Language of document : ECLI:EU:C:2021:728

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 (1)

Kawża C242/20

HRVATSKE ŠUME d.o.o., Zagreb, li taġixxi bħala suċċessur fid-drittijiet ta’ HRVATSKE ŠUME javno poduzeće za gospodarenje šumama i šumskim zemljištima u Republici Hrvatskoj p.o., Zagreb,

vs

BP EUROPA SE, li taġixxi bħala suċċessur fid-drittijiet ta’ DEUTSCHE BP AG, li, min-naħa tagħha, taġixxi bħala suċċessur fid-drittijiet ta’ THE BURMAH OIL (Deutschland), GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kawża għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu – Klassifikazzjoni – Il-punt 1 tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 – Ġurisdizzjoni speċjali f’‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt’ u ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt’”






I.      Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja) irreferiet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi relatati mal-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2.        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ tilwima bejn HRVATSKE ŠUME doo, Żagreb, kumpannija inkorporata taħt id-dritt Kroat, u BP EUROPA SE, kumpannija stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), fuq somma ta’ flus, maqbuda fil-kont bankarju tal-ewwel kumpannija u ttrasferita għall-assi tat-tieni waħda bħala parti minn proċedura ta’ eżekuzzjoni. Peress li din il-proċedura kienet ġiet sussegwentement invalidata, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob il-ħlas lura tas-somma inkwistjoni fuq il-bażi ta’ arrikkiment indebitu.

3.        Fl-istadju preliminari tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-qrati Kroati għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba għar-restituzzjoni, jew jekk humiex il-qrati Ġermaniżi, bħala qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju ta’ BP EUROPA, li għandhom jiġu aditi. Ir-risposta tiddependi b’mod partikolari fuq jekk talba bħal din taqax taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5tar-Regolament Brussell I.

4.        Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ talbiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu taħt ir-Regolament Brussell I. Madankollu, għadha ma weġbitx b’mod inekwivoku dwar jekk ir-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, prevista fl-punt 3 tal-Artikolu 5ta’ dan ir-regolament hijiex applikabbli għal dan it-tip ta’ talbiet. Peress li din id-dispożizzjoni hija marbuta sistematikament ma’ dik f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, il-kawża preżenti se tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tipprovdi risposta komprensiva dwar dawn iż-żewġ regoli.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega li t-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu, minn naħa, ma għandhomx x’jaqsmu ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, ħlief meta jkunu marbuta mill-qrib ma’ relazzjoni kuntrattwali eżistenti, jew li suppost teżisti, bejn il-partijiet fit-tilwima, u, min-naħa l-oħra, ma jirrigwardawx “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” skont l-punt 3 tal-Artikolu 5ta’ dan ir-regolament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Brussell I

6.        Il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Brussell I jgħidu:

“(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

7.        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

8.        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-punti 1 u 3:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1.      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[…]

3.      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment tal-ħsara] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;”

9.        Ir-Regolament Brussell I kien ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”). Madankollu, skont l-Artikolu 66 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, dan huwa applikabbli biss għal azzjonijiet legali magħmula mill‑10 ta’ Jannar 2015. Billi l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ Ottubru 2014, japplika għaliha ratione temporis ir-Regolament Brussell I.

B.      Id-dritt Kroat

10.      Fid-dritt Kroat, ir-regoli dwar l-arrikkiment indebitu jinsabu fl-Artikoli 1111 sa 1120 taż-zakon o obveznim odnosima (il-Liġi dwar l-Obbligazzjonijiet, Narodne novine, br. 35/05, 41/08, 125/11, 78/15 u 29/18).

11.      L-Artikolu 1111 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)      Meta parti mill-patrimonju ta’ persuna tiġi ttrasferita, b’xi mod, għall-patrimonju ta’ persuna oħra, mingħajr ma dan it-trasferiment ikun ibbażat fuq tranżazzjoni legali, deċiżjoni ta’ qorti jew ta’ awtorità kompetenti oħra jew liġi, il-benefiċjarju tal-arrikkiment huwa obbligat jagħti lura l-vantaġġ miksub jew, fin-nuqqas ta’ dan, li jħallas lura l-valur tal-vantaġġ miksub.

(2)      Trasferiment ta’ patrimonju jfisser ukoll il-fatt li wieħed jieħu vantaġġ mit-twettiq ta’ att.

(3)      L-obbligu tal-ħlas lura jew tpaċija tal-valur jeżisti anki meta l-vantaġġ ikun inkiseb fuq bażi inoperattiva jew li sussegwentement ikun tneħħa.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, f’ċerta data, it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja) ordnat, fuq talba ta’ THE BURMAH OIL (Deutschland) GmbH, l-eżekuzzjoni forzata ta’ obbligu fuq FUTURA doo, Żagreb (il-Kroazja), permezz tal-qbid, favur l-ewwel kumpannija, ta’ kreditu pekunjarju, miżmum mit-tieni kumpannija fuq it-tielet kumpannija, jiġifieri HRVATSKE ŠUME (4).

13.      Din il-kumpannija tal-aħħar ippreżentat rikors straordinarju, quddiem il-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema, Il-Kroazja) sabiex il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ordnati kontriha jiġu ddikjarati invalidi. Minħabba li dan ir-rikors ma għandux effett sospensiv, l-eżekuzzjoni forzata kienet twettqet fil-11 ta’ Marzu 2003, meta ammont ta’ 3 792 600.87 kuna Kroati (HRK) (madwar EUR 503 331) inqabdu mill-kont bankarju tagħha u ġew ittrasferiti lid-DEUTSCHE BP AG (li fil-frattemp kienet issuċċediet fid-dritt lil THE BURMAH OIL (Deutschland)) bħala rkupru tal-kreditu inkwistjoni.

14.      Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn HRVATSKE ŠUME, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet, permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2009, li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni implimentati fil-konfront ta’ din il-kumpannija kienu invalidi.

15.      Permezz ta’ rikors tal‑1 ta’ Ottubru 2014, HRVATSKE ŠUME ressqet quddiem it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) azzjoni għall-ħlas lura tal-indebitu bbażata fuq arrikkiment indebitu (5) kontra BP EUROPA (li sadanittant kienet ssuċċediet fid-dritt lil DEUTSCHE BP). F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, essenzjalment, li s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2009 mogħtija mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) neħħiet il-bażi legali għat-trasferiment għall-assi ta’ DEUTSCHE BP tal-kreditu maqbud, b’hekk din il-kumpannija bbenefikat minn arrikkiment indebitu. BP EUROPA għalhekk hi meħtieġa tħallas lura lil HRVATSKE ŠUME l-ammont inkwistjoni, flimkien mal-interessi legali.

16.      Bħala difiża, BP EUROPA ssottomettiet li l-qrati Kroati ma kellhomx ġurisdizzjoni. B’ordni tal‑20 ta’ Marzu 2019, it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) ċaħdet l-azzjoni magħmula minn HRVATSKE ŠUME għal din ir-raġuni. Essenzjalment, din il-qorti kkunsidrat li, fl-assenza, fir-Regolament Brussell Ia, ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fi kwistjonijiet ta’ arrikkiment indebitu, hija biss ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li għandha tapplika. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk kellha tressaq l-azzjoni tagħha quddiem il-qrati Ġermaniżi.

17.      HRVATSKE ŠUME ppreżentat appell minn din l-ordni quddiem il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell tar-Repubblika tal-Kroazja). Din il-qorti tosserva li t-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) irreferiet b’mod żbaljat għar-Regolament Brussell Ia, peress li r-Regolament Brussell I huwa applikabbli ratione temporis għall-azzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (6). Barra minn hekk, il-qorti tal-appell tistaqsi jekk il-qrati Kroati jistgħux jirradikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom bil-punt 3 tal-Artikolu 5 jew l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Brussell I sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi, min-naħa, jekk azzjoni għall-ħlas lura tal-indebitu bbażata fuq arrikkiment indebitu taqax taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni. Hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk l-azzjoni inkwistjoni hijiex fuq “proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”, fis-sens tat-tieni dispożizzjoni, minħabba l-fatt li l-allegat arrikkiment seħħ b’konnessjoni ma’ proċedura ta’ eżekuzzjoni.

18.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Visoki trgovački sud (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 f’materji ta’ ‘kważi delitt’, fid-dawl tal-fatt li l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari li ‘[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja: […] 3. f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ […] kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment tal-ħsara] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’?

2)      Il-proċeduri kontenzjużi, imressqa minħabba l-eżistenza ta’ terminu li fih il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jista’ jintalab fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, li jipprovdi li, f’materji ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, indipendentement mid-domiċilju, il-qrati tal-Istat Membru li fih issir l-eżekuzzjoni?”

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, tas‑6 ta’ Mejju 2020, waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ġunju tal-istess sena. Il-Gvern Kroat u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għamlu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ma saritx seduta f’din il-kawża.

IV.    Analiżi

20.      Iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni, skont ir-Regolament Brussell I (7), sabiex jisimgħu azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu. F’konformità mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet se jiffokaw fuq l-ewwel waħda minnhom.

21.      Bħala punt preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, bħala regola ġenerali, għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-domiċilju ta’ BP EUROPA jinsab, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, fil-Ġermanja (8). Din id-dispożizzjoni għalhekk tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Ġermaniżi.

22.      Madankollu, ir-Regolament Brussell I jipprovdi wkoll għal regoli li jippermettu, f’ċerti każijiet, lill-attur li jħarrek lill-konvenut fi Stat Membru ieħor (9). Dan ir-regolament fih b’mod partikolari, fl-Artikolu 5 tiegħu, regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali, relatati ma’ “materji” differenti, li joffru lill-attur l-għażla li jagħmel l-azzjoni tiegħu quddiem qorti waħda jew iżjed.

23.      Regoli bħal dawn jeżistu, b’mod partikolari, f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” u f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”. Għal azzjonijiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija, il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I jippermetti lill-attur jadixxi lill-qorti “tal-post tat-twettieq tal-obbligi f’dak il-każ”. Għal dawk li jaqgħu taħt it-tieni kategorija, l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li jistgħu jitressqu quddiem il-qorti “tal-post fejn l-avveniment tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

24.      Il-possibbiltà, għal attur, li jibbenefika minn dawn l-għażliet ġurisdizzjonali tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tal-azzjoni magħmula minnu. Issa, il-qorti tar-rinviju tqajjem speċifikament kwistjoni ta’ klassifikazzjoni. Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk kawża għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu, bħal dik magħmula minn HRVATSKE ŠUME, tirrigwardax, fin-nuqqas ta’ regola speċifika fir-Regolament Brussell I, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” kif hemm fil-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-qorti Kroata adita minn din il-kumpannija tistax jew le tiddeduċi ġurisdizzjoni minn din id-dispożizzjoni.

25.      Kif indikajt fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, il-klassifikazzjoni ta’ talbiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu taħt ir-Regolament Brussell I ma hijiex, strettament, kwistjoni ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (10). Din tal-aħħar, fil-fatt, diġà ġiet adita b’diversi kawżi dwar din il-problema, b’rabta mad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (11). Madankollu, hija għadha ma ddeċidietx b’mod inekwivoku l-kwistjoni li qamet f’din il-kawża (12).

26.      Il-qorti tar-rinviju, bħall-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, għandha t-tendenza li taħseb li azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Bħal Gvern Kroat, jiena ma għandix din l-opinjoni. F’dan il-kuntest, nixtieq nirrimarka li, għalkemm l-ewwel domanda tirrigwarda biss il-punt 3 tal-Artikolu 5, din id-dispożizzjoni hija sistematikament, kif ser jiġi speċifikat iktar ’l isfel, marbuta mal-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, ma nistgħux niddeċiedu dwar l-ewwel wieħed qabel ma nkunu l-ewwel eskludejna t-tieni. Għalhekk ser neżaminahom waħda wara l-oħra (Taqsima B). Qabel dan, ser niddiskuti fil-qosor l-istitut ġuridiku tal-arrikkiment indebitu, kif joħroġ mis-sistemi tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (Taqsima A).

A.      Il-linji ewlenin tal-arrikkiment indebitu

27.      Sa fejn naf jien, is-sistemi tad-dritt nazzjonali kollha tal-Istati Membri jirrikonoxxu, f’forma jew oħra, l-istitut ġuridiku ta’ arrikkiment indebitu (imsejjaħ wkoll arrikkiment “inġust”, “mhux ġustifikat” jew saħansitra “illeġittimu”) (13). Bis-saħħa ta’ dan l-istitut, persuna li tirċievi arrikkiment indebitu għad-detriment ta’ ħaddieħor hija obbligata li tirritornah lil dan tal-aħħar (14). Ġeneralment huwa meqjus li l-imsemmi istitut jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ekwità li skont dan ħadd ma jista’ jarrikkixxi ruħu għad-detriment ta’ ħaddieħor(15).

28.      Il-parametri ta’ dan l-istess istitut jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. B’mod partikolari, ċerti drittijiet nazzjonali, bħad-dritt Ungeriż u dak Pollakk, fihom kunċett li jinkludi l-arrikkiment indebitu, li miegħu tikkorrispondi azzjoni unika, storikament imsejħa “de in rem verso”. Drittijiet nazzjonali oħra, inklużi id-dritt Daniż, Spanjol, Franċiż kif ukoll Awstrijak, daħlu dan l-istitut f’varjanti differenti u azzjonijiet korrispondenti, bil-ħlas lura tal-indebitu (condictio indebiti) jiġi distint b’mod partikolari minn forom oħra ta’ arrikkiment indebitu. Barra minn hekk, il-kategorija legali li magħha huma marbuta dan l-istitut u l-varjanti possibbli tiegħu hija differenti. Pereżempju, fid-dritt Franċiż, l-arrikkiment indebitu (u l-ħlas lura tal-indebitu) jaqgħu taħt “kważi kuntratti”, kunċett li fuq kollox mhux magħruf f’ordinamenti ġuridiċi oħrajn, bħad-dritt Ġermaniż, filwaqt li fil-Common law, l-istitut imsemmi jappartjeni għal fergħa tad-dritt, magħrufa bħala l-law of restitution (16).

29.      Madankollu, dawn l-irqaqat ma humiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma jidhirx li huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-ħlas tal-indebitu u l-arrikkiment indebitu, bit-tieni kunċett, mifhum fis-sens wiesa’ tiegħu, jinkludi l-ewwel wieħed. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni eżatta tal-istitut tal-aħħar fid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru mhux daqstant rilevanti daqs il-fatt li ġeneralment dan jaqa’ f’kategorija sui generis, u ma jirrigwardax b’mod partikolari la d-dritt kuntrattwali u lanqas ir-regoli applikabbli għar-responsabbiltà ċivili.

30.      Fil-fatt, fis-sistemi tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, arrikkiment indebitu jikkostitwixxi sors awtonomu ta’ obbligu. B’mod iktar speċifiku, meta wieħed jirċievi tali arrikkiment dan jagħti lok għal obbligu ta’ restituzzjoni. Il-persuna li stgħanat hija obbligata li tirritorna lill-persuna li ftaqret il-vantaġġ patrimonjali (jew, fejn applikabbli, l-ekwivalenti monetarju ta’ dan il-vantaġġ) li minnu tal-ewwel ibbenefika b’mod inġust għad-detriment tat-tieni. Il-liġi għalhekk tfittex li tirrimedja sitwazzjoni inġusta billi tirrikjedi l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante. L-attur jagħmel użu minn dan l-obbligu fil-kuntest ta’ azzjoni għal arrikkiment indebitu (17). Għalhekk se nitkellem, fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, għall-konvenjenza, dwar azzjoni(jiet) jew talba(iet) għal restituzzjoni bbażata(i) fuq arrikkiment indebitu.

31.      F’dawn id-diversi drittijiet nazzjonali, l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni jippreżupponi, bħala regola ġenerali, li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri (1) l-arrikkiment tal-konvenut, (2) il-ftaqir tal-attur, (3) l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn l-arrikkiment u l-ftaqir, kif ukoll (4) l-assenza ta’ “kawża” (fi kliem ieħor, ta’ bażi legali) li tiġġustifikahom (18).

32.      HRVATSKE ŠUME ssostni li dawn il-kundizzjonijiet, kif jidhru fid-dritt Kroat, huma ssodisfatti f’dan il-każ. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, il-qbid ta’ bosta miljuni ta’ HRK fil-kont bankarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u t-trasferiment ta’ dan l-ammont għall-assi ta’ THE BURMAH OIL (Deutschland) irriżultaw fl-arrikkiment tat-tieni kumpannija u l-ftaqir korrispondenti tal-ewwel waħda. Għalkemm dan it-trasferiment tal-ġid inizjalment kellu “kawża” fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mmexxija minn THE BURMAH OIL (Deutschland) kontra FUTURA u, b’mod iktar speċifiku, fil-miżuri ta’ eżekuzzjoni ordnati mit-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) fir-rigward ta’ HRVATSKE ŠUME, il-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema) invalidat dawn il-miżuri u, meta għamlet dan, neħħiet retroattivament din il-“kawża” (19).

B.      Il-klassifikazzjoni tat-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu skont il-punt 1 tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I

33.      Billi tfasslu l-linji ewlenin ta’ arrikkiment indebitu, issa għandha tiġi eżaminata l-klassifikazzjoni tat-talbiet li għandhom tali bażi fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 5 u tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Xi tfakkiriet dwar il-metodu huma meħtieġa f’dan ir-rigward.

34.      Fl-assenza ta’ definizzjonijiet fir-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, imsemmija fl-ewwel dispożizzjoni, u l-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, imsemmija fit-tieni, jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati billi jsir riferiment prinċipalment (20) għas-sistema u l-għanijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jipprovdi fl-Istati Membri kollha. Ir-relazzjoni ta’ talba ma’ kategorija waħda jew oħra għalhekk la tiddependi fuq is-soluzzjonijiet previsti mid-dritt intern tal-qorti adita (imsejjaħ “lex fori”) u lanqas mill-klassifikazzjoni li tagħmel il-liġi applikabbli (magħrufa bħala “lex causae”) (21).

35.      Fir-rigward, minn naħa, tas-sistema tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li din hija bbażata fuq ir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, previst fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jidhru b’mod partikolari fl-Artikolu 5 tiegħu jikkostitwixxu derogi minn din ir-regola ġenerali li, bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (22).

36.      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għanijiet tar-Regolament Brussell I, jirriżulta mill-premessa 12 tiegħu li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 u fil-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament isegwi, b’mod partikolari (23), l-għanijiet tal-prossimità u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-għażla offruta lill-attur minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet ġiet introdotta minħabba l-eżistenza, fil-“materji” li jirrelataw magħhom, ta’ konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn it-talba u l-qorti li tista’ tissejjaħ sabiex tiddeċidiha, bil-ħsieb tal-organizzazzjoni utli tal-proċess (24).

37.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet, fil-kors tal-ġurisprudenza tagħha, il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” u l-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”.

38.      Minn naħa, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mibdija bis-sentenza Handte (25), li l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I “tippreżupponi d-determinazzjoni ta’ obbligu legali liberament ikkonsentit minn persuna fir-rigward ta’ oħra u li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent” (26). Fi kliem ieħor, il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludu kull talba bbażata fuq tali obbligu (27).

39.      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, li tirriżulta mis-sentenza Kalfelis u li għadha kemm ġiet iċċarata fis-sentenza Wikingerhof, il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, “jinklud[u] kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, “jiġifieri li ma hijiex ibbażata fuq obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fir-rigward ta’ persuna oħra” (28).

40.      Minn qari kkombinat ta’ dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (29), u kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza eponima (30), il-konnessjoni ta’ talba mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, jew mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, tiddependi fuq l-obbligu li fuqu hija bbażata din it-talba.

41.      Essenzjalment, it-“test” ta’ klassifikazzjoni jikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-obbligu li l-attur qed jistrieħ fuqu kontra l-konvenut, u mbagħad fid-determinazzjoni tan-natura ta’ dan l-obbligu, li min-naħa tiegħu jiddependi fuq il-fatt jew l-att li jikkostitwixxi s-sors ta’ dan tal-aħħar. Kif ser nerġa’ nispjega, jekk l-obbligu inkwistjoni jsib is-sors tiegħu f’kuntratt jew forma oħra ta’ impenn volontarju ta’ persuna fir-rigward ta’ oħra, dan l-obbligu u, b’inferenza, it-talba huma ta’ natura “kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Min-naħa l-oħra, jekk l-obbligu inkwistjoni jsib is-sors tiegħu fl-“avveniment tal-ħsara”, l-obbligu u t-talba huma ta’ natura ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (31). Finalment, jekk dan is-sors jinsab x’imkien ieħor, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni waħda jew l-oħra hija eskluża.

42.      F’dan il-kuntest, ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (32) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), minn naħa, u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (33) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”), min-naħa l-oħra, jipprovdu indikazzjonijiet utli sabiex tiġi ddeterminata n-natura ta’ obbligu partikolari u, b’hekk, tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tat-talba li huwa jsostni. Fil-fatt, jekk dawn ir-regolamenti ma għandhomx eżattament l-istess kamp ta’ applikazzjoni bħal, rispettivament, il-punt 1 tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (34), huma madankollu jikkostitwixxu, fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet, il-kontropartijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dawn it-tliet regolamenti għandhom jiġu interpretati, kemm jista’ jkun, b’mod konsistenti(35).

43.      Wara li ġbidt l-attenzjoni għal dan kollu, ser nispjega, fit-taqsimiet li ġejjin, għaliex it-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu, bħala prinċipju, ma jirrigwardawx “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, ħlief f’ċerti każijiet (Taqsima 1), u għaliex ma jaqgħux taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” (Taqsima 2).

1.      It-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu, bħala prinċipju, ma jaqgħux taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”

44.      Kif spjegajt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, jinkludu kull talba bbażata fuq “obbligu legali liberament ikkonsentit”, jiġifieri fuq “obbligu kuntrattwali”, fis-sens awtonomu li fih id-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni jifhem dan il-kunċett (36). Obbligu bħal dan isib is-sors tiegħu f’kuntratt jew forma oħra ta’ impenn volontarju ta’ persuna fir-rigward ta’ oħra (37).

45.      Issa, fil-kuntest ta’ talba bbażata fuq arrikkiment indebitu, l-obbligu ta’ ħlas lura invokat mill-attur, bħala regola ġenerali, ma jirriżultax minn tali impenn volontarju mill-konvenut lejh. Dan l-obbligu, għall-kuntrarju, jinħoloq indipendentement mir-rieda tal-persuna arrikkita. Għalkemm, f’dan il-każ, il-predeċessur ta’ BP EUROPA tat bidu liberament għall-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li ġġeneraw l-arrikkiment tagħha, ir-rieda tagħha kienet limitata għal dan. Hija ma kellhiex l-intenzjoni li timpenja ruħha fir-rigward ta’ HRVATSKE ŠUME. L-obbligu msemmi ta’ ħlas lura joħroġ, fir-realtà, direttament mil-liġi, li tagħti, għal raġunijiet ta’ ekwità, effetti ta’ dritt fin-nuqqas ta’ “kawża” li tiġġustifika dan l-arrikkiment.

46.      Għaldaqstant, l-obbligu li jirriżulta minn arrikkiment indebitu ma jikkostitwixxix, bħala regola ġenerali, “obbligu legali liberament ikkonsentit”, fis-sens tal-ġurisprudenza relatata mal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Brussell I. Talbiet għal ħlas lura bbażati fuq tali arrikkiment għalhekk ma jikkonċernawx, bħala prinċipju, “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” msemmija f’din id-dispożizzjoni (38).

47.      Il-qari tar-Regolament Ruma II jikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-obbligu ta’ ħlas lura li joriġina minn arrikkiment indebitu huwa kkunsidrat bħala “obbligu mhux kuntrattwali”, li jaqa’ taħt dan ir-regolament (39), u li huwa s-suġġett ta’, fl-Artikolu 10 tiegħu, regoli speċifiċi dwar il-kunflitt tal-liġijiet.

48.      Madankollu, hemm bżonn li l-interpretazzjoni preċedenti tiġi aġġustata. Fil-fatt, kif ġustament ferm tindika l-Kummissjoni, talbiet għal ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu jistgħu jsiru f’kuntesti differenti. B’mod partikolari, jekk talba bħal din tista’ tiġi ppreżentata bejn persuni li altrimenti ma jkunu marbuta bl-ebda relazzjoni legali, kif huwa a priori l-każ ta’ HRVATSKE ŠUME u ta’ BP EUROPA (40), hija tista’ wkoll tkun marbuta mill-qrib ma’ relazzjoni kuntrattwali eżistenti, jew li suppost teżisti, bejn il-partijiet fit-tilwima.

49.      Madankollu, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Profit Investment SIM (41), talba għall-ħlas lura ta’ servizzi pprovduti taħt kuntratt invalidu (null, skadut, eċċ.) taqa’ taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. L-istess interpretazzjoni tapplika, fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward ta’ talbiet għal ħlas lura wara r-riżoluzzjoni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew wara ħlas indebitu magħmul fil-kuntest ta’ kuntratt, pereżempju meta debitur kuntrattwali jħallas dejn ikbar mill-ammont reali tiegħu.

50.      Fil-fatt, minkejja li talbiet bħal dawn għall-ħlas lura xi drabi huma (iżda mhux dejjem) ibbażati fid-dritt sostantiv fuq ir-regoli ta’ arrikkiment indebitu (42), dawn għandhom jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Brussell I, li għandhom is-sors tagħhom f’kuntratt. Essenzjalment, l-attur jinvoka “obbligu kuntrattwali” li, skont hu, huwa invalidu jew ma kienx ġie eżegwit mill-konvenut, jew li huwa jikkunsidra li “sovraeżegwixxa”, sabiex jiġġustifika d-dritt għall-ħlas lura tiegħu, li jikkostitwixxi r-“rimedju” (remedy) mitlub. Għalhekk, talba bħal din hija bbażata, essenzjalment, fuq l-“obbligu kuntrattwali” inkwistjoni, billi l-obbligu ta’ ħlas lura li l-attur jinvoka ma għandux eżistenza awtonoma (43).

51.      Barra minn hekk, huwa skont l-għanijiet ta’ prossimità u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, segwiti fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, li l-qorti tal-kuntratt tista’ tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tal-invalidità tiegħu, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jew “s-sovraeżekuzzjoni” tiegħu u, b’mod partikolari, fuq il-ħlasijiet lura li jirriżultaw (44). B’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni ma għandhiex tvarja skont jekk, bi tweġiba għall-ksur ta’ obbligu kuntrattwali mill-konvenut, l-attur jitlobx danni jew ir-riżoluzzjoni tal-kuntratt u l-ħlas lura tas-servizzi skambjati (45). Barra minn hekk, deċiżjoni fuq tali talbiet għal ħlas lura essenzjalment tinvolvi, għall-qorti adita, li jiġu deċiżi kwistjonijiet ta’ natura kuntrattwali (bħal, skont il-każ, dawk tal-kontenut tal-obbligu kuntrattwali inkwistjoni, il-validità tiegħu jew il-mod kif għandu jiġi eżegwit mill-konvenut) waqt li jiġu eżaminati l-provi korrispondenti. Għalhekk, hemm konnessjoni partikolarment mill-qrib bejn it-talba u l-qorti tal-“tal-post tat-twettieq tal-obbligi f’dak il-każ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (46).

52.      Barra minn hekk, minn naħa, l-Artikolu 12(1)(c) u (e) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li l-liġi applikabbli għall-kuntratt (imsejħa “lex contractus”) tirregola, rispettivament, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali u l-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk ħa pożizzjoni favur in-natura “kuntrattwali” tat-talbiet għall-ħlas lura wara r-riżoluzzjoni jew l-invalidità ta’ kuntratt kif ukoll l-obbligi li jsostnuhom. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Ruma II li, meta obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn arrikkiment indebitu jkun marbut ma’ relazzjoni kuntrattwali eżistenti minn qabel bejn il-partijiet (tipikament meta debitur kuntrattwali jħallas dejn ikbar mill-ammont attwali tiegħu), il-liġi applikabbli għal dan l-obbligu hija dik li tirregola din ir-relazzjoni, jiġifieri l-lex contractus. Il-koerenza bejn dawn iż-żewġ regolamenti u r-Regolament Brussell I hija għalhekk żgurata kemm jista’ jkun.

2.      It-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu ma jaqgħux taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”

53.      Fir-rigward, issa, tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, nixtieq nindika li żewġ kundizzjonijiet kumulattivi jirriżultaw mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Kalfelis, iċċitata fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet: talba taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm, minn naħa, hija “intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut” u, min-naħa l-oħra, “ma hijiex relatata mal-‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’”, skont il-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

54.      Mit-taqsima preċedenti jirriżulta li t-talbiet għall-ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu ma jirrelatawx ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” peress li huma bbażati mhux fuq “obbligu legali liberament ikkonsentit”, iżda fuq “obbligu mhux kuntrattwali” – ħlief meta jkunu marbuta mill-qrib ma’ relazzjoni kuntrattwali preċedenti li teżisti, jew li suppost teżisti, bejn il-partijiet fit-tilwima.

55.      Għaldaqstant għad irid jiġi eżaminat jekk talba bħal din hijiex “intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut”, fis-sens tal-“ġurisprudenza Kalfelis”.

56.      Kif diġà indikajt, bħall-Gvern Kroat, jiena ma għandix din l-opinjoni (47).

57.      Fl-ewwel lok, infakkar li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I jagħti ġurisdizzjoni, f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, lill-qorti “tal-post fejn l-avveniment tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”. L-identifikazzjoni ta’ tali “avveniment tal-ħsara” hija għalhekk indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa, għalhekk, il-preżuppożizzjoni ta’ kwalunkwe talba f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”.

58.      Sa mis-sentenza Bier (48), il-Qorti tal-Ġustizzja qasmet il-kunċett ta’ “avveniment tal-ħsara”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, f’żewġ kunċetti distinti: il-“ħsara” (jew, fi kliem ieħor, id-“dannu”) u “l-avveniment kawżali li huwa fl-oriġini ta’ din il-ħsara” (49). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-elementi kostituttivi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, hekk kif jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li joħorġu mis-sistemi ta’ dritt nazzjonali tal-Istati Membri (50). Għalhekk, hija ddeċidiet li “responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tista’ titqies biss jekk tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn il-ħsara u l-fatt li minnu toriġina l-ħsara” (51).

59.      Għaldaqstant, talba hija “intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut” fis-sens tas-sentenza Kalfelis, sakemm hija bbażata fuq “avveniment tal-ħsara” attribwibbli lill-konvenut u li kkawża ħsara lill-attur (52). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prinċipji ġenerali msemmija fil-punt preċedenti, tali “avveniment tal-ħsara” huwa att illeċitu, jiġifieri att jew ommissjoni li jmorru kontra dmir jew projbizzjoni imposta mil-liġi fuq kulħadd, u li jikkawżaw ħsara lil ħaddieħor(53).

60.      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk id-distinzjoni li saret, fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, f’ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi tagħha, bejn kwistjonijiet ta’ “delitt” u “kważi delitt” teħtieġx interpretazzjoni usa’ tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, hija għandha t-tendenza li tikkunsidra li t-tieni kunċett jista’ jinkludi, b’differenza minn tal-ewwel, fatti legali oħra għajr “avveniment tal-ħsara”.

61.      Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja, ġustament, qatt ma għamlet distinzjoni fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I bejn “delitti” u “kważi delitti”. Minbarra l-fatt li din id-distinzjoni ma tidhirx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dan ir-regolament (54), il-preżenza tat-terminu “kważi delitt” f’xi wħud minnhom ma hijiex maħsuba sabiex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Din hija, fir-realtà, mislufa mid-dritt Franċiż, li għandu l-karatteristika li jissepara r-responsabbiltà ċivili għal atti volontarji (delitti) minn dik li tirriżulta minn atti ta’ ħsara mwettqa permezz ta’ traskuraġni jew negliġenza (kważi delitti) (55). Fil-qosor, it-terminu msemmi huwa limitat sabiex jindika, fil-verżjonijiet ikkonċernati, li din id-dispożizzjoni tkopri “avveniment tal-ħsara” irrispettivament minn jekk sarx intenzjonalment jew b’negliġenza (56). “Delitti” u “kważi delitti” jikkostitwixxu żewġ varjazzjonijiet ta’ dawn l-istess “fatti”. Barra minn hekk, kif tosserva l-qorti tar-rinviju stess, jekk il-kunċett ta’ “kważi delitt” jinkludi tipi oħra ta’ fatti legali, il-punt 3 tal-Artikolu 5 ma jipprovdix kriterju ta’ ġurisdizzjoni għat-talbiet ikkonċernati.

62.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-talba hija “intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut”, fis-sens tas-sentenza Kalfelis u għalhekk hija marbuta ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, meta tkun ibbażata fuq obbligu mhux kuntrattwali li, kif spjegajt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, isib is-sors tiegħu f’“avveniment tal-ħsara” (“delitt” jew “kważi delitt”), kif iddefinit fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet (57). Min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq obbligu mhux kuntrattwali li ssib is-sors tagħha f’fatt legali minbarra “avveniment tal-ħsara” ma taqax taħt din id-dispożizzjoni. Fil-qosor, id-dispożizzjoni msemmija ma tkoprix l-obbligi mhux kuntrattwali kollha, iżda subkategorija fosthom, li jiena nikklassifika bħala “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”.

63.      Għalhekk, jekk il-kategorija li tikkostitwixxi “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, kif interpretata fis-sentenza Kalfelis, tinkludi diversità kbira ta’ tipi ta’ responsabbiltà (58), dan ma jfissirx, b’differenza minn dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, “kategorija residwa” li tassorbi kwalunkwe talba bbażata fuq obbligu ċivili jew kummerċjali li ma għandhiex x’taqsam “ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (59). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss li din id-dispożizzjoni u l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament huma reċiprokament esklużivi, sa fejn l-istess talba ta’ responsabbiltà ċivili ma tistax taqa’ taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet fl-istess ħin (60). Madankollu, hemm talbiet li la huma marbuta ma’ waħda u lanqas mal-oħra, minħabba li huma bbażati fuq obbligi li la għandhom x’jaqsmu “ma’ xi kuntratt” u lanqas “ma’ tort, delitt jew kważi delitt”.

64.      Issa, u fit-tieni lok, jekk talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu hija bbażata, bħala prinċipju, fuq obbligu mhux kuntrattwali (61), dan l-obbligu ma jsibx is-sors tiegħu fl-“avveniment tal-ħsara” attribwibbli lill-konvenut, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (62). Fil-fatt, kif il-qorti tar-rinviju osservat, l-arrikkiment indebitu ma jistax jitqies bħala tali “fatt”. Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, dan għalhekk ma huwiex “kważi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

65.      Fil-fatt, l-obbligu tal-ħlas lura li jsostni talba bħal din jirriżulta mill-fatt li l-konvenut jirċievi arrikkiment u l-assenza (jew aħjar, f’dan il-każ, l-għajbien retroattiv) ta’ “kawża” li tiġġustifikah (63). Għalhekk, kif isostni ġustament il-Gvern Kroat, talba bħal din ma tippreżupponi l-ebda att jew ommissjoni dannuża imputabbli lill-konvenut. L-obbligu inkwistjoni nħoloq spontanjament, indipendentement mill-aġir tiegħu (64).

66.      Il-Gvern Ċek iwieġeb, essenzjalment, li l-avveniment li wassal għall-arrikkiment (jiġifieri, f’dan il-każ, l-implimentazzjoni, mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni sussegwentement invalidata) għandu jiġi assimilat mal-“avveniment tal-ħsara” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I.

67.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din l-assimilazzjoni ma għandhiex għalfejn isseħħ. L-ewwel nett, strettament, l-obbligu li jsostni talba għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu ma jsibx is-sors tiegħu fil-fatt li jiġġenera dan l-arrikkiment, iżda fl-arrikkiment innifsu. Imbagħad, dan il-fatt li jiġġenerah mhux dejjem huwa attribwibbli lill-konvenut. Ħafna drabi, għall-kuntrarju, ikun attribwibbli lill-attur – li, per eżempju, jkun ittrasferixxa bi żball somma ta’ flus mhux dovuta. Fl-aħħar nett, jekk, f’dan il-każ, l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni seħħet fuq l-inizjattiva tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, dan ma jistax jitqies bħala “avveniment tal-ħsara” attribwibbli lil din tal-aħħar, billi att bħal dan ma għandu xejn illeċitu u ma kkawżax, fis-sens legali tat-terminu, “dannu” lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

68.      Il-Kummissjoni twieġeb, min-naħa tagħha, li l-“avveniment tal-ħsara”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, huwa l-fatt, għall-konvenuta fil-kawża prinċipali, li naqset milli tħallas lura l-arrikkiment ikkontestat lill-attriċi fil-kawża prinċipali, bi ksur tal-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar l-Obbligazzjonijiet (65).

69.      Dan l-argument ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, l-obbligu ta’ ħlas lura allegat kien jeżisti, ipotetikament, qabel kull rifjut mill-konvenuta fil-kawża prinċipali li teżegwih. Il-kunsiderazzjoni li l-imsemmi obbligu jirriżulta mill-aġir ta’ din tal-aħħar huwa għalhekk raġunament ċirkulari. L-obbligu inkwistjoni jsib is-sors tiegħu fl-oriġini: infakkar li dan inħoloq, mill-mument li ġie riċevut l-arrikkiment indebitu (jew aħjar, f’dan il-każ, fil-mument meta l-proċedura ta’ eżekuzzjoni ġiet iddikjarata invalida ex tunc).

70.      Barra minn hekk, kieku s-sempliċi fatt, għal konvenut, li ma eżegwixxiex obbligu preeżistenti kellu jiġi analizzat bħala “avveniment tal-ħsara”, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I jkollu kamp ta’ applikazzjoni estremament wiesa’, billi talba ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali hija ġeneralment motivata min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-konvenut ta’ obbligu pretiż (66).

71.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Austro-Mechanaż (67), invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma, kif narahom jien, partikolari ħafna.

72.      Għandu jitfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li talba għall-ħlas tal-“kumpens ġust” previst fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (68), bħal dik imressqa minn Austro-Mechana, soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva għad-drittijiet tal-awtur, kontra l-kumpanniji Amazon, taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (69). Din it-talba kienet ibbażata fuq l-obbligu ta’ ħlas dan il-“kumpens”, li ġie impost fuq Amazon, bis-saħħa tad-dritt Awstrijak, minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju Awstrijak (70). Dan ma kienx att illeċitu. Minkejja dan, dan l-aġir ikkontribwixxa għall-ħsara kkawżata lid-detenturi tad-drittijiet billi jsiru kopji privati tal-oġġetti protetti tagħhom. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-imsemmi “kumpens” huwa li jagħmel tajjeb għal din il-ħsara. Austro-Mechana, bħala soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva, irċeviet dan l-istess “kumpens” f’isem id-detenturi tad-drittijiet li rrappreżentat. Id-dannu li din is-soċjetà invokat kien għalhekk, fir-realtà, dak ta’ dawn id-detenturi. Fil-qosor, l-obbligu li jservi bħala l-bażi għat-talba fil-fatt sab is-sors tiegħu, kollox ikkunsidrat, f’“avveniment tal-ħsara” (71). Barra minn hekk, il-qrati Awstrijaċi kienu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-ħsara kkawżata lil dawn l-istess sidien mill-kopji privati magħmula mill-konsumaturi Awstrijaċi (li kien jiddependi fuq in-numru ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni mibjugħa fl-Awstrija mill-kumpanniji Amazon) u għalhekk, sabiex jiddeċiedu fuq l-ammont ta’ “kumpens ġust” li għandu jitħallas minn dawn il-kumpanniji (72).

73.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li talba għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I hija kkonfermata, fl-opinjoni tiegħi, minn silta oħra mis-sentenza Kalfelis. Infakkar li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, individwu kien qiegħed jaġixxi kontra l-bank tiegħu wara tranżazzjonijiet bla suċċess fis-suq tal-ishma u, f’dan il-kuntest, kien għamel talbiet kumulattivi li straħu fuq tliet tipi ta’ bażijiet, jiġifieri r-responsabbiltà kuntrattwali, ir-responsabbiltà delittwali u, fl-aħħar nett, l-arrikkiment indebitu. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju kienet b’mod partikolari staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-qorti li kellha ġurisdizzjoni, taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, sabiex tiddeċiedi fuq it-talba bbażata fuq responsabbiltà delittwali kellhiex ġurisdizzjoni ukoll, fuq bażi inċidentali, fir-rigward ta’ dawk ibbażati fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali u fuq l-arrikkiment indebitu.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet din id-domanda “li qorti li għandha ġurisdizzjoni, taħt [il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I] sabiex tieħu konjizzjoni tal-element ta’ talba b’bażi delittwali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ elementi oħra tal-istess talba li huma bbażati fuq raġunijiet mhux delittwali” (73). Issa, moqrija fil-kuntest imsemmi fil-punt preċedenti, l-espressjoni “raġunijiet mhux delittwali” tirreferi, impliċitament, iżda neċessarjament, għar-responsabbiltà kuntrattwali u għall-arrikkiment indebitu.

75.      Fir-raba’ lok, b’mod kuntrarju għall-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, inqis li l-qari tar-Regolament Ruma II ma jinvalidax, iżda, għall-kuntrarju, jappoġġa l-interpretazzjoni ssuġġerita f’dawn il-konklużjonijiet.

76.      Fil-fatt, għalkemm, kif indikajt fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ir-regolament jinkludi, fost l-“obbligi mhux kuntrattwali” li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-obbligi li jirriżultaw minn arrikkiment indebitu, dawn jaqgħu, fi ħdan ir-regolament imsemmi, f’kategorija speċifika (74).

77.      B’mod aktar speċifiku, ir-Regolament Ruma II jinkludi, minn naħa, fil-Kapitolu II tiegħu, regoli applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn “avveniment tal-ħsara”. Dan il-kunċett għandu, fl-opinjoni tiegħi, ikollu l-istess sens bħal dak, identiku, li jinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (75). Għalhekk, dawn huma “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” imsemmija fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet (76). Fil-qosor, dan il-Kapitolu II għalhekk ikopri l-istess obbligi bħall-punt 3 tal-Artikolu 5 (77).

78.      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Ruma II jiġbor flimkien, fil-Kapitolu III, ir-regoli applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw “minn att divers minn delitt jew kważi-delitt ċivili” (78). It-talbiet ibbażati fuq l-obbligi inkwistjoni ma għandhomx, ipotetikament, jaqgħu taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (79). Issa, dan il-Kapitolu III jinkludi l-arrikkiment indebitu. Din il-klassifikazzjoni tikkonferma li l-obbligu ta’ ħlas lura li jsostni t-talba bbażata fuq tali arrikkiment ma hijiex irradikata f’“avveniment tal-ħsara”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 msemmi (80).

79.      Fid-dawl tal-premess, jiena tal-fehma li t-talbiet għal ħlas lura bbażati fuq arrikkiment indebitu ma jaqgħux taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (81).

80.      Kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Gvern Ċek, din l-interpretazzjoni ma timplikax ċaħda tal-ġustizzja. Fis-sitwazzjonijiet li fihom il-punt 1 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax (82), isegwi sempliċement li parti f’kawża ma għandhiex għażla ta’ ġurisdizzjoni sabiex tressaq talba bbażata fuq arrikkiment indebitu, li għandha titressaq quddiem il-qrati tal-pajjiż Stat Membru li fih il-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, skont ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament (83).

81.      Barra minn hekk, dan ir-riżultat huwa, l-ewwel nett, kompletament konformi mas-sistema tar-Regolament Brussell I. Infakkar li dan tal-aħħar huwa bbażat preċiżament fuq il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-forum tad-domiċilju tal-konvenut (84). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li din ir-regola ġenerali, li hija l-espressjoni tal-massima actor sequitur forum rei (85), hija spjegata mill-fatt li dan tal-aħħar jista’, bħala prinċipju, jiddefendi lilu nnifsu iktar faċilment quddiem il-qrati tad-domiċilju tiegħu (86). Din l-għażla li tiffavorixxi lill-konvenut hija, min-naħa tagħha, iġġustifikata mill-fatt li dan tal-aħħar huwa, bħala regola, f’pożizzjoni iktar dgħajfa fil-proċess, peress li huwa ma ħax l-inizjattiva u huwa jbati l-azzjoni tal-attur (87).

82.      B’hekk, ma jistax jingħad, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, fir-rigward tal-obbligi ċivili u kummerċjali, ma għandux ikun hemm “vojt ġuridiku” bejn il-punt 1 tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I u li għalhekk għandu dejjem ikun hemm alternattiva għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut. Kieku l-fora addizzjonali previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu dejjem disponibbli, ir-regola ġenerali tiġi rrelegata għall-isfond, u l-attur, iffavorit ferm, b’mod kuntrarju għar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni (88).

83.      Għall-kuntrarju, skont dak li għadni kif spjegajt, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, bħala deroga minn din ir-regola ġenerali, għandu jiġi interpretat b’mod strett, b’tali mod li ma tistax tingħata “interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament” f’din id-dispożizzjoni (89). Issa, il-qari tal-kunċett ta’ “avveniment tal-ħsara” b’mod daqshekk wiesa’ kif issuġġerit mill-Gvern Ċek jew mill-Kummissjoni jwassal preċiżament għal applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’ipoteżi li ma tipprevedix b’mod espliċitu, jiġifieri dik tal-arrikkiment indebitu (90).

84.      It-tieni, ma jiniex konvint li l-għanijiet ta’ prossimità u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li fuqhom huwa bbażat il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (91) jeħtieġu interpretazzjoni differenti.

85.      Fil-fatt, minbarra l-fatt li dawn l-għanijiet ma jagħmluhiex possibbli, fi kwalunkwe każ, li jiġu injorati t-termini tal-punt 3 tal-Artikolu 5, niddubita li hemm, f’dan il-każ, rabta “partikolarment mill-qrib” bejn it-talba fil-kawża prinċipali u l-qorti Kroata adita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għalhekk, li din il-qorti hija neċessarjament f’pożizzjoni aħjar mill-qrati Ġermaniżi sabiex tiddeċiedi dwar l-allegazzjonijiet ta’ din il-kumpannija, jiġifieri sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali arrikkiment humiex issodisfatti (92), partikolarment f’termini ta’ ġbir u ta’ evalwazzjoni ta’ provi rilevanti f’dan ir-rigward.

86.      Il-qorti tar-rinviju, li magħha jaqblu l-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, tqis li dan huwa l-każ għar-raġuni li l-avveniment li wassal għall-arrikkiment, jiġifieri l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mwettqa mill-predeċessur ta’ BP EUROPA, seħħew fil-Kroazja. Il-fatti rilevanti kollha huma għalhekk marbuta ma’ dan il-pajjiż, filwaqt li d-domiċilju tal-konvenuta fil-kawża prinċipali biss jinsab fil-Ġermanja.

87.      Madankollu, sabiex tiddeċiedi fuq talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu, l-ewwel u qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk kienx hemm, preċiżament, dan l-arrikkiment. Għalhekk, ma humiex il-qrati tal-post fejn seħħ l-avveniment li wassal għall-arrikkiment, iżda, b’għażla, dawk tal-post fejn allegatament il-konvenut arrikkixxa ruħu li jidhru l-iktar adatti sabiex jiddeċiedu fuq talba bħal din.

88.      B’analoġija, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Ruma II jipprovdi li, meta jkun sar arrikkiment indebitu fin-nuqqas ta’ relazzjoni preeżistenti bejn il-partijiet u l-partijiet ma jkollhomx residenza abitwali fl-istess pajjiż, il-liġi applikabbli għall-obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta hija dik tal-pajjiż li fih “seħħ l-arrikkiment inġust”. Dan japplika mhux għall-pajjiż li fih seħħ l-avveniment li wassal għall-arrikkiment, iżda għall-pajjiż li fih il-konvenut irċieva l-benefiċċju ekonomiku inkwistjoni. Fil-każ ta’ trasferiment ta’ fondi għal kont bankarju, bħal f’dan il-każ, il-pajjiż ta’ arrikkiment huwa dak fejn tinsab l-istituzzjoni bankarja li fiha huwa rreġistrat dan il-kont (93).

89.      Madankollu, huwa probabbli li, f’dan il-każ, dan il-post huwa fil-Ġermanja (94). Il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, sakemm jikkorrispondu mal-post fejn jiġi rċevut l-arrikkiment, huma għalhekk fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw ir-realtà ta’ dan l-arrikkiment (95). Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li, b’mod ġenerali, ma hemm l-ebda konnessjoni “partikolarment mill-qrib” bejn it-talbiet ibbażati fuq arrikkiment indebitu u forum għajr dik tad-domiċilju tal-konvenut (96).

90.      Barra minn hekk, l-inkonvenjent prattiku, għal HRVATSKE ŠUME, li jkollha tfittex lil BP EUROPA quddiem il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju ta’ din tal-aħħar (inkonvenjent li, infakkarkom, jirriżulta mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni (97)) huwa kkumpensat b’vantaġġ proċedurali: jekk wieħed jassumi li t-talba hija fondata, u sa fejn l-assi tal-konvenuta fil-kawża prinċipali jinsabu fil-Ġermanja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali diġà għandha titolu eżekuttiv nazzjonali sabiex tirkupra l-ammont ikkontestat (is-sentenza futura mogħtija mill-qrati Ġermaniżi) pjuttost milli jkollhom jirrikorru għall-proċedura ta’ exequatur sabiex sentenza Kroata eventwali tiġi ddikjarata eżegwibbli f’dak l-Istat Membru (98).

V.      Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej l-ewwel domanda preliminari li għamlet il-Visoki trgovački sud Republike Hrvatske (il-Qorti Kummerċjali tal-Appell, il-Kroazja):

Il-punt 1 tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom jiġi interpretati fis-sens li talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu:

–        ma taqax taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni, ħlief meta tkun marbuta mill-qrib ma’ relazzjoni kuntrattwali preċedenti eżistenti, jew li suppost teżisti, bejn il-partijiet fit-tilwima, u

–        ma taqax taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tat-tieni dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).


4      B’mod iktar preċiż, dak iż-żmien, kienet HRVATSKE ŠUME javno poduzeće za gospodarenje šumama i šumskim zemljištima u Republici Hrvatskoj p.o., Zagreb, li għaliha ssuċċediet fid-dritt HRVATSKE ŠUME d.o.o., Zagreb. Minħabba li din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-kawża preżenti, ser nirreferi, għall-konvenjenza, għal “HRVATSKE ŠUME” sabiex nindika mingħajr distinzjoni kumpannija waħda jew l-oħra.


5      Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont ir-regoli tad-dritt Kroat dwar il-proċedura ta’ eżekuzzjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 58(5) tal-Ovršni zakon (il-Liġi dwar l-Eżekuzzjoni Forzata, Narodne novine, br. 57/96, 29/99, 42/00, 173/03, 194/03, 151/04, 88/05, 121/05, 67/08, 139/10, 154/11 u 70/12)), meta tkun saret l-eżekuzzjoni forzata ta’ obbligu u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni jiġu sussegwentement iddikjarati invalidi, talba għar-restituzzjoni tal-proprjetà rkuprata indebitament tista’ tiġi ppreżentata fil-qafas tal-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni. Madankollu, talba bħal din għandha ssir, l-iktar tard, fi żmien sena mid-data tat-tmiem ta’ din il-proċedura. Issa, f’dan il-każ, is-sentenza tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) ingħatat sitt snin wara li seħħet l-eżekuzzjoni forzata kkontestata. Bħala riżultat, HRVATSKE ŠUME kellha tressaq azzjoni għal restituzzjoni distinta mill-proċeduri ta’ eżekuzzjoni oriġinali.


6      Ara l-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


7      Ma huwiex ikkontestat li l-azzjoni magħmula minn HRVATSKE ŠUME taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. L-ewwel nett, din l-azzjoni tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tagħha billi, minn naħa, taqa’ fil-qafas ta’ tilwima transkonfinali u li, min-naħa l-oħra, tirrigwarda (a priori) materji “ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament. Imbagħad, din l-azzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan ir-regolament peress li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huwa jipprovdi japplikaw, bħala prinċipju, meta l-konvenut ikun iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru (ara l-premessa 8 ta’ dan ir-regolament) u d-domiċilju ta’ BP EUROPA jkun jinsab fil-Ġermanja (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fl-aħħar nett, u kif diġà ġie spjegat fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din l-istess azzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-istess regolament.


8      Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Brussell I, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-kumpanniji huma ddomiċiljati, b’mod partikolari, fejn tinsab is-sede statutorja tagħhom.


9      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Brussell I.


10      Ser nirreferi, f’dawn il-konklużjonijiet, għal kawżi relatati mal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), għar-Regolament Brussell I (li ħa post din il-konvenzjoni) u għar-Regolament Brussell Ia (li rriformula l-ewwel regolament), mingħajr ma niddistingwi bejn dawn l-istrumenti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni pprovduta minn din tal-aħħar dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Brussell I tista’ tiġi trasposta għal dawk tar-Regolament Brussell Ia (u viċi versa) meta jkunu “ekwivalenti”. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5 tal-ewwel żewġ strumenti, minn naħa, u tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 7, tat-tielet wieħed, min-naħa l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wikingerhof”, EU:C:2020:950, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


11      Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kalfelis”, EU:C:1988:459); tat‑28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85); tal-11 ta’ April 2013, Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228); tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM (C‑366/13, EU:C:2016:282); tat-28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:607); kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:763).


12      Din id-domanda kienet diġà saret fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1995, Kleinwort Benson (C‑346/93, EU:C:1995:85), u tat-28 ta’ Lulju 2016, Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:607). Madankollu, fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni filwaqt li, fit-tieni, hija qieset li ma kienx hemm bżonn li tingħata risposta għaliha għar-raġuni li t-talba inkwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I. Min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali Wahl iddedika argumenti importanti għad-domanda msemmija fil-konklużjonijiet tiegħu fil-każ Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punti 48 sa 75), li ser nistrieħ fuqhom. Fl-aħħar nett, mingħajr ma tipprovdi risposta inekwivokabbli għall-istess domanda, is-sentenza Kalfelis fiha indikazzjonijiet f’dan ir-rigward (ara l-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


13      Ara, għal analiżi komparattiva, Von Bar, C. et al. (editur), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR) – Interim Outline Edition; prepared by the Study Group on a European Civil Code and the Research Group on EC Private Law (Acquis Group), Sellier, European Law Publishers, Munich, 2008, volum IV, ktieb VII (“Unjustified enrichment”), p. 3843 et seq., speċjalment p. 3850 sa 3874. L-arrikkiment indebitu jeżisti wkoll fid-dritt sostantiv tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, Somvao (C‑599/13, EU:C:2014:2462, punti 35 u 36), kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2006, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (T‑333/03, EU:T:2006:348, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


14      Ara, għal definizzjoni viċina, l-Artikolu VII.-1:101, punt 1 tad-DCFR.


15      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:342, punt 47). Kif tinnota l-qorti tar-rinviju, arrikkiment indebitu jmur lura għall-condictiones (condictio indebti, condictio sine causa, eċċ.) tad-dritt Ruman (ara, b’mod partikolari, Romani, A.-M., “Enrichissement injustifié”, Répertoire de droit civil, Dalloz, Frar 2018, punt 21).


16      Ara, b’mod partikolari, Von Bar, C. et al., op. cit., p. 3860 sa 3865.


17      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 44 u 47), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punt 61).


18      L-arrikkiment ikollu “kawża” meta jsib il-ġustifikazzjoni tiegħu minn kuntratt, att unilaterali, obbligu legali, deċiżjoni tal-qorti, eċċ. (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 46)). Barra minn hekk, il-kawża għal restituzzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu hija, bħala regola ġenerali, miftuħa biss sussidjarjament, jiġifieri meta l-persuna li ftaqret ma jkollha l-ebda rimedju legali sabiex tikseb dak li huwa dovut lilha (ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:342, punti 47 u 48)).


19      Ara l-punti 12 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Il-prinċipji ġenerali li joħorġu mis-sistemi tad-drittijiet nazzjonali huma wkoll importanti (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters Bauunternehmung (34/82, EU:C:1983:87, punti 9 u 10); Kalfelis (punti 15 u 16); kif ukoll Wikingerhof (punt 25).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (punt 19); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 16); kif ukoll Wikingerhof (punt 26).


23      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fir-Regolament Brussell I għandhom l-għan, b’mod ġenerali, li jiżguraw iċ-ċertezza legali u, f’dan il-kuntest, isaħħu l-protezzjoni legali ta’ persuni stabbiliti fit-territorju tal-Istati Membri. Dawn ir-regoli għandhom, bħala tali, jippreżentaw grad għoli ta’ prevedibbiltà: l-attur għandu jkun jista’ faċilment jiddetermina l-qrati li quddiemhom jista’ jressaq l-azzjoni tiegħu u l-konvenut raġonevolment jantiċipa dawk li quddiemhom jista’ jiġi mħarrek (ara l-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2021, Mittelbayerischer Verlag (C‑800/19, EU:C:2021:489, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


24      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, EU:C:1976:133, punt 13); tal‑20 ta’ Frar 1997, MSG (C‑106/95, EU:C:1997:70, punt 29); kif ukoll Wikingerhof (punti 28 u 37).


25      Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1992 (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15).


26      Sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 50 u 51); tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 39); kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2020, Ellmes Property Services (C-433/19, EU:C:2020:900, punt 37).


27      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (C‑59/19, iktar ’il quddiem “il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof”, EU:C:2020:688, punt 36).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kalfelis (punt 18); tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punt 36); kif ukoll Wikingerhof (punt 23).


29      Ara, b’mod partikolari, il-punti 6, 39, 46, 49, 90 u 118.


30      Ara s-sentenza Wikingerhof (punt 31).


31      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (punt 49, kif ukoll ir-riferimenti ċċitati). Ara, għal applikazzjoni reċenti ta’ dan it-“test” is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punti 88 u 89).


32      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU 2008, L 177, p. 6).


33      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 (ĠU 2007, L 199, p. 40).


34      Ara l-punti 77 u 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara l-premessa 7 tar-Regolamenti Ruma I u Ruma II, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (punt 5).


36      Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet ukoll din id-definizzjoni għar-Regolament Ruma I (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 44)).


37      Nenfasizza li kull obbligu, inkluż “obbligu kuntrattwali”, isib is-sors primarju tiegħu fil-liġi. Madankollu, il-mistoqsija hija jekk, skont il-liġi, l-obbligu huwiex impost fuq id-debitur minħabba kuntratt jew impenn volontarju ieħor ta’ dan tal-aħħar, jew indipendentement minn tali obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wikingerhof (punti 33 u 34)). Ara, għat-tipi differenti ta’ impenji volontarji rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (punt 37).


38      Ara, fl-istess sens, Minois, M., Recherche sur la qualification en droit international privé des obligations, LGDJ, Pariġi, 2020, p. 263. Jiena konxju mill-fatt li, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger (C‑180/06, EU:C:2009:303, punt 57), il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġerixxiet, permezz ta’ obiter dictum, li talbiet ta’ natura “prekuntrattwali jew kważi kuntrattwali” sistematikament jaqgħu taħt il-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din hija formulazzjoni infeliċi. Minbarra l-fatt li ġie stabbilit, mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499), li r-responsabbiltà prekuntrattwali ma taqax taħt dan il-punt 1 tal-Artikolu 5, iżda taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-kategorija ta’ “kważi kuntratti”, li, f’ċerti drittijiet nazzjonali, tinkludi l-arrikkiment indebitu (ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma tistax taqa’, b’mod ġenerali, taħt dan l-istess punt 1 tal-Artikolu 5, għar-raġunijiet li għadni kif spjegajt.


39      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 45 u 46). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 48).


40      Id-digriet tar-rinviju ma fih l-ebda informazzjoni dwar relazzjonijiet kuntrattwali li jifformaw l-isfond tal-kawża prinċipali. Jidher li, minn naħa, THE BURMAH OIL (Deutschland) kienet il-kreditur ta’ FUTURA. Il-kreditu inkwistjoni jista’ jkollu s-sors tiegħu f’kuntratt eżistenti bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Min-naħa l-oħra, FUTURA kienet allegatament kreditur ta’ HRVATSKE ŠUME. Għalhekk, seta’ kien hemm ukoll kuntratt bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Mill-banda l-oħra, ma kien hemm a priori l-ebda relazzjoni kuntrattwali bejn THE BURMAH OIL (Deutschland) u HRVATSKE ŠUME (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


41      Sentenza tal-20 ta’ April 2016 (C‑366/13, EU:C:2016:282, punti 55 u 58).


42      Fil-fatt, meta kuntratt li bis-saħħa tiegħu ġew ipprovduti servizzi jiġi invalidat, l-arrikkiment tal-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi jitlef il-“kawża” tiegħu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 55)). Bl-istess mod, ħlas żejjed magħmul mid-debitur ta’ obbligu kuntrattwali ma għandux “kawża”, peress li, preċiżament, imur lil hinn minn dak li kien iġġustifikat fid-dritt. Madankollu, f’ċerti drittijet, inklużi id-dritt Franċiż u d-dritt Ungeriż, il-ħlas lura wara l-annullament tal-kuntratt huwa rregolat minn regoli kuntrattwali speċifiċi (ara, b’mod partikolari, Von Bar, C. et al., op. cit., p. 3860).


43      Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (punt 99). Huwa possibbli wkoll li jitqies li, f’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ ħlas lura huwa impost mil-liġi minħabba l-kuntratt li jorbot, jew mistenni li jorbot, il-partijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


44      Ara, fl-istess sens, il-konlużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża SIM Profit Investment (C‑366/13, EU:C:2015:274, punti 69 sa 82); Briggs, A., Civil Jurisdiction and Judgments, Informa Law, Oxon, 2009, il-ħames edizzjoni, p. 225 sa 227; Magnus, U., u Mankowski, P., Brussels Ibis Regulation  Commentary, Otto Schmidt, Köln, 2016, p. 174 sa 176; Hartley, T., Civil Jurisdiction and Judgments in Europe – The Brussels I Regulation, the Lugano Convention, and the Hague Choice of Court Convention, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 111; Grušić, U., “Unjust enrichment and the Brussels I Regulation”, International & Comparative Law Quarterly, 2019, vol. 68, Nru 4, p. 837 sa 868, speċjalment. p. 849 sa 861, kif ukoll Minois, M., op. cit., p. 322.


45      B’mod ġenerali, il-klassifikazzjoni ma għandhiex tiddependi fuq ir-“rimedju” (remedy) mitlub mill-attur (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


46      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nenfasizza li, peress li l-“post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I, fir-rigward ta’ tali talbiet għal ħlas lura, huwa, fil-fehma tiegħi, l-obbligu kuntrattwali ppreżentat fit-talba bħala invalidu, mhux eżegwit mill-konvenut, jew “sovraeżegwit” mill-attur (ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn dan l-obbligu kien jew kellu jiġi eżegwit (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Kostanjevec (C‑185/15, EU:C:2016:397, punt 64)).


47      Ara wkoll l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punt 58), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (nota ta’ qiegħ il-paġna 66). Ara, contra, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Shearson Lehman Hutton (C‑89/91, mhux ippubblikata, EU:C:1992:410, punt 102).


48      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, EU:C:1976:166).


49      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punti 13 sa 15).


50      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 17). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kultant tqis li l-kunċetti użati mir-Regolament Brussell I għandhom jiġu interpretati b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u s-sistema ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mis-sistemi tad-drittijiet nazzjonali kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice (C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Fil-fatt, il-kategoriji li jidhru fir-Regolament Brussell I jieħdu kunċetti meħuda mid-dritt ċivili, kummerċjali u proċedurali (“kuntratt”, “delitt”, eċċ.) li t-tifsira tagħhom ma tistax tiġi dedotta unikament mill-għanijiet u s-sistema ta’ dan ir-regolament. Sabiex tipprovdi definizzjoni awtonoma ta’ dawn il-kunċetti, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-ispirazzjoni tagħha, b’mod espliċitu jew impliċitu, b’mod partikolari minn dawn l-istess prinċipji ġenerali, li jagħmluha possibbli li tiġi identifikata l-“qalba” ta’ kull wieħed minnhom. Fil-każijiet diskutibbli kollha, il-klassifikazzjoni l-iktar konformi mal-għanijiet u s-sistema ta’ dan ir-regolament għandha tipprevali (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Verein für Konsumenteninformation (C‑272/18, EU:C:2019:679), punt 47)).


51      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 16). Ara wkoll is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475, punt 28); tat‑18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 34); kif ukoll tal‑21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 41).


52      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punti 39 u 40).


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punti 25 u 27); tal‑1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, EU:C:2002:555, punti 41 u 42); tat‑18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C-147/12, EU:C:2013:490, punti 35 sa 38); tal‑21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 50); kif ukoll Wikingerhof (punti 33, 34 u 36). L-idea ta’ att illeċitu toħroġ minn verżjonijiet lingwistiċi differenti tar-Regolament Brussell I (ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet fil-lingwa Taljana (“in materia di illeciti civili dolosi o colposi”) u fil-lingwa Olandiża (“onrechtmatige daad”) (enfasi tiegħi)). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament japplika wkoll għal każijiet partikolari ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija, li fil-kuntest tagħhom il-liġi tipprovdi li ċerti attivitajiet, li xorta oħra huma legali, jagħtu lok għal responsabbiltà għad-danni speċjali li jikkawżaw lil ħaddieħor. Madankollu, din l-ipoteżi partikolari ma hijiex inkwistjoni hawnhekk.


54      Skont ir-riċerka tiegħi, it-terminu “kważi delitt” jidher, f’ċerta forma, fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I fil-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu bil-Bulgaru, l-Ispanjol, iċ-Ċek, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Kroat, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, il-Pollakk, ir-Rumen u s-Sloven. Dan it-terminu ma jidhirx fil-verżjonijiet lingwistiċi bid-Daniż, bl-Estonjan, bl-Olandiż, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bil-Finlandiż u bl-Isvediż ta’ dan ir-regolament.


55      Ara l-artikolu 1241 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż. Din id-distinzjoni toħroġ, barra minn hekk, b’mod ċar mill-verżjoni bil-lingwa Taljana tar-Regolament Brussell I (“in materia di illeciti civili dolosi o colposi”) (l-enfasi tiegħi).


56      Ara, b’mod partikolari, Dickinson, A., The Rome II Regulation, Oxford University Press, 2008, p. 347 u 348, kif ukoll Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 271. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, anki każijiet ta’ responsabbiltà oġġettiva, li jiddependu biss fuq il-konstatazzjoni ta’ avveniment tal-ħsara, irrispettivament minn kwalunkwe element morali, jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.


57      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wikingerhof (punt 46). Minn perspettiva inversa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà użat il-kunċett ta’ “kreditu bbażat fuq att delittwali” (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 43)).


58      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166, punt 18). Ara, għal diversi eżempji, il-konklużjonijiet tiegħi fil-każ Wikingerhof (punt 48).


59      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża Reichert u Kockler (C‑261/90, mhux ippubblikata, EU:C:1992:78, Ġabra p. 2169); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punti 53 sa 57); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:487, punt 98). Ċertament, fis-sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 24); tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 27); u kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, għalkemm it-talbiet inkwistjoni ma kinux relatati mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, dawn għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rraġunat b’dan il-mod għar-raġuni li dawn it-talbiet kienu, fi kwalunkwe każ, ibbażati fuq att illeċitu attribwibbli lill-konvenut li kkawża ħsara lill-attur. L-unika kwistjoni kienet jekk din ir-responsabbiltà kinitx “kuntrattwali” jew “delittwali”.


60      Ara s-sentenza Wikingerhof (punt 26).


61      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


62      Ara, f’dan l-istess sens, House of Lords (ir-Renju Unit), sentenza tat-30 ta’ Ottubru 1997 Kleinwort Benson Ltd v. City of Glasgow District Council [1997] UKHL 43; Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 272; Gaudemet-Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ, Paris, ir-raba’ edizzjoni, 2010, p. 219; Grušić, U., op. cit., p. 86; kif ukoll Minois, M., op. cit., p. 262 sa 265.


63      Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008 Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 49), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punt 62).


65      Riprodott fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punt 61). Tali riżultat imur kontra l-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


67      Sentenza tal-21 ta’ April 2016 (C‑572/14, EU:C:2016:286).


68      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


69      Infakkar li l-Istati Membri li jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni mogħti lid-detenturi ta’ drittijiet għall-użu ta’ kopji privati (l-eċċezzjoni msejħa “ta’ kopja privata”) tal-oġġetti protetti tagħhom għandhom jipprovdu għal ħlas ta’ “kumpens ġust” għall-benefiċċju ta’ dawn id-detenturi. Għalkemm, bħala prinċipju, għandhom ikunu l-utenti li jagħmlu dawn il-kopji li jħallsu għal dan il-“kumpens”, l-Istati Membri jistgħu jimponu dan ukoll fuq il-persuni li jqiegħdu fis-suq mezzi ta’ reġistrazzjoni li jippermettu l-imsemmija kopji (ara l-Artikolu 5(2)(b) ta’ Direttiva 2001/29 u sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punti 17 sa 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).


70      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286, punt 37).


71      Din is-sentenza taqa’ għalhekk taħt il-każijiet partikolari imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


72      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Austro-Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:90, punt 93). Bil-maqlub, tali prossimità ma tinstabx, fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ (ara l-punti 84 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


73      Is-sentenza Kalfelis (punt 19) (l-enfasi hija tiegħi).


74      Dan huwa konsistenti mal-fatt li, fid-dritt sostantiv tal-Istati Membri, l-arrikkiment indebitu jaqa’ taħt kategorija sui generis (ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


75      Fid-dawl tat-tħassib fir-rigward tal-konsistenza fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ regolamenti li esprima l-leġiżlatur tal-Unjoni (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


76      B’mod kuntrarju għal ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Brussell I, ir-Regolament Ruma II ma jirriferixxix għall-kunċett ta’ “kważi delitt”. Il-Premessi 11 u 12 tar-regolament tal-aħħar madankollu jispeċifikaw li r-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet li fih japplikaw b’mod partikolari għar-“responsabbiltà delittwali” u għar-“responsabbiltà oġġettiva”.


77      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 39). Minbarra l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Brussell I jinkludi esklużjonijiet li ma jinstabux fir-Regolament Ruma II, u viċi versa.


78      Ara l-premessa 29 tar-Regolament Ruma II.


79      Nirreferi għal darba oħra għall-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Sa dan il-punt, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II huwa, fl-opinjoni tiegħi, usa’ minn dak tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I. Huwa veru li, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni għal responsabbiltà prekuntrattwali taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkategorizza l-“culpa in contrahendo”, fl-Artikolu 12 tar-Regolament Ruma II, fost l-“att divers minn delitt jew kważi delitt ċivili”. Dan jirriżulta f’ċerta inkonsistenza. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li tissewwa l-ħsara kkawżata mit-terminazzjoni mhux iġġustifikata tan-negozjati kuntrattwali jirriżulta mill-“avveniment tal-ħsara” attribwibbli lill-konvenut, jiġifieri mill-ksur tar-regoli tad-dritt li jimponu fuq il-partijiet l-obbligu li jaġixxu b’bona fide f’negozjati bħal dawn (ara l-punti 25 u 27 tal-imsemmija sentenza).


80      L-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li tidher fil-paġna 8 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”), ippreżentata fit‑22 ta’ Lulju 2003 (COM (2003) 427 finali), li tipprovdi li l-arrikkiment indebitu jaqa’ taħt “kważi delitti”, hija għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, skorretta. Il-“kważi delitti” jappartjenu, bħala “avvenimenti tal-ħsara”, għall-Kapitolu II tar-Regolament Ruma II, b’mod kuntrarju għall-arrikkiment indebitu.


81      Nenfasizza li l-punt deċiżiv ma huwiex li talba bħal din tkun għar-restituzzjoni ta’ oġġett. Kif indikajt fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-klassifikazzjoni ta’ talba tiddependi fuq is-sors tal-obbligu li fuqu hija bbażata din it-talba, mhux fuq ir-“rimedju” (remedy) mitlub mir-rikorrent. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, talbiet għal ħlas lura bbażati fuq “avveniment tal-ħsara” (ara l-kunċett ta’ “restitution for wrongdoing” tal-Common law) jaqgħu taħt il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Brussell I (ara, fl-istess sens, Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 272). L-istess japplika, mutatis mutandis, fil-kuntest tar-Regolament Ruma II (ara Dickinson, A., op. cit., p. 301 sa 307, 496 u 497).


82      Ara l-punti 44 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83      Is-sitwazzjoni hija għalhekk differenti b’mod sinjifikattiv minn dik inkwistjoni fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726), imsemmija mill-Gvern Ċek. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati tal-Unjoni, li għandhom ġurisdizzjoni esklużiva, skont l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar talbiet f’“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” diretti kontra l-Unjoni, huma kkunsidrati wkoll, bħala tali, sabiex jisimgħu azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu (ara l-punt 48 ta’ din is-sentenza). Issa, l-interpretazzjoni inversa kienet tirriskja, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ċaħda tal-ġustizzja. Fil-fatt, billi l-qrati nazzjonali huma kompetenti, fis-sistema tat-TFUE, sabiex jiddeċiedu dwar ir-“responsabbiltà kuntrattwali” tal-Unjoni, u dawk tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu dwar r-“responsabbiltà mhux kuntrattwali” tagħha, interpretazzjoni stretta tat-tieni kunċett potenzjalment kien ikollu l-konsegwenza li jiġġenera kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, billi la l-qrati nazzjonali u lanqas dawk tal-Unjoni Ewropea ma jkollhom is-setgħa li jisimgħu tali azzjoni (ara l-punt 49 ta’ din is-sentenza). Min-naħa l-oħra, din il-problema ma tinstabx fis-sistema tar-Regolament Brussell I.


84      Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85      Din il-massima tesprimi l-idea li l-attur għandu jħarrek lill-konvenut fil-qrati tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar.


86      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 14); tat‑13 ta’ Lulju 2000, Grupp Josi (C‑412/98, EU:C:2000:399, punt 35); kif ukoll tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 52).


87      Ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Farrell (C‑295/95, EU:C:1997:168, punt 19).


88      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Engler (C‑27/02, EU:C:2004:414, punt 55).


89      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


90      Din l-interpretazzjoni loġika stretta hija iktar meħtieġa peress li s-soluzzjoni opposta tirriżulta, f’għadd imdaqqas ta’ każijiet, fl-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-forum tad-domiċilju tal-attur, u b’hekk tistabbilixxi forum actoris dijametrikament oppost għar-regola ġenerali prevista fir-Regolament Brussell I (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289, punt 13)). Fil-fatt, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat, bħala “l-post fejn seħħet il-ħsara”, il-post fejn l-arrikkiment kellu jiġi rrestitwit lill-attur – li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ifisser, fl-opinjoni tiegħi, id-domiċilju ta’ dan tal-aħħar.


91      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


92      Kif imfakkar fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93      Ara, f’dan ir-rigward, Commercial Court, Queen’s Bench Division (ir-Renju Unit), is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, Banque Cantonale de Genève v. Polevent Ltd and others, [2016] 2 W.L.R. 550, § 18, kif ukoll Dickinson, A., op. cit., p. 503 sa 508. Barra minn hekk, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Parlament kien ippropona li jżomm, bħala fattur ta’ konnessjoni, il-“liġi tal-pajjiż li fih essenzjalment seħħ il-fatt li ta lok għall-arrikkiment inġustifikat, irrispettivament mill-pajjiż li fih seħħ l-arrikkiment” (l-enfażi hija tiegħi) (ara l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis‑6 ta’ Lulju 2005 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru.../2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“RUMA II”), dokument P6_TC1-COD(2003)0168). Madankollu, din il-proposta fl-aħħar mill-aħħar ma ġietx adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni.


94      Madankollu id-digriet tar-rinviju ma jispeċifika xejn f’dan ir-rigward.


95      Fir-rigward tal-prova tat-tifqir korrelattiv tal-konvenuta fil-kawża prinċipali u tal-assenza ta’ “kawża”, jidhirli li din tinsab, f’dan il-każ, fis-sentenza tal-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema) (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet), li tista’ tiġi rrikonoxxuta fil-Ġermanja, mingħajr il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal xi proċedura għal dan il-għan (ara l-Artikolu 33 tar-Regolament Brussell I).


96      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225, punt 69), kif ukoll House of Lords (ir-Renju Unit), Kleinwort Benson Limited vs City of Glasgow District Council, opinjoni ta’ Lord Goff.


97      Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98      Ara l-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament Brussell I.