Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Frar 2008 - British Sky Broadcasting Group vs L-UASI - Vortex (SKY)

(Kawża T-66/08)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Sky Broadcasting Group plc (Isleworth, ir-Renju Unit) (rappreżentant: J.Barry, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: Vortex SA (Pariġi, Franza)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddeċiedi, fuq il-bażi li l-Ewwel Bord ta' l-Appell kiser ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 u/jew ir-regoli ta' dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu, li:

fid-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell, filwaqt li l-konklużjoni finali ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell li jiċħad l-oppożizzjoni m'għandhiex tiġi kkontestata, dik il-parti tad-deċiżjoni kkontestata (b'mod partikolari l-punti 18 u 19) li tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-Ftehim, għandha tiġi annullata;

id-deċiżjoni kkontestata tiġi emendata sabiex tipprovdi li l-Ftehim japplika għal trade marks għajr dawk ir-reġistrazzjonijiet partikolari identifikati fil-Ftehim u li japplika għal trade marks futuri; tipprekludi lill-konvenut milli jopponi jew jikkontesta bi kwalunkwe mod possibbli l-użu jew ir-reġistrazzjoni minn BSkyB ta' trade marks li jinkludu 'SKY' minbarra 'SKYROCK' u 'SKYZIN' li t-tnejn li huma ġew stabbiliti mill-qrati Franċiżi; u li huwa ftehim finali u vinkolanti bejn BSkyB u l-opponent kif ġie deċiż mill-qrati Franċiżi (inkluż sa l-ogħla istanza).

temenda u teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata sabiex tevalwa u tindirizza l-motivi kollha ssollevati minn BSkyB fir-risposta tagħha lill-oppożizzjoni;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż ta' BSkyB.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva 'SKY' għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42 - Applikazzjoni Nru 3 166 378

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: Vortex SA

Trade mark jew sinjal invokat: It-trade mark Komunitarja u nazzjonali 'SKYROCK' għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 18, 25, 28, 35, 38, 41 u 42

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: tilqa' l-oppożizzjoni għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 38 u 41, kif ukoll għar-"reklamar" fil-klassi 35

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u jiċħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha

Motivi invokati: Mingħajr ma tikkontesta d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-Bord ta' l-Appell tikser ir-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 u r-regoli tad-dritt dwar l-applikazzjoni tiegħu.

____________