Language of document : ECLI:EU:C:2023:55

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fis‑26 ta’ Jannar 2023 (1)

Kawża C817/21

R.I.

vs

Inspecţia Judiciară,

N.L.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Artikolu 2 TUE – Artikolu 19(1) TUE – Deċiżjoni 2006/928/KE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza ġudizzjarja – Investigazzjoni u proċeduri dixxiplinari – Inspecţia Judiciară (Spettorat Ġudizzjarju) – Setgħat ta’ Spettur Kap – Trattament ta’ proċeduri dixxiplinari kontra Spettur Kap – Rwol ta’ Deputat Spettur Kap”






I.      Introduzzjoni

1.        L-Inspecţia Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) huwa l-korp ġudizzjarju inkarigat mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet dixxiplinari u l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi fir-Rumanija. Taħt ir-regoli tal-Ispettorat Ġudizzjarju, l-Ispettur Kap jaħtar fid-diskrezzjoni tiegħu biss id-Deputat Spettur Kap; il-mandat tad-Deputat Spettur Kap jiddependi fuq u jikkoinċidi ma’ dak tal-Ispettur Kap; u l-Ispetturi Ġudizzjarji kollha huma subordinati għall-Ispettur Kap li fuqu jiddependi l-progress tal-karrieri tagħhom.

2.        R.I. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ressqet quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju diversi lmenti kontra mħallfin u prosekuturi involuti fi proċeduri kriminali kontriha. L-Ispettorat Ġudizzjarju ċaħad l-ilmenti tagħha. L-Ispettur Kap ikkonferma d-deċiżjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Ir-rikorrenti mbagħad ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qrati tar-Rumanija. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) tistaqsi jekk korp, bħall-Ispettorat Ġudizzjarju, għandux joffri l-istess garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità bħal dawk meħtieġa mill-qrati skont id-dritt tal-Unjoni (2). B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tar-regoli deskritti iktar ’il fuq, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali li jrendu lid-Deputat Spettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju responsabbli mis-sorveljanza tal-investigazzjoni tal-ilmenti mressqa kontra l-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju u kwalunkwe investigazzjonijiet u proċeduri dixxiplinari li jistgħu jirriżultaw minnhom.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      IdDritt talUnjoni Ewropea – IdDeċiżjoni 2006/928/KE

3.        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (3) għandha l-oriġini tagħha minn żewġ riskji pperċepiti. L-ewwel wieħed kien dak ta’ ksur serju tal-funzjonament tas-suq intern bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza mir-Rumanija tal-impenji li hija kienet assumiet fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. It-tieni riskju kien jikkonsisti f’nuqqasijiet serji min-naħa tar-Rumanija fir-rigward tal-osservanza tagħha tad-dritt tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Sabiex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet, anness mad-Deċiżjoni 2006/928 stabbilixxa punti ta’ riferiment għar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn il-punti ta’ riferiment huma intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza mir-Rumanija tal-valur tal-Istat tad-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 2 TUE. Ir-Rumanija hija obbligata tieħu l-miżuri xierqa sabiex tissodisfa dawn il-punti ta’ riferiment, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-rapporti redatti mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2006/928 u, b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fihom (4).

4.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi b’hekk li, mill‑2007, ir-Rumanija għandha tirrapporta lill-Kummissjoni, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness tagħha. Il-Kummissjoni tista’, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-kisba ta’ dawn il-punti ta’ riferiment u tista’ torganizza missjonijiet ta’ esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni kull sostenn neċessarju f’dan il-kuntest. L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 jinkludi fost il-punti ta’ riferiment li għalihom jirreferi l-Artikolu 1:

“1. Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-[Consiliul Superior al Magistraturii (“Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura”]. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.

[…]

3. Tibni fuq il-progress li diġà sar, tkompli tagħmel investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.

4. Tieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali.”

B.      Iddritt Rumen

1.      IlLiġi Nru 317/2004

5.        L-Artikolu 44 tal-Legea nr. 317/2004 privind Consiliul Superior al Magistraturii (il-Liġi Nru 317/2004 dwar il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura), tal‑1 ta’ Lulju 2004 (5), kif emendata u kkompletata (iktar ’il quddiem il-“Liġi 317/2004”), jipprevedi:

“(1) Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għandu jeżerċita, permezz tat-taqsimiet tiegħu, ir-rwol ta’ korp ta’ aġġudikazzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin u tal-prosekuturi għall-atti previsti mil-Liġi Nru 303/2004, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u kkompletata.

[…]

(3) Il-proċeduri dixxiplinari fil-każ ta’ nuqqasijiet imwettqa minn imħallfin, prosekuturi u assistenti mħallfin jinbdew mill-Ispettorat Ġudizzjarju permezz tal-Ispetturi Ġudizzjarji.

[…]

(6) Sabiex jinfetħu proċeduri dixxiplinari, huwa obbligatorju li l-Ispettorat Ġudizzjarju jwettaq investigazzjoni dixxiplinari.”

6.        L-Artikolu 45 tal-Liġi 317/2004 jistabbilixxi:

“(1)      L-Ispettorat Ġudizzjarju jista’ jagħti bidu għal kawża ex officio jew inkella jista’ jitressaq ilment bil-miktub u mmotivat quddiemu minn kull persuna kkonċernata, inkluż il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, fir-rigward tan-nuqqasijiet dixxiplinari tal-imħallfin u tal-prosekuturi.

[…]

(4)      Jekk l-investigazzjonijiet preliminari jiżvelaw l-assenza ta’ evidenza ta’ nuqqas dixxiplinari, ma għandha tittieħed l-ebda azzjoni ulterjuri fir-rigward tal-ilment u l-eżitu għandu jiġi kkomunikat direttament lil-lanjant u lill-persuna kkonċernata mill-ilment. Id-deċiżjoni li l-każ ma jitkompliex għandha tkun suġġetta għal konferma mill-Ispettur Kap. Id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata darba biss mill-Ispettur Kap, li, permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata, jista’ jordna investigazzjonijiet addizzjonali.

[…]”

7.        Skont l-Artikolu 45a(1) tal-Liġi 317/2004:

“Il-lanjant jista’ jressaq oġġezzjoni quddiem l-Ispettur Kap kontra d-deċiżjoni li ma titkompliex il-kawża msemmija fl-Artikolu 45(4) fi żmien 15‑il jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. L-oġġezzjoni għandha tiġi ttrattata fi żmien 20 jum mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha mal-Ispettorat Ġudizzjarju”.

8.        L-Artikolu 47 tal-Liġi 317/2004 jipprevedi:

“(1) Mat-tlestija tal-investigazzjoni dixxiplinari, l-Ispettorat Ġudizzjarju jista’, permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata, jordna:

(a) li l-ilment jintlaqa’, billi jinfetħu proċeduri dixxiplinari u billi tiġi adita t-taqsima rilevanti tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura;

(b) li l-ilment jiġi miċħud jekk l-[Ispettur Ġudizzjarju] jikkonstata, wara investigazzjoni dixxiplinari, li l-kundizzjonijiet tal-ftuħ tal-proċeduri ma humiex issodisfatti.

[…]

(3) Id-deċiżjoni tal-Ispettur Ġudizzjarju għandha tkun suġġetta għall-konferma tal-Ispettur Kap. L-Ispettur Kap jista’ jordna lill-Ispettur Ġudizzjarju sabiex jissupplimenta l-investigazzjoni dixxiplinari. L-Ispettur Ġudizzjarju għandu jwettaq l-investigazzjoni supplimentari fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-ispettur kap ikun ordnaha.

(4) Id-deċiżjoni tal-Ispettur Ġudizzjarju tista’ tiġi annullata darba biss, bil-miktub u b’motivazzjoni, mill-Ispettur Kap, li jista’ jordna, permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub u mmotivata, investigazzjoni dixxiplinari supplimentari. Wara li tintemm l-investigazzjoni dixxiplinari, l-Ispettur Kap jista’ jordna, bil-miktub u b’motivazzjoni, waħda mill-modi ta’ azzjoni previsti fil-paragrafu 1(a) jew (b).

[…]”

9.        L-Artikolu 65(2) sa (4) tal-Liġi 317/2004 jippreċiża li:

“(2) L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jitmexxa minn Spettur Kap-imħallef, maħtur wara kompetizzjoni organizzata mill-[Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija]; huwa għandu jkun assistit minn Deputat Spettur Kap-prosekutur, maħtur mill-Ispettur Kap.

(3) L-Ispettorat Ġudizzjarju għandu jaġixxi skont il-prinċipju ta’ indipendenza operazzjonali fir-rigward tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi marbuta miegħu u l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu ta’ analiżi, investigazzjoni u sorveljanza f’oqsma ta’ attivitajiet speċifiċi, skont il-liġi u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tagħha.

(4) Ir-regoli għat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ spezzjoni għandhom jiġu approvati mill-Ispettur Kap permezz ta’ regolament.”

10.      Permezz tal-Artikolu 66(3) tal-Liġi 317/2004:

“L-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju u l-istruttura organizzattiva u l-funzjonijiet tad-dipartimenti tiegħu għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament approvat b’digriet tal-Ispettur Kap […]”

11.      Skont l-Artikolu 69(1) u (4) tal-Liġi 317/2004:

“(1)      L-Ispettur Kap għandu l-obbligi prinċipali li ġejjin:

(a) huwa jaħtar, minn fost l-Ispetturi Ġudizzjarji, it-tim tal-ġestjoni – id-Deputat Spettur Kap, il-kapijiet tad-direttorati – fuq il-bażi ta’ proċedura li tinkludi l-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni speċifiċi għal kull kariga, b’mod li tiġi żgurata l-koeżjoni maniġerjali, il-kompetenza professjonali u l-komunikazzjoni effettiva. Il-mandat tagħhom jiskadi fl-istess ħin bħal dak tal-Ispettur Kap;

(a1) huwa għandu jwettaq id-dmirijiet ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni tal-attività tal-Ispettorat Ġudizzjarju;

(a2) huwa għandu jieħu miżuri sabiex jikkoordina x-xogħol ta’ membri oħra tal-persunal tal-Ispettorat Ġudizzjarju li ma humiex Spetturi Ġudizzjarji;

[…]

(g) huwa għandu jaħtar, skont il-liġi, lill-Ispetturi Ġudizzjarji u l-kategoriji l-oħra tal-persunal tal-Ispettorat Ġudizzjarju, u jordna l-modifika, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ servizz tagħhom;

(h) huwa għandu jiddetermina d-dmirijiet u l-kompiti individwali tal-persunal imqiegħed taħt l-awtorità tiegħu billi japprova d-deskrizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

(i) huwa għandu, skont il-liġi, jipproċedi sabiex iwettaq evalwazzjonijiet tal-persunal imqiegħed taħt l-awtorità tiegħu;

[…]

(4) Id-Deputat Spettur Kap għandu jaġixxi bħala s-sostitut ex officio tal-Ispettur Kap; għandu jassisti lil din il-persuna sabiex tistħarreġ u tagħti opinjonijiet dwar l-atti u d-deċiżjonijiet adottati mill-Ispetturi Ġudizzjarji u għandu jwettaq il-funzjonijiet l-oħra kollha ddeterminati mill-Ispettur Kap”.

12.      L-Artikolu 70 tal-Liġi 317/2004 jistabbilixxi li:

“(1)      L-ispetturi tal-Ispettorat Ġudizzjarju għandhom jinħatru mill-Ispettur Kap wara kompetizzjoni organizzata mill-Ispettorat Ġudizzjarju […]

(2)      Din il-kompetizzjoni għandha tikkonsisti f’eżami bil-miktub u f’intervista […] Ir-regolament dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-kompetizzjoni għandu jiġi approvat b’deċiżjoni tal-Ispettur Kap u għandu jiġi ppubblikat fil-Monitorul Oficial al României, Parti I.”

13.      Skont l-Artikolu 71(2) tal-Liġi 317/2004:

“Id-dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet, in-nuqqasijiet dixxiplinari u l-proċeduri dixxiplinari japplikaw mutatis mutandis għall-Ispetturi Ġudizzjarji”

14.      Skont l-Artikolu 72 tal-Liġi 317/2004:

“(1) L-Ispetturi Ġudizzjarji għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod indipendenti u imparzjali.

[…]”

15.      L-Artikolu 77 tal-Liġi 317/2004 jipprevedi li:

“(1)      L-attività professjonali tal-Ispetturi Ġudizzjarji għandha tiġi evalwata kull sena minn kummissjoni komposta mill-Ispettur Kap u minn żewġ membri oħra eletti mill-assemblea ġenerali tal-Ispetturi Ġudizzjarji, permezz tal-evalwazzjoni: ‘tajjeb ħafna’, ‘tajjeb’, ‘sodisfaċenti’ jew ‘mhux sodisfaċenti’.

[…]

(5)      Spettur Ġudizzjarju li jirċievi evalwazzjoni ta’ ‘mhux sodisfaċenti’ jew ta’ żewġ evalwazzjonijiet konsekuttivi ta’ ‘sodisfaċenti’ għandu jiġi eskluż mill-kariga ta’ Spettur Ġudizzjarju.

(6)      Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-attività professjonali tal-Ispetturi Ġudizzjarji u l-proċedura ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti mir-Regolament dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju.”

2.      IrRegolamenti adottati millIspettur Kap talIspettorat Ġudizzjarju

16.      Fl‑2018, l-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju adotta tliet regolamenti (6) fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilu mill-Artikolu 66(3) tal-Liġi 317/2004.

17.      Skont l-Ordinul nr. 131/2018 al inspectorului-șef al Inspecției Judiciare privind aprobarea Regulamentului de organizare și desfășurare a concursului pentru numirea în funcție a inspectorilor judiciari (id-Digriet Nru 131/2018 tal-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju li japprova r-regolamenti dwar l-organizzazzjoni u tmexxija tal-kompetizzjonijiet għall-ħatra tal-Ispetturi Ġudizzjarji (7)), l-Ispettur Kap jaħtar lill-Ispetturi Ġudizzjarji wara kompetizzjoni fil-forma ta’ eżami bil-miktub u intervista. L-Ispettur Kap jippresjedi l-bord tal-intervisti, li tiegħu huwa membru, flimkien mad-diretturi tad-direttorati tal-Ispettorat Ġudizzjarju u psikologu, maħtur mill-Ispettur Kap, li jwettaq funzjonijiet ta’ konsulenza.

18.      Permezz tal-Ordinul nr. 134/2018 al inspectorului-șef al Inspecției Judiciare privind aprobarea Regulamentului de organizare și funcționare a Inspecției Judiciare (id-Digriet Nru 134/2018 tal-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju li japprova r-regolamenti dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju) (8), l-Ispettur Kap jaħtar, minn fost l-Ispetturi Ġudizzjarji, it-tim tal-ġestjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Dan jikkonsisti fid-Deputat Spettur Kap u d-diretturi tad-direttorati tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Il-proċedura ta’ ħatra ta’ dawn il-karigi tikkonsisti fit-twettiq ta’ intervisti mal-kandidati mill-Ispettur Kap b’riferiment għal proġett ta’ ġestjoni. Bord li jikkonsisti mill-Ispettur Kap u żewġ Spetturi Ġudizzjarji eletti mill-assemblea ġenerali ta’ Spetturi Ġudizzjarji jevalwa l-prestazzjoni tal-persunal tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Il-kriterji għal din l-evalwazzjoni jinkludu evalwazzjoni tal-aġir tal-kandidati u tal-komunikazzjonijiet tagħhom mal-Ispettur Kap.

19.      L-Ordinul nr. 136/2018 al inspectorului-șef al Inspecției Judiciare de aprobare a Regulamentului privind normele de efectuare a lucrărilor de inspecție (id-Digriet Nru 136/2018 tal-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju li japprova r-regolamenti li jistabbilixxu r-regoli għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ spezzjoni) tal‑11 ta’ Diċembru 2018 (9) jistabbilixxi l-metodoloġija tal-analiżi, il-verifika u s-superviżjoni tal-investigazzjonijiet dixxiplinari tal-imħallfin u tal-prosekuturi. Dan jirregola, inter alia, il-proċedura tal-ipproċessar tal-ilmenti, il-ħatra tal-ispetturi, l-istabbiliment, il-kalkolu u l-estensjoni tat-termini kif ukoll in-notifika ta’ ċerti atti proċedurali.

III. Ittilwima filproċeduri prinċipali, iddomanda preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

20.      Ir-rikorrenti hija parti f’diversi proċeduri kriminali quddiem il-qrati tar-Rumanija. Hija ressqet diversi lmenti dixxiplinari quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju kontra ċerti mħallfin u prosekuturi involuti f’dawn il-proċeduri. It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn proċeduri bejn il-Judecătoria Bolintin-Vale (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Bolintin-Vale, ir-Rumanija) u t-Tribunalul Giurgiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Giurgiu, ir-Rumanija). L-Ispettorat Ġudizzjarju adotta numru ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti (10), fejn l-Ispettur Kap ikkonferma numru minnhom.

21.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju tat‑2 ta’ Lulju 2018 li l-Ispettur Kap kien ikkonferma (11). Fis‑27 ta’ Settembru 2019, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) annullat id-deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2018 fuq il-bażi li l-Ispettorat Ġudizzjarju naqas milli jeżamina korrettament l-argumenti tar-rikorrenti. Hija bagħtet il-proċess lura quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju għal evalwazzjoni ulterjuri (12). Fid‑29 ta’ Settembru 2020, l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) iddikjarat inammissibbli l-appell tal-Ispettorat Ġudizzjarju minn din is-sentenza.

22.      Fil‑11 ta’ Marzu 2021, l-Ispettorat Ġudizzjarju adotta deċiżjoni ġdida li permezz tagħha huwa reġa’ ċaħad l-ilment dixxiplinari tar-rikorrenti (13). Fil‑31 ta’ Mejju 2021, l-Ispettur Kap ċaħad l-appell tar-rikorrenti minn din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur Kap, li huwa pendenti quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) (14).

23.      Fl-ilmenti tagħha quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju u fil-kawża inkwistjoni r-rikorrenti sostniet li l-ilment relatat mal-Kawża Nru 6172/2/2018 kien ġie ttrattat b’mod dilatorju. Konsegwentement, it-terminu legali li fih setgħu jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra l-individwu li fil-konfront tiegħu hija kienet ressqet l-ilment tagħha kien skada. Hija allegat li l-Ispettur Kap kien responsabbli għal dan id-dewmien.

24.      Fid‑29 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Ministerului Justiţiei (il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Rumanija) li d-drittijiet kostituzzjonali tagħha kienu nkisru. Hija rreferiet għal “grupp” ta’ persuni, inkluż l-Ispettur Kap, “b’funzjonijiet importanti li allegatament ikkontribwixxew għall-investigazzjoni kriminali mwettqa kontriha jew għall-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha”. Ir-rikorrenti allegat, inter alia, li l-Ispettur Kap “huwa Mħallef […] li joqgħod fil-Belt ta’ Giurgiu u li, matul il-karriera tiegħu, wettaq id-dmirijiet tiegħu b’mod li kellu impatt sinjifikattiv fuq l-eżerċizzju tal-ġustizzja fir-Reġjun ta’ Giurgiu u fil-livell nazzjonali”. Wara li elenkat dawn id-dmirijiet, ir-rikorrenti sostniet li, fil-kawża tagħha, “id-deċiżjonijiet [tal-Ispettorat Ġudizzjarju] wasslu għall-ħabi ta’ abbużi u ta’ illegalitajiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Bolintin-Vale, Dipartiment ta’ Giurgiu”. Ir-rikorrenti sostniet ukoll li “l-[Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju] għandu jinżamm responsabbli li mmina b’mod gravi l-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja, peress li, fil-kwalità tiegħu ta’ kap u superviżur ta’ […] dan il-korp, li għandu rwol ewlieni fis-sistema ġudizzjarja, huwa kellu l-obbligu li jiżgura li l-verifiki mwettqa minn [dan il-korp] josservaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet legali”.

25.      Il-Ministru għall-Ġustizzja kkunsidra li ma kienx kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ każijiet dixxiplinari ta’ din in-natura u ttrasferixxa l-ilment tar-rikorrenti lill-Ispettorat Ġudizzjarju (15).

26.      Fis‑16 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti ressqet ilment separat quddiem l-Ispettorat Ġudizzjarju li kien ikkonċentra esklużivament fuq l-aġir allegat tal-Ispettur Kap. Ir-rikorrenti kkritikat, inter alia, l-assenza ta’ investigazzjoni vera tal-ilmenti tagħha, l-investigazzjoni tardiva tal-ilment tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2019 kontra l-Ispettorat Ġudizzjarju u l-Ispettur Kap tiegħu, in-nuqqas ta’ astensjoni tal-Ispettur Kap mill-investigazzjoni ta’ dan l-ilment minkejja li kien is-suġġett tiegħu, u n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Ispettorat Ġudizzjarju, tas-sentenza tal-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) tas‑27 ta’ Settembru 2019. L-Ispettorat Ġudizzjarju ċaħad dan l-ilment fis‑17 ta’ Marzu 2021 (16). Id-Deputat Spettur Kap ċaħdet rikors kontra din id-deċiżjoni fil‑11 ta’ Mejju 2021 (17).

27.      Fil‑31 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż, inter alia, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Marzu 2021 u tal‑11 ta’ Mejju 2021 u għad-danni għall-ħsara allegata li dawn kienu kkawżawlha. Hija allegat li d-Deputat Spettur Kap, P.M., naqset milli tosserva s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2019 tal-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), peress li hija ma kinitx wettqet l-investigazzjoni li din is-sentenza kienet ordnat. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Ispettorat Ġudizzjarju u l-Ispettur Kap tiegħu, N.L., sistematikament naqsu milli jindirizzaw b’mod xieraq l-ilmenti tagħha kontra ċerti mħallfin. Ir-rikorrenti tilmenta minn tal-inqas tliet irregolaritajiet sistemiċi fl-organizzazzjoni u l-operat tal-Ispettorat Ġudizzjarju li żguraw li l-ilmenti tagħha ma ġewx ittrattati b’mod imparzjali. L-ewwel, l-Ispettur Kap ħatar, evalwa u seta’ finalment ikeċċi lill-Ispetturi Ġudizzjarji responsabbli mit-twettiq tal-investigazzjonijiet dixxiplinari dwar l-aġir tal-Ispettur Kap. It-tieni, l-Ispettur Kap jaħtar lid-Deputat Spettur Kap, li kkonfermat id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tar-rikorrenti u li tokkupa wkoll pożizzjoni marbuta u dipendenti fuq il-mandat tal-Ispettur Kap. It-tielet, l-Ispettur Kap jadotta r-regolamenti interni li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-operat tal-Ispettorat Ġudizzjarju.

28.      Fid-dawl tat-tħassib imqajjem fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-operat tal-Ispettorat Ġudizzjarju u tar-responsabbiltà tal-Ispettur Kap tiegħu fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet u ta’ proċeduri dixxiplinari, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE], [Deċiżjoni 2006/928], kif ukoll il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità imposti mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-[Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju] jadotta atti amministrattivi (infralegali) u/jew individwali li permezz tagħhom jiddeċiedi b’mod awtonomu l-organizzazzjoni tal-qafas istituzzjonali tal-Ispettorat Ġudizzjarju għall-għażla tal-ispetturi ġudizzjarji u l-evalwazzjoni tal-attività tagħhom, it-twettiq tax-xogħlijiet ta’ spezzjoni, kif ukoll in-nomina [tad-Deputat Spettur Kap], fil-każ fejn, skont il-liġi organika, dawn il-persuni jkunu l-uniċi li jistgħu jwettqu, jikkonfermaw jew jirrifjutaw atti ta’ investigazzjoni dixxiplinarja kontra l-[Ispettur Kap]?”

29.      Il-qorti tar-rinviju applikat għat-trattament mgħaġġel tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari skont, inter alia, l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑1 ta’ Frar 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba.

30.      Ir-rikorrenti, l-Ispettorat Ġudizzjarju (18) u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Fuq iddomanda preliminari

A.      Ammissibbiltà

31.      L-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. L-ewwel, huwa jqis li l-qorti tar-rinviju qiegħda iktar titlob interpretazzjoni tal-Liġi 317/2004 pjuttost milli deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati jew dwar il-validità u/jew l-interpretazzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE. It-tieni, l-Ispettorat Ġudizzjarju jqis li, fl-assenza ta’ konstatazzjoni li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, l-allegazzjoni li s-setgħat tal-Ispettur Kap jippreġudikaw l-indipendenza tal-Ispetturi Ġudizzjarji ma hijiex fondata.

32.      Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel oġġezzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju dwar l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Huwa ċar mill-formulazzjoni tad-domanda tal-qorti tar-rinviju li din hija intiża sabiex tikseb deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mhux dak Rumen. It-tieni oġġezzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju tirrigwarda l-mertu tad-domanda preliminari. Min-natura tagħha, oġġezzjoni bħal din ma tistax tiġġustifika konstatazzjoni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli (19).

B.      Fuq ilmertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

33.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tiffoka fuq l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju, is-setgħat estiżi tal-Ispettur Kap tiegħu (20) u l-allegat assenza ta’ responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar fl-investigazzjonijiet dixxiplinari u fil-proċeduri mibdija kontrih (21). Il-qorti tar-rinviju tirrileva li r-regolamenti interni adottati mill-Ispettur Kap (22) jirregolaw l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Id-deċiżjonijiet tal-Ispetturi Ġudizzjarji li jaċċettaw jew jiċħdu lmenti dixxiplinari u li jiftħu investigazzjonijiet u proċeduri dixxiplinari huma wkoll suġġetti għall-konferma tal-Ispettur Kap (23). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ilmenti kontra l-Ispettur Kap jistgħux jiġu ttrattati b’mod oġġettiv u imparzjali peress li huma investigati minn Spetturi Ġudizzjarji li jiġu maħtura, evalwati u li jkunu suġġetti għal tkeċċija minn dan l-individwu (24). Id-Deputat Spettur Kap, li huwa maħtur direttament minn u jassisti lill-Ispettur Kap u li l-mandat tiegħu jiskadi fl-istess ħin tiegħu, huwa, barra minn hekk, responsabbli mill-istħarriġ tad-deċiżjonijiet dwar l-ilmenti mressqa kontra l-Ispettur Kap.

34.      L-Ispettorat Ġudizzjarju huwa korp ġudizzjarju indipendenti li għandu personalità ġuridika separata fi ħdan il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura (25). Filwaqt li l-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura jaġixxi bħala “aġġudikatur” fi kwistjonijiet dixxiplinari (26), l-Ispettorat Ġudizzjarju huwa responsabbli għat-tmexxija tal-investigazzjonijiet dixxiplinari u għall-bidu ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi. L-Ispettorat Ġudizzjarju b’hekk jeżerċita setgħat ta’ investigazzjoni wiesgħa fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari kontra membri tal-ġudikatura (27).

35.      Ir-rapporti tal-Kummissjoni stabbiliti skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/928 jirreferu għall-istruttura u għall-attività istituzzjonali tal-Ispettorat Ġudizzjarju (28). Ir-Rapport tal‑2021 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Dwar il-Progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (29), josserva li “[f]dawn l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet ġudizzjarji, inkluż il-[Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura] innifsu, enfasizzaw tħassib dwar in-nuqqas ta’ akkontabbiltà tal-[Ispettorat Ġudizzjarja], filwaqt li kkwotaw il-proporzjon għoli ta’ kawżi mressqa mill-[Ispettorat Ġudizzjarju] eventwalment miċħuda fil-qorti, il-konċentrazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollha għand l-Ispettur [Kap] u l-limiti fuq is-setgħat ta’ sorveljanza tal-[Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura].” F’dan ir-rigward, “[l-Ispettur Kap] jista’ jkun soġġett biss għal awditu estern li jiġi ordnat mill-[Ispettorat Ġudizzjarju nnifsu], u mbagħad ir-rapport tal-awditjar jiġi eżaminat biss minn għadd żgħir magħżul ta’ membri fil-Kunsill.”

36.      Minkejja t-tħassib tal-Kummissjoni, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li din l-istituzzjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra r-Rumanija f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Lanqas ma hemm xi indikazzjoni li r-Rumanija adottat miżuri sabiex tindirizza t-tħassib imqajjem mill-Kummissjoni fir-rapporti msemmija iktar ’il fuq.

37.      Il-qorti tar-rinviju ssemmi inċidentalment l-allegazzjonijiet serji li r-rikorrenti għamlet kontra l-Ispettorat Ġudizzjarju, l-Ispettur Kap tiegħu u ċerti mħallfin u prosekuturi li, kieku kellhom jitqiesu, joħolqu dubju dwar il-konformità tagħhom mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mad-Deċiżjoni 2006/928 (30). Hija pjuttost tqajjem tħassib ta’ natura sistemika dwar l-istruttura istituzzjonali tal-Ispettorat Ġudizzjarju u l-assenza ta’ responsabbiltà tiegħu. B’mod partikolari, hija għandha tħassib dwar is-setgħa illimitata tal-Ispettur Kap li jadotta d-deċiżjonijiet kollha dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju, l-għażla, l-evalwazzjoni u t-tkeċċija tal-Ispetturi Ġudizzjarji, inkluż id-Deputat Spettur Kap, kif ukoll l-approvazzjoni u l-veto tad-deċiżjonijiet individwali kollha adottati mill-Ispettorat Ġudizzjarju.

2.      Analiżi

38.      Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, inklużi r-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Ir-rekwiżit ta’ ġudikatura indipendenti skont id-dritt tal-Unjoni jfisser li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tipprovdi l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu tagħha bħala sistema ta’ kontroll politiku fuq l-attivitajiet tagħhom. Regoli li jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli għalih, jipprevedu l-intervent ta’ korp indipendenti konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża; u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxu garanziji essenzjali tal-indipendenza ġudizzjarja (31).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li peress li l-perspettiva ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari tista’ teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, huwa essenzjali li l-korp kompetenti sabiex imexxi l-investigazzjonijiet u li jeżerċita l-azzjoni dixxiplinari jaġixxi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu b’mod oġġettiv u imparzjali. Għal dan il-għan għandu jkun protett minn kull influwenza esterna (32). Sistema dixxiplinari ma għandhiex tkun iddevjata mill-għan leġittimu tagħha (33).

40.      Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza ġudizzjarja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-garanziji mogħtija lill-imħallfin li huma s-suġġetti ta’ investigazzjonijiet u ta’ proċeduri dixxiplinari. L-istess garanziji ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità japplikaw indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk imħallef huwiex suġġett għal proċeduri dixxiplinari jew, bħal fil-kawża prinċipali, l-ilmenti kontra mħallfin jew prosekuturi jiġu miċħuda u investigazzjonijiet dixxiplinari u proċeduri ma jinfetħux. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-garanziji jiżguraw li l-pubbliku jżomm il-perċezzjoni, essenzjali f’soċjetà demokratika, li l-ġudikatura hija indipendenti u imparzjali. Il-preġudizzju għall-fiduċja pubblika minħabba t-twettiq ta’ investigazzjonijiet u ta’ proċeduri dixxiplinari b’mod mhux professjonali jew ippreġudikat, bħall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, jista’ jirriżulta f’ċaħda de facto tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (34).

41.      Fis-sentenza li tat fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România et”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Rumena dwar il-ħatra provviżorja fil-karigi ta’ ġestjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 u għandha tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Istat tad-dritt (35). Fid-dawl tal-firxa tas-setgħat tal-Ispettorat Ġudizzjarju li jwettaq investigazzjonijiet dixxiplinari u ta’ ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi, dawn ir-rekwiżiti japplikaw ugwalment għall-ħatra provviżorja tal-Ispettur Kap tiegħu u għall-organizzazzjoni u għall-operazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Barra minn hekk, peress li l-liġi tagħti setgħat u prerogattivi wesgħin lill-Ispettur Kap (36), huwa għandu wkoll jissodisfa dawn l-istess rekwiżiti.

42.      Huwa ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju li jiċħad ilment kontra mħallef jew prosekutur jistgħu jiġu appellati quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) u suċċessivament quddiem l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) (37). Id-disponibbiltà ta’ tali proċeduri hija essenzjali (38) sabiex tiġi protetta l-fiduċja pubblika fis-sistema dixxiplinari. Proċeduri ġudizzjarji ta’ lanjanti intiżi sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ korp dixxiplinari jistgħu madankollu jkunu insuffiċjenti sabiex jindirizzaw tħassib sistemiku mqajjem fil-kuntest tal-operat ta’ din is-sistema dixxiplinari. Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti sostniet li, minħabba l-iskadenza tat-termini li fihom setgħet tiġi stabbilita azzjoni dixxiplinari effettiva, id-dewmien u n-nuqqasijiet fit-trattament tal-ilmenti tagħha kienu pprekludewha milli tikseb xi benefiċċju mis-sistema dixxiplinari u milli teżerċita kwalunkwe rimedji ġuridiċi li jaqgħu taħtha. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ma hijiex obbligata tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri quddiemha. Hija sempliċiment tindika r-rabta kawżali bejn it-talbiet tar-rikorrenti u interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tixtieq mill-Qorti tal-Ġustizzja (39).

43.      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-estensjoni mill-Gvern Rumen tal-ħatra tal-Ispettur Kap b’mod provviżorju fl‑2018 (40), bi ksur tal-proċedura ta’ ħatra ordinarja, ħolqot dubji li s-setgħat u l-funzjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju jistgħu jintużaw sabiex jeżerċitaw pressjoni, jew kontroll politiku, fuq l-attività tal-imħallfin u tal-prosekuturi (41). Il-proċeduri preżenti għalhekk għandhom jieħdu din l-estensjoni inkunsiderazzjoni.

44.      L-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ħatret lill-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju, N.L. mill‑1 ta’ Settembru 2015. Minkejja l-iskadenza, fil‑31 ta’ Awwissu 2018, tal-mandat tiegħu ta’ tliet snin, il-Gvern Rumen estenda din il-ħatra b’mod provviżorju mill‑1 ta’ Settembru 2018 sal‑14 ta’ Mejju 2019. Fil-mument li tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari, fl‑10 ta’ Diċembru 2021, l-Ispettur Kap baqa’ fil-kariga wara l-ħatra l-ġdida tiegħu mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura għal tieni terminu (42). Iktar importanti, fis‑7 ta’ Diċembru 2021, f’sentenza definittiva, il-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova, ir-Rumanija (43)) iddeċidiet li l-estensjoni provviżorja tal-ħatra tal-Ispettur Kap ma kinitx toħloq dubji li kienu ser jiġu eżerċitati pressjonijiet politiċi fuq l-imħallfin u fuq il-prosekuturi (44). Ir-rilevanza għal dawn il-proċeduri tal-mod li bih il-ħatra tal-Ispettur Kap ġiet estiża fuq bażi provviżorja mill‑1 ta’ Settembru 2018 sal‑14 ta’ Mejju 2019 għalhekk ma hijiex ovvja.

45.      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolamenti tal‑2018 huma invalidi fid-dritt tal-Unjoni peress li l-Ispettur Kap, N.L., adottahom fi żmien meta l-ħatra fuq bażi provviżorja tiegħu kienet ġiet estiża illegalment. L-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (45) ma ddeċidietx dwar il-validità ta’ dawn ir-regolamenti. Huwa jsostni, barra minn hekk, li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, ir-Regolamenti tal‑2018 għandhom jitqiesu li huma validi.

46.      Fid-dawl tal-kontenut tas-sentenza Nru 3014/2021 tal-Curtea de Apel Craiova (il-Qorti tal-Appell ta’ Craiova), li għaliha jirreferi l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-allegazzjoni li r-Regolamenti tal‑2018 huma invalidi minħabba li l-Ispettur Kap, N.L., kien adottahom matul il-perijodu tal-ħatra intermedja tiegħu ma tistax tintlaqa’.

47.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 66(3) tal-Liġi 317/2004 jipprevedi b’mod ċar l-adozzjoni, mill-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju, ta’ regolamenti li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-operat ta’ dan il-korp. L-Artikolu 45 u 45a(1)(a) tal-Liġi 317/2004 jagħtu wkoll lill-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju setgħat estiżi sabiex japprova u jeżerċita l-veto fuq id-deċiżjonijiet individwali ta’ dan il-korp meħuda fir-rigward tal-investigazzjonijiet u tal-proċeduri dixxiplinari (46).

48.      Il-fatt li l-Ispettur Kap għandu rwol determinanti fil-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-Ispettorat Ġudizzjarju, jista’ jadotta regolamenti interni u japprova u jeżerċita l-veto fuq id-deċiżjonijiet kollha individwali tal-Ispettorat Ġudizzjarju, fl-assenza ta’ fatturi oħra, ma joħloqx neċessarjament dubji raġonevoli li s-setgħat u l-funzjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju huma fil-fatt użati bħala strument sabiex tiġi eżerċitata pressjoni, jew kontroll politiku, fuq l-attività ġudizzjarja, jew li jippreġudikaw, anki b’mod indirett, il-fiduċja pubblika fil-ġudikatura (47).

49.      Fid-dawl tas-setgħat wiesgħa tal-Ispettur Kap, tar-rwol deċiżiv tiegħu fi ħdan l-Ispettorat Ġudizzjarju u l-assenza ta’ kwalunkwe mekkaniżmu intern (48) sabiex jipprojbixxi użu mhux xieraq ta’ dawn is-setgħat, l-Ispettorat Ġudizzjarju (49) għandu jittratta l-ilmenti dixxiplinari kontrih bl-ikbar professjonalità u imparzjalità sabiex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika f’dan il-korp u l-ġudikatura fl-intier tagħha.

50.      Kif isostni l-Ispettorat Ġudizzjarju, jista’ ma jkunx neċessarju li jinħoloq korp separat sabiex jittratta lmenti dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju (50). Din l-osservazzjoni hija suġġetta għar-riżerva li jkun hemm proċeduri effikaċi u trasparenti sabiex dawn l-ilmenti jiġu ttrattati b’mod imparzjali (51). F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju jaħtar lid-Deputat Spettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju fid-diskrezzjoni tiegħu biss (52), jista’ jkun ta’ tħassib peress li huwa d-Deputat Spettur Kap li għandu jiddeċiedi jinvestigax l-ilmenti u li jibda proċeduri dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap.

51.      Qabel l-adozzjoni tal-Legea nr. 234/2018 (il-Liġi Nru 234/2018), tal‑4 ta’ Ottubru 2018 (53) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 234/2018”), il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ħatar kemm l-Ispettur Kap kif ukoll id-Deputat Spettur Kap wara proċedura simili u l-mandat tad-Deputat Spettur Kap kien indipendenti minn dak tal-Ispettur Kap. Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li, mill-adozzjoni tal-Liġi 234/2018, id-Deputat Spettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju jinħatar skont id-diskrezzjoni unika tal-Ispettur Kap u li l-mandat tiegħu jiddependi u jikkoinċidi ma’ dak tal-Ispettur Kap (54). Il-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw l-Ispettorat Ġudizzjarju ma jipprevedu l-ebda mekkaniżmu intern għall-istħarriġ ta’ allegazzjonijiet dwar użu mhux xieraq tas-setgħat estensivi tal-Ispettur Kap, ħlief permezz ta’ proċeduri dixxiplinari. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, nikkunsidra li l-Liġi 234/2018 tista’ tippreġudika b’mod konsiderevoli l-perċezzjoni pubblika li d-Deputat Spettur Kap jista’ jissorvelja l-investigazzjonijiet dixxiplinari u l-proċeduri fuq ilmenti kontra l-Ispettur Kap b’mod oġġettiv u imparzjali. L-adozzjoni tal-Liġi 234/2018 tidher b’hekk li tikkostitwixxi tnaqqis tal-protezzjoni tal-Istat tad-dritt fir-Rumanija.

52.      Il-Liġi 234/2018 torbot flimkien il-karrieri tal-Ispettur Kap u tad-Deputat Spettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju. Minkejja d-dmir tad-Deputat Kap Spettur li jaġixxi b’mod indipendenti u imparzjali, dan jista’ jiġi pperċepit bħala li għandu interess personali fl-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjonijiet u/jew proċeduri dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap. Barra minn hekk, huwa evidenti li l-Ispetturi Ġudizzjarji kollha fi ħdan l-Ispettorat Ġudizzjarju huma suġġetti għall-Ispettur Kap u li l-progress tal-karriera tagħhom jiddependi fuq il-persuna li teżerċita din il-kariga (55). Dan jista’ wkoll jippreġudika l-perċezzjoni tal-pubbliku li l-Ispetturi Ġudizzjarji jinvestigaw ilmenti kontra l-Ispettur Kap b’mod professjonali u imparzjali.

V.      Konklużjoni

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:

L-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali li jippermettu:

is-sorveljanza tal-investigazzjonijiet u tal-proċeduri dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap tal-Inspecţia Judiciară (l-Ispettorat Ġudizzjarju, ir-Rumanija) mid-Deputat Spettur Kap tiegħu u l-investigazzjoni ta’ dawn l-ilmenti mill-Ispettur Ġudizzjarju ta’ dan il-korp f’ċirkustanzi fejn dan id-Deputat Spettur Kap huwa maħtur skont id-diskrezzjoni unika tal-Ispettur Kap; fejn il-mandat tad-Deputat Spettur Kap jiddependi u jikkoinċidi ma’ dak tal-Ispettur Kap; u fejn l-Ispetturi Ġudizzjarji kollha jkunu suġġetti għall-Ispettur Kap li fuqu jiddependi l-progress tal-karriera tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa minn qorti skont id-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tagħha u l-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll ir-raġunijiet ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tneħħija tal-membri tagħha, b’mod li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53).


3      ĠU 2007, L 142M, p. 825.


4      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et(C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 158 u 178). Ara wkoll, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 155 sa 175). Fil-punt 223 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li jsegwi, inter alia, mill-punti ta’ riferiment inkwistjoni li l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja imparzjali, indipendenti u effiċjenti għandha importanza partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, speċjalment korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punti ta’ riferiment għandhom effett dirett. Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 249).


5      Ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 628 tal‑1 ta’ Settembru 2005.


6      Kollettivament imsejħa wkoll ir-“Regolamenti tal‑2018”.


7      Monitorul Oficial al României, Parti I., Nru 1038 tas‑6 ta’ Diċembru 2018.


8      Monitorul Oficial al României, Parti I., Nru 1049 tal‑11 ta’ Diċembru 2018.


9      Mhux ippubblikat. Ara wkoll l-Artikolu 65(4) tal-Liġi 317/2004. Id-Digriet Nru 131/2018 u d-Digriet Nru 134/2018 ġew imħassra u ssostitwiti fl‑2021. Il-qorti tar-rinviju tindika li d-digrieti inizjali japplikaw għal din il-kawża ratione temporis.


10      Minkejja li ma huwiex kompletament ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-Ispettorat Ġudizzjarju ċaħad l-ilmenti tar-rikorrenti.


11      Deċiżjoni Nru 3935/IJ/1000/DIP/2018.


12      Kawża Nru 6172/2/2018.


13      Deċiżjoni Nru 654.


14      Kawża Nru 4402/2/2021.


15      L-Ispettorat Ġudizzjarju rreġistra dan l-ilment fid‑29 ta’ Jannar 2020.


16      Deċiżjoni Nru 728/2021.


17      Deċiżjoni Nru C21‑723.


18      L-Ispettorat Ġudizzjarju kien irrappreżentat mill-Ispettur Kap tiegħu, N.L.


19      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      “L-[Ispettur Kap] għandu setgħat prinċipali […] huwa jaħtar l-ispetturi b’funzjonijiet ta’ mmaniġġjar; jimmaniġġja l-attività tal-ispettorat u proċeduri dixxiplinari; jorganizza l-allokazzjoni ta’ fajls; jistabbilixxi l-oqsma speċifiċi ta’ attività li fiha jitwettqu azzjonijiet ta’ kontroll; huwa l-mittent prinċipali li jagħti istruzzjonijiet u għandu l-kapaċità li jressaq proċeduri dixxiplinari huwa stess.” Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Asociația “Forumul Judecătorilor Din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 267).


21      Il-kawża ineżami ma tinvokax il-possibbiltà li jinbdew proċeduri ċivili jew kriminali kontra l-Ispettorat Ġudizzjarju jew l-Ispettur Kap tiegħu.


22      Ara, pereżempju, l-Artikolu 66(3) dal-Liġi 317/2004.


23      Ara, pereżempju, l-Artikolu 45(4) u l-Artikolu 47(3) tal-Liġi 317/2004.


24      Ara l-Artikolu 69(1)(g), l-Artikolu 70 u l-Artikolu 77 tal-Liġi 317/2004. Minkejja s-setgħat plenarji mogħtija lill-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju, l-Artikolu 72(1) tal-Liġi 317/2004 jobbliga lill-Ispetturi Ġudizzjarji jaġixxu b’mod indipendenti u imparzjali.


25      Ara l-Artikolu 65(1) u (3) tal-Liġi 317/2004.


26      Skont l-Artikolu 133(1) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura huwa l-garanti tal-indipendenza tal-imħallfin. L-Artikolu 134(2) tal-Kostituzzjoni Rumena jipprovdi li l-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura jeżerċita “r-rwol ta’ korp ta’ aġġudikazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin u tal-prosekuturi”. Ara wkoll l-Artikolu 44(1) tal-Liġi 317/2004. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fil-kawżi dixxiplinari jistgħu jiġu appellati quddiem kulleġġ ġudikanti ta’ ħames Imħallfin tal-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja). L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 jirreferi espressament għall-kapaċità u r-responsabbiltà tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fil-kuntest tal-iżgurar ta’ proċedura ġudizzjarja iktar trasparenti u effiċjenti.


27      Ara l-Artikolu 44(6) tal-Liġi 317/2004. Ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 182).


28      B’mod partikolari dawk adottati fl‑2010, l‑2011, l‑2017 sa l‑2019 u l‑2021.


29      COM(2021) 370 finali.


30      Ara, pereżempju, il-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 198).


32      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 199).


33      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 84).


34      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 196, 197 u 216). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 216 ta’ din is-sentenza li t-taqsima fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prosekutur li tinvestiga n-nuqqasijiet imwettqa mill-imħallfin u mill-prosekuturi pubbliċi, sa fejn l-istruttura awtonoma tagħha tista’, skont ir-regoli li jirregolaw il-kompetenzi, il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ tali struttura, kif ukoll il-kuntest nazzjonali rilevanti, tiġi pperċepita bħala intiża li tistabbilixxi strument ta’ pressjoni u ta’ intimidazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-imħallfin, u għalhekk twassal għal apparenza ta’ assenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin, tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt. Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 226).


35      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 182 u 184). Id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża japplikaw għall-ġudikatura Rumena kollha u, għaldaqstant, għall-qrati ordinarji mitluba sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Peress li dawn tal-aħħar, bħala “qrati” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jaġixxu fis-sistema ġudizzjarja Rumena fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huma għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


36      L-Ispettorat Ġudizzjarju ma jiċħadx li l-Ispettur Kap għandu setgħat daqstant wiesgħa. Minflok, l-Ispettorat Ġudizzjarju jenfasizza li l-Liġi 317/2004 speċifikament tagħtih dawn is-setgħat u li l-eżerċizzju tagħhom huwa limitat b’mod preċiż. L-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li r-rikorrenti fil-fatt tikkontesta t-tisħiħ istituzzjonali tal-Ispettorat Ġudizzjarju bil-Liġi 317/2004 u ż-żieda tal-indipendenza tiegħu meta mqabbel mal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura.


37      Dawn il-qrati jistgħu jew jikkonfermaw jew jannullaw id-deċiżjonijiet tal-Ispettorat Ġudizzjarju li jiċħdu l-ilmenti.


38      U rikjesta mid-dritt tal-Unjoni. Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Kif stabbilit fil-punt 22 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


40      Il-bażi ġuridika għal din l-estensjoni provviżorja kienet l-Ordonanța de Urgență a Guvernului nr. 77/2018 (id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 77/2018) tal‑5 ta’ Settembru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 767 tal‑5 ta’ Settembru 2018) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 77/2018”).


41      Fis-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 206 u 207), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.


42      Jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-Ispettur Kap, N.L., irtira u li huwa u d-Deputat Spettur Kap, P.M., ġew issostitwiti minn meta tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.


43      Li kellha l-ġurisdizzjoni tiddeċiedi fil-kawża prinċipali s-suġġett tad-domanda preliminari fil-Kawża C‑83/19. Ara s-sentenza Nru 3014/2021 (disponibbli fuq http://rolii.ro/hotarari/61d2683fe4900928170001a5).


44      Is-sens preċiż ta’ din is-sentenza, li ngħatat wara din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jinsabx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.


45      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).


46      Ara l-Artikolu 69 tal-Liġi 317/2004.


47      L-Ispettorat Ġudizzjarju jsostni li r-Regolamenti tal‑2018 huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-indipendenza u l-operat tiegħu b’mod konsistenti. Barra minn hekk, huwa jirrileva li l-Kapitolu VII tal-Liġi 317/2004 jinkludi regoli ddettaljati dwar l-operat tal-Ispettorat Ġudizzjarju, il-ħatra tal-Ispettur Kap u l-mandat tiegħu, kif ukoll il-ħatra tal-persunal li jokkupa pożizzjonijiet ta’ ġestjoni fl-Ispettorat Ġudizzjarju.


48      Jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju li, skont l-Artikolu 67(5) tal-Liġi 317/2004, l-Assemblea Ġenerali tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura tista’ tneħħi lill-Ispettur Kap mill-kariga meta huwa jonqos milli jeżerċita d-dmirijiet tiegħu jew iwettaqhom b’mod mhux xieraq.


49      Il-Ministru għall-Ġustizzja jidher li huwa tal-fehma li l-Ispettorat Ġudizzjarju huwa kompetenti sabiex jittratta l-ilmenti dixxiplinari kontra l-Ispettur Kap tiegħu: irreferi għall-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50      L-assenza ta’ tali korp separat tista’ ssaħħaħ l-indipendenza tal-Ispettur Kap tal-Ispettorat Ġudizzjarju.


51      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandu jiġi adottat qafas leġiżlattiv “fil-livell tal-liġi organika […] li jipprovdi garanziji oġġettivi fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-Ispetturi Ġudizzjarji fir-rigward tal-Ispettur Kap, fejn dan ikun is-suġġett tal-ilment dixxiplinari”. Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjità fl-Artikolu 5 TUE, nikkunsidra li Stat Membru jista’ jiddetermina n-natura tal-miżuri li għandu jadotta fir-rigward ta’ investigazzjonijiet dixxiplinari u proċeduri kontra mħallfin u prosekuturi, inklużi Spetturi Ġudizzjarji, sabiex josserva r-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tad-Deċiżjoni 2006/928, sakemm tali miżuri josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.


52      Ara l-Ordinul nr. 134/2018.


53      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 850 tat‑8 ta’ Ottubru 2018.


54      Ara l-Artikolu 69(1)(a) tal-Liġi 317/2004. Skont din id-dispożizzjoni, l-Ispettur Kap jaħtar ukoll id-Diretturi tal-Ispettorat Ġudizzjarju għall-mandati li jiddependu minn dak tal-Ispettur Kap.


55      L-Ispettur Kap huwa involut fil-ħatra, l-evalwazzjoni u t-tkeċċija tal-Ispetturi Ġudizzjarji. Ara, inter alia, l-Ordinul nr. 131/2018. Ma jidhirx li hemm mekkaniżmu sabiex jipprevjeni lill-Ispettur Kap milli jiftaħ investigazzjoni u proċeduri dixxiplinari kontra l-Ispetturi Ġudizzjarji li jkunu qegħdin imexxu, jew li mexxew, investigazzjonijiet dixxiplinari fil-konfront tiegħu.