Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Settembru 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-601/21) 1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Stamperija tal-Istat – Produzzjoni ta’ dokumenti tal-identità u dokumenti uffiċjali oħra kif ukoll sistemi ta’ ġestjoni ta’ dawn id-dokumenti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ kuntratti li jirrigwardaw din il-produzzjoni lil impriża rregolata mid-dritt pubbliku mingħajr applikazzjoni preċedenti ta’ proċedura għal għoti ta’ kuntratt – Artikolu 346(1)(a) TFUE – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 1(1) u (3) – Artikolu 15(2) u (3) – Miżuri partikolari ta’ sigurtà – Protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment minn P. Ondrůšek, M. Siekierzyńska, A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, sussegwentement minn G. Gattinara, P. Ondrůšek, A. Stobiecka-Kuik u G. Wils, aġenti)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna, E. Borawska-Kędzierska u M. Horoszko, aġenti)

Dispożittiv

Billi introduċiet fil-leġiżlazzjoni Pollakka esklużjonijiet mhux previsti mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar il-produzzjoni, minn naħa, tad-dokumenti pubbliċi msemmija fil-punt 5c tal-Artikolu 4 tal-ustawa Prawo zamówień publicznych (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tad-29 ta’ Jannar 2004, kif emendata bl-ustawa o dokumentach publicznych (il-Liġi dwar id-Dokumenti Pubbliċi), tat-22 ta’ Novembru 2018, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti personali tal-militari u tal-karti tal-identità tagħhom, tal-karti tas-servizz tal-uffiċjali tal-pulizija, tal-gwardji tal-fruntiera, tal-aġenti tas-Sigurtà tal-Istat, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna, tal-uffiċjali tal-Aġenzija tal-Intelligence, tal-uffiċjali tas-Servizz tal-Counter-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz, tal-uffiċjali tas-servizz tal-Intelligence Militari u suldati professjonali maħtura għal pożizzjoni f’dan is-servizz kif ukoll tal-membri tal-pulizija militari, u, min-naħa l-oħra, tat-timbri tas-sisa, tal-marki legali, tal-istikers tal-kontroll, tal-poloz tal-vot, tas-sinjali olografiċi li jinsabu fuq ċertifikati tad-drittijiet tal-vot kif ukoll sistemi ta’ mikroproċessur mgħammra b’software intiż għall-ġestjoni ta’ dokumenti pubbliċi, tas-sistemi tal-kompjuter u databases meħtieġa għall-użu ta’ dokumenti pubbliċi, ukoll imsemmija fil-punt 5c ta’ dan l-Artikolu 4, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 346(1)(a) TFUE.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, żewġ terzi tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati terz tal-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 490, 6.12.2021.