Language of document : ECLI:EU:T:2024:142

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

29 ta’ Frar 2024 (*)

“ Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż ”

Fil-Kawża T‑235/18 DEP,

Qualcomm Inc., stabbilita f’San Diego, California (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn M. Pinto de Lemos Fermiano Rato u M. Davilla, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, C. Urraca Caviedes u A. Dawes, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli (Relatriċi), Presidenta, J. Schwarcz, V. Tomljenović, R. Norkus u W. Valasidis, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li kkunsidra s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm vs Il-Kummissjoni (Qualcomm — pagamenti ta’ esklużività) (IT‑235/18, EU:T:2022:358),

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, Qualcomm Inc., titlob lill-Qorti Ġenerali tiffissa għal EUR 12 041 755.80 l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru li għandhom jitħallsu lilha mill-Kummissjoni Ewropea, bħala spejjeż li hija sostniet fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-Kawża T‑235/18.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April 2018 u rreġistrat bin-numru T‑235/18, ir-rikorrenti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 240 final tal‑24 ta’ Jannar 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.40220 – Qualcomm (Pagamenti ta’ Esklussività)], li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li hija kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha mill‑25 ta’ Frar 2011 sas‑16 ta’ Settembru 2016 u imponiet fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 997 439 000 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3        Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm vs Il-Kummissjoni (Qualcomm — Pagamenti ta’ Esklużività) (T‑235/18, EU:T:2022:358), il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrenti u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

4        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Diċembru 2022, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tirrimborsaha s-somma ta’ EUR 14 436 418.29 bħala spejjeż.

5        Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex tissostanzja iktar it-talba tagħha.

6        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Marzu 2023, wara li evalwat mill-ġdid it-talba tagħha, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tirrimborsaha s-somma ta’ EUR 12 041 755.80 bħala spejjeż.

7        Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni rrifjutat li tirrimborsa s-somma evalwata mill-ġdid mir-rikorrenti.

8        Ma ntlaħaq ebda ftehim bejn il-partijiet dwar l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru.

 Ittalbiet talpartijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru skont il-proċedura prinċipali, li r-rimbors tagħha huwa impost fuq il-Kummissjoni, għal EUR 12 041 755.80.

10      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiffissa l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru għal EUR 405 315 skont il-proċedura prinċipali u ma tħallasx l-ispejjeż għal din il-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

 Iddritt

11      Skont l-Artikolu 170(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li, jekk ikun hemm kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li ma jistax jiġi kkontestat fuq talba tal-parti kkonċernata, wara li tkun tat lill-parti kkonċernata mit-talba l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

12      Skont l-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jinġabru, “l-ispejjeż indispensabbli li jkunu saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ u r-remunerazzjoni ta’ aġent,
konsulent jew avukat”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati għal dawk sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienu indispensabbli għal dan l-għan. (ara d-digriet tas‑6 ta’ Marzu 2003, Nan Ya Plastics u Far Eastern Textiles vs Il-Kunsill, T‑226/00 DEP u T‑227/00 DEP, EU:T:2003:61, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      F’dan il-każ, ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tal-ammont totali ta’ EUR 12 041 755.80 kompost, skont l-indikazzjonijiet tagħha, minn EUR 12 017 848.55 bħala onorarji relatati mas-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika u ta’ EUR 23 907.21 bħala spejjeż sabiex tattendi s-seduta.

14      Qabel ma tiġi eżaminata t-talba għal rimbors tar-rikorrenti fir-rigward tal-onorarji u l-ispejjeż, għandhom isiru osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunfidenzjalità tat-talba u tal-annessi tagħha.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar ilkunfidenzjalità tattalba u talannessi tagħha

15      Għandu jiġi osservat li għalkemm ir-rikorrenti inkludiet fuq kull paġna tat-talba l-kliem “kunfidenzjali” kif ukoll kważi fil-paġni kollha tan-nota tal-annessi l-kliem “kunfidenzjali”, “strettament kunfidenzjali” jew “kunfidenzjali ħafna”, hija ma ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ebda talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni lill-pubbliku, skont l-Artikoli 66 jew 66a tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talba għall-ommissjoni, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ data personali tal-persuni fiżiċi għandha titressaq permezz ta’ att separat u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 66a tar-Regoli tal-Proċedura, talba għall-ommissjoni, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ data li ma hijiex ta’ natura personali tal-persuni fiżiċi għandha tkun motivata u mressqa permezz ta’ att separat. Issa, f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe talba għal ommissjoni (jekk ikun il-każ, motivata) imressqa permezz ta’ att separat, is-sempliċi preżenza tal-imsemmija indikazzjonijiet fit-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż u fl-annessi tagħha ma tistax tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi talba għal ommissjoni ta’ informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku.

16      Barra minn hekk, il-kontenut tat-talba lanqas ma jinkludi spjegazzjonijiet utli f’dan ir-rigward. Minn naħa, ir-rikorrenti indikat li neħħiet mill-annessi T.8 sa T.13 l-informazzjoni li, fil-fehma tagħha, kienet koperta minn kunfidenzjalità “bejn avukat u klijent”. Min-naħa l-oħra, hija indikat li l-produzzjoni tal-fatturi, tas-sommarji u tal-irċevuti li jinsabu fl-Annessi T.8 sa T.13 ma kinux jinvolvu “rinunzja għall-privileġġ avukat-klijent jew għal kull protezzjoni legali oħra relatata mal-kunfidenzjalità ta’ dawn id-dokumenti, tal-komunikazzjonijiet li huma bbażati fuqhom jew ta’ kull dokument ieħor anness magħhom”.

17      Issa, dawn l-indikazzjonijiet kollha ma humiex ċari u preċiżi u għalhekk ma humiex ta’ natura li jippermettu lill-Qorti Ġenerali tifhem jekk, minbarra l-informazzjoni diġà mħassra mir-rikorrenti stess mill-annessi abbażi ta’ allegata kunfidenzjalità “avukat-klijent” u li ma ġietx ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, ċerta informazzjoni jew data, li barra minn hekk ma ġietx identifikata, li tinsab fit-talba jew fl-annessi tagħha jippreżentawx, fil-fehma tagħha, allegata natura kunfidenzjali li għandha tiġi protetta fir-rigward tal-pubbliku fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż.

18      Peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tipproċedi b’ipoteżi jew tirrimedja l-eventwali lakuni tat-talba, ma hemmx lok li jiġi preżunt li r-rikorrenti titlob il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità fil-konfront tal-pubbliku ta’ ċerta informazzjoni jew ċerta informazzjoni li tinsab fit-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż u l-annessi tagħha skont l-Artikoli 66 jew 66a tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Barra minn hekk, ebda element fil-proċess ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni u d-data użata f’dan id-digriet — dwar, b’mod partikolari, l-ammonti mitluba, l-ismijiet tal-uffiċċju tal-avukati u tal-ekonomisti, in-numru u l-kwalifiki tal-avukati u tal-konsulenti, in-numru, il-paġni u l-ammonti tal-fatturi, il-volumi fis-siegħa u r-rati fis-siegħa, il-kategoriji ta’ spejjeż, l-ibliet tal-ivvjaġġar, it-tipi ta’ rċevuti, is-suġġett tal-irċevuti u l-ammonti tagħhom — għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-pubbliku fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li l-Qorti Ġenerali għandha tapplika ex officio l-Artikoli 66 jew 66a tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq lonorarji

20      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma totali ta’ EUR 12 017 848.55 bħala onorarji relatati mas-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika, komposta, skont l-indikazzjonijiet tagħha, minn EUR 11 234 578.85 għas-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti mill-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel Urquhart оSullivan (iktar ’il quddiem “Quinn Emanuel”), ta’ EUR 302 658.10 għas-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti mill-uffiċċju tal-avukati Cravath Swaine 2016 Moore (iktar ’il quddiem “Cravath”) u ta’ EUR 480 611.64 għas-servizzi ta’ konsulenza ekonomika pprovduti minn Compass Lexecon u FTI Consulting (iktar’ il quddiem “Compass Lexecon/FTI”).

 Fuq l-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Cravath

21      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 302 658.10 bħala onorarji għas-servizzi pprovduti mill-uffiċċju tal-avukati Cravath.

22      Qabel kollox, fir-rigward ta’ dawn l-onorarji, għandu jiġi kkonstatat li, kif tippreċiża r-rikorrenti, is-servizzi inkwistjoni ma jikkonċernawx il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda proċeduri mmexxija fl-Istati Uniti li wasslu għall-kisba ta’ ċerti dokumenti li r-rikorrenti sussegwentement ipproduċiet bħala provi fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali permezz ta’ att tas‑26 ta’ Lulju 2019.

23      Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, permezz ta’ “proċedura”, l-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura jkopri biss il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (digrieti tal‑24 ta’ Jannar 2002, Groupe Origny vs Il-Kummissjoni, T‑38/95 DEP, EU:T:2002:13, punt 29; tas‑7 ta’ Diċembru 2004, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00 DEP, EU:T:2004:353, punt 22, u tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Le Levant 015 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02 DEP, EU:T:2010:559, punt 31). Għalhekk, il-kunċett ta’ “spejjeż li jistgħu jinġabru” għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tal-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja bħal dik li tinsab fl-Artikolu 190(2) tal-istess Regoli tal-Proċedura, ma jistax ikopri l-ispejjeż relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi oħra quddiem qrati jew awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Le Levant 015 et vs Il-Kummissjoni, T‑34/02 DEP, EU:T:2010:559, punti 35 u 50), anki meta tali proċeduri huma intiżi, bħal f’dan il-każ, sabiex jiksbu informazzjoni jew dokumenti li permezz tagħhom il-parti kkonċernata għandha l-intenzjoni li ssostni l-motivi ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Fil-fatt, kull kwistjoni inerenti għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-proċeduri quddiem qrati jew awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali oħra hija rregolata, jekk ikun il-każ, mir-regoli li jikkonċernawhom, u r-rimbors tagħhom ma jistax jintalab quddiem il-Qorti Ġenerali bħala spejjeż sostnuti “għall-finijiet tal-proċedura” quddiemha.

25      Għaldaqstant, it-talba għar-rimbors tas-somma ta’ EUR 302 658.10 għas-servizzi ta’ konsulenza legali pprovduti mill-uffiċċju tal-avukati Cravath għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel

26      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-qorti tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex setgħa tintaxxa l-onorarji dovuti mill-partijiet lill-avukat tagħhom, iżda tista’ tiddetermina l-ammont korrispondenti għall-ħlasijiet li jistgħu jinġabru mill-parti kkundannata għall-ispejjeż. Meta tiddeċiedi fuq it‑talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tariffa nazzjonali li tistabbilixxi l-onorarji tal-avukati u lanqas ftehim eventwali konkluż bejn il-parti kkonċernata u l-aġenti jew il-konsulenti tagħha. (ara d-digriet tas‑26 ta’ Jannar 2017, Nurburgring vs EUIPO – Biedermann (Nordschleife), T‑181/14 DEP, EU:T:2017:41, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Għandu jitfakkar li fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet dwar it-tariffi jew dwar il-ħin tax-xogħol neċessarju, il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa liberament il-fatti kollha tal-kawża, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha f’termini tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti intervenjenti u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima ppreżentat għall-partijiet. (ara d-digriet tas‑26 ta’ Jannar 2017, Nordschleife, T‑181/14 DEP, EU:T:2017:41, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mitlub, f’dan il-każ, mir-rikorrenti bħala onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel.

29      Mit-talba jirriżulta li s-somma ta’ EUR 11 234 578.85, ikkalkolata mir-rikorrenti, tikkorrispondi għar-rimbors tal-onorarji ta’ 19-il persuna, jiġifieri erba’ avukati assoċjati, żewġ avukati konsulenti (“of counsel”), għaxar avukati assoċjati, żewġ avukati bi prova u assistent legali anzjan tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel, għall-perijodu mill‑24 ta’ Jannar 2018 sal‑15 ta’ Ġunju 2022.

30      Sabiex tiġġustifika din is-somma, ir-rikorrenti pproduċiet ċerti elementi ta’ kalkolu. Qabel kollox, fl-Anness T.5 tat-talba, ir-rikorrenti pproduċiet tabella sommarja (ippreparata minnha) li tinkludi r-rati fis-siegħa [f’dollari Amerikani (USD)], in-numru ta’ sigħat iffatturati annwalment minn kull waħda mill-imsemmija persuni bejn l‑2018 u l‑2021 kif ukoll l-ammonti totali (f’euro) iffatturati mill-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel għal kull sena (iktar ’il quddiem it-“tabella sommarja QE”). Sussegwentement, fil-kontenut tat-talba, ir-rikorrenti ppreżentat tabella li tqassam is-somma mitluba (f’euro) bħala onorarji akkumulati tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel, tal-uffiċċju tal-avukati Cravath u ta’ Compass Lexecon/FTI fi tmien perijodi li jikkorrispondu, skont l-indikazzjonijiet tagħha, għal fażijiet differenti tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (iktar ’il quddiem it-“tabella b’perijodi”). Fl-aħħar nett, fl-Anness T.8 tat-talba, ir-rikorrenti pproduċiet 34 fattura suċċessivi — li jkopru servizzi mwettqa bejn it‑2 ta’ Jannar 2018 u t‑30 ta’ Ġunju 2021 — li ġew indirizzati lilha mill-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel (li flimkien jammontaw b’mod kumulattiv għal 613 paġna fl-iskeda tal-annessi), li tindika b’mod partikolari s-sigħat irreġistrati minn kull waħda mill-imsemmija 19-il persuna u r-rati tagħhom fis-siegħa (f’USD) (iktar ’il quddiem il- “fatturi QE”).

31      Barra minn hekk, fil-kontenut tat-talba, ir-rikorrenti indikat ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tagħha, is-somma mitluba kienet iġġustifikata u raġonevoli. B’mod partikolari, minbarra l-indikazzjonijiet dwar in-natura, l-importanza u l-kumplessità tal-kawża, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq il-kwantità ta’ xogħol imwettaq mir-rappreżentanti tagħha b’riferiment għall-analiżi u għar-riċerki li saru kif ukoll għan-numru ta’ annessi prodotti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri 73 anness (b’total ta’ 7 900 paġna) li 23 minnhom huma ppreparati mir-rappreżentanti tagħha għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

32      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-suġġett u tan-natura tat-tilwima, tal-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni u tad-diffikultajiet tal-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Kawża T‑235/18 kienet tqajjem kwistjonijiet kumplessi fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li barra minn hekk wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni b’kulleġġ ġudikanti estiż, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regoli tal-Proċedura. B’mod partikolari, l-imsemmija kawża kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, adottata wara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-ġurisprudenza preeżistenti. Barra minn hekk, din il-kawża kienet tikkonċerna qasam tekniku ħafna, dak tal-provvista ta’ baseband chipsets konformi mal-istandard LTE kif ukoll mal-istandards UMTS u GSM lil Apple Inc. għall-iPhones u l-iPads, u qajmet diversi kwistjonijiet kumplessi kemm sostantivi kif ukoll proċedurali.

33      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interessi ekonomiċi inkwistjoni, il-kawża prinċipali kienet tikkonċerna deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq ir-rikorrenti għal allegat ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Ċertament din kienet multa kbira f’valur assolut, qrib il-biljun euro. Madankollu, it-talba tar-rikorrenti, f’dan il-każ, ma tinkludi ebda element li jippermetti li tiġi evalwata l-importanza tal-imsemmija multa meta mqabbla mas-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Barra minn hekk, l-ipoteżi invokata mir-rikorrenti fit-talba li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata setgħet isservi bħala bażi legali għal azzjonijiet ġudizzjarji ulterjuri kontriha, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni oħra, lanqas ma tippermetti li jiġu evalwati l-interessi ekonomiċi li l-kawża prinċipali ppreżentat għal din tal-aħħar f’dan ir-rigward. L-istess japplika għall-allegazzjoni, ukoll mhux sostnuta, li l-konsegwenzi finanzjarji globali sostnuti mir-rikorrenti kienu nettament ogħla mill-ispejjeż mitluba. Għaldaqstant, għalkemm huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-multa inkwistjoni, l-imsemmija kawża kellha importanza ekonomika sinjifikattiva għar-rikorrenti, ebda element ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan l-interess kien “enormi”, kif hija tallega.

34      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda tal-volum ta’ xogħol li l-proċedura setgħet involviet għar-rappreżentanti tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha tieħu prinċipalment inkunsiderazzjoni, in-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li oġġettivament jistgħu jidhru bħala indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, indipendentement min-numru ta’ avukati li setgħu jipprovdu s-servizzi inkwistjoni (ara d-digriet tat‑28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99 DEP, EU:T:2004:192, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Għandu jitfakkar li, għalkemm, bħala prinċipju, ir-remunerazzjoni ta’ avukat wieħed biss hija rekuperabbli, jista’ jkun li, skont il-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, li fosthom hemm il-kumplessità tagħha, ir-remunerazzjoni ta’ diversi avukati tista’ titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “spejjeż indispensabbli” fis-sens tal-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura. (ara d-digriet tal‑15 ta’ Settembru 2004, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T‑178/98 DEP, EU:T:2004:265, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Sabiex tipproċedi għall-intaxxar tal-ispejjeż f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina sa fejn is-servizzi pprovduti mill-avukati kollha kkonċernati kienu neċessarji għall-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji u li tiżgura ruħha li l-involviment ta’ diversi avukati ma wassalx għal duplikazzjoni inutli tal-ispejjeż (ara, b’analoġija, id-digrieti tat‑28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99 DEP, EU:T:2004:192, punt 44, u tas‑27 ta’ Novembru 2020, Flabeg Deutschland vs Il-Kummissjoni, T‑103/15 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2020:585, punt 47).

37      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ispejjeż ta’ koordinazzjoni bejn avukati tal-istess parti ma jistgħux jitqiesu bħala spejjeż indispensabbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru. (ara d-digriet tat‑13 ta’ Jannar 2017, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09 DEP, EU:T:2017:5, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, meta l-avukati ta’ parti jkunu diġà assistewha matul il-proċeduri jew il-passi ta’ qabel il-kawża relatata magħhom, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-avukati ikollhom għarfien ta’ elementi rilevanti għall-kawża li huwa tali li għandu jħaffifilhom xogħlhom u jnaqqas il-ħin ta’ tħejjija neċessarju għall-proċedura kontenzjuża. (ara d-digriet tat‑13 ta’ Jannar 2006, IPK-München vs Il-Kummissjoni, T‑331/94 DEP, EU:T:2006:11, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, f’dan il-każ, il-kawża prinċipali setgħet effettivament titlob lill-avukati tar-rikorrenti xogħol importanti fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 32 u 33 iktar ’il fuq, it-talba tagħha u l-annessi tagħha, b’mod partikolari l-fatturi QE, it-tabella b’perijodi u t-tabella ta’ sinteżi QE, ma jippermettux li jiġi evalwat il-volum ta’ xogħol li jikkorrispondi għas-somom mitluba għall-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel.

40      L-ewwel nett, l‑34 fattura QE prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jinkludu ebda deskrizzjoni tal-kompiti mwettqa. Fil-fatt, ir-rikorrenti għażlet li tneħħi din l-informazzjoni kollha, billi tinjorahom, mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ allegata kunfidenzjalità “avukat-klijent”. (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwarha fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Xorta jibqa’ l-fatt li tali għażla tar-rikorrenti timplika li dawn il-fatturi ma jippermettux li jiġi ddeterminat, pereżempju, in-numru ta’ sigħat iddedikati għall-preparazzjoni tar-rikors, tar-replika, ta’ kull wieħed mill-atti l-oħra ppreżentati minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali jew ukoll tas-seduta. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma pprovdiet indikazzjoni jew stima f’dan ir-rigward fil-kontenut tat-talba.

41      Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-fatturi QE prodotti mir-rikorrenti ma jirrigwardawx biss onorarji tal-avukat, iżda wkoll spejjeż, mingħajr madankollu ma saret ebda distinzjoni f’dan ir-rigward minnha fit-talba tagħha. Barra minn hekk, l-ewwel fattura QE prodotta mir-rikorrenti tidher ukoll li tikkonċerna servizzi mwettqa f’dati preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, l-aħħar fattura QE prodotta mir-rikorrenti tieqaf fit‑30 ta’ Ġunju 2021, filwaqt li r-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Lulju 2021.

42      It-tieni nett, mhux biss it-tabella b’perijodi ppreżentata fil-kontenut tat-talba ma tikkonċernax biss l-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel, peress li din tirrigwarda wkoll l-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Cravath u ta’ Compass Lexecon/FTI (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), iżda lanqas ma jippermetti li jiġi evalwat ix-xogħol imwettaq konkretament fir-rigward ta’ kull perijodu u b’mod partikolari l-volum ta’ sigħat iddedikati għall-preparazzjoni tal-atti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew għas-seduta.

43      Fin-nuqqas ta’ tali indikazzjonijiet, it-tqassim tas-somom proposti mir-rikorrenti f’din it-tabella mhux biss ma huwiex iġġustifikat, iżda jidher li jwassal ukoll għal riżultati manifestament eċċessivi fil-perspettiva ta’ din il-proċedura, bħal, b’mod partikolari, is-somma ta’ madwar EUR 3 400 000 għall-preparazzjoni tar-rikors biss. Fil-fatt, tali somma, b’rata medja fis-siegħa ipotetika ta’ EUR 500, tikkorrispondi għal 6 800 siegħa ta’ xogħol, jiġifieri għal 850 jum ta’ xogħol sa massimu ta’ 8 sigħat kuljum għar-rikors biss. L-istess jgħodd, b’mod partikolari, għas-somma ta’ madwar EUR 2 900 000 mitluba għall-preparazzjoni tar-replika u għal dik ta’ madwar EUR 2 350 000 mitluba għall-preparazzjoni tas-seduta.

44      It-tielet nett, tali informazzjoni dwar ix-xogħol imwettaq konkretament u dwar il-volum fis-siegħa relatat lanqas ma tirriżulta mit-tabella ta’ sinteżi QE annessa mat-talba. Din it-tabella tippermetti biss lill-Qorti Ġenerali tikkonstata – minkejja li ma għandhiex l-obbligu li tfittex u tidentifika fid-dokumenti prodotti l-elementi li jistgħu jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u ta’ spjegazzjonijiet iddettaljati fl-applikazzjoni stess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Frar 2008, Verizon Business Global vs Il-Kummissjoni, T‑310/00 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2008:32, punt 50) – li l-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel iffattura total ta’ 16 422.6 siegħa lir-rikorrenti bejn l‑2018 u l‑2021, u dan b’rati fis-siegħa li jvarjaw minn USD 315 sa USD 1 515.

45      B’hekk, minkejja n-numru kbir ta’ dokumenti u ta’ data prodotti mir-rikorrenti, ebda wieħed minnhom ma jippermetti li jiġi ddeterminat għal liema kompiti dan il-volum totali fis-siegħa jikkorrispondi, b’mod partikolari, in-numru ta’ sigħat korrispondenti, jekk ikun il-każ, għal kompiti dduplikati jew għal kompiti ta’ koordinazzjoni bejn id‑19 persuna inklużi fil-fatturi, jekk l-imsemmija sigħat ta’ xogħol ingħatawx għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas jekk dawn kinux indispensabbli għal dawn il-finijiet. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti ma jippermettux li tiġi ddeterminata b’mod preċiż ir-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għad-diversi kompiti mwettqa mill-avukati, peress li, fi kwalunkwe każ, fil-perspettiva ta’ din il-proċedura, ir-rati fis-siegħa li jinsabu b’mod partikolari bejn USD 1 005 u USD 1 515, bħal uħud minn dawk imsemmija fil-fatturi QE u fit-tabella ta’ sinteżi QE, huma manifestament eċċessivi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji inkwistjoni. Fil-fatt, għalkemm parti hija ċertament libera li tirrikorri għal avukati li jiffatturaw b’rati fis-siegħa daqstant għolja, il-fatt li jintrabtu mas-servizzi tagħhom ma jistax jitqies li huwa indispensabbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 12 iktar ’il fuq. (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑20 ta’ Jannar 2014, Charron Inox u Almet vs Il-Kunsill, T‑88/12 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2014:43, punt 24, u tat‑8 ta’ Lulju 2020, Fastweb vs Il-Kummissjoni, T‑19/17 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2020:331, punt 51), iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, dawn ir-rati ma humiex ippreżentati, fit-talba, b’rabta ma’ kompiti preċiżi identifikati b’mod ċar.

46      Ir-raba’ nett, l-indikazzjoni tar-rikorrenti li r-rappreżentanti tagħha għamlu diversi riċerki u analiżi jew ipproduċew diversi dokumenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex suffiċjenti sabiex issostni s-somom mitluba u n-natura indispensabbli tax-xogħol relatat magħhom. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi evalwata n-natura indispensabbli tal-ispejjeż sostnuti, għandhom jiġu pprovduti indikazzjonijiet preċiżi persuna li tkun qed titlob ir-rimbors tal-ispejjeż (digriet tat‑8 ta’ Lulju 2020, Fastweb vs Il-Kummissjoni, T‑19/17 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2020:331, punt 44). Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq it-tul tal-atti ppreżentati kif ukoll fuq in-numru u t-tul tal-annessi relatati magħhom, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-atti li għandhom diversi paġni u li kellhom diversi annessi ġew ippreżentati mir-rappreżentanti tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jixhed in-natura indispensabbli, għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, tas-sigħat ta’ xogħol, u għalhekk tas-somom mitluba relatati magħhom.

47      Minn dan jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti ma tippermettix li jiġu ddeterminati l-volumi ta’ sigħat li jikkorrispondu għad-diversi kompiti mwettqa mill-avukati tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ir-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għal dawn il-kompiti.

48      Issa, għalkemm l-assenza ta’ kull informazzjoni dwar l-ispejjeż effettivament sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, inkluż b’mod partikolari dwar ir-rati fis-siegħa u l-ħin iddedikat għat-twettiq ta’ kompiti differenti, ma tostakolax l-iffissar, mill-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, hija tpoġġih f’sitwazzjoni ta’ evalwazzjoni neċessarjament stretta f’dak li jirrigwarda t-talbiet tar-rikorrenti (digriet tat‑8 ta’ Lulju 2020, Fastweb vs Il-Kummissjoni, T‑19/17 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2020:331, punti 44, 46 u 47).

49      Barra minn hekk, fir-rigward tar-rata fis-siegħa, għandu jitfakkar li, fl-assenza, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ta’ skala tariffarja f’dan ir-rigward, huwa biss fil-każ fejn ir-rata medja fis-siegħa ffatturata tidher manifestament eċċessiva li l-Qorti Ġenerali tista’ titbiegħed minnha u tiffissa ex æquo et bono l-ammont tal-onorarji tal-avukat u tal-ekonomisti esperti li jistgħu jinġabru. (ara d-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2021, Romańska vs Frontex, T‑212/18 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2021:30, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda indikazzjoni, u lanqas stima, tal-ħin tax-xogħol li jikkorrispondi għall-istadji differenti tal-proċedura u tar-rata medja fis-siegħa relatata magħha, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba, ifformulat l-istimi segwenti tal-ħin tax-xogħol li dawn l-istadji kienu jeħtieġu għall-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel:

–        500 siegħa għar-rikors (88 paġni b’4 000 paġna ta’ annessi);

–        200 siegħa għar-replika (66 paġni b’600 paġna ta’ annessi);

–        8 sigħat għall-osservazzjonijiet tal‑20 ta’ Ġunju 2019 (3 paġni);

–        260 siegħa għall-att tas‑26 ta’ Lulju 2019 (46 paġna b’3 300 paġna ta’ annessi);

–        12-il siegħa għall-att tal‑25 ta’ Awwissu 2020 (4 paġni u nofs);

–        4 sigħat għall-att tad‑9 ta’ Novembru 2020 (2 paġni);

–        50 siegħa għar-risposta tal‑20 ta’ Novembru 2020 (18‑il paġna);

–        2 sigħat għall-osservazzjonijiet tal‑15 ta’ Diċembru 2020 (li jittrażmettu l-impenn ta’ kunfidenzjalità ffirmat);

–        4 sigħat għall-osservazzjonijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2020 (2 paġni);

–        15‑il siegħa għall-osservazzjonijiet tas‑26 ta’ Jannar 2021 (6 paġni);

–        6 sigħat għall-parteċipazzjoni fil-laqgħa informali tal‑15 ta’ April 2021 (għal 45 minuta);

–        250 siegħa għall-parteċipazzjoni għas-seduta mill‑4 sas‑6 ta’ Mejju 2021 (għal 3 ijiem);

–        8 sigħat għall-osservazzjonijiet tad‑19 ta’ Mejju 2021 (4 paġni);

–        u 20 siegħa għall-osservazzjonijiet tal‑20 ta’ Lulju 2021 (32 paġna).

51      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għalhekk qieset li d-diversi stadji tal-proċedura kienu jeħtieġu massimu ta’ 1 339 siegħa ta’ xogħol. Billi pproponiet li żżomm rata medja fis-siegħa ta’ EUR 300, il-Kummissjoni kkonkludiet, essenzjalment, li s-somma ta’ EUR 401 700 setgħet tiġi rkuprata bħala onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel.

52      Madankollu, għalkemm it-talba tar-rikorrenti hija insuffiċjentement issostanzjata u manifestament eċċessiva f’dak li jirrigwarda kemm l-ammonti mitluba kif ukoll il-volumi ta’ sigħat u r-rati fis-siegħa relatati, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-avukati li rrappreżentaw lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali kienu wkoll assistewha quddiem il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-proposta tal-Kummissjoni, filwaqt li tikkostitwixxi stima utli, tidher madankollu inqas minn evalwazzjoni adegwata.

53      B’mod partikolari, l-istima tal-Kummissjoni twassal b’mod partikolari sabiex jiġi kkunsidrat volum ta’ 960 siegħa ta’ xogħol għall-preparazzjoni tar-rikors (500), tar-replika (200) u tal-att tas‑26 ta’ Lulju 2019 (260). Issa, fid-dawl tan-numru ta’ motivi mqajma, tad-diffikultà tal-kwistjonijiet legali u fattwali magħmula, tan-numru u tal-inkatenament tal-imsemmija atti, tal-provi prodotti fl-anness tagħhom u ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll tan-natura progressivament iktar iffokata u ddettaljata tal-argument żviluppat, tali stima ma tidhirx li tikkorrispondi għal evalwazzjoni adegwata tal-ħin tax-xogħol oġġettivament indispensabbli għall-preparazzjoni ta’ dawn it-tliet atti, evalwazzjoni adegwata li, madankollu, ma tistax taqbeż volum ta’ 1 400 siegħa ta’ xogħol għal dawn l-istess atti.

54      Minbarra dan in-numru ta’ sigħat, minn naħa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ammont ta’ 150 siegħa ta’ xogħol għall-preparazzjoni tal-atti l-oħra bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri dawk diġà msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq kif ukoll ċerti atti oħra li ma jidhrux fl-imsemmi punt (it-talba tas‑16 ta’ Jannar 2019, it-talba tal‑10 ta’ Diċembru 2020 u l-addendum tagħha tat‑18 ta’ Diċembru 2020, it-talba tal‑21 ta’ Jannar 2021, l-osservazzjonijiet tad‑29 ta’ Marzu 2021 u l-osservazzjonijiet tat‑3 ta’ Mejju 2021). Min-naħa l-oħra, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni volum ta’ 250 siegħa ta’ xogħol għall-preparazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-laqgħa informali tal‑15 ta’ April 2021 u fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali mill‑4 sas‑6 ta’ Mejju 2021.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża, peress li volum totali ta’ 1 800 siegħa ta’ xogħol jitqies li huwa ekwu għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali, u dan indipendentement min-numru ta’ avukati kkonċernati, issir evalwazzjoni ġusta ex æquo et bono tas-somma sa fejn l-onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel jistgħu jinġabru mingħand il-Kummissjoni billi tiġi ffissata għal EUR 750 000.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel għandu jiġi ffissat għal EUR 750 000.

 Fuq l-ispejjeż marbuta mal-intervent tal-konsulenti ekonomiċi ta’ Compass Lexecon/FTI

57      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 480 611.64 għas-servizzi ta’ konsulenza ekonomika pprovduti minn Compass Lexecon/FTI.

58      Għandu jitfakkar li, fid-dawl tan-natura essenzjalment ekonomika ta’ ċerti kawżi, l-intervent ta’ konsulenti ta’ esperti ekonomiċi flimkien max-xogħol tal-konsulenti legali jista’ xi drabi jirriżulta indispensabbli fil-kawżi li jikkonċernaw deċiżjonijiet li jaqgħu f’dawn l-oqsma u b’hekk iwassal għal spejjeż li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 140(b) tar-Regoli tal-Proċedura. (ara, fir-rigward ta’ proċedura ta’ għajnuna mill-Istat, id-digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2006, WestLB vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2006:405, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata, u, fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, id-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 2020, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13 DEP II, mhux ippubblikat, EU:T:2020:372, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Sabiex dan ikun il-każ, tali parteċipazzjoni ta’ konsulenti ekonomiċi għandha tkun oġġettivament neċessarja għall-finijiet tal-proċedura. (ara d-digriet tas‑17 ta’ Awwissu 2020, United Parcel Service vs Il-Kummissjoni, T‑194/13 DEP II, mhux ippubblikat, EU:T:2020:372, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Mit-talba jirriżulta li s-somma ta’ EUR 480 611.64, ikkalkolata mir-rikorrenti, tikkorrispondi għar-rimbors tal-onorarji ta’ 9 konsulent ekonomiku ta’ Compass Lexecon/FTI, għall-perijodu mill‑24 ta’ Jannar 2018 sal‑15 ta’ Ġunju 2022.

61      Sabiex tiġġustifika din is-somma, ir-rikorrenti pproduċiet elementi ta’ kalkolu analogi għal dawk imsemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq, jiġifieri, qabel kollox, fl-Anness T.6 tat-talba, tabella sommarja (ippreparata minnha) li tinkludi r-rati fis-siegħa (f’USD) u n-numri ta’ sigħat iffatturati kull sena minn kull wieħed mill-imsemmija konsulenti bejn l‑2018 u l‑2021 kif ukoll l-ammonti totali (f’euro) iffatturati minn Compass Lexecon/FTI għal kull sena (iktar ’il quddiem it-“tabella ta’ sinteżi CL”). Sussegwentement, fil-kontenut tat-talba, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq l-istess tabella b’perijodi msemmija fil-punti 30, 42 u 43 iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, fl-Anness T.9 tat-talba, ir-rikorrenti pproduċiet 10 fatturi — li jkopru l-perijodu mis‑16 ta’ Jannar 2018 sas‑6 ta’ Mejju 2021 — li ntbagħtulha minn Compass Lexecon/FTI li jindikaw is-sigħat irreġistrati minn kull wieħed mill-konsulenti kkonċernati u r-rati tagħhom fis-siegħa (f’USD) (iktar ’il quddiem il-“fatturi CL”).

62      Barra minn hekk, fil-kontenut tat-talba, ir-rikorrenti indikat li l-konsulenti ekonomiċi tagħha kienu ppreparaw rapporti jew noti ekonomiċi li kienu ġew inkorporati jew annessi mar-rikors u mar-replika, u li wieħed mill-konsulenti tagħha kien attenda għas-seduta sabiex jipprovdi kjarifiki. Ir-rikorrenti rreferiet ukoll għall-analiżi ekonomiċi li hija kienet ippreżentat quddiem il-Kummissjoni.

63      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, f’dan il-każ, hemm effettivament lok li jiġi kkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ konsulenti ekonomiċi kienet oġġettivament neċessarja għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, it-talba tar-rikorrenti u l-annessi tagħha, b’mod partikolari l-fatturi CL, it-tabella b’perijodi u t-tabella ta’ sinteżi CL, ma jippermettux li jiġi evalwat il-volum ta’ xogħol li jikkorrispondi għas-somom mitluba għall-onorarji ta’ Compass Lexecon/FTI għall-imsemmija proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

64      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatturi CL prodotti mir-rikorrenti fl-anness tat-talba ma jinkludu ebda deskrizzjoni tal-kompiti mwettqa, peress li r-rikorrenti għażlet li tneħħi din l-informazzjoni kollha, billi oskurathom, mid-dokumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. (ara l-punt 16 u, b’analoġija, il-punt 40 iktar ’il fuq). Sussegwentement, it-tabella b’perijodi, ippreżentata fil-kontenut tat-talba, ma tippermetti li ssir ebda evalwazzjoni konkreta (ara, b’analoġija, il-punt 42 iktar ’il fuq). Fl-aħħar nett, it-tabella ta’ sinteżi CL annessa mat-talba tippermetti biss lill-Qorti Ġenerali tikkonstata — minkejja li ma għandhiex l-obbligu li tfittex u tidentifika fl-annessi elementi sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ spjegazzjonijiet fit-talba. (ara, f’dan is-sens, il-punt 44 iktar ’il fuq) — li Compass Lexecon/FTI ffatturat total ta’ 853.7 sigħat lir-rikorrenti bejn l‑2018 u l‑2021, u dan b’rati fis-siegħa li jvarjaw minn USD 242 sa USD 1 055.

65      B’hekk, minkejja n-numru kbir ta’ dokumenti u ta’ data prodotti mir-rikorrenti, ebda wieħed minnhom ma jippermetti li jiġi ddeterminat għal liema kompiti dan il-volum totali ta’ sigħat jikkorrispondi, b’mod partikolari, in-numru ta’ sigħat korrispondenti, jekk ikun il-każ, għal kompiti dduplikati jew għal kompiti ta’ koordinazzjoni bejn id‑9 persuna inklużi fil-fatturi, jekk l-imsemmija sigħat ta’ xogħol ingħatawx għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas jekk dawn kinux indispensabbli għal dawn il-finijiet. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, ix-xogħol relatat mal-analiżi ekonomiċi ppreżentati quddiem il-Kummissjoni huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 iktar ’il fuq, tirrigwarda biss l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

66      Minn dan jirriżulta li t-talba tar-rikorrenti ma tippermettix li jiġi ddeterminat il-volum ta’ sigħat li jikkorrispondi għad-diversi kompiti konkretament imwettqa għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali mill-konsulenti ekonomiċi ta’ Compass Lexecon/FTI, u lanqas ir-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għal dawn il-kompiti differenti.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ispejjeż marbuta mal-intervent tal-konsulenti ekonomiċi ta’ Compass Lexecon/FTI ma jistgħux jiġu kompletament miċħuda, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandha neċessarjament tkun stretta, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 iktar ’il fuq.

68      Issa, minn naħa, peress li r-rikorrenti ma pprovdiet ebda indikazzjoni konkreta dwar il-volum ta’ xogħol imwettaq mill-konsulenti ekonomiċi tagħha għall-finijiet tal-preparazzjoni tar-rapporti u tan-noti inklużi jew annessi mar-rikors u mar-replika, issir evalwazzjoni ġusta ex æquo et bono ta’ dan il-volum ta’ xogħol billi tiġi ffissata għal 50 siegħa. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, konsulent ekonomiku tar-rikorrenti ġie awtorizzat jintervjeni, fil-preżenza u taħt ir-responsabbiltà tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, matul it-tlett ijiem tas-seduta, sabiex jipprovdi kjarifiki. L-ammont ta’ xogħol li jikkorrispondi għal dawk il-kompiti għandu jkun ta’ 24 siegħa. Konsegwentement, volum ta’ 74 siegħa ta’ xogħol huwa kkunsidrat bħala ġust għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali.

69      Fir-rigward tar-rata fis-siegħa, peress li t-talba ma tippermettix li tiġi ddeterminata preċiżament ir-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għad-diversi kompiti mwettqa mill-konsulenti ekonomiċi u li, fi kwalunkwe każ, rata fis-siegħa ta’ USD 1 055, bħal waħda mir-rati msemmija fil-fatturi CL u fit-tabella ta’ sinteżi CL, tkun manifestament eċċessiva għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji inkwistjoni, issir evalwazzjoni ġusta ex æquo et bono tas-somma li fir-rigward tagħha l-onorarji ta’ Compass Lexecon/FTI jistgħu jinġabru mill-Kummissjoni billi tiġi ffissata għal EUR 30 000.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji ta’ Compass Lexecon/FTI għandu jiġi ffissat għal EUR 30 000.

 Konklużjonijiet dwar l-onorarji

71      Għaldaqstant, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji relatati mas-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika għall-proċedura prinċipali għandhom jiġu ffissati għal total ta’ EUR 780 000.

 Fuq lispejjeż

72      Bħala spejjeż, ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 23 907.21 relatata mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-avukati tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel, tal-konsulent ekonomiku ta’ Compass Lexecon/FTI u ta’ wieħed mill-impjegati tagħha sabiex jattendi għas-seduta.

73      Hija l-persuna li titlob ir-rimbors tal-ispejjeż li għandha tipproduċi l-prova tar-realtà u tal-ammont tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ li hija qiegħda titlob li jiġi rrimborsati (digriet tas‑26 ta’ Jannar 2017, Nordschleife, T‑181/14 DEP, EU:T:2017:41, punt 34).

74      Għandu jitfakkar li l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ sostnuti minn persuni li ma humiex avukati jistgħu jinġabru biss jekk il-preżenza ta’ dawn il-persuni kienet indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura. [ara, b’analoġija, id-digrieti tas‑17 ta’ Settembru 1998, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑271/94 (92) EU:T:1998:222, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Ottubru 2017, Heli-Flight vs AESA, T‑102/13 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2017:769, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, l-ispejjeż ta’ konsulent wieħed jistgħu jiġu ddikjarati li jistgħu jinġabru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Coop Nord vs Il-Kummissjoni, T‑244/08 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2014:899, punt 33).

 Fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tal-avukati tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel

76      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 12 632.95 bħala spejjeż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tal-avukati tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel sabiex jattendu s-seduta.

77      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ma tinkludi, fiha nnifisha, ebda indikazzjoni dwar in-natura tal-ispejjeż mitluba u lanqas ebda tqassim skont il-kategorija ta’ spejjeż. Madankollu, sabiex tiġġustifika dan l-ammont, fit-talba, ir-rikorrenti tirreferi għal fattura li ġiet indirizzata lilha mill-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel (prodotta fl-Anness T.8) kif ukoll għall-fatturi li jħallsu dawn il-ħlasijiet mill-avukati tagħha (prodotti fl-Anness T.11).

78      Mit-tlieta u tletin fattura tal-uffiċċju ta’ avukati Quinn Emanuel, prodotta mir-rikorrenti fl-Anness T.8, jirriżulta li s-somma inkwistjoni tikkonċerna, essenzjalment l-ispejjeż ta’ sussistenza f’lukanda, ta’ vvjaġġar u ta’ kiri ta’ sala. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż jidhru li huma ddettaljati fiż-żewġ fatturi l-oħra (f’euro), prodotti fl-Anness T.11 mir-rikorrenti, jiġifieri fattura ta’ lukanda fil-Lussemburgu u fattura ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ trasport fi Brussell, peress li l-istess anness jidher li jinkludi tabelli tal-kontabbiltà f’forma differenti tal-imsemmija spejjeż u erba’ paġni kompletament imnaddfa mill-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ tevalwa dawn l-ispejjeż biss fid-dawl tal-imsemmija żewġ fatturi ta’ lukanda u ta’ trasport.

79      Fl-ewwel lok, mil-lista tas-servizzi msemmija fil-fattura tal-lukanda, fl-ammont ta’ EUR 8 513, jirriżulta li din tkopri l-ispejjeż għal-ljieli, għall-ikel, għall-kiri ta’ sala għal-laqgħat u ta’ materjal kif ukoll għal “trasferimenti”.

80      L-ewwel nett, fir-rigward tal-iljieli, il-fattura tal-lukanda tirreferi għal somma totali ta’ EUR 5 630 għal erbgħa ljieli (mit‑3 sas‑7 ta’ Mejju 2021) għal ħames avukati. Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li s-seduta fil-kawża prinċipali nżammet mill‑4 sas‑6 ta’ Mejju 2021. Kif jirriżulta mill-poċess verbal tas-seduta, fis‑6 ta’ Mejju 2021, is-seduta ngħalqet f’madwar 16-il siegħa. Għaldaqstant, il-lejl bejn is‑6 u s‑7 ta’ Mejju 2021 ma jistax jitqies li huwa indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, mill-fattura tal-fornitur ta’ servizzi ta’ trasport jirriżulta li żewġ vjaġġi bil-karozza mil-Lussemburgu sa Brussell għal sitt persuni seħħew fis‑6 ta’ Mejju 2021. Min-naħa l-oħra, għalkemm fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, peress li s-seduta nżammet fi żmien tlett ijiem, l-ispejjeż relatati mal-iljieli tat-tliet avukati li rrappreżentaw lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li t-tlieta li huma argumentaw quddiemha waqt l-imsemmija seduta jistgħu jitqiesu li jistgħu jinġabru lura skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 iktar ’il fuq, l-istess ma jistax japplika għaż-żewġ avukati l-oħra li ma rrappreżentawx lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Minn dan jirriżulta li s-somma li tista’ tinġabar lura għat-tliet iljieli f’lukanda għal tliet avukati (EUR 289 għal kull lejl) hija ta’ EUR 2 601.

81      It-tieni nett, fir-rigward tal-ikliet, il-fattura tal-lukanda tirreferi għal somma totali ta’ EUR 79, li għandha titqies li tista’ tinġabar lura, peress li din is-somma hija debitament iġġustifikata u raġonevoli.

82      It-tielet nett, fir-rigward tal-kiri ta’ sala tal-laqgħat u ta’ materjal, il-fattura tal-lukanda tirreferi għal somma totali ta’ EUR 2 250. Ċertament, it-talba u d-dokumenti prodotti la juru n-natura preċiża ta’ dawn l-ispejjeż ta’ kiri u lanqas sa fejn dawn il-kirjiet kienu indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, għalkemm l-ispejjeż relatati mal-kiri ta’ materjal (EUR 750 għal “stampatriċi”) għandhom jiġu miċħuda fl-assenza ta’ kull preċiżazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kiri ta’ sala għal-laqgħat (EUR 1 500 għal tlett ijiem), għandu jiġi kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża, peress li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali nżammet fuq tlett ijiem u r-rikorrenti kienet irrappreżentata minn tliet avukati (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), l-użu ta’ sala għal-laqgħat fil-lukanda ta’ dawn l-avukati tista’ titqies li hija effettivament indispensabbli. Madankollu, il-portata tal-użu ta’ tali sala tal-laqgħa ma kinitx ġiet ippreċiżata mir-rikorrenti, il-kiri tagħha għal tlett ijiem sħaħ jidher eċċessiv fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti. Għalkemm l-assenza ta’ tali informazzjoni ma tostakolax lill-Qorti Ġenerali milli tiffissa, abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan ir-rigward, madankollu din l-assenza tqegħidha f’sitwazzjoni li twettaq evalwazzjoni neċessarjament stretta għal dak li jikkonċerna t-talbiet tar-rikorrent. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Marzu 2018, K&K Group Group vs EUIPO – Pret A Manger (Europe) (Pret A Diner), T‑2/16 DEP, mhux ippubblikat, EU:T:2018:175, punt 37). Għaldaqstant, is-somma li tista’ tiġi miġbura lura għal f’dan ir-rigward hija ffissata ex aequo et bono għal EUR 750.

83      Ir-raba’ nett, fir-rigward tat- “trasferimenti”, il-fattura ssemmi somma totali ta’ EUR 554 fir-rigward ta’ lukanda oħra. Sa fejn l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti ma tippermettix li jiġi ddeterminat la s-suġġett stess ta’ dawn l-ispejjeż u lanqas a fortiori n-natura indispensabbli tagħhom għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, dawn għandhom jiġu miċħuda.

84      Fit-tieni lok, mill-fattura tal-fornitur tas-servizzi ta’ trasport fi Brussell, li tammonta għal EUR 2 106.22, jirriżulta li din tkopri tliet vjaġġi bil-karozza minn Brussell għal-Lussemburgu fit‑3 ta’ Mejju 2021 (vjaġġ għal erba’ persuni, vjaġġ għal żewġ persuni u vjaġġ għal oġġett wieħed) u żewġ vjaġġi bil-karozza tal-Lussemburgu fi Brussell fis‑6 ta’ Mejju 2021 (vjaġġ għal erba’ persuni u vjaġġ għal żewġ persuni).

85      Issa, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 80 iktar ’il fuq, hija biss il-preżenza tat-tliet avukati li rrappreżentaw lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u li kienu argumentaw quddiemha waqt is-seduta tista’ titqies indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fl-imsemmija seduta. Konsegwentement, hija biss is-somma li tikkorrispondi għall-vjaġġ ta’ dawn it-tliet avukati li tista’ titqies li tista’ tiġi miġbura lura. F’dan il-każ, fid-dawl tal-fattura prodotta mir-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li tali somma tikkorrispondi, essenzjalment, għall-ispiża tal-vjaġġ bir-ritorn (EUR 380) u għall-vjaġġ tar-ritorn (EUR 380) għal erba’ persuni, mingħajr spejjeż addizzjonali ffatturati għall-istennija, għal ammont totali ta’ EUR 760.

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ammont totali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru fir-rigward tal-spejjeż tal-uffiċċju tal-avukati Quinn Emanuel għandu jiġi ffissat għal EUR 4 190.

 Fuq l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ alloġġ tal-konsulent ekonomiku ta’ Compass Lexecon/FTI

87      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 2 749.08 bħala spejjeż ta’ vvjaġġar u ta’ alloġġ tal-konsulent ekonomiku ta’ Compass Lexecon/FTI sabiex jattendi għas-seduta.

88      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ma tinkludi, fiha nnifisha, ebda indikazzjoni dwar in-natura tal-ispejjeż mitluba u lanqas ebda tqassim skont il-kategorija ta’ spejjeż. Madankollu, sabiex tiġġustifika dan l-ammont, fit-talba, ir-rikorrenti tirreferi għall-Anness T.12 li jinkludi fatturi u rċevuti.

89      L-Anness T.12 prodott mir-rikorrenti jsemmi, f’tabella, kategoriji differenti ta’ spejjeż, jiġifieri spejjeż:

–        għal tliet vjaġġi bit-taksi, li jammontaw għal EUR 30, EUR 42.09 u EUR 30, jiġifieri total ta’ EUR 102.09;

–        għal żewġ testijiet COVID‑19 li jammontaw għal EUR 180 u EUR 169, li jikkorrispondu għal total ta’ EUR 349;

–        għal vjaġġi bl-ajru, li jammontaw għal EUR 948.45;

–        għal-lukanda, għal ammont ta’ EUR 1 220.

90      Barra minn hekk, l-Anness T.12 prodott mir-rikorrenti jinkludi wkoll tliet paġni li l-kontenut tagħhom tneħħa kompletament, fattura ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar u paġna li tinkludi kopja ta’ diversi rċevuti u rċevuti fiskali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ tevalwa dawn l-ispejjeż biss fid-dawl tal-imsemmija fattura u tal-imsemmija rċevuti u rċevuti fiskali.

91      L-ewwel nett, fir-rigward tal-vjaġġi bit-taxi, ir-rikorrenti pproduċiet kopja ta’ tliet irċevuti fir-rigward ta’ vjaġġ bit-taxi f’Madrid fit‑3 ta’ Mejju 2021 (EUR 30), vjaġġ bit-taxi fil-Lussemburgu fit‑3 ta’ Mejju 2021 (EUR 42.09) u vjaġġ bit-taxi f’Madrid fis‑7 ta’ Mejju 2021 (EUR 30). Tali spejjeż, li jidhru marbuta mal-vjaġġ minn Madrid lejn il-Lussemburgu tal-konsulent ekonomiku tar-rikorrenti għas-seduta tal‑4 sas‑6 ta’ Mejju 2021, jistgħu jitqiesu li huma indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, is-somma li tista’ tinġabar lura fir-rigward tal-vjaġġi bit-taxi hija stabbilita għal EUR 102.09.

92      It-tieni nett, fir-rigward tal-ispejjeż għal żewġ testijiet COVID‑19, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti pproduċiet biss kopja ta’ riċevuta ta’ karta bankarja li jidher li nħareġ f’Madrid fit‑2 ta’ Mejju 2021 (EUR 180). Madankollu, din l-irċevuta la tindika l-provvista kkonċernata u lanqas il-persuna kkonċernata, peress li s-sempliċi fatt li din l-irċevuta tinkludi l-kelma Spanjola “clinica” ma huwiex manifestament suffiċjenti f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, ebda prova ma ġiet prodotta fir-rigward tal-ammont l-ieħor (ta’ EUR 169) mitlub bl-istess mod. Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż għandu għalhekk jiġi miċħud.

93      It-tielet nett, fir-rigward tal-vjaġġi bl-ajru, ir-rikorrenti pproduċiet fattura ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar li turi somma ta’ EUR 948.45 għal vjaġġ bir-ritorn minn Madrid għal-Lussemburgu għal konsulent ekonomiku tar-rikorrenti. B’mod iktar preċiż, mill-imsemmija fattura jidher li jirriżulta li s-somma mitluba tinkludi s-somom ta’ EUR 672 għal biljett tal-ajru bir-ritorn mit‑3 sal‑5 ta’ Mejju 2021, ta’ EUR 26.45 ta’ taxxi u ta’ EUR 250 ta’ spejjeż addizzjonali għall-bdil mill‑5 sas‑7 ta’ Mejju 2021 tad-data tal-biljett tar-ritorn.

94      Peress li ebda spjegazzjoni ma tiġġustifika l-ispejjeż addizzjonali għall-bdil tad-data tal-biljett tar-ritorn, peress li d-dati tas-seduta ġew innotifikati lill-partijiet fid‑29 ta’ Jannar 2021 u ma nbidlux, ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż ta’ modifika għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, is-somma li tista’ tinġabar lura għall-vjaġġi bl-ajru hija ffissata għas-somma ta’ EUR 698.45.

95      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-lukanda, ir-rikorrenti pproduċiet kopja ta’ riċevuta ta’ karta bankarja ta’ lukanda fil-Lussemburgu bl-indikazzjoni “riżervazzjoni” għas-somma ta’ EUR 1 220 fit‑3 ta’ Mejju 2021. Madankollu, din l-irċevuta la tindika s-servizz ipprovdut u lanqas il-persuna li bbenefikat minnu. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet ipprovduti ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk din hjiex irċevuta ta’ ħlas jew irċevuta intiża sabiex timblokka somma ta’ flus, bħala, b’mod partikolari, garanzija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li din hija l-istess lukanda bħal dik li tinsab fil-fattura msemmija fil-punt 80 iktar ’il fuq, għandu, b’analoġija, jiġi ffissat l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru f’dan ir-rigward, għal persuna għal tliet iljieli, peress li ma ġiet ipprovduta ebda preċiżazzjoni dwar l-iffissar u l-modifika tad-data tat-titjira ta’ ritorn tal-konsulent ekonomiku (punt 94 iktar ’il fuq), għal EUR 289 kull lejl, għal EUR 867.

96      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala spejjeż għall-konsulent ekonomiku ta’ Compass Lexecon/FTI għandu jiġi ffissat għas-somma ta’ EUR 1 667.54.

 Fuq l-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ alloġġ ta’ impjegat tar-rikorrenti

97      Ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tas-somma ta’ EUR 8 525.18 bħala spejjeż għall-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ alloġġ ta’ wieħed mill-impjegati tagħha għas-seduta.

98      Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova sabiex tiġġustifika kif il-preżenza tal-impjegat tagħha kienet indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, peress li s-sempliċi fatt li dan l-impjegat kien qiegħed isegwi l-każ fi ħdan l-impriża kien manifestament insuffiċjenti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ma jirriżulta la mill-proċess li l-preżenza tiegħu kienet meħtieġa mill-Qorti Ġenerali, u lanqas mill-proċess verbal tas-seduta li dan l-impjegat ġie mistieden mill-Qorti Ġenerali sabiex jitkellem matulha. Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż għandu għalhekk jiġi miċħud. Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Rimbors ta’ spejjeż ta’ vvjaġġar u alloġġ

99      Għaldaqstant, l-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala spejjeż ta’ trasferiment u ta’ alloġġ għall-proċedura prinċipali għandhom jiġu ffissati għal EUR 5 857.54.

 Konklużjoni dwar lispejjeż li jistgħu jinġabru

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura prinċipali jekk l-ammont tagħhom jiġi ffissat għas-somma totali ta’ EUR 785 857.54, liema ammont jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sal-mument tal-adozzjoni ta’ dan id-digriet.

101    Peress li r-rikorrenti ma talbitx spejjeż fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ intaxxar tal-ispejjeż, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tiffissa ammont f’dan ir-rigward.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

tordna:

L-ammont totali tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-Kummissjoni Ewropea lil Qualcomm Inc. huwa ffissat għal EUR 785 857.54.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid‑29 ta’ Frar 2024  .

Ir-Reġistratur

 

Il-Presidenta

V. Di Bucci

 

A., Marcoulli


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.