Language of document : ECLI:EU:C:2023:629

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2023 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Stamperija tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħra kif ukoll sistemi ta’ ġestjoni ta’ dawn id-dokumenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw din il-produzzjoni lil impriża rregolata mid-dritt pubbliku mingħajr applikazzjoni preċedenti ta’ proċedura għal għoti ta’ kuntratt – Artikolu 346(1)(a) TFUE – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 1(1) u (3) – Artikolu 15(2) u (3) – Miżuri partikolari ta’ sigurtà – Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑601/21,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑28 ta’ Settembru 2021,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn P. Ondrůšek, M. Siekierzyńska, A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, sussegwentement minn G. Gattinara, P. Ondrůšek, A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, E. Borawska-Kędzierska u M. Horoszko, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, P. G. Xuereb, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċiet fil-leġiżlazzjoni Pollakka esklużjonijiet mhux previsti mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), f’dak li jikkonċerna l-kuntratti dwar il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, formoli u timbri, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

2        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

2.      Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.

3.      L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hija soġġetta għall-Artikolu 346 [TFUE].

[…]”

3        Skont il-punti 6 u 9 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

6.      ‘kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet skont it-tifsira tal-Anness II;

b)      l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol;

(c)      it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol;

[…]

9.      ‘kuntratti pubbliċi ta’ servizzi’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt [6] l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”.

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-limiti li minnhom din hija applikabbli.

5        L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku” jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din idDirettiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq iddipartimenti tagħha stess;

b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

c)       ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[…]”

6        Intitolat “Difiża u sigurtà”, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinn li mhumiex eżentati skont l-ewwel paragrafu sal-punt li l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ tiġi ggarantita permezz ta’ miżuri inqas intrużivi, pereżempju bl-impożizjoni ta’ rekwiżiti mmirati għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel disponibbli fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kif previst f’din id-Direttiva.

Barra minn hekk, u f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 346(1) tat-TFUE, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi u kompetizzjonijiet ta’ disinni li mhumiex eżentati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa fejn l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tobbliga lill-Istat Membru biex jagħti informazzjoni li huwa jqis l-iżvelar tagħha bħala kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

3.      Fejn l-akkwist u t-twettiq tal-kuntratt pubbliku jew kompetizzjoni ta’ disinn huma ddikjarati bħala sigrieti jew għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ta’ sigurtà speċjali skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fi Stat Membru, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika dment li l-Istat Membru jkun iddetermina li l-interessi essenzjali kkonċernati ma jistgħux jiġu ggarantiti minn miżuri inqas intrużivi, bħal dawk imsemmija fl-ewwwel subparagrafu tal-paragrafu 2.”

7        L‑Artikolu 28(1) u (2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura ristretta”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fi proċeduri ristretti, kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jisottometti talba sabiex jieħu sehem b’rispons għal sejħa għall-kompetizzjoni […]

[…]

2.      Huma biss dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna jagħmlu dan mill-awtorità kontraenti wara l-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni mogħtija jistgħu jissottomettu offerta. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ kandidati xierqa li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-proċedura f’konformità mal-Artikolu 65.

[…]”

8        L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar”, jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu:

“Il-proċeduri kompetittivi permezz tan-negozjar jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li jridu jiġu nnegozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew f’dokument ieħor ta’ akkwist. […]”

9        L-Artikolu 30(4) tal-istess direttiva jiddikjara:

“Id-djalogi kompetittivi jistgħu jseħħu fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ soluzzjonijiet li jridu jiġi diskussi fl-istadju ta’ djalogu billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti stipulati fl-avviż dwar kuntratt jew fid-dokument deskrittiv. Fl-avviż talkuntratt jew fid-dokument deskrittiv, l-awtorità kontraenti għandha tindikaw jekk hijiex ser tuża dik l-għażla.”

10      L‑Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi l-modalitajiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jifformulaw speċifikazzjonijiet tekniċi u jiħduhom inkunsiderazzjoni matul l-għażla tal-offerti. Dan l-artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista.

Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mitluba jew għal proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu anke fejn tali fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu.

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jispeċifikaw ukoll jekk hux ser ikun meħtieġ it-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji ta’ għażla”:

“1.      Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:

a)      l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;

b)      il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;

c)      il-kapaċità teknika u professjonali.

Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

2.      Fir-rigward tal-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu rreġistrati f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali miżmuma fl-Istati Membri ta’ stabbiliment tagħhom, kif spjegat fl-Anness XI jew biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe talba oħra stabbilita f’dak l-Anness.

[…]

3.      Fir-rigward tal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li loperaturi ekonomiċi għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja biex iwettqu l-kuntratt. Għal dak il-għan, lawtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu, b’mod partikolari, li loperaturi ekonomiċi jkollhom ċertu fatturat annwali minimu, inkluż ċertu fatturat minimu fil-qasam kopert mill-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li loperaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tagħhom li turi, pereżempju, il-proporzjon bejn l-assi u l-passivi. Huma jistgħu wkoll jeżigu livell adegwat ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali.

[…]

4.      Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li loperaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. Awtorità kontraenti tista’ tassumi li operatur ekonomiku ma għandux l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq tal-kuntratt.

Fi proċeduri tal-akkwist għal provvisti […] servizzi […], il-kapaċità professjonali tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizz […] tista’ tiġi evalwata fir-rigward tal-ħiliet, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabbiltà tagħhom.

[…]”

12      Intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, l-Artikolu 63 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont l-Artikolu 58(3), u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont l-Artikolu 58(4), operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. […]

[…]

Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.

[…]”

13      L-Artikolu 71 tal-istess direttiva jipprevedi l-modalitajiet relatati mas-subappalt.

 Iddritt Pollakk

14      Il-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-ustawa Prawo zamówień publicznych (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tad‑29 ta’ Jannar 2004 (Dz. U., Nru 19, pożizzjoni 177), kif emendata bl-ustawa o dokumentach publicznych (il-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi), tat‑22 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal-2019, pożizzjoni 53) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”) kien jipprevedi:

“Din il-liġi ma tapplikax:

[…]

5c)      għal kuntratti għall-produzzjoni ta’:

a)      dokumenti pubbliċi vojta msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-[Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi], kif ukoll il-personalizzazzjoni jew l-individwalizzazzjoni tagħhom,

b)      timbri tas-sisa,

c)      marki legali u stikers tal-kontroll imsemmija fil-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq [(Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1990), tal‑20 ta’ Ġunju 1997, kif emendata sussegwentement)],

d)      il-poloz tal-vot imsemmija fl-Artikolu 40 tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Elettorali (Dz. U. tal‑2019, pożizzjonijiet 684 u 1504), tal‑5 ta’ Jannar 2011, u fl-Artikolu 20 tal-Liġi dwar ir-Referendum Nazzjonali (Dz. U. tal‑2019, pożizzjonijiet 1444 u 1504), tal‑14 ta’ Marzu 2003,

e)      sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot imsemmija fl-Artikolu 32(1) tal-[Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi Elettorali],

f)      sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-[Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi], li fihom ċippa elettronika, konformement mal-użu intiż tagħhom”.

15      Id-dokumenti pubbliċi msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi huma:

“1)      il-karti tal-identità;

2)      il-passaporti;

3)      il-kotba tal-baħrin imsemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar ix-Xogħol Marittimu, tal‑5 ta’ Awwissu 2015;

4)      id-dokumenti maħruġa skont l-Artikolu 44(1) u l-Artikolu 83(1) tal-Liġi dwar l-Atti ta’ Stat Ċivili, tat‑28 ta’ Novembru 2014;

5)      id-dokumenti maħruġa lill-barranin skont l-Artikolu 37 u l-Artikolu 226 tal-Liġi dwar il-Barranin, tat‑12 ta’ Diċembru 2013;

6)      id-dokumenti maħruġa lil membri ta’ missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ Stati barranin jew lil kwalunkwe persuna assimilata lilhom bis-saħħa ta’ liġijiet, konvenzjonijiet jew liġi internazzjonali konswetudinarja, kif ukoll dokumenti maħruġa lill-membri tal-familja tagħhom li jagħmlu parti mill-unità domestika tagħhom skont l-Artikolu 61 tal-[Liġi dwar il-Barranin];

7)      id-dokument maħruġ liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 48(1) tal-Liġi dwar id-Dħul, ir-Residenza u l-Ħruġ mit-Territorju tar-Repubblika tal-Polonja ta’ Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni […] u tal-Membri tal-Familja Tagħhom, tal‑14 ta’ Lulju 2006;

8)      id-dokumenti maħruġa lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni […] skont l-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 48(2) tal-[Liġi dwar id-Dħul, ir-Residenza u l-Ħruġ mit-Territorju tar-Repubblika tal-Polonja ta’ Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Membri tal-Familja Tagħhom];

9)      id-dokumenti maħruġa lill-barranin skont l-Artikolu 55(1) u l-Artikolu 89i(1) tal-Liġi dwar l-Għoti ta’ Protezzjoni lill-Barranin fit-Territorju tar-Repubblika tal-Polonja, tat‑13 ta’ Ġunju 2003;

10)      it-titoli infurzabbli maħruġa minn qrati jew uffiċjali ġudizzjarji;

11)      il-kopji ta’ sentenzi finali li jistabbilixxu l-akkwist, l-eżistenza jew l-estinzjoni ta’ dritt jew li għandhom x’jaqsmu mal-istat ċivili;

12)      il-kopji ta’ sentenzi jew ċertifikati, maħruġa minn qorti, li jagħtu s-setgħa lir-rappreżentanza ta’ persuna, it-twettiq ta’ att legali jew l-amministrazzjoni ta’ proprjetà speċifika;

13)      il-kopji ta’ ordnijiet ta’ qrati u uffiċjali tal-qorti li jikkonċernaw it-twaħħil tal-avviż ta’ infurzar fuq titolu infurzabbli minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 777(1)(1) u (11) tal-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tas‑17 ta’ Novembru 1964, jekk is-suġġett tagħhom ikun titolu infurzabbli mhux maħruġ mill-qorti;

14)      il-kopji ta’, u estratti, minn dokumenti relatati mal-atti notarili msemmija fl-Artikolu 79(1-1b) u (4) tal-Liġi dwar il-Professjoni Notarili, tal‑14 ta’ Frar 1991, l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 79(2) ta’ din il-liġi u l-protesti msemmija fl-Artikolu 79(5) tal-imsemmija liġi;

15)      iċ-ċertifikat tal-membru tal-ekwipaġġ tal-ajru;

16)      id-dokumenti militari personali maħruġa lil persuni mdaħħla fir-reġistru militari skont l-Artikolu 54(1) tal-Liġi dwar l-Obbligu Ġenerali tad-Difiża tar-Repubblika tal-Polonja, tal‑21 ta’ Novembru 1967;

17)      id-dokumenti militari personali maħruġa skont l-Artikolu 48(1) tal-Liġi dwar is-Servizz Militari Professjonali, tal‑11 ta’ Settembru 2003;

18)      il-karti tal-identità maħruġa skont l-Artikolu 137c(1) tal-[Liġi dwar is-Servizz Militari Professjonali];

19)      il-karti tal-identità maħruġa skont l-Artikolu 54a(1) tal-[Liġi dwar l-Obbligu Ġenerali tad-Difiża tar-Repubblika tal-Polonja];

20)      l-annotazzjoni f’passaport, imsemmija fl-Artikolu 19(1) tal-Liġi dwar il-Passaporti, tat‑13 ta’ Lulju 2006;

21)      l-istiker tal-viża;

22)      il-‘karta Pollakka’ (Karta Polaka);

23)      il-karta li tiċċertifika d-diżabbiltà jew il-grad ta’ diżabbiltà;

24)      l-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ tabib;

25)      il-permess sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ dentist;

26)      il-liċenzja tas-sewqan;

27)      iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni professjonali u ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura, ħlief għaċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi msemmija fl-Artikolu 73(3) tal-[Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq];

28)      il-ktejjeb tal-vettura (karta pajazdu);

29)      iċ-ċertifikat temporanju msemmi fl-Artikolu 71(1) tal-[Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Triq];

30)      il-karta takografika msemmija fl-Artikolu 2(4) tal-Liġi dwar it-Takografi, tal‑5 ta’ Lulju 2018;

31)      iċ-ċertifikat tal-ADR imsemmi fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, tad‑19 ta’ Awwissu 2011;

31a)      id-dokument ta’ reġistrazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Jottijiet u ta’ Bastimenti Oħra sa Tul ta’ 24 metru jew Inqas, tat‑12 ta’ April 2018, u

32)      il-karti tas-servizz ta’:

a)      uffiċjali tal-pulizija,

b)      gwardji tal-fruntiera,

c)      aġenti tas-Sigurtà tal-Istat,

d)      uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna,

e)      uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence,

f)      uffiċjali tal-Uffiċċju Ċentrali Kontra l-Korruzzjoni,

g)      uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz,

h)      uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz,

i)      uffiċjali u persunal tal-amministrazzjoni tal-ħabs,

j)      uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa u tad-dwana,

k)      persuni impjegati f’unitajiet organizzattivi tal-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali,

l)      spetturi tal-Ispettorat tat-Trasport bit-Triq,

m)      membri tal-pulizija militari.”

 Ilproċedura prekontenzjuża

16      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal‑25 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika tal-Polonja bid-dubji tagħha b’mod partikolari dwar il-kompatibbiltà mad-Direttiva 2014/24 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li tittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku Pollakk.

17      B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva, peress li din il-liġi kienet teskludi mill-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt is-servizzi, imsemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi (iktar ’il quddiem is-“servizzi inkwistjoni”), ta’ produzzjoni ta’ dokumenti, ta’ timbri tas-sisa, ta’ marki legali, ta’ stikers tal-kontroll, ta’ poloz tal-vot, ta’ sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot kif ukoll ta’ sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, ta’ sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, li fihom ċippa elettronika, konformement mal-użu intiż tagħhom, minkejja li tali esklużjoni ma kinitx prevista mill-istess direttiva.

18      Fir-risposta tal‑25 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat dan l-ilment tal-Kummissjoni.

19      Fil‑5 ta’ Novembru 2019, dan l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ liġi ġdida intiża li tissostitwixxi l-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi mill‑1 ta’ Jannar 2021.

20      Billi qieset li din il-liġi l-ġdida mhux dejjem irrimedjat in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu li l-imsemmi Stat Membru kien akkużat bihom, fir-rigward tad-Direttiva 2014/24, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Novembru 2019, indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja u stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tagħha.

21      Fir-risposta tagħha tat‑28 ta’ Jannar 2020, ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat, b’mod partikolari, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq l-introduzzjoni fl-ordinament ġuridiku Pollakk ta’ esklużjonijiet mhux previsti minn din id-direttiva f’dak li jirrigwarda s-servizzi inkwistjoni.

22      Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid‑9 ta’ Ġunju 2021, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors.

 Fuq irrikors

 Largumenti talpartijiet

23      Il-Kummissjoni ssostni li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Pollakk, ir-Repubblika tal-Polonja, bi ksur ta’ din id-direttiva, eskludiet is-servizzi inkwistjoni mill-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt previsti mill-imsemmija direttiva. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tosserva li tali esklużjonijiet la huma previsti fl-Artikoli 7 sa 12 tal-istess direttiva u lanqas ma jistgħu jkunu ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 15 tagħha.

24      Il-Kummissjoni tfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq derogi previsti f’dan l-Artikolu 15 li għandu l-oneru tal-prova li ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw dawn id-derogi effettivament jeżistu.

25      Billi għamlet riferiment għas-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C‑187/16, EU:C:2018:194), il-Kummissjoni tindika li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali ta’ sigurtà tagħhom u l-miżuri ta’ sigurtà neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika fil-kuntest tal-istampar tad-dokumenti tal-identità u ta’ dokumenti uffiċjali oħra u li l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tar-rekwiżiti leġittimi ta’ interessi nazzjonali ma humiex esklużi fl-intier tagħhom mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-fatt biss li dawn iseħħu b’mod partikolari fl-interess tas-sigurtà pubblika jew tad-difiża nazzjonali. B’mod partikolari, hija r-Repubblika tal-Polonja li għandha tistabbilixxi li l-bżonn li jiġu protetti l-interessi li hija tinvoka ma setax jiġi ssodisfatt fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, l-interessi ekonomiċi jew industrijali, bħala prinċipju ma jikkostitwixxux tali interessi essenzjali ta’ sigurtà.

26      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, fid-dawl ta’ deroga mill-applikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt previsti mid-Direttiva 2014/24, huma insuffiċjenti.

27      Din l-istituzzjoni ssostni li ċ-ċirkustanza li l-Istat ikun l-azzjonist uniku tal-impriża li kienet ġiet fdata l-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi garanzija la kontra eventwali falliment ta’ din tal-aħħar, u lanqas tal-affidabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, minn naħa, tiddubita li falliment ta’ Polska Wytwórnia Papierów Wartościowych S.A. (iktar ’il quddiem “PWPW”) huwa impossibbli, fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u, min-naħa l-oħra, tinvoka l-possibbiltà, għal PWPW, li tagħmel użu minn subappalt.

28      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali theddida għas-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja fl-ipoteżi fejn l-offerent rebbieħ ikun operatur privat, minħabba li dan jista’ jinxtara minn azzjonisti ġodda, il-Kummissjoni ssostni li l-awtorità kontraenti tista’ tistabbilixxi garanziji xierqa, inkluż ix-xoljiment tal-kuntratt pubbliku kkonċernat.

29      Minbarra dan, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ żvelar ta’ informazzjoni kklassifikata jew sensittiva, ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx ir-relazzjoni eżistenti bejn l-istatus ta’ impriża pubblika ta’ PWPW u l-garanziji intiżi sabiex jiġi evitat tali żvelar. Sehem tal-Istat ta’ 100 % f’din il-kumpannija ma jikkostitwixxix garanzija kontra tali żvelar, b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jintużaw subappaltaturi.

30      Minkejja li l-Kummissjoni ma tiċħadx li n-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà tal-informazzjoni li l-għoti tas-servizzi inkwistjoni jimplika hija ta’ interess ġenerali, dan l-interess madankollu ma jikkorrisponidx sistematikament ma’ interess essenzjali ta’ sigurtà ta’ Stat Membru.

31      Din l-istituzzjoni tosserva li l-awtorità kontraenti tista’ timponi rekwiżiti partikolarment għolja dwar il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-offerenti rebbieħa kif ukoll tirregola l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sejħiet għal offerti u l-kuntratti għal għoti ta’ servizzi.

32      B’mod partikolari, l-awtorità kontraenti tista’ tipprevedi speċifikazzjonijiet tekniċi, kif imsemmija fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24, u/jew l-iffissar ta’ kriterji ta’ għażla, kif imsemmija fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, billi għalhekk jiġi ggarantit li l-offerent rebbieħ ikun fil-pożizzjoni li jikkunsinna prodott ta’ kwalità, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet u tat-tekniki imposti.

33      Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti tista’ b’mod partikolari timponi rekwiżiti u proċeduri partikolari li jiggarantixxu s-sigurtà tal-bini, tat-trasport kif ukoll dik dwar il-manipulazzjoni tal-materjal u l-aċċess fiżiku għal dan il-bini, li jsiru reġistri adegwati, il-protezzjoni tad-data personali jew il-preżentazzjoni, mill-operatur ekonomiku magħżul, ta’ rapporti kontinwi. L-awtorità kontraenti tista’, barra minn hekk, tobbliga dan l-operatur sabiex jippermettilha twettaq il-kontrolli li tqis neċessarji.

34      Skont il-Kummissjoni, garanziji jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali, bħal garanzija bankarja jew ukoll garanzija fid-dawl tal-kumpens għal eventwali danni kkawżati f’każ ta’ dannu, bl-assigurazzjoni li kull żvelar ta’ informazzjoni jitqies bħala nuqqas professjonali gravi. Minbarra dan, jista’ jiġi previst li jiġi impost fuq l-offerent rebbieħ l-obbligu li jistabbilixxi rapport iddettaljat f’każ ta’ irregolaritajiet, jew ukoll li jdaħħal fil-kuntratt stipulazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u jieħu responsabbiltà għas-servizzi inkwistjoni permezz ta’ entità oħra fl-ipoteżi fejn dan l-offerent rebbieħ ma jkunx fil-pożizzjoni li jwettaq l-obbligi tiegħu.

35      Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura irriversibbli ta’ eventwali dannu li jirriżulta minn preġudizzju għall-interessi essenzjali tar-Repubblika tal-Polonja minħabba żvelar ta’ informazzjoni sensittiva, il-Kummissjoni ssostni li tali natura ma teskludix effett kemm kumpensatorju kif ukoll dissważiv ta’ klawżoli fil-qasam ta’ kumpens għad-danni.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li tali obbligi u rekwiżiti jistgħu jiġu imposti fuq l-offerent rebbieħ li s-sede tiegħu tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jew f’dik ta’ Stat Membru ieħor.

37      Fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ għażla, imsemmija fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, il-Kummissjoni ssostni li huwa possibbli għall-awtorità kontraenti li timponi ċerti rekwiżiti intiżi sabiex tiġi pprovata esperjenza rilevanti fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ dokumenti b’sigurtà għolja, tal-eżistenza ta’ infrastrutturi u ta’ tagħmir neċessarju, tal-preżenza ta’ persunal adegwatement ikkwalifikat u b’esperjenza, li jkollu, barra minn hekk, rekords kriminali nodfa, ta’ sitwazzjoni finanzjarja li tippermetti li l-kuntratt inkwistjoni jiġi eżegwit b’mod sigur, jew ukoll b’kopertura, permezz ta’ assigurazzjoni, tar-riskji fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili professjonali.

38      Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni tista’ tiġi żgurata bl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ sigriet. F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti tista’ teħtieġ il-pussess ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali għall-aċċess għal informazzjoni kklassifikata. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti żżomm il-possibbiltà li temenda jew li xxolji l-kuntratt pubbliku kkonċernat meta jseħħu ċirkustanzi li l-awtorità kontraenti ma setgħetx tipprevedi.

39      Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tinvoka l-imperattiv ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali tagħha ta’ sigurtà, tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni.

40      Skont dan l-Istat Membru, huma impossibbli li dawn is-servizzi jiġu suġġetti għall-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt previsti mid-Direttiva 2014/24 mingħajr ma dawn l-interessi jiġu ppreġudikati. L-esklużjonijiet imsemmija minn dan ir-rikors jikkostitwixxu miżuri proporzjonati, adegwati u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-imsemmija interessi f’livell li r-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra bħala adegwat.

41      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-esklużjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt tal-produzzjoni tad-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, minn naħa, ir-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, invokat in-neċessità li tiġi protetta s-sigurtà ta’ dawn id-dokumenti, meqjusa bħala essenzjali għas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru, billi tiġi evitata l-falsifikazzjoni tagħhom. Issa, l-istampar biss tal-imsemmija dokumenti minn PWPW jippermetti lill-imsemmi Stat Membru li jipproteġu ruħu kontra tali riskji ta’ falsifikazzjoni.

42      Ir-Repubblika tal-Polonja tinsisti fuq il-fatt li s-sigurtà tal-istess dokumenti hija marbuta mill-qrib mal-interessi fundamentali tal-Istat, jiġifieri kemm l-interessi interni li jinkludu s-sigurtà, is-saħħa u l-libertà taċ-ċittadini kif ukoll l-osservanza tal-ordni pubbliku bħall-interessi transkonfinali li jinkludu l-protezzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-libertajiet taċ-ċittadini kif ukoll il-prevenzjoni tat-terroriżmu, tat-traffikar ta’ bnedmin u tal-kriminalità organizzata.

43      Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dokumenti msemmija fil-punt 32 tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi, jiġifieri, iktar preċiżament, il-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll membri tal-pulizija militari, dan l-Istat Membru jsostni li l-esklużjoni ta’ dawn id-dokumenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt hija ġġustifikata mill-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fundamentali.

44      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li protezzjoni adegwata tal-imsemmija dokumenti, b’mod partikolari kontra r-riskji ta’ falsifikazzjoni u ta’ kontrafazzjoni, hija ta’ importanza kunsiderevoli għas-sigurtà interna tagħha. Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni kontra dawn ir-riskji, id-dokumenti inkwistjoni għandhom jiġu prodotti minn operatur ekonomiku għal kollox ikkontrollat minn dan l-Istat Membru, bħal PWPW.

45      Minbarra dan, fir-rigward tal-karti tal-identità u tad-dokumenti militari personali, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratt previsti mid-Direttiva 2014/24 hija ġġustifikata mill-imperattiv, li jirriżulta mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru, ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tal-Istat fil-qasam tad-difiża, li jiggarantixxi wkoll l-indipendenza kif ukoll l-integrità tat-territorju tiegħu u jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tiegħu.

46      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, f’dan ir-rigward, li l-kontroll tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti jagħmel parti minn kuntest iktar wiesa’ tas-sigurtà u tal-kredibbiltà ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tad-difiża, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ġeopolitka tiegħu, tal-adeżjoni tiegħu mal-istrutturi tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), iżda wkoll tal-kuntest internazzjonali attwali.

47      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, ta’ sistemi informatiċi u ta’ databases neċessarji għall-użu ta’ dawn id-dokumenti pubbliċi, li fihom ċippa elettronika, konformement mal-użu intiż tagħhom, imsemmija fil-punt 5c(f) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, peress li ma huwiex possibbli li tiġi żgurata s-sigurtà tad-dokumenti pubbliċi mingħajr ma jiġi ggarantit livell adegwat ta’ sigurtà tal-komponenti elettroniċi ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll tas-sistemi u tad-databases użati għall-finijiet tal-ipproċessar tal-imsemmija dokumenti, miżuri ta’ protezzjoni simili għandhom jiġu applikati għal dawn il-komponenti, sistemi u databases.

48      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-timbri tas-sisa msemmija fil-punt 5c(b) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li dawn it-timbri huma ta’ importanza strateġika għas-sigurtà nazzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-interessi fundamentali invokati minn dan l-Istat Membru huma l-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini, is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi, il-prevenzjoni effettiva tal-kriminalità organizzata u ekonomika, is-sigurtà finanzjarja kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ livell xieraq ta’ dħul fiskali.

49      Il-fatt li l-produzzjoni ta’ dawn it-timbri tiġi fdata lil operatur ekonomiku bħal PWPW, li għandu esperjenza twila fit-tfassil, fil-produzzjoni f’sigurtà sħiħa, fil-ħażna u fil-provvista ta’ tali timbri fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, jikkostitwixxi miżura essenzjali sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà taċ-ċittadini f’dan il-qasam, peress li ebda impriża Pollakka oħra ma hija fil-pożizzjoni li tissodisfa l-ordnijiet għal timbri tas-sisa.

50      Is-sigurtà tal-produzzjoni ta’ dawn it-timbri hija intiża sabiex jiġi ggarantit il-kontroll tal-ġbir tat-taxxi u tad-dazji kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport. Issa, li tiġi fdata l-produzzjoni tal-imsemmija timbri lil impriża li ma tkunx PWPW jista’ jkollu bħala konsegwenza tnaqqis tal-livell ta’ sigurtà li r-Repubblika tal-Polonja tixtieq iżżomm f’dan il-qasam.

51      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-marki legali u l-istikers tal-kontroll għall-vetturi, imsemmija fil-punt 5c(c) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, dan l-Istat Membru jsostni l-importanza tad-dokumenti dwar it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura għas-sigurtà ta’ Stat. Sa fejn il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti teħtieġ l-aċċess għal informazzjoni sigrieta u timplika l-użu ta’ teknoloġija ċentrali ta’ personalizzazzjoni bl-għajnuna ta’ sistema elettronika, għandha tiġi żgurata l-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata u ta’ data personali kkonċernata, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tas-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja.

52      B’mod partikolari, dan l-Istat Membru josserva li t-trasport ta’ oġġetti perikolużi, li jistgħu jintużaw sabiex b’mod partikolari jitwettqu attentati terroristiċi, jirrikjedi li d-data tal-konduttur u tal-istiker tal-kontroll tal-vettura inkwistjoni jkunu aċċessibbli biss għal entitajiet magħżula b’mod strett, bħal impriżi miżmuma għal kollox mill-Istat.

53      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-poloz tal-vot u tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot, imsemmija fil-punt 5c(d) u (e) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja tibbaża ruħha fuq il-fiduċja tal-pubbliku fl-iżvolġiment tajjeb u fis-sigurtà tal-elezzjonijiet kif ukoll tar-referendums f’dan l-Istat Membru. B’mod partikolari, l-iżvolġiment tajjeb tal-elezzjonijiet għandu importanza fundamentali, kemm mill-perspettiva tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-korpi tal-Istat kif ukoll f’dik tas-sigurtà nazzjonali, u jeħtieġ l-istampar ta’ poloz tal-vot f’numru suffiċjenti u fil-ħin.

54      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-fatt li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni tiġi fdata lil entità bħal PWPW, li hija tikkontrolla kompletament, jiggarantixxi l-influwenza tagħha fil-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti pubbliċi, li hija tikklassifika bħala “sensittivi”, billi tippermetti monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni ta’ din l-entita u reazzjoni malajr għat-thedidd possibbli.

55      Dan l-Istat Membru jenfasizza l-fatt li jikkontrolla kompletament u li jmexxi kemm il-funzjonament tal-korpi ta’ PWPW kif ukoll il-proċess ta’ produzzjoni tad-dokumenti pubbliċi, li jippermetti li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-interess fundamentali ta’ sigurtà tal-imsemmi Stat Membru.

56      B’mod partikolari, iż-żamma mit-Teżor Pubbliku ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ PWPW tippermetti lir-Repubblika tal-Polonja li tevita li din il-kumpannija tinxtara minn entità li ma hijiex entità taħt il-kontroll tat-Teżor Pubbliku. Din għalhekk tiggarantixxi l-kontinwità ta’ din il-produzzjoni u tippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ falliment tal-operatur ekonomiku inkarigat minnha.

57      Fil-fatt, ir-riskju ta’ falliment ta’ kumpannija bħal PWPW huwa purament teoretiku u l-Kummissjoni, minbarra dan, ma ressqitx raġunijiet għaliex, f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji ta’ PWPW, ma jkunx possibbli li tingħata għajnuna mill-Istat lil din il-kumpannija.

58      Fir-rigward tar-riskju ta’ insolvenza ta’ dan l-operatur, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni ma tippermettix li jiġi evitat deterjorazzjoni f’daqqa tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, filwaqt li, bil-kontra, tali ipoteżi hija eskluża fil-kuntest ta’ sistema bħal dik stabbilita mir-Repubblika tal-Polonja.

59      Minbarra dan, il-konsegwenzi marbuta mal-assenza ta’ dokumenti essenzjali għall-funzjonament tal-Istat, li tirriżulta minn interruzzjoni f’daqqa tal-produzzjoni tagħhom mill-operatur ekonomiku magħżul, huma ta’ natura irreparabbli.

60      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li tiġi fdata l-produzzjoni ta’ tali dokumenti lil entità bħal PWPW, mingħajr ma ssir proċedura għal għoti ta’ kuntratti prevista mid-Direttiva 2014/24, jiggarantixxi l-awtentiċità ta’ dawn id-dokumenti u, għaldaqstant, is-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru, billi jiġi limitat, barra minn hekk, iċ-ċirku tal-entitajiet li jkollhom aċċess għal informazzjoni kklassifikata.

61      Fir-rigward tal-possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tuża subappaltaturi, ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li sitwazzjoni li fiha kuntratt huwa eżegwit minn impriża miżmuma kompletament mill-Istat, anki bl-użu ta’ subappaltaturi, ma hijiex paragunabbli ma’ sitwazzjoni li fiha dan il-kuntratt stess huwa eżegwit minn entità magħżula konformement mal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, jekk subappaltatur ma jonorax korrettament l-imsemmi kuntratt, PWPW ikollha l-possibbiltà li tissostitwixxih f’dak li jirrigwarda l-katina ta’ produzzjoni kollha ta’ dokumenti.

62      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni tiżbalja meta tibbaża l-argument tagħha fuq is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C‑187/16, EU:C:2018:194), li ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jsostni li l-applikazzjoni tad-direttivi fuq il-kuntratti pubbliċi invokati fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tippermetti li jiġi żgurat livell ta’ sigurtà analogu għal dak li kien jintlaħaq mingħajr ma jsir użu minn proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti minn dawn id-direttivi. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

63      Ir-Repubblika tal-Polonja tinsisti fuq il-fatt li hija ma hijiex obbligata li tallinja l-livell ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali proprji tagħha ta’ sigurtà fuq dak ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fuq dak tar-Repubblika tal-Awstrija. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, minkejja li l-miżuri li, skont il-Kummissjoni, jistgħu jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tagħha filwaqt li s-servizzi inkwistjoni jkunu suġġetti għall-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24 ikunu suffiċjenti għall-parti l-kbira tal-kuntratti, dawn ma jippermettux li jintlaħaq il-livell ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ sigurtà li hija għażlet fir-rigward tal-kuntratti dwar is-servizzi inkwistjoni.

64      Dwar il-protezzjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni dwar id-dokumenti pubbliċi inkwistjoni, il-ftuħ għall-kompetizzjoni tas-servizzi ta’ produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti jżid in-numru ta’ entitajiet li jistgħu jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sigurtà tar-Repubblika tal-Polonja, li jżid ir-riskju ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni sensittiva. Issa, tali preġudizzju għall-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru huwa, bl-istess mod bħal interruzzjoni ta’ provvista ta’ tali dokumenti, ta’ natura irriversibbli u jikkostitwixxi theddida għall-kontinwità tal-funzjonament tiegħu, peress li l-informazzjoni hekk żvelata tista’ tintuża minn Stati terzi, minn gruppi kriminali organizzati jew minn organizzazzjonijiet terroristiċi.

65      Fir-rigward tal-miżura prevista mill-Kummissjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ sigriet billi hija meħtieġa ż-żamma ta’ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali għall-aċċess għall-informazzjoni kklassifikata, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li tali obbligu jiggarantixxi biss sa ċertu punt is-sigurtà ta’ din l-informazzjoni sensittiva. L-istess japplika għal miżuri dwar id-definizzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jimponu rekwiżiti u proċeduri partikolari li jiggarantixxu s-sigurtà.

66      Minkejja li l-Kummissjoni sostniet li theddid għas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat seta’ jeżisti anki meta s-servizzi inkwistjoni kienu fdati lil impriża pubblika bħal PWPW, hija madankollu ma pprovatx li l-livell ta’ dan it-theddid huwa daqstant għoli bħal fl-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat tkun fdata lil entità magħżula skont din id-direttiva.

67      Fil-fatt, anki jekk il-miżuri msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza jippermettu li jingħata aċċess għall-imsemmija informazzjoni biss għal numru limitat ta’ kandidati li barra minn hekk urew li jissodisfaw standards għoljin f’dak li jirrigwarda l-affidabbiltà u l-proċeduri ta’ protezzjoni tal-informazzjoni, is-sistema magħżula mir-Repubblika tal-Polonja tippermetti li jitnaqqas in-numru ta’ entitajiet li għandhom aċċess għal tali informazzjoni.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

68      Dan ir-rikors jirrigwarda l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/24 tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tipprevedi għoti dirett tal-kuntratti dwar is-servizzi inkwistjoni lil PWPW.

69      Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, il-kuntratti pubbliċi intiżi minn din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u li, min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat li l-valur stmat ta’ dawn il-kuntratti jaqbeż il-limiti ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 1(1) ta’ din tal-aħħar, l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha, bħala prinċipju, tipprevedi li l-għoti ta’ dawn il-kuntratti jsir fl-osservanza tar-regoli previsti mill-istess direttiva.

70      L-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 huma dawk li huma limitatament u espressament imsemmija fiha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Hija għandha tipproduċi l-provi neċessarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja, (Impjanti ta’ Trattament ta’ Ilma Mormi), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      F’din il-proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, sabiex tiġġustifika l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tipprevedi għoti dirett tal-kuntratti għal servizzi inkwistjoni lil PWPW.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2014/24, din ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi sa fejn il-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru ma tkunx tista’ tiġi ggarantita minn miżuri inqas intrużivi, pereżempju bl-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura għal għoti ta’ kuntratt prevista minn din id-direttiva.

74      Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li, b’mod konformi mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE, id-Direttiva 2014/24 ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi sa fejn l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva tobbliga lil Stat Membru jipprovdi informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

75      Skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, meta l-għoti u l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku huma ddikjarati sigrieti jew għandhom jinkludu miżuri partikolari ta’ sigurtà, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi fis-seħħ fi Stat Membru, l-istess direttiva ma tapplikax sa fejn dan l-Istat Membru jkun stabbilixxa li l-protezzjoni tal-interessi essenzjali kkonċernati ma tistax tiġi ggarantita minn miżuri inqas intrużivi.

76      Fir-rigward tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u, skont il-każ, l-awtoritajiet Pollakki li jiddefinixxu l-miżuri ta’ sigurtà neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-istampar ta’ dokumenti bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 346 TFUE, ma timponix fuq l-Istati Membri obbligu rigward il-livell imfittex ta’ protezzjoni tal-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà.

78      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-terminu “sigurtà”, jinkludi dawn id-dispożizzjonijiet, inkluż b’mod partikolari s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà, permezz tal-prevenzjoni u tar-repressjoni ta’ attivitajiet ta’ natura li jiddestabilizzaw b’mod serju l-istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80      Madankollu, il-miżuri li l-Istati Membri jadottaw fil-kuntest tal-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali ma humiex esklużi kompletament mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt biss li huma jiġu adottati fl-interess tas-sigurtà nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li derogi bħal dawk invokati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Għalhekk, minkejja li l-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/24 iħallu lill-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeċiedu miżuri meqjusa neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux madankollu jiġi interpretati b’mod li lill-Istati Membri tingħata s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE unikament bl-invokazzjoni ta’ dawn l-interessi. Għaldaqstant, l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tad-derogi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jistabbilixxi li l-bżonn li jiġu protetti tali interessi ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti bħal dik prevista minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punti 78 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja, ċertament, identifikat l-interessi vitali tas-sigurtà tagħha li tqis li għandhom jiġu protetti kif ukoll il-garanziji inerenti għall-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, għandu madankollu jiġi vverifikat jekk dan l-Istat Membru weriex li l-għanijiet li huwa jfittex ma setgħux jintlaħqu fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, bħal dik prevista mid-Direttiva 2014/24.

84      F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi eskluż l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-Kummissjoni ma tistax validament tinvoka s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) (C‑187/16, EU:C:2018:194), sa fejn, bid-differenza tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, l-istamperija nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li kienet tat lok għal din is-sentenza kienet impriża rregolata mid-dritt privat. Fil-fatt l-istatus ġuridiku tal-kumpannija inkarigata, fil-livell nazzjonali, bl-istampar tad-dokumenti uffiċjali, ma jeżentax lill-Istat ikkonċernat, bla ħsara għall-applikabbiltà tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, mill-obbligu li juri li l-għanijiet li huwa jfittex ma setgħux jintlaħqu fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti. Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma wrietx li l-kuntratti pubbliċi msemmija mil-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni huma s-suġġett ta’ għoti in house, li jaqa’ taħt każijiet speċifiċi ta’ esklużjoni mir-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, imsemmija f’dan l-Artikolu 12.

85      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-għoti dirett lil PWPW tal-kuntratti għal servizzi inkwistjoni jissodisfa l-għan li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ provvista f’dokument uffiċjali, billi jiġi evitat ir-riskju ta’ falliment ta’ din l-impriża, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-parti l-kbira ta’ dawn id-dokumenti huma marbuta mill-qrib mal-ordni pubbliku u mal-funzjonament istituzzjonali ta’ Stat Membru, li jimplikaw garanzija ta’ kontinwità ta’ provvista, madankollu r-Repubblika tal-Polonja ma urietx li dan l-għan ma jistax jiġi żgurat fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti u li tali garanzija tiġi kompromessa jekk l-imsemmija servizzi kienu fdati lil impriżi oħra inkluż, fejn ikun il-każ, impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

86      B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma weriex li r-riskju ta’ disturb fil-produzzjoni tad-dokumenti pubbliċi inkwistjoni li jirriżulta minn eventwali falliment tal-operatur ekonomiku inkarigat minn din il-produzzjoni kien b’mod sinjifikattiv ogħla fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ proċedura għal għoti ta’ kuntratti prevista mid-Direttiva 2014/24.

87      Fil-fatt, sabiex ittaffi tali riskji, il-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni setgħet tipprevedi l-impożizzjoni, fil-kuntratt pubbliku kkonċernat, ta’ miżuri oħra, bħal, b’mod partikolari, obbligu, fir-rigward tal-awtorità kontraenti, li tikkonkludi, meta kunsiderazzjonijiet oħra ma jipprekludux dan, kuntratti ma’ diversi fornituri.

88      Barra minn hekk, dan il-kuntratt seta’ jipprevedi rekwiżiti ta’ garanzija ta’ solidità finanzjarja tal-kandidati. Fil-fatt, l-Artikolu 58(3) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi kundizzjonijiet li jiggarantixxu li dawn għandhom il-kapaċità ekonomika u finanzjarja neċessarja sabiex jeżegwixxu l-kuntratt. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li, għal dan il-għan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu b’mod partikolari jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jwettqu ċertu dħul minn bejgħ annwali minimu, b’mod partikolari ċertu dħul mill-bejgħ minimu fil-qasam ikkonċernat mill-kuntratt. Minbarra dan, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni fil-kontijiet annwali tagħhom u li jkollhom, skont il-każ, livell xieraq ta’ assigurazzjoni tar-riskji professjonali.

89      Issa, ir-Repubblika tal-Polonja ma rnexxilhiex turi li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżiti ma tistax ittaffi r-riskji allegati fir-rigward tal-provvista f’dokumenti kkonċernati, dovuti, b’mod partikolari, għal deterjorazzjoni f’daqqa tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkarigata mill-produzzjoni tagħhom. Fil-fatt, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, minkejja r-riskju li impriża bħal PWPW tfalli huwa minimu, dan ir-riskju ma jistax jitqies bħala kompletament eskluż.

90      Fir-rigward tan-neċessità ta’ produzzjoni, f’numru suffiċjenti u fil-ħin, tal-poloz tal-vot u tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot, imsemmija fil-punt 5c(d) u (e) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, sabiex jiġu ggarantiti l-iżvolġiment tajjeb u s-sigurtà tal-elezzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja ma turix li impriżi minbarra PWPW bilfors inqas jaqdu dmirhom minn din tal-aħħar u li dawn ma jistgħux jistampaw l-imsemmija poloz u jipproduċu l-imsemmija sinjali fi kwantità suffiċjenti u fil-ħin. Isegwi li ma huwiex stabbilit li huwa neċessarju li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24 sabiex jintlaħaq l-għan imressaq minn dan l-Istat Membru.

91      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, in-neċessità li tiġi żgurata, fir-rigward tal-parti l-kbira tas-servizzi inkwistjoni, il-protezzjoni tas-sigurtà tad-dokumenti kkonċernati u, iktar preċiżament, informazzjoni li dawn jinkludu, l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-bżonn li jiġi previst obbligu ta’ kunfidenzjalità fih innifsu ma jipprekludix li tiġi applikata proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 89).

92      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunfidenzjalità tad-data tista’ tiġi żgurata minn obbligu ta’ sigriet, mingħajr ma jkun neċessarju li jinkisru l-proċeduri fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lill-awtorità kontraenti milli timponi rekwiżiti partikolarment ibsin dwar l-adegwatezza u l-affidabbiltà ta’ offerenti rebbieħa, li tirregola f’dan is-sens il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sejħiet għal offerti kif ukoll il-kuntratti għal provvista ta’ servizzi u li titlob lill-kandidati eventwali d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) C‑187/16, EU:C:2018:194, punti 90 u 91).

93      Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-parti l-kbira tad-dokumenti kkonċernati, l-awtorità kontraenti setgħet, fil-kuntest tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24, b’mod partikolari tipprevedi speċifikazzjonijiet tekniċi, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 42 ta’ din id-direttiva, u/jew tistabbilixxi kriterji ta’ għażla, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 58 tagħha.

94      Iktar preċiżament, fir-rigward ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fis-sens tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/24, mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li dawn jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa tas-servizzi kkonċernati u li dawn jistgħu ukoll jirreferu għall-proċess jew għall-metodu speċifiku ta’ provvista tas-servizzi mitluba, bil-kundizzjoni li dawn ikunu marbuta mal-għan tal-kuntratt u jkunu proporzjonati mal-valur tiegħu u mal-għanijiet tiegħu.

95      Fir-rigward tal-kriterji ta’ għażla, imsemmija fl-Artikolu 58 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità kontraenti ġiet irrikonoxxuta mil-leġiżatur tal-Unjoni setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, fid-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji. Għalhekk hija tibbenefika, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, minn ċerta diskrezzjoni sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għal proċedura għal għoti ta’ kuntratti li hija tqis marbuta u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat u adatti sabiex jiżguraw li kandidat jew offerent ikollu l-kapaċità legali u finanzjarja, kif ukoll kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi dan il-kuntratt. B’mod iktar partikolari, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa liberament il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni li hija tqis li huma xierqa, mill-perspettiva tagħha, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt f’livell ta’ kwalità li hija tqis xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2023, Construct, C‑403/21, EU:C:2023:47, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      B’mod partikolari, dan il-paragrafu 4 jippermetti lill-awtorità kontraenti li timponi kundizzjonijiet li jiggarantixxu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza neċessarja sabiex jeżegwixxu l-kuntratt ikkonċernat billi jiżguraw livell ta’ kwalità xieraq, li jista’ jiġi evalwat skont l-għarfien prattiku tagħhom, l-effikaċja tagħhom, l-esperjenza tagħhom u l-affidabbiltà tagħhom. Jistgħu għalhekk jiġu esklużi operaturi ekonomiċi fejn jitqies li ma għandhomx il-kapaċitajiet professjonali meħtieġa, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi li jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

97      Minbarra dan, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, fir-rigward tal-parti l-kbira tas-servizzi inkwistjoni, l-awtorità kontraenti tkun tista’ tagħti aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali kkonċernata unikament lil numru limitat ta’ kandidati, billi tkun tista’ tapplika l-proċedura ristretta msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24 jew, skont il-każ, il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-awtorità kontraenti tkun tista’ tnaqqas in-numru ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati, kif previst fl-Artikolu 29(6) ta’ din id-direttiva, jew tkun tista’ tnaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi, kif previst fl-Artikolu 30(4) tal-imsemmija direttiva.

98      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-produzzjoni tal-marki legali u tal-istikers tal-kontroll għall-vetturi, imsemmija fil-punt 5c(c) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kif ukoll tad-dokumenti dwar it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura teħtieġ l-aċċess għal informazzjoni sigrieta jew kunfidenzjali u timplika l-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata u ta’ data personali, kien tfakkar, fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, li l-kunfidenzjalità tad-data tista’ bħala prinċipju, tiġi żgurata permezz ta’ obbligu ta’ sigriet, mingħajr ma huwa neċessarju li dawn il-proċeduri fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttiva 2014/24 jiġu miksura.

99      Sabiex jiġi evitat żvelar ta’ informazzjoni sensittiva, huwa possibbli għall-awtoritajiet Pollakki li jdaħħlu, fil-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sejħiet għal offerti, klawżoli li jobbligaw lill-offerent rebbieħ b’kunfidenzjalità ġenerali kif ukoll li jipprevedu li l-impriża kandidata li ma tkunx f’pożizzjoni li toffri garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-osservanza ta’ dan l-obbligu li tiġi eskluża mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Huwa wkoll possibbli għall-awtoritajiet Pollakki li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari kuntrattwali, għall-offerent rebbieħ, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal-Istat) C‑187/16, EU:C:2018:194, punt 93).

100    Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, Stat Membru jista’ jieħu miżuri sabiex jiżgura ruħu, b’mod partikolari, li data ta’ kunduttur u tal-istiker tal-kontroll ta’ vettura fil-kuntest tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi jkunu aċċessibbli biss għal entitajiet magħżula b’mod strett, in-natura kunfidenzjali ta’ din id-data tista’ wkoll tiġi ggarantita minn obbligu ta’ kunfidenzjalità impost fuq impriżi li jipparteċipaw f’proċedura għal għoti ta’ kuntratt irregolata mid-Direttiva 2014/24.

101    Għaldaqstant, billi r-Repubblika tal-Polonja ma kienet ressqet ebda element li jista’ juri li l-applikazzjoni ta’ proċedura għal għoti ta’ kuntratt pubbliku hekk imfassla ma tippermettix l-aċċess sigur għall-imsemmija data sigrieta b’mod paragunabbli mal-għoti dirett tal-kuntratti kkonċernati lil PWPW, ma huwiex stabbilit li l-protezzjoni tas-sigurtà tagħhom tipprekludi proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti.

102    Fir-rigward, it-tieni, tat-timbri tas-sisa previsti fil-punt 5c(b) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, minkejja li r-Repubblika tal-Polonja tista’ tieħu miżuri neċessarji sabiex tiżgura, b’mod partikolari, is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha, dan l-Istat Membru madankollu ma jurix li huwa biss l-għoti tal-produzzjoni ta’ dawn it-timbri lil impriża bħal PWPW li huwa ta’ natura li jiggarantixxi t-twettiq ta’ tali għan u li għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24.

103    Fil-fatt, ma jidhirx li dan l-għan ma jkunx jista’ jintlaħaq jekk din il-produzzjoni kienet fdata lil operaturi ekonomiċi minbarra PWPW, li għandhom esperjenza suffiċjenti fit-tfassil, fil-produzzjoni f’sigurtà sħiħa, fil-ħażna u fil-provvista ta’ tali timbri fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru. Minbarra dan, xejn ma jindika li jkun impossibbli li jiġi impost kuntrattwalment fuq dawn l-operaturi l-miżuri ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigurtà neċessarji.

104    It-tielet, meta r-Repubblika tal-Polonja tinvoka, dwar, b’mod partikolari, il-produzzjoni tad-dokumenti pubbliċi msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi kif ukoll is-sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, li fihom ċippa elettronika, konformement mal-użu intiż tagħhom, imsemmija fil-punt 5c(f) tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, l-imperattiv li tiġi evitata l-falsifikazzjoni jew l-kontrafazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-parti l-kbira ta’ dawn id-dokumenti u ta’ dawn is-sistemi, il-garanziji li l-awtorità kontraenti tista’ teħtieġ jidhru suffiċjenti sabiex itaffu r-riskji invokati minn dan l-Istat Membru għall-interessi essenzjali tiegħu ta’ sigurtà.

105    Fil-fatt, l-osservazzjoni stretta, mill-operatur ekonomiku magħżul, tal-kriterji ta’ għoti u l-verifika kontinwa tagħhom matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt mogħti huma, bħala prinċipju, ta’ natura li jipprevjenu żvelar u abbużi potenzjali interni, li jistgħu jagħtu lok għal tali falsifikazzjonijiet u kontrafazzjonijiet.

106    Isegwi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24 għall-kuntratti dwar il-produzzjoni tal-parti l-kbira tad-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iżda wkoll għall-kuntratti, ukoll imsemmija f’din id-dispożizzjoni, dwar il-produzzjoni tat-timbri tas-sisa, tal-marki legali, tal-istikers tal-kontroll, tal-poloz tal-vot, tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot kif ukoll tas-sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, tas-sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, jidher sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet invokati mir-Repubblika tal-Polonja.

107    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ ċerti dokumenti pubbliċi, imsemmija fil-punti 16 sa 19 u 32 tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi, jiġifieri d-dokumenti personali tal-militari u l-karti tal-identità tagħhom, il-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, tal-uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll membri tal-pulizija militari, għandu jitqies li dawn id-dokumenti jippreżentaw rabta diretta u stretta mal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, b’mod li jistgħu jiġġustifikaw rekwiżiti addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

108    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti elenkati fil-punt preċedenti, sa fejn jikkonċernaw aġenti li l-funzjonijiet tagħhom jidhru direttament u marbuta mill-qrib ma’ missjonijiet li jikkontribwixxu sabiex tinżamm is-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru, jistgħu jagħmlu indispensabbli limitazzjoni tal-iżvelar tal-karatteristiċi tagħhom u tal-informazzjoni li jinkludu, fost din b’mod partikolari l-identità ta’ dawn l-aġenti, b’tali mod li għandhom jitqiesu bħala li għandhom livell ta’ sensittività partikolarment għolja, li teħtieġ protezzjoni msaħħa kontra, b’mod partikolari, l-iżvelar ta’ informazzjoni u falsifikazzjonijiet.

109    Fil-fatt, hekk kif issostni, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja, mingħajr ma hija effettivament ikkontestata mill-Kummissjoni, eventwali żvelar ta’ din l-informazzjoni jista’ jkollu konsegwenzi irreparabbli għas-sigurtà nazzjonali ta’ Stat Membru, peress li din l-informazzjoni tista’ tintuża minn Stati terzi, jew inkella, b’mod partikolari, minn gruppi kriminali jew minn organizzazzjonijiet terroristiċi.

110    Għaldaqstant, għalkemm, ċertament, kien possibbli li jiġu previsti garanziji bħall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, b’mod partikolari kuntrattwali, fuq l-operatur ekonomiku li kien inkarigat mill-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, fil-każ ta’ żvelar tal-imsemmija informazzjoni sensittiva, tali garanziji ma jistgħux jitqiesu bħala suffiċjentement effikaċi sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-istess informazzjoni.

111    Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari lill-persuni li huma fl-oriġini ta’ tali żvelar ta’ informazzjoni jew lil dawk li kienu ppermettew dan, jew ukoll id-dħul fil-kuntratti ta’ klawżoli li jipprevedu kumpens finanzjarju, li neċessarjament jitħallas wara t-twettiq tad-dannu, ma jikkostitwixxux soluzzjonijiet adegwati sabiex tali informazzjoni tiġi protetta.

112    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li impriża bħal PWPW tista’ tuża subappaltaturi u li għalhekk ma jkunx iġġustifikat li s-servizzi inkwistjoni jingħataw esklużivament lil din l-impriża, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-leġiżlazzjoni Pollakka tawtorizza espliċitament is-subappalt tal-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punt 107 ta’ din is-sentenza.

113    Sussegwentement, ma huwiex ikkontestat li tali użu tas-subappalt jikkostitwixxi, l-iktar, possibbiltà miftuħa lil PWPW u li għalhekk ma jkunx possibbli ħlief taħt il-kontroll ta’ din l-impriża kif ukoll sa fejn u fil-kundizzjonijiet iddefiniti minnha. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ppreċiżat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li PWPW ma tibbażax fuq subappaltaturi ħlief għal ċerti servizzi limitati, li l-produzzjoni tad-dokumenti elenkati fil-punt 107 ta’ din is-sentenza ma tagħmilx parti minnhom.

114    Fl-aħħar, fl-ipoteżi fejn din il-produzzjoni tiġi żgurata minn entità magħżula konformement mar-regoli previsti mid-Direttiva 2014/24, għandu jiġi rrilevat li din l-entità tista’ hija stess tibbaża fuq subappaltaturi, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 63(1) u mill-Artikolu 71 ta’ din id-direttiva, mingħajr ma entità miżmuma mill-Istat Membru kkonċernat tkun tista’ tikkontrolla l-azzjoni ta’ dawn is-subappaltaturi u lanqas tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-intervent tagħhom. Isegwi li ma jistax jiġi kkunsidrat li użu eventwali ta’ PWPW għas-subappalt jimplika li l-livell ta’ sigurtà meħtieġ mill-imsemmija produzzjoni ma jkunx ogħla minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mill-imsemmija direttiva.

115    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Polonja tista’ tinvoka l-Artikoli 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 meta ssostni li n-natura tad-dokumenti elenkati fil-punt 107 ta’ din is-sentenza hija inkompatibbli mal-obbligu li jiġu applikati dawn il-proċeduri.

116    Billi l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti, ir-rikors tagħha għandu għalhekk jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Pollakka li jipprevedu għoti dirett tal-kuntratti dwar il-produzzjoni tal-imsemmija dokumenti lil PWPW, mingħajr applikazzjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi introduċiet fil-leġiżlazzjoni Pollakka esklużjonijiet mhux previsti mid-Direttiva 2014/24 f’dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar il-produzzjoni, minn naħa, tad-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti personali tal-militari u tal-karti tal-identità tagħhom, tal-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, tal-uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll membri tal-pulizija militari, u, min-naħa l-oħra, tat-timbri tas-sisa, tal-marki legali, tal-istikers tal-kontroll, tal-poloz tal-vot, tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot kif ukoll sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, tas-sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, ukoll imsemmija fil-punt 5c ta’ dan l-Artikolu 4, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

118    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq lispejjeż

119    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

120    Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-Regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

121    F’dan il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja talbu rispettivament il-kundanna tal-parti l-oħra fil-kawża għall-ispejjeż.

122    Billi r-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’, ħlief f’dak li jikkonċerna l-esklużjoni tal-proċeduri għal għoti ta’ kuntratti previsti mid-Direttiva 2014/24 tal-kuntratti relatati mal-produzzjoni ta’ wħud mid-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 32 tal-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi, li għalih jirreferi l-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Kuntratti pubbliċi, jiġifieri d-dokumenti personali tal-militari u l-karti tal-identità tagħhom, il-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal‑gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, tal-uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll tal-membri tal-pulizija militari, hemm lok, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiġi deċiż li, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

123    Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi introduċiet fil-leġiżlazzjoni Pollakka esklużjonijiet mhux previsti mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar il-produzzjoni, minn naħa, tad-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-ustawa Prawo zamówień publicznych (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tad29 ta’ Jannar 2004, kif emendata bl-ustawa o dokumentach publicznych (il-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi), tat22 ta’ Novembru 2018, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti personali tal-militari u tal-karti tal-identità tagħhom, tal-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, tal-uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll tal-membri tal-pulizija militari, u, min-naħa l-oħra, tat-timbri tas-sisa, tal-marki legali, tal-istikers tal-kontroll, tal-poloz tal-vot, tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot kif ukoll sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, tas-sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, ukoll imsemmija fil-punt 5c ta’ dan l-Artikolu 4, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.