Language of document : ECLI:EU:T:2024:142

Kawża T-235/18

Qualcomm Inc.,

vs

Kummissjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tad-29 ta’ Frar 2024

“ Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż ”

1.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Kunċett – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 12, 27)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet – Ommissjoni ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi fil-konfront tal-pubbliku – Ommissjoni ta’ data li ma hijiex data personali ta’ persuni fiżiċi fil-konfront tal-pubbliku – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 66 u 66a)

(ara l-punti 15 sa 18)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż sostnuti neċessarjament għall-finijiet tal-proċedura – Onorarji tal-avukat relatati ma’ proċedura differenti minn dik quddiem il-Qorti Ġenerali – Esklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 21 sa 23)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Onorarji tal-avukati u tal-ekonomisti – Intaxxar imwettaq abbażi ta’ indikazzjonijiet preċiżi pprovduti mir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ evalwazzjoni ekwa tal-qorti tal-Unjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 26, 39, 40, 45, 47 sa 49, 58, 59, 63 sa 69)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Intervent minn diversi avukati – Assenza ta’ effett – Evalwazzjoni fid-dawl prinċipalment tan-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura – Kriterji

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 34 sa 40, 46, 53)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn tal-avukati sabiex jattendu għas-seduta u spejjeż ta’ kiri ta’ sala għal-laqgħat u ta’ materjal – Kundizzjonijiet għar-rimbors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 73, 75, 80, 82, 85)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Intaxxar – Spejjeż li jistgħu jinġabru – Spejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet – Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ soġġorn ta’ persuni li ma humiex avukati tal-partijiet – Kundizzjonijiet għar-rimbors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 140(b))

(ara l-punti 74, 98)

Sunt

Adita b’talba għall-intaxxar tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza dwar ir-rimbors tal-ispejjeż relatati ma’ proċedura prinċipali mressqa quddiemha, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni.

Ir-rikorrenti, Qualcomm Inc., kienet ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li imponitilha multa ta’ kważi biljun euro talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq dinji taċ-chipsets.

Permezz tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2022 (1), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fuq l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru, ir-rikorrenti ressqet talba għall-intaxxar tal-ispejjeż quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li permezz tagħha hija titlob ir-rimbors, minn naħa, tal-onorarji relatati mas-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika u, min-naħa l-oħra, tal-ħlasijiet sabiex tassisti fis-seduta, għal ammont totali ta’ iktar minn EUR 12 miljun.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, meta eżaminat il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità tat-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż u tal-annessi tagħha, il-Qorti Ġenerali tirrileva li s-sempliċi preżenza tal-kliem “kunfidenzjali”, inkluż mir-rikorrenti, fuq dawn id-dokumenti, ma tistax tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku, fl-assenza ta’ talba f’dan is-sens imressqa permezz ta’ att separat (2), peress li l-qorti ma tistax tipproċedi b’ipoteżi jew tirrimedja l-eventwali lakuni ta’ tali talba.

Filwaqt li kompliet l-analiżi tagħha dwar il-mertu, il-Qorti Ġenerali tiċħad, fl-ewwel lok, it-talba għar-rimbors tal-onorarji tal-avukat sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri mmexxija fl-Istati Uniti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-kunċett ta’ “spejjeż li jistgħu jinġabru” huwa limitat għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura quddiemha u ma jistax ikopri l-ispejjeż marbuta ma’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi oħra mmexxija quddiem qrati jew awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali oħra, anki meta tali proċeduri jkunu intiżi, bħal f’dan il-każ, sabiex jiksbu informazzjoni jew dokumenti intiżi sabiex isostnu l-motivi ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fit-tieni lok, fil-kuntest tar-rimbors tal-onorarji tal-avukat sostnuti għall-finijiet tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u n-natura tat-tilwima, l-importanza tagħha mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet tikkawża lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li t-tilwima ppreżentat għall-partijiet.

Għalhekk, sabiex tevalwa l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura setgħet toħloq għar-rappreżentanti tar-rikorrenti, il-qorti tal-Unjoni tieħu prinċipalment inkunsiderazzjoni n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li jistgħu jidhru bħala oġġettivament indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura, indipendentement min-numru ta’ avukati li bejniethom is-servizzi pprovduti setgħu jitqassmu. Jekk, bħala prinċipju, ir-remunerazzjoni ta’ avukat wieħed biss tista’ tiġi rkuprata, jista’ jkun li, skont il-karatteristiċi partikolari ta’ kull kawża, fl-ewwel livell tal-kumplessità tagħha, ir-remunerazzjoni ta’ diversi avukati tista’ titqies li taqa’ taħt l-ispejjeż indispensabbli. F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina sa fejn is-servizzi pprovduti mill-avukati kollha kkonċernati kienu neċessarji għall-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja u li tiżgura ruħha min-nuqqas ta’ duplikazzjoni inutli tal-ispejjeż. F’dan ir-rigward, meta l-avukati jkunu diġà assistew parti matul proċeduri jew passi li jippreċedu l-kawża, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma għandhom konoxxenza ta’ elementi rilevanti li jistgħu jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom u jnaqqsu l-ħin ta’ preparazzjoni neċessarju għall-proċedura kontenzjuża. Madankollu, l-ispejjeż ta’ koordinazzjoni bejn avukati tal-istess parti ma jistgħux jitqiesu bħala indispensabbli.

F’dan il-każ, għalkemm il-kawża prinċipali setgħet effettivament titlob xogħol importanti fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet legali mqajma u tal-interessi ekonomiċi inkwistjoni, l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi ddeterminat in-numru ta’ sigħat li jikkorrispondu għad-diversi kompiti mwettqa mill-avukati tagħha, jekk l-imsemmija sigħat ta’ xogħol ingħatawx għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas jekk dawn kinux indispensabbli għal dawn il-finijiet. Issa, is-sempliċi fatt li l-atti li għandhom diversi paġni u li kellhom diversi annessi ġew ippreżentati mir-rappreżentanti tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma juri n-natura indispensabbli tas-sigħat ta’ xogħol, u għalhekk is-somom mitluba relatati magħhom.

Barra minn hekk, id-dokumenti prodotti ma jippermettux li tiġi ddeterminata b’mod preċiż ir-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għad-diversi kompiti mwettqa. F’dan ir-rigward, għalkemm parti hija ċertament libera li tirrikorri għal avukati li jiffatturaw b’rati għoljin ħafna fis-siegħa, il-fatt li jintrabtu s-servizzi tagħhom ma jistax jitqies li huwa indispensabbli, iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, dawn ir-rati ma humiex ippreżentati, fit-talba, b’rabta ma’ kompiti preċiżi identifikati b’mod ċar.

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kull informazzjoni dwar l-ispejjeż effettivament sostnuti, il-Qorti Ġenerali twettaq evalwazzjoni ekwa, iżda neċessarjament stretta tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru. F’dan il-każ, sabiex jiġi evalwat il-ħin tax-xogħol oġġettivament indispensabbli għall-finijiet tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni n-numru ta’ motivi mqajma, id-diffikultà tal-kwistjonijiet legali u fattwali mqajma, in-numru u s-sekwenza ta’ atti proċedurali, il-provi prodotti fl-anness tagħhom u ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll in-natura progressivament iktar iffokata u ddettaljata tal-argument żviluppat. Fir-rigward tar-rata fis-siegħa, fl-assenza, fid-dritt tal-Unjoni, tal-iskala rilevanti, huwa biss fil-każ fejn ir-rata medja fis-siegħa ffatturata tidher, bħal f’dan il-każ, manifestament eċċessiva li l-Qorti Ġenerali tista’ titbiegħed minnha u tiffissa ex æquo et bono l-ammont tal-onorarji tal-avukat li jistgħu jinġabru.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali twettaq ukoll evalwazzjoni ekwa, iżda stretta tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru bħala onorarji relatati mal-konsulent ta’ esperti ekonomiċi, li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet oġġettivament neċessarja għall-finijiet tal-proċedura, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni konkreta dwar il-volum ta’ xogħol imwettaq minnhom u r-rata fis-siegħa relatata miegħu.

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-soġġorn sostnuti għall-finijiet tas-seduta, huma biss l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż relatati mal-iljieli tal-lukandi tal-avukati li rrappreżentaw lir-rikorrenti u li talbu lill-Qorti Ġenerali li jistgħu jitqiesu li jistgħu jinġabru. Min-naħa l-oħra, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ trasferiment u ta’ soġġorn ta’ impjegat tar-rikorrenti huwa miċħud, fin-nuqqas, għal din tal-aħħar, li tiġġustifika n-natura indispensabbli tal-preżenza tiegħu għall-finijiet tal-proċedura, peress li s-sempliċi fatt li dan l-impjegat kien qiegħed isegwi l-kawża fi ħdan l-impriża kien manifestament insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

Bl-istess mod, jekk il-kiri ta’ sala tal-laqgħat għand il-lukanda tal-avukati tar-rikorrenti jista’ jitqies li huwa effettivament indispensabbli, fid-dawl tat-tul tas-seduta u tan-numru ta’ avukati involuti, kiri għal tlett ijiem sħaħ jidher eċċessiv fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tiffissa l-ammont totali tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru mir-rikorrenti għal kważi EUR 800 000.


1      Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm vs Il-Kummissjoni (Qualcomm — ħlasijiet għal esklużività) (T-235/18, EU:T:2022:358).


2      Skont l-Artikoli 66 jew 66a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.