wiesa’) prevista fl-ewwel subparagrafu tinkludi wkoll is-sitwazzjoni (iddefinita b’mod aktar ristrett) prevista fit-tieni subparagrafu.


10      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 75.


11      Sempliċement biex nagħti eżempju, ir-riskji mqajma minn eventwali kriżi tal-enerġija jistgħu forsi jitqiesu bħala “interessi essenzjali tas-sigurtà” minn Stat li huwa importatur kbir tal-enerġija (jew tal-materjali użati sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija), filwaqt li ma jitqisux hekk għal Stat li huwa awtosuffiċjenti fl-enerġija. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punti 34 u 35). Dan huwa iktar u iktar minnu fil-kuntest ġeopolitiku attwali.


12      Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Albore (C‑423/98, EU:C:2000:158, punt 58).


13      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:76, punti 129 sa 133).


14      Artikoli 36, 45, 52, 65 u 202 TFUE.


15      Artikolu 4(2) TUE.


16      Artikoli 71, 72 u 276 TFUE.


17      Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 135).


18      Ara, pereżempju, l-Artikolu 4(2) TUE li jitkellem dwar “funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali” (enfasi miżjuda).


19      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata.


20      B’enfasi fuq l-importanza tal-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu motivazzjoni u provi f’dan ir-rigward huma l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:76, punti 131, 142, u 160); u l-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 48.


21      Dwar il-bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni mill-perspettiva tal-Istat Membru, ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑120/94, EU:C:1995:109, punt 58).


22      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, EU:C:1999:417, punt 24).


23      Ara, f’dan ir-rigward u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Albore (C‑423/98, EU:C:2000:158, punt 31).


24      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Albore (C‑423/98, EU:C:2000:401, punt 22), u tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u r-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Fiocchi munizioni vs Il-Kummissjoni (T‑26/01, EU:T:2003:248, punt 58).


28      Dwar din il-kwistjoni b’mod iktar ġenerali, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BĊE vs Crédit lyonnais (C‑389/21 P, EU:C:2022:844, punti 41 sa 74).


29      Ara b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) TUE (“Il-kompetenza ta’ l-Unjoni f’materji ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha tkopri […] l-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà ta’ l-Unjoni”); u l-Artikolu 42(1) TUE (“Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni.”). Enfasi miżjuda.


30      Kif imsemmi hawn fuq, l-Artikolu 4(2) TUE jiddikjara, inter alia, li l-Unjoni għandha tirrispetta l-funzjonijiet statali essenzjali tal-Istati Membri, “inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali”. Enfasi miżjuda.


31      Ara l-Artikoli 36, 45, 52 u 65 TFUE.


32      Ara l-Artikoli 71, 72 u 276 TFUE.


33      Ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑97/17, EU:C:2018:285, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (Deterjorament taż-żona naturali ta’ Doñana) (C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Ċipru (C‑515/14, EU:C:2016:30, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Dwar dan il-punt il-ġurisprudenza hija restrittiva ħafna: l-interessi ta’ natura ekonomika ma jikkostitwixxux, fil-prinċipju, interessi essenzjali tas-sigurtà. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, EU:C:1999:417, punt 22).


41      Ara l-punti 8 u 59 hawn fuq.


42      It-test sħiħ tal-proporzjonalità jirrikjedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika jekk il-miżura nazzjonali issibx bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni: l-interess imfittex mill-Istat bil-miżura inkwistjoni u l-interess tal-persuni milquta ħażin minnha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 178 u 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Bl-istess mod, il-konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 56.


44      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 78 u 79 u l-ġurisprudenza ċċitata.


45      B’mod partikolari, l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi: “L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi […] għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista. […]”.


46      L-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kriterji ta’ għażla”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-kriterji ta’ għażla jistgħu jirrigwardaw: (a) l-adattabilità għall-eżerċizzju tal-attività professjonali; (b) il-kapaċità ekonomika u finanzjarja; (c) il-kapaċità teknika u professjonali. It-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[f]ir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt”. Fil-każ tar-raba’ paragrafu, dan jipprovdi li “[f]ir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat”.


47      Skont il-punt (c) tal-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/24, il-kuntratti u l-ftehimiet qafas jistgħu jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt meta, inter alia, jiġu ssodisfatti għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet (punt (i)) hija li “l-ħtieġa ta’ modifika nġiebet minħabba ċirkostanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi”.


48      L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2014/24 jikkonċerna ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet kontraenti għandhom il-possibbiltà li jitterminaw kuntratt pubbliku matul it-terminu tiegħu.


49      Ara l-punti 9, 10, 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      Il-prinċipji prinċipali ta’ din il-kwistjoni ġew imfakkra fil-punti 63 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑67/12, EU:C:2014:5, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      F’dan il-kuntest, ma għandux jiġi injorat li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hemm livell uniku ta’ ġurisdizzjoni: il-partijiet għalhekk għandhom – biex ngħidu hekk – tir wieħed biss quddiem il-qrati tal-Unjoni.


53      Ara l-Artikolu 260(2) TFUE.


54      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 57), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 120).


55      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (170/78, EU:C:1980:53), u tas-17 ta’ Diċembru 1980, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (149/79, EU:C:1980:297).


56      Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara, fost bosta oħrajn, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑95/12, EU:C:2013:676, punti 37, 40 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      L-Artikolu 51(c) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – kif emendat reċentement – jirriżerva dawn ir-rikorsi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.