Language of document : ECLI:EU:C:2021:985

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Il-punt 3 tal-Artikolu 5 – Kunċett ta’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt’ – Proċedura ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu – Il-punt 5 tal-Artikolu 22 – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet – Ġurisdizzjoni esklużiva”

Fil-Kawża C‑242/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Visoki trgovački sud (il-Qorti tal-Appell tal-Kummerċ, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

HRVATSKE ŠUME d.o.o., Zagreb, suċċessur fid-drittijiet ta’ HRVATSKE ŠUME Javno poduzeće za gospodarenje šumama i šumskim zemljištima u Republici Hrvatskoj p.o., Zagreb

vs

BP Europa SE, suċċessur fid-drittijiet ta’ Deutsche BP AG, hija stess suċċessur fid-drittijiet ta’ The Burmah Oil (Deutschland) GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin, President ta’ Awla, u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u I. Gavrilova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 u tal-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HRVATSKE ŠUME d.o.o., Zagreb, kumpannija stabbilita fil-Kroazja, suċċessur fid-drittijiet ta’ HRVATSKE ŠUME Javno poduzeće za gospodarenje šumama i šumskim zemljištima u Republici Hrvatskoj p.o., Zagreb u BP Europa SE Hamburg, kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, suċċessur fid-drittijiet ta’ Deutsche BP AG, hija stess suċċessur fi-drittijiet ta’ The Burmah Oil (Deutschland) GmbH, fuq il-bażi tal-arrikkiment indebitu ta’ ammont imħallas indebitament fi proċedura ta’ eżekuzzjoni li ġiet sussegwentement annullata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 44/2001

3        Il-premessi 2, 8, 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jesponu:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(8)      Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li dwarhom japplika dan ir-Regolament u t-territorju ta’ l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għahekk, regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut jkun domiċiljat f’wieħed minn dawn l-Istati Membri.

[…]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

2.      B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla f’L-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom.

6        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      (a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)      għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ)      jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s‑sub‑paragrafu (a);

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment tal-ħsara] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

7        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 6 tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni esklużiva”, jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

5)      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih il-ġudizzju kien jew għandu jiġi eżegwit.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012

8        Il-premessa 34 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1) tesponi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”], ir-Regolament [Nru 44/2001] u dan ir-regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell] u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

9        Skont l-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015.

2.      Minkejja l-Artikolu 80, ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l-10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

10      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1215/2012 tipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu jħassar ir-Regolament [Nru 44/2001].”

 Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007

11      Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40), tesponi:

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill [Nru 44/2001] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

12      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 864/2007, intitolat “Obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili, arrikkiment inġust, negotiorum gestio jew culpa in contrahendo.”

13      L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Arrikkiment inġust”, jipprovdi:

“1.      Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni.

2.      Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tkun determinata abbażi tal-paragrafu 1 u l-partijiet għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għall-arrikkiment inġust, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.      Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafi 1 jew 2, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih ikun seħħ l-arrikkament inġust.

4.      Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkament inġust hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

14      L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Culpa in contrahendo”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx fil-fatt ġie konkluż jew le, għandha tkun il-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli għalih kieku ġie konkluż.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Skont ordni ta’ eżekuzzjoni tat-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroatzja), il-konvenuta fil-kawża prinċipali kisbet, fil-11 ta’ Marzu 2003, l-irkupru forzat ta’ kreditu ta’ 3 792 600.87 kuna Kroati (HRK) (madwar EUR 500 000) permezz ta’ qbid mill-kont tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Għalhekk, din bdiet proċedura sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja) tat, fil-21 ta’ Mejju 2009, sentenza definittiva, li permezz tagħha hija ddeċidiet li din l-eżekuzzjoni kienet invalida. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, benefiċjarja ta’ arrikkiment indebitu, kienet għalhekk obbligata tħallas lura lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somom imħallsa indebitament flimkien mal-interessi legali.

16      Wara din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħetx, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, tippreżenta talba għal ħlas lura fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni, peress li t-terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mill-jum tal-eżekuzzjoni, previst għat-tressiq ta’ tali talba, kien skada. Għalhekk, fl-1 ta’ Ottubru 2014, hija bdiet proċedura kontenzjuża distinta għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament quddiem it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja), li ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, din il-qorti tal-aħħar ikkunsidrat li, fl-assenza preżunta ta’ regola speċifika li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni applikabbli, kellha tapplika r-regola ġenerali li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali u li, għaldaqstant, il-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-qrati Ġermaniżi, kellhom ġurisdizzjoni internazzjonali.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat mid-digriet tat-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb) quddiem il-Visoki trgovački sud (il-Qorti tal-Appell tal-Kummerċ, il-Kroazja), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Dik il-qorti tqis li l-qorti tal-ewwel istanza applikat, b’mod żbaljat, ir-Regolament Nru 1215/2012 sa fejn, skont l-Artikolu 66(1) tiegħu, dan ir-regolament huwa applikabbli biss għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija fl-10 ta’ Jannar 2015 jew wara, filwaqt li l-proċedura fil-kawża prinċipali kienet inbdiet qabel. Ir-Regolament Nru 44/2001 huwa għalhekk applikabbli ratione temporis.

18      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi, fl-ewwel lok, dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “kważi delitt” u turi l-eżitazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Hija ssostni li l-istitut tal-arrikkiment indebitu jaqa’ taħt il-kważi delitti, li jiġġustifika, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali u jikkostitwixxi bażi għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Kroati. Madankollu, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ssir diffiċli sa fejn il-fattur ta’ konnessjoni li hija tipprevedi huwa l-fatt dannuż u, fil-każ tal-arrikkiment indebitu, ma hemmx fatt dannuż.

19      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix risposta għal din id-domanda, minkejja li ċerti elementi jistgħu jkunu rilevanti. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, b’mod partikolari skont is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37), il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” jinkludi kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex marbuta mal-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286), li l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li talba intiża sabiex jinkiseb il-ħlas bħala “kumpens ġust”, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), taqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt. B’kuntrast ma’ dan, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Siemens Aktiengesellschaft Österreich (C‑102/15, EU:C:2016:225), l-Avukat Ġenerali Wahl ippropona lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu ma taqax taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt.

20      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, applikabbli fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, peress li din l-azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament taqa’ fl-ambitu ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata. Dik il-qorti tippreċiża f’dan ir-rigward li, jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bdiet proċedura kontenzjuża distinta, dan huwa biss għaliex it-terminu previst mid-dritt nazzjonali għat-tressiq ta’ talba għal ħlas lura fl-ambitu ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata kien skada.

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Visoki trgovački sud (il-Qorti tal-Appell tal-Kummerċ) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Azzjoni għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq l-arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni prevista fir-Regolament [Nru 44/2001] f’materji ta’ ‘kważi delitt’, fid-dawl tal-fatt li l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi b’mod partikolari li ‘[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja: […] 3. f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ […] kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [l-avveniment tal-ħsara] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’?

2)      Il-proċeduri kontenzjużi, imressqa minħabba l-eżistenza ta’ terminu li fih il-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa indebitament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jista’ jintalab fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 44/2001], li jipprovdi li, f’materji ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, indipendentement mid-domiċilju, il-qrati tal-Istat Membru li fih issir l-eżekuzzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell imsemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1215/2012 jew ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti”. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni u tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fir-rigward, fit-tieni lok, tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li r-Regolament Nru 44/2001 jibqa’ japplika għad-deċiżjonijiet mogħtija fl-azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati, għall-atti awtentiċi redatti jew irreġistrati formalment u għat-tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l-10 ta’ Jannar 2015 li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

24      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura prinċipali għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament tressqet quddiem il-qrati Kroati fl-1 ta’ Ottubru 2014.

25      Minn dan isegwi, kif barra minn hekk qieset il-qorti tar-rinviju, li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda

26      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista minn din id-dispożizzjoni meta din l-azzjoni tkun inbdiet minħabba l-iskadenza tat-terminu li fih jista’ jintalab il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament matul proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fl-ambitu ta’ din l-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li r-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi, fl-Artikolu 2(1) tiegħu, bħala regola ġenerali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, dan l-istess regolament jipprevedi wkoll regoli speċjali li jippermettu lir-rikorrent, f’ċerti każijiet, li jħarrek lill-konvenut quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

28      Ir-regoli speċjali dwar il-ġurisdizzjoni li jipprevedu fora oħra għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet imsemmija b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, il-punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa għalhekk biss b’deroga għar-regola ġenerali li l-punt 5 tal‑Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li huma biss il-qrati tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li għandhom ġurisdizzjoni, irrispettivament mid-domiċilju, fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet. Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata f’sens iktar wiesa’ milli jeħtieġ l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, E.ON Czech Holding, C‑560/16, EU:C:2018:167, punti 26 u 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, mill-premessi 2 u 11 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan ifittex li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbilà. L-imsemmi regolament għalhekk isegwi għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u kif ukoll lill-konvenut jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, E.ON Czech Holding, C‑560/16, EU:C:2018:167, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-kuntest, l-azzjonijiet intiżi sabiex tiġi deċiża kontestazzjoni relatata mal-użu tal-forza, taż-żamma jew tat-teħid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ deċiżjonijiet u ta’ atti jaqgħu taħt il-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2020, Supreme Site Services et, C‑186/19, EU:C:2020:638, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      B’kuntrast ma’ dan, azzjoni li l-għan tagħha huwa talba għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ma hijiex intiża sabiex tiġi deċiża kontestazzjoni relatata mal-użu tal-forza, taż-żamma jew tat-teħid ta’ beni mobbli u immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ deċiżjoni jew ta’ att, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti. Din hija azzjoni awtonoma li, bħala tali, la hija proċedura ta’ eżekuzzjoni u lanqas rimedju kontra tali proċedura. Minn dan isegwi li tali azzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, anki jekk dan l-arrikkiment indebitu jirriżulta mill-annullament ta’ eżekuzzjoni forzata.

33      F’dan il-każ, il-Gvern Kroat isostni, essenzjalment, li teżisti rabta stretta bejn il-proċedura fil-kawża prinċipali għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ibbażata fuq arrikkiment indebitu u l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, peress li, minn naħa, l-invalidità tad-deċiżjoni ġudizzjarja kkontestata fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija l-bażi ta’ dan l-arrikkiment indebitu u, min-naħa l-oħra, ħlas lura tas-somma indebitament miġbura seta’ jintalab fl-ambitu tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni li kieku t-terminu impost għal dan il-għan ma kienx skada, mingħajr ma din l-aħħar ċirkustanza tkun dovuta għal negliġenza min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

34      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li kemm l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001, li twassal sabiex tiġi adottata interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tiegħu, kif ukoll ir-rekwiżit li r-regoli ta’ dan ir-regolament jiġu interpretati fis-sens ta’ livell għoli ta’ prevedibbiltà, kif jirriżulta mill-premessa 11 tal-imsemmi regolament, iwasslu għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 22 tal-istess regolament azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu, imressqa minħabba l-iskadenza tat-terminu li fih il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament fi proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata seta’ jiġi mitlub fl-ambitu ta’ din l-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni.

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li l-kliem tiegħu ġie riprodott fil-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li r-raġuni essenzjali għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-post ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza hija li huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-eżekuzzjoni forzata hija meħtieġa li għandhom japplikaw ir-regoli dwar l-azzjoni, f’dan it-territorju, tal-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni forzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 26).

36      Issa, fl-assenza ta’ kull talba għal eżekuzzjoni forzata, azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

37      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista f’din id-dispożizzjoni, minkejja li tressqet minħabba l-iskadenza tat-terminu li fih il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament waqt proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jista’ jintalab fl-ambitu ta’ din l-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali tal-qrati tal-Istat Membru tal-konvenut, il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 u l-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt u f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, rispettivament, li jippermettu lir-rikorrent jippreżenta l-azzjoni tiegħu quddiem qrati ta’ Stati Membri oħra. Dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

40      Barra minn hekk, iż-żewġ regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha. Dan ir-rekwiżit, li japplika b’mod partikolari għad-delimitazzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regoli, jimplika li l-kunċetti ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” u ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt” ma jistgħux jinftiehmu bħala li jirreferu għall-klassifikazzjoni li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħti lir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, għall-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-ewwel kategorija, il-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jippermetti lir-rikorrent iressaq kawża quddiem il-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba, filwaqt li, għall-azzjonijiet li jaqgħu taħt it-tieni kategorija, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprevedi li dawn jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ jew x’aktarx li jseħħ il-fatt dannuż.

42      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-azzjonijiet li jaqgħu taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi kull talba intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex marbuta ma’ materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu taqax taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi vverifikat jekk żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfatti, jiġifieri, minn naħa, li din l-azzjoni ma hijiex marbuta ma’ materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, u, min-naħa l-oħra, li hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut.

44      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, fis-sens ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, jinkludu kull talba bbażata fuq obbligu li persuna liberament taċċetta lejn persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2020, Ellmes Property Services, C‑433/19, EU:C:2020:900, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-kuntest ta’ talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu, l-obbligu ta’ ħlas lura invokat mir-rikorrent ma jirriżultax, bħala regola ġenerali, minn impenn volontarju tal-konvenut lejh iżda jitnissel indipendentement mir-rieda tiegħu. Minn dan isegwi li tali talba għal ħlas lura ma taqax, bħala prinċipju, taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

46      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-qari flimkien tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 864/2007, li huwa, fil-qasam tal-kunflitti tal-liġijiet, il-kontroparti ta’ dak li jikkostitwixxi, fil-qasam tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, dan il-punt 3 tal-Artikolu 5, peress li għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ regolamenti għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu interpretati b’mod koerenti. Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 864/2007 jipprovdi li l-obbligu ta’ ħlas lura li joriġina minn arrikkiment indebitu huwa kkunsidrat obbligu mhux kuntrattwali, li jaqa’ taħt dan ir-regolament u li huwa s-suġġett, skont l-Artikolu 10 tiegħu, għal regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 45 u 46).

47      Madankollu, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 sa 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun strettament marbuta ma’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet fit-tilwima u, konsegwentement, titqies li taqa’ taħt il-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt”, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

48      Fost dawn iċ-ċirkustanzi hemm dik fejn it-talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu hija marbuta ma’ relazzjoni kuntrattwali li kienet teżisti qabel bejn il-partijiet. Pereżempju, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ikun il-każ fejn ir-rikorrent jinvoka arrikkiment indebitu b’rabta stretta ma’ obbligu kuntrattwali li huwa jikkunsidra bħala invalidu jew li ma ġiex eżegwit mill-konvenut, jew ukoll li huwa jikkunsidra li ġie “sovraeżegwit”, sabiex jiġġustifika d-dritt tiegħu għal ħlas lura.

49      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li talba għal ħlas lura ta’ prestazzjonijiet ipprovduti abbażi ta’ kuntratt invalidu taqa’ taħt tali materji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C‑366/13, EU:C:2016:282, punti 55 u 58).

50      Mill-bqija, tali rabta hija konformi mal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, imfittxija mill-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jimplikaw li l-qorti tal-kuntratt tista’ tippronunzja ruħha fuq il-konsegwenzi tal-invalidità tiegħu, tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu jew tas-“sovraeżekuzzjoni” tiegħu u, għaldaqstant, fuq l-eventwali ħlasijiet lura li jirriżultaw minn dan, peress li hemm rabta partikolarment stretta bejn it-talba u l-qorti tal-post fejn l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba ġie eżegwit jew għandu jiġi eżegwit, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Mill-premess jirriżulta li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt u, b’hekk, tissodisfa l-ewwel kundizzjoni prevista fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, sakemm din l-azzjoni ma tkunx strettament marbuta ma’ relazzjoni kuntrattwali li kienet teżisti qabel bejn il-partijiet.

52      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija f’dan l-istess punt ta’ din is-sentenza, għandu jiġi vverifikat jekk azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu hijiex intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut.

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa l-każ meta fatt dannuż, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jista’ jiġi imputat lill-konvenut, sa fejn huwa akkużat b’att jew ommissjoni li tmur kontra dmir jew projbizzjoni imposta mil-liġi. Fil-fatt, responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-fatt illegali li fih dan id-dannu jsib l-oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana, C‑572/14, EU:C:2016:286, punti 40, 41 u 50 u l-ġurusprudenza ċċitata).

54      Għandu jingħad ukoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn il-preċiżazzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-materji kollha li għandu x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni speċifika fir-rigward tal-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kważi delitt. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-espressjoni “kważi delitt” ma tinsabx fil-verżjonijiet Daniża, Estonjana, Olandiża, Portugiża, Slovakka, Finlandiża u Svediża tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kunċett ta’ “kważi delitt” ma jirreferix għal sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn assenza ta’ fatt dannuż daqs kemm għal sitwazzjonijiet li fihom il-fatt dannuż jitwettaq permezz ta’ imprudenza jew negliġenza. Għaldaqstant, talba ma tistax taqa’ taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt meta r-responsabbiltà tal-konvenut li hija inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq l-eżistenza ta’ fatt dannuż, fis-sens espost fil-punt preċedenti.

55      Issa, talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu tistrieħ fuq obbligu li ma joriġinax minn fatt dannuż. Fil-fatt, dan l-obbligu jitnissel indipendentement mill-aġir tal-konvenut tant li ma teżistix rabta kawżali li tista’ tiġi stabbilita bejn id-dannu u att jew ommissjoni illegali eventwali mwettqa minnu.

56      Għaldaqstant, talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma tistax taqa’ taħt materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

57      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kontradetta mis-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Austro‑Mechana (C‑572/14, EU:C:2016:286), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-talba ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur relatata mal-obbligu ta’ ħlas ta’ “kumpens ġust”, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, li, skont id-dritt nazzjonali, huwa impost fuq l-impriżi li jwettqu l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, taqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt u kważi delitt, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu li jservi bħala bażi għal din it-talba oriġina minn fatt dannuż, jiġifieri d-dannu tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur marbut mal-kopja privata fuq il-mezzi ta’ reġistrazzjoni kkummerċjalizzati.

58      Għandu jiġi osservat ukoll li huwa possibbli li talba għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu la taqa’ taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt, fis-sens tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, u lanqas taħt il-materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, dan ikun il-każ meta din it-talba ma tkunx strettament marbuta ma’ relazzjoni kuntrattwali li kienet teżisti qabel bejn il-partijiet fit-tilwima kkonċernata.

59      F’tali sitwazzjoni, talba għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, skont ir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

60      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 5 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva prevista f’din id-dispożizzjoni, minkejja li tressqet minħabba l-iskadenza tat-terminu li fih il-ħlas lura tas-somom imħallsa indebitament waqt proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata jista’ jintalab fl-ambitu ta’ din l-istess proċedura ta’ eżekuzzjoni.

2)      Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq arrikkiment indebitu ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Kroat.