Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Diċembru 2022 – Canel Ferreiro vs Il-Kunsill

(Kawża T-766/22)

Lingwa tal-kawża: il--Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Maria Canel Ferreiro (Overijse, il-Belġju) (rappreżentant: N. Maes, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa’ dan ir-rikors;

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Novembru 2021 li timponi fuq ir-rikorrenti s-sanzjoni dixxiplinari ta’ ċanfira;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Settembru 2022 li tiċħad l-ilment Nru 2022_009 tar-rikorrenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

tannulla l-investigazzjoni amministrattiva EN-2101 u r-rapport ta’ investigazzjoni tat-28  ta’ Mejju 2021 tal-Konsulenti Legali tal-Unità tal-Amministrazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Organizzattiv u s-Servizzi – Direttorat għar-Riżorsi Umani tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-investigazzjoni amministrattiva. Skont ir-rikorrenti, l-investigaturi marru lil hinn mill-kuntest fattwali u temporali tal-mandat li kien ingħata lilhom mill-Awtorità tal-Ħatra.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma ġiex osservat u r-rikorrenti ma kellhiex dritt għal trattament imparzjali tal-fajl tagħha

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti ssostni l-assenza ta’ akkuża konkreta fir-rigward tal-fatt li hija akkużata bih.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ provi. Skont ir-rikorrenti, il-ksur tal-Artikoli 12 u 21 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ma huwiex ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt, b’tali mod li r-rikorrenti ma tistax tinżamm responsabbli għalih sabiex tiġi ġġustifikata s-sanzjoni dixxiplinari ta’ ċanfira

____________