Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Frar 2008 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-65/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: N. Díaz Abad)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2007, dwar proċediment skond l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Każ Nru COMP/M.4685 - Enel/Acciona/Endesa), u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2007, C (2007) 5913 finali, dwar proċediment skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (Każ Nru COMP/M.4685 - Enel/Acciona/Endesa). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rikorrent kien kiser l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 meta ssuġġetta l-akkwist tal-kontroll konġunt minn Enel u minn Acciona ta' Endesa għal serje ta' kundizzjonijiet peress li dawn il-kundizzjonijiet huma inkompatibbli ma' l-Artikoli 28, 43 u 56 KE, u għalhekk ifixklu indebitament il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar konċentrazzjoni b'dimensjoni Komunitarja. Barra minn hekk, il-konvenuta kienet obbligat lir-rikorrent jirrevoka l-kundizzjonijiet iddikjarati inkompatibbli mad-dritt Komunitarju.

Fl-ewwel lok, in sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti li tadotta d-deċiżjoni kkontestata skond il-proċediment taħt l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004. Skond ir-rikorrent, jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma li Stat Membru kiser l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004, din tista' taġixxi permezz ta' proċediment ta' ksur fis-sens ta' l-Artikolu 226 KE.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn difett ta' motivazzjoni peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-motivi ta' sigurtà pubblika li l-Gvern Spanjol invoka fl-adozzjoni tal-miżuri rigward l-offerta pubblika ta' akkwist minn Enel u minn Acciona ta' Endesa, fid-dawl ta' dak li huwa previst fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent allega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 139/2004 peress li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux obbligati jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet imposti għall-offerta pubblika ta' akkwist minn Enel u minn Acciona ta' Endesa, ladarba dawn il-kundizzjonijiet huma marbuta ma' interess leġittimu, li huwa s-sigurtà pubblika.

____________