Language of document : ECLI:EU:T:2006:151

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

7 ta' Ġunju 2006 (*)

"Rikors għal annullament - Kompetizzjoni – Regolament Nru 17 – Regolament (KE) Nru 2842/98 – Deċiżjoni 2001/462/KE/KEFA – Uffiċjal tas-smigħ – Att li jipproduċi effetti ġuridiċi – Ammissibbiltà – Interess leġittimu – Kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment – Klijent finali xerrej ta' oġġetti jew ta' servizzi – Aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet – Informazzjoni kunfidenzjali – Interess biżżejjed"

Fil-kawżi magħquda T-213/01 u T-214/01,

Österreichische Postsparkasse AG, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), inizjalment irrappreżentata minn M. Klusmann, F. Wiemer u A. Reidlinger, sussegwentement minn H.-J. Niemeyer, avukati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Bank für Arbeit und Wirtschaft AG, stabbilita fi Vjenna, irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Rating, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjonijiet ta' l-uffiċjal tas-smigħ tad-9 ta' Awwissu 2001 u tal-25 ta' Lulju 2001, rispettivament, li jibgħat lil partit politiku Awstrijak (il-Freiheitliche Partei Österreichs) il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet relattivi għall-proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE dwar il-fissazzjoni tat-tariffi bankarji (COMP/36.571-Österreische Banken),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J.D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: I. Natsinas, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 17

1       L-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), jiddisponi li:

"1. Fejn il-Kummissjoni, fuq applikazzjoni jew fuq l-inizzjattiva tagħha, issib illi hemm il-ksur ta' l-Artikolu [81] jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, hija tista' perme[zz] ta' deċiżjoni titlob [l]ill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati li jtemmu dan il-ksur.

2. Dawk intitolati li jagħmlu applikazzjoni huma:

[…]

(b)       il-persuni legali jew naturali li [jsostnu li għandhom] interess leġittimu'."

2       L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li "Applikazzjonijiet sabiex jinstemgħu minn persuni bħal dawn għandhom, fejn dawn juru interess suffiċjenti, jingħataw".

3       L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17, dwar is-se[g]retezza professjonali, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-informazzjoni akkwistata b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' diversi dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament "għandha tintuża biss għall-għan tat-talba jew l-investigazzjoni relevanti" u, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, "mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikol[i] 19 u 21, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċċjali tagħhom u servituri oħra m'għandhomx jikxfu l-informazzjoni akkwistata minnhom b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obligazzjoni għas-se[g]retezza professjonali".

 Ir-Regolament Nru 2842/98

4       Fit-22 ta' Diċembru 1998, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KEE) Nru 2842/98 dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (ĠU L 354, p. 18), li ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63/KEE tal-25 ta' Lulju 1963 dwar is-smigħ li hemm provdut għalih fl-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 (ĠU 127, p. 2268). Ir-Regolament 2842/98 jiddistingwi, għall-finijiet tal-parteċipazzjoni, fi proċedura ta' ksur, tal-partijiet li mhumiex dawk li kontrihom il-Kummissjoni ressqet oġġezzjonijiet, bejn, minn naħa, l-"applikanti jew min jagħmel l-ilment", min-naħa l-oħra, it-"terzi persuni li għandhom interess biżżejjed" u, fl-aħħar nett, "terzi partijiet oħra".

5       F'dak li jikkonċerna l-applikanti jew min jagħmel l-ilment, l-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament Nru 2842/98 jipprovdu li:

"Artikolu 6

Meta l-Kummissjoni, wara li tkun irċeviet kull applikazzjoni taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 […], tikkunsidra illi fuq bażi ta' l-informazzjoni fil-pussess tagħha m'hemmx bażi biżżejjed sabiex tingħata l-applikazzjoni jew taġixxi fuq l-ilment, għandha tinforma l-applikant jew lil min jilmenta bir-raġunijiet tagħha u tistabbilixxi kull data li sa fiha l-applikant jew min jilmenta jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub.

Artikolu 7

Meta l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet dwar punt li għalih hija tkun irċeviet xi applikazzjoni [jew] ilment kif saret referenza għalih fl-Artikolu 6, għandha tipprovdi lill-applikant jew lil min jilmenta b'kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet u tistabbilixxi data sa meta l-applikant jew min jilmenta jista' jgħarraf l-opinjonijiet tiegħu bil-miktub.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni tista', fejn jixraq, tagħti lill-applikanti u lil min jilmenta l-opportunità ta' espressjoni orali ta' l-opinjonijiet tagħhom, jekk hekk jitolbu fil-kummenti tagħhom bil-miktub."

6       L-Artikolu 9(1) u (2), tar-Regolament Nru 2842/98 jispeċifika li:

"1. Jekk partijiet oħra minbarra dawk li għalihom saret referenza fil-Kapitoli II [partijiet li kontrihom il-Kummissjoni ressqet oġġezzjonijiet] u III [applikanti u min jagħmel l-ilment] japplikaw biex jinstemgħu u juru interess bizzejjed, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom bil-miktub bin-natura u s-suġġett tal-proċedura u għandha tistabbilixxi data sa meta jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

2. Il-Kummissjoni tista', fejn xieraq, tistieden partijiet li għalihom saret referenza fil-paragarfu 1 sabiex jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f'udjenza bil-fomm tal-partijiet li kontrihom tressqu l-oġġezzjonijiet, jekk jitolbu hekk fil-kummenti bil-miktub tagħhom."

7       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2842/98 jiddisponi li l-Kummissjoni tista' tagħti "lil kull terza parti oħra" l-opportunità li tesprimi l-opinjonijiet tagħha bil-fomm.

8       Fir-rigward tal-kunfidenzjalità ta' informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-proċedura ta' ksur, l-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament jipprovdi li l-informazzjoni miġbura ma tistax tiġi kkomunikata meta jkun fiha sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, u l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha xierqa f'dak li jirrigwarda l-aċċess għall-fajl sabiex tassigura li din l-informazzjoni ma tiġix żvelata.

 Id-Deċiżjoni 2001/462

9       Fit-23 ta' Mejju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/462/KE/KEFA dwar it-termini ta' referenza ta' uffiċjali tas-[smigħ] f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21), li ħassret id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 94/810/KEFA, KE tat-12 ta' Diċembru 1994 dwar it-termini ta' referenza ta' uffiċjali tas-smigħ fil-proċeduri dwar kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ĠU L 330, p.67, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni 94/810").

10     L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2001/462 jispeċifika li l-uffiċjal tas-smigħ għandu "jassigura li l-eżerċizzju effettiv tal-jedd tas-smigħ ikun rispettat fil-proċedura dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikoli 81[KE] u 82 [KE]".

11     Barra minn hekk, l-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, li ssostitwew il-paragrafi 3 u 4 ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 94/810 li l-kliem tagħhom kien prattikament identiku, jiddisponi li:

"Fejn ikun hemm il-ħsieb li tkun żvelata informazzjoni li tista' tikkostitwixxi xi sigriet kummerċjali ta' xi intrapriża, din għandha ktun infurmata bil-miktub b'din l-intenzjoni u r-raġunijiet għal dan. Għandu jkun stabbilit limitu tal-ħin li fih l-intrapriża nteressata tista' tagħmel xi kummenti bil-miktub.

Meta l-intrapriża nteressata toġġezzjona għall-iżvelar ta' l-informazzjoni iżda jinstab li l-informazzjoni ma tkunx protetta u għalhekk tista' tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat fid-deċiżjoni raġunata li għandha tkun notifikata lill-intrapriża nteressata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata. Din id-data m'għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika."

 Il-fatti li taw lok għar-rikorsi

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12     Ir-rikorrenti, l-Österreichische Postsparkasse AG (kawża T-213/01) u l-Bank für Arbeit und Wirtschaft AG (iktar 'il quddiem il-"BAWAG", kawża T-214/01), huma istituzzjonijiet ta' kreditu Awstrijaċi.

13     Fis-6 ta' Mejju 1997, il-Kummissjoni saret taf b'dokument intitolat "Lombard 8.5" u, fid-dawl ta' dan id-dokument, fuq inizjattiva tagħha bdiet proċedura ta' ksur taħt l-Artikolu 81 KE kontra r-rikorrenti u sitt banek oħra Awstrijaċi, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

14     B'ittra ta' l-24 ta' Ġunju 1997, partit politiku Awstrijak, il-Freiheitliche Partei Österreichs (iktar 'il quddiem il-"FPÖ"), għadda lill-Kummissjoni d-dokument "Lombard 8.5" u talab li tinfetaħ proċedura ta' investigazzjoni kontra tmien banek Awstrijaċi – li fosthom hemm ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01, iżda mhux ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 – sabiex jiġi kkonstatat ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Huwa bbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq il-fatt li bħala partit politiku huwa kellu d-dover li jissorvelja l-aċċess liberu għas-suq komuni u t-twettiq ta' kompetizzjoni li mhijiex ristretta.

15     B'ittra tas-26 ta' Frar 1998, il-Kummissjoni informat lill-FPÖ, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 99/63 (li sar l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98), bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni indikat li kienu biss il-persuni jew l-assoċjazzjonijiet ta' persuni li għandhom interess leġittimu, fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, li kienu intitolati jagħmlu applikazzjoni u li, sabiex dan ikun il-każ, l-applikant "[kellu] ikun [affettwat] jew ikun f'pożizzjoni li jista' jiġi affettwat bħala operatur ekonomiku mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni". Interess ġenerali dwar il-protezzjoni ta' l-ordni ġuridiku mhuwiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxi interess leġittimu f'dan ir-rigward.

16     Il-FPÖ irrisponda, b'ittra tat-2 ta' Ġunju 1998, li huwa kien jipparteċipa, fil-kwalità tiegħu ta' partit politiku u permezz ta' ħafna membri, fil-ħajja ekonomika kurrenti, li kuljum kien jagħmel ħafna operazzjonijiet bankarji u li għalhekk huwa sofra preġudizzju ekonomiku minħabba l-prattiċi ddenunzjati. Għalhekk huwa kellu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa għamel applikazzjoni mill-ġdid sabiex jipparteċipa fil-proċedura ta' ksur u sabiex b'hekk isir jaf bl-oġġezzjonijiet.

17     F'Ġunju 1998, il-Kummissjoni għamlet verifiki f'ħafna istituzzjonijiet ta' kreditu Awstrijaċi, fosthom ir-rikorrenti.

18     Fis-16 ta' Diċembru 1998, il-banek kkonċernati mill-proċedura COMP/36.571 għaddew lill-Kummissjoni dikjarazzjoni komuni tal-fatti, akkumpanjata minn
40 000 paġna ta' dokumenti ġustifikattivi. F'nota preliminari, huma talbu lill-Kummissjoni li tirriżerva trattament kunfidenzjali lil din id-dikjarazzjoni, billi indikaw li "[i]l-Kummissjoni [kienet] mitluba, skond l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17/62, li ma tiżvelahiex lil terzi".

19     B'ittri tat-13 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti l-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, iddatata 10 ta' Settembru 1999, li fiha allegat li huma kkonkludew akkordji antikompetittivi ma' banek Awstrijaċi fir-rigward ta' l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-konsumaturi – individwi u impriżi – u għalhekk kisru l-Artikolu 81 KE.

20     Fil-bidu ta' Ottubru 1999, il-Kummissjoni informat bil-fomm lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tgħaddi d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 lill-FPÖ, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98.

21     B'ittri tas-6 u tat-12 ta' Ottubru 1999, ir-rikorrenti kitbu lill-Kummissjoni biex jopponu għal tali komunikazzjoni. Huma sostnew li l-FPÖ ma kellux interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ma setax, għaldaqstant, jikkwalifika bħala applikant fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk huma esprimew il-biża' tagħhom li jaraw lill-FPÖ jabbuża mill-oġġezzjonijiet għal finijiet politiċi.

22     B'ittri tal-5 ta' Novembru 1999, is-servizzi tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) "Kompetizzjoni" irrispondew lir-rikorrenti, fejn indikaw li l-FPÖ kien konsumatur ta' servizzi bankarji u li, għaldaqstant, mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 kien joħroġ l-obbligu li tintbagħatlu verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet. Dawn l-ittri għaddew lir-rikorrenti lista ta' siltiet mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 li ma kellhomx jiġu kkomunikati, liema lista kienet tipprovdi għat-tħassir ta' ċerti ismijiet u karigi ta' persuni fiżiċi u għas-sostituzzjoni tagħhom permezz ta' deskrizzjoni ġenerika tal-funzjonijiet tagħhom (iktar 'il quddiem il-"lista 1"). Barra minn hekk, dawn l-ittri kienu jindikaw li l-Anness A tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li kien fiha l-lista tar-referenzi għad-dokumenti annessi magħha, u mhux id-dokumenti per se, kellu jiġi kkomunikat. Skond dawn l-ittri, kien possibbli li wieħed jikteb lill-uffiċjal tas-smigħ f'każ ta' nuqqas ta' qbil.

23     B'ittri tas-17 ta' Novembru 1999 (Anness 8 mar-rikors) u tat-18 ta' Novembru 1999, ir-rikorrenti kitbu lill-uffiċċjal tas-smigħ sabiex jipprotestaw mill-ġdid kontra l-komunikazzjoni mħabbra tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 lill-FPÖ. Sussidjarjament, ir-rikorrenti indikaw li mill-verżjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li kellha tintbagħat kellhom jitħassru l-indikażżjonijiet kollha dwar l-identità ta' l-impriżi kkonċernati. Ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 talbet ukoll it-tħassir ta' l-informazzjoni kollha fuq l-interessi, l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet kummerċjali applikati mill-banek.

24     Fit-18 u d-19 ta' Jannar 2000, sar is-smigħ dwar l-aġir li dwaru kienu jittrattaw l-allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999. Il-FPÖ ma ħax sehem f'dan is-smigħ.

25     B'ittri tal-21 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet supplimentari lir-rikorrenti, li fiha allegat li huma kkonkludew akkordji anti-kompetittivi ma' banek oħra Awstrijaċi fir-rigward ta' spejjeż bankarji applikabbli għall-kambju bejn muniti barranin u euro.

26     It-tieni smigħ seħħ fis-27 ta' Frar 2001, li għalih il-FPÖ għal darb'oħra m'attendiex.

27     B'ittra tat-13 ta' Marzu 2001, il-FPÖ ġedded l-applikazzjoni tiegħu billi sostna li l-Kummissjoni kienet ħabbritlu, permezz ta' ittri tal-5 ta' Ottubru 1999 u tas-16 ta' Marzu 2000, li kienet ser tibgħatlu verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet, iżda li din il-komunikazzjoni qatt ma seħħet. Il-FPÖ indika wkoll li huwa qatt ma kien ġie informat bis-smigħ u, għaldaqstant, kien ġie eskluż minn stadji essenzjali tal-proċedura, ħaġa li kienet tikser id-dritt tiegħu li jinstema' u li jipparteċipa fil-proċedura. Il-FPÖ għalhekk ġedded l-applikazzjoni tiegħu għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet kif ukoll ta' l-osservazzjonijiet tal-banek ikkonċernati fuq dawn id-dikjarazzjonijiet u, barra minn hekk, talab li jkun jista' jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu u li jipparteċipa f'seduta supplimentari.

28     B'ittri tas-27 ta' Marzu 2001, l-uffiċjal tas-smigħ għarraf lir-rikorrenti li l-FPÖ ġedded l-applikazzjoni tiegħu sabiex jakkwista d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet u li huwa kellu l-intenzjoni li jirrispondi għal din l-applikazzjoni b'mod favorevoli. Fir-rigward ta' l-informazzjoni kunfidenzjali li kellha titħassar mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, l-uffiċjal tas-smigħ żied il-lista 1 u, barra minn hekk, ċaħad l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti, magħmula fl-ittri tagħhom tas-17 u tat-18 ta' Novembru 1999, dwar it-tneħħija ta' l-identità tal-banek. L-uffiċjal tas-smigħ ċaħad ukoll it-talba tar-rikorrenti fil-kawża T-213/01 dwar it-tneħħija ta' ċerti data oħra. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni supplimentari tal-21 ta' Novembru 2000, li fuqha r-rikorrenti ma kinux għadhom tkellmu, l-uffiċjal tas-smigħ bagħat lista ta' siltiet (iktar 'il quddiem il-"lista 2") li kienet tipprovdi għat-tneħħija ta' ċerti ismijiet u karigi ta' persuni naturali u għas-sostituzzjoni tagħhom b'deskrizzjoni tal-funzjonijiet tagħhom. Huwa informa lir-rikorrenti bil-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet f'dan ir-rigward.

29     B'ittra tat-18 ta' April 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 opponiet mill-ġdid għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ u stiednet lill-Kummissjoni tispeċifika r-raġunijiet li għalihom hija f'daqqa waħda ħassitha obbligata li tilqa' l-applikazzjoni tal-FPÖ. Bl-istess mod, b'ittra ta' l-24 ta' April 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 ġeddet l-oppożizzjoni tagħha għal din il-komunikazzjoni u, sussidjarjament, stqarret li, f'każ li jeżisti obbligu li jintbagħtu l-oġġezzjonijiet, id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 trid tkun kompletament anonima. Min-naħa l-oħra, hija indikat li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tal-21 ta' Novembru 2000 ma kienx fiha sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra kunfidenzjali, barra minn dawk li l-uffiċjal tas-smigħ ippropona li jħassar fil-lista 2. 

30     B'ittri tal-5 ta' Ġunju 2001, l-uffiċjal tas-smigħ ikkonferma l-obbligu li jintbagħtu l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ. Fir-rigward ta' l-informazzjoni kunfidenzjali li kellha tkun protetta, l-uffiċjal tas-smigħ ġibet l-attenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża T-214/01 għall-fatt li fl-ittra preċedenti tagħha hija ma ressqet l-ebda osservazzjoni li tikkonċerna l-informazzjoni li hemm fil-listi 1 u 2 u li, għaldaqstant, huwa kkonkluda li hija ma kienet qed tqajjem l-ebda oġġezzjoni ġuridika deċiżiva kontra l-komunikazzjoni ta' verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ. F'dak li jikkonċerna ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01, huwa ikkomunikalha li mill-aħħar ittra tagħha huwa kkonkluda li hija qablet mal-kontenut tal-listi 1 u 2, ħlief għall-kwistjoni ta' l-anonimità tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999. Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-smigħ talabha tippreżenta osservazzjonijiet u infurmha li, fil-każ ta' rifjut, tiġi adottata deċizjoni skond l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 94/810 (li sar it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462).

31     B'ittra tal-25 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 mill-ġdid talbet lill-uffiċjal tas-smigħ sabiex jirrinunzja għal din il-komunikazzjoni, u talbitu jinformaha bl-iżviluppi tal-proċedura.

32     B'ittra tal-25 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 talbet lill-Kummissjoni tiċċara s-sitwazzjoni, billi stednitha b'mod partikolari tieħu deċizjoni li kontriha tista' tittieħed azzjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-214/01

33     B'ittra tal-25 ta' Lulju 2001, l-uffiċjal tas-smigħ adotta d-deċiżjoni li tagħlaq, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T-214/01, il-proċedura dwar il-komunikazzjoni lill-FPÖ tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 u tal-21 ta' Novembru 2000 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-214/01"). Din l-ittra taqra kif ġej:

"Wara l-ittra tagħkom [tal-25 ta' Ġunju 2001], jien erġajt eżaminajt il-każ u l-konsegwenzi ġuridiċi possibbli tagħha. Jiena niġbor fil-qosor l-eżitu ta' dan l-eżami kif ġej:

1. Jiena nsostni t-teżi tiegħi ta' qabel f'dak li jikkonċerna d-dritt tal-FPÖ li jagħmel applikazzjoni. Din il-kwistjoni diġa ġiet definittivament deċiża mis-Sinjuri Van Miert u Monti fl-1999. Jidhirli li d-deċiżjoni tagħhom – li hija miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura – ma tistax tkun is-suġġett ta' rikors iżolat, iżda l-iktar l-iktar tista' tiġi kkontestata biss fil-kuntest ta' azzjoni meħuda kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura prinċipali.

2. Id-Deċiżjoni 2001/462 […] ma tippermettix li tingħata deċiżjoni kuntrarja. L-Artikolu 9 ta' din id-Deċiżjoni jagħti s-setgħa lill-uffiċjal tas-smigħ li jiddeċiedi, f'isem il-Kummissjoni, jekk ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti tal-fajl tikkostitwixxix sigrieti tan-negozju u b'hekk hija protetta kontra li tiġi żvelata. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal tas-smigħ mhuwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk persuna naturali jew legali skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 hijiex awtorizzata li tagħmel applikazzjoni intiża sabiex twaqqaf ksur. Kompetenza bħal din lanqas ma tista' tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 […]

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, b'dispjaċir nirrifjuta bħala inammissibbli l-applikazzjoni li għamiltu f'isem BAWAG, intiża sabiex l-oġġezzjonijiet u l-oġġezzjonijiet supplimentari ma jintbagħtux lill-FPÖ.

Nitlobkom tindikawli fi żmien ġimgħa minn meta tirċievu din l-ittra jekk intomx biħsiebkom tressqu rikors f'dan il-każ u tippreżentaw talba għal proċedura sommarja. L-imsemmija dokumenti fl-ebda każ mhuma ser jintbagħtu lill-FPÖ qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu ta' ġimgħa.

[…]. "

 Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-213/01

34     B'ittra tad-9 ta' Awwissu 2001, l-uffiċjal tas-smigħ adotta d-deċiżjoni li tagħlaq, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża T-213/01, il-proċedura dwar il-komunikazzjoni lill-FPÖ tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 u tal-21 ta' Novembru 2000 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-213/01"). Din id-deċiżjoni tindika : "Wara eżami mill-ġdid tal-fatti u tal-punti ta' liġi, iddeċidejna li naqtgħu l-kwistjonijiet in kontestazzjoni bejn il-mandanti tagħkom u l-Kummissjoni bl-istess mod kif indikat fl-ittra tagħna tal-5 [ta' Ġunju] 2001."

35     Fl-ewwel lok, l-uffiċjal tas-smigħ jgħid li huwa l-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni li jiddeċiedi fuq il-kwalità ta' applikant ta' terz fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17. Id-deċiżjoni favur l-FPÖ diġà ttieħdet matul is-sena 1999 mis-Sur Van Miert u sussegwentement ġiet ikkonfermata mis-Sur Monti, u għal din ir-raġuni mhemmx li titressaq mill-ġdid il-kwistjoni, fin-nuqqas ta' elementi fattwali ġodda (punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ jikkostitwixxi att ta' proċedura li ma jistax ikun is-suġġett ta' rikors separat, billi l-oġġezzjonijiet kontra dan l-att jistgħu jsiru biss fil-kuntest ta' rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura (punt 2 tad-deċiżjoni).

36     Fit-tieni lok, l-uffiċjal tas-smigħ josserva li r-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 joħloq obbligu li tinbagħtlu verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98. Il-fatt li l-proċedura nbdiet fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara applikazzjoni magħmula skond l-imsemmi Artikolu 3 m'għandha l-ebda importanza f'dan ir-rigward (punt 2 tad-deċiżjoni). 

37     Fit-telet lok, l-uffiċjal tas-smigħ jiddeċiedi fuq l-informazzjoni li jrid iħalli barra mid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 u tal-21 ta' Novembru 2000, sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sigrieti tan-negozju u informazzjoni oħra kunfidenzjali (punt 4 tad-deċiżjoni). Għaldaqstant, huwa jiddeċiedi li jħassar id-data kollha u l-informazzjoni li tidher fil-listi 1 u 2 li dwarhom ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 kienet tat l-approvazzjoni tagħha fl-aħħar ittra tagħha. Min-naħa l-oħra, l-uffiċjal tas-smigħ jikkunsidra li l-identità ta' din ta' l-aħħar ma tikkostitwixxix sigriet tan-negozju u lanqas informazzjoni kunfidenzjali li trid tkun protetta [punt 4(a) tad-deċiżjoni]. Bl-istess mod, fir-rigward ta' l-informazzjoni dwar il-politika kummerċjali tagħha li hemm fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, l-uffiċjal tas-smigħ jindika li mhuwiex neċessarju li din l-informazzjoni titħassar, peress li tikkonsisti f'ċifri li jmorru lura ħafna snin [punt 4(b)] tad-deċiżjoni].

38     L-uffiċjal tas-smigħ jikkonkludi "li hemm lok li, fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda fil-każ li għadu pendenti COMP/36.571-Banek Awstrijaċi, tintbagħat lill-FPÖ l-verżjoni attwali adattata tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 kif ukoll tad-dikjarazzjoni supplimentari ta' l-oġġezzjonijiet tal-21 ta' Novembru 2000" u li din id-deċiżjoni "hija meħuda taħt l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2001/462". Fl-aħħar nett, l-uffiċjal tas-smigħ jistaqsi lir-rikorrenti sabiex tgħarrfu, fi żmien ġimgħa min-notifika tad-deċiżjoni tiegħu, jekk hija għandhiex l-intenzjoni li tressaq rikors kontra din id-deċiżjoni u li titlob miżura provviżorja kontra l-eżekuzzjoni tagħha, filwaqt li jispeċifika li l-Kummissjoni mhijiex ser tibgħat l-imsemmija dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

39     Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 ta' Settembru 2001, ir-rikorrenti ressqu dawn ir-rikorsi għal annulament kontra id-deċiżjonijiet kontestati. 

40     B'atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqu quddiem l-imħallef għall-proċeduri sommarji talbiet intiżi, prinċipalment, sabiex l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontestati tiġi sospiża u, sussidjarjament, sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata ma tibgħatx lill-FPÖ id-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 u tal-21 ta' Novembru 2000, fil-każ COMP/36.571.

41     B'digriet ta' l-14 ta' Diċembru 2001, il-President tal-Ħames Awla ordna, wara li sema' lill-partijiet, li l-kawżi T-213/01 u T-214/01 jiġu magħquda.

42     B'digrieti ta' l-20 ta' Diċembru 2001, l-Österreichische Postsparkasse vs Il-Kummissjoni (T‑213/01 R, Ġabra p. II‑3967), u Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni (T‑214/01 R, Ġabra p. II‑3993), il-President tal-Prim'Istanza ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti għal proċedura sommarja, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet relattivi għall-urġenza ma ġewx sodisfatti u li l-bilanċ ta' l-interessi ma kienx favur is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontestati, u rriżerva l-ispejjeż.

43     F'Jannar 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-FPÖ il-verżjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li ġew stabbiliti bħala mhux kunfidenzjali.

44     B'att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 ippreżentat nota ta' osservazzjonijiet fil-proċeduri prinċipali li fiha fatti ġodda li hija saret taf bihom wara li ppreżentat ir-replika tagħha. B'ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta' Frar 2002, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 qablet kompletament ma' din in-nota ta' osservazzjonijiet. Fil-15 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet fuq dawn id-dokumenti.

45     B'ittri tat-31 ta' Marzu 2004 u tas-6 ta' Lulju 2004, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest ta' miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti u tirrispondi għal mistoqsijiet bil-miktub. Il-Kummissjoni ssodisfat dawn it-talbiet fiż-żmien stipulat.

46     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċiediet li tiftaħ il-proċedura orali.

47     Instemgħu t-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza waqt is-seduta tal-21 ta' Ottubru 2004.

48     Ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-smigħ tad-9 ta' Awwissu 2001;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

49     Ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-smigħ tal-25 ta' Lulju 2001;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

50     Fiż-żewġ kawżi, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli u, f'kull każ, bħala infondati;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

51     Il-Kummissjoni tinvoka tliet motivi ta' inammissibbiltà, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq in-nuqqas ta' skop tal-kawża minħabba li l-oġġezzjonijiet effettivament intbagħtu lill-FPÖ, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta' effetti ġuridiċi ta' l-att ikkontestat fuq l-interessi tar-rikorrenti u, fit-tielet lok, fuq il-fatt li r-rikorsi tressqu tard wisq.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' skop tal-kawża wara li l-oġġezzjonijiet effettivament intbagħtu lill-FPÖ

52     Il-Kummissjoni tosserva li r-rikorsi għandhom bħala għan waħdieni li jimpedixxu li tintbagħat lill-FPÖ verżjoni, tkun xi tkun, tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet u, sussidjarjament, li jintbagħtulu verżjonijiet mhux kunfidenzjali stabbiliti mill-uffiċjal tas-smigħ. Issa, id-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet intbagħtu lill-FPÖ f'Jannar 2002. Ir-rikorsi għalhekk m'għadx għandhom skop minħabba din il-komunikazzjoni, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

53     Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li rikors għal annullament imressaq minn persuna naturali jew ġuridika huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Novembru 1994, Scottish Football vs Il-Kummissjoni, T-46/92, Ġabra p. II‑1039, punt 14). Interess bħal dan jeżisti biss jekk l-annullament ta' l-att jista', minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Ġunju 1986, Akzo Chemie vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, iktar 'il quddiem is-"sentenza Akzo", punt 21).

54     F'dan ir-rigward, għandu jingħad li, skond l-Artikolu 233 KE, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie ddikjarat null hija marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mas-sentenza. Dawn il-miżuri ma jirrigwardawx it-tneħħija ta' l-att mill-ordni ġuridiku Komunitarju, peress li din it-tneħħija tirriżulta mill-istess annullament permezz tal-qorti. Dawn jikkonċernaw b'mod partikolari l-eliminazzjoni ta' l-effetti prodotti mill-att in kwistjoni u li huma affettwati mill-illegalitajiet ikkonstatati. L-annullament ta' att li diġà jkun ġie eżegwit dejjem jista' jkollu konsegwenzi ġuridiċi. Fil-fatt, l-att seta' pproduċa effetti ġuridiċi fil-perijodu li matulu kien fis-seħħ u dawn l-effetti mhux neċessarjament jispiċċaw minħabba l-annullament ta' l-att. Bl-istess mod, l-annullament ta' att jista' jippermetti li jiġi evitat li l-illegalità li bih dan huwa vvizzjat terġa ssir fil-futur. Għal dawn ir-raġunijiet, sentenza ta' annullament hija l-bażi li minnha l-istituzzjoni kkonċernata titwassal biex terġa' tqiegħed lir-rikorrent fil-pożizzjoni oriġinali tiegħu jew biex tevita li jiġi adottat att identiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni, 92/78, Ġabra p. 777, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II‑753, punt 41).

55     F'dan il-każ il-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet intbagħtu lill-FPÖ wara li tressqu r-rikorsi, li huma intiżi sabiex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjonijiet li abbażi tagħhom saret din il-komunikazzjoni, m'għandux bħala effett li jċaħħad lill-imsemmija rikorsi mill-iskop tagħhom. Fil-fatt, l-eventwali annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati minnu innifsu jista' jkollu konsegwenzi ġuridiċi fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti, b'mod partikolari billi jevita t-tiġdid ta' tali prassi min-naħa tal-Kummissjoni u jirrendi illegali l-użu tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li jkunu ntbagħtu b'mod illegali lill-FPÖ (sentenza Akzo, punt 21).

56     Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq in-nuqqas ta' skop tal-kawża wara li l-oġġezzjonijiet effettivament intbagħtu lill-FPÖ għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' effeti ġuridiċi ta' l-atti kkontestati

 L-argumenti tal-partijiet

57     Il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-213/01 fiha biss att wieħed ta' deċiżjoni, jiġifieri l-pożizzjoni meħuda mill-uffiċjal tas-smigħ fuq il-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li kellhom jintbagħtu lill-FPÖ. Fil-fatt, l-uniku element li jista' "joħloq konsegwenzi" għar-rikorrenti huwa l-komunikazzjoni ta' ċerti dokumenti kunfidenzjali lil applikant jew lil terz, kif joħroġ mis-sentenza Akzo. Fis-sentenza T-214/01, id-deċiżjoni kkontestata ma taqtax din il-kwistjoni, li diġà kienet ġiet deċiża qabel. Fil-fatt, ir-rikorrenti, fl-ittra tagħha tat-18 ta' April 2001, kienet aċċettat li l-verżjonijiet tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali. Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata f'din it-tieni kawża tirrigwarda biss iċ-ċaħda mill-uffiċjal tas-smigħ ta' l-applikazzjoni tar-rikorrenti tal-25 ta' Ġunju 2001 intiża sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid id-dritt rikonoxxut lill-FPÖ li jakkwista verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet. Issa, din id-deċiżjoni hija nieqsa minn kull effett ġuridiku vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti.

58     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ m'għandux effetti ġuridiċi fuq ir-rikorrenti, għaliex, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ħadet deċiżjoni fuq dan il-punt, din tikkonsisti biss f'miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura li ma tistax tkun is-suġġett ta' rikors separat mir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni finali ta' kontstatazzjoni tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-10/92 sa T-12/92 u T-15/92, Ġabra p. II‑2667, iktar 'il quddeim is-"sentenza Cimenteries", punt 28).

59     Bl-istess mod, il-Kummissjoni tosserva li d-dritt għall-komunikazzjoni lill-FPÖ tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet jirriżulta awtomatikament mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98. Għalhekk ir-rikorrenti mhumiex qed jikkontestaw deċiżjoni li taffettwahom direttament, iżda l-Artikolu 7 ta' l-imsemmi Regolament.

60     Ir-rikorrenti jippretendu li r-rikorsi huma ammissibbli, għaliex huma diretti kontra deċiżjonijiet li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti u li għalhekk huma atti kontestabbli.

61     Fil-kawża T‑213/01, il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ taffettwa d-dritt tar-rikorrenti għat-trattament kunfidenzjali tas-sigrieti tan-negozju u ta' informazzjoni kunfidenzjali oħra msemmija fihom, ħaġa li taffettwa b'mod irreversibbli l-pożizzjoni ġuridika tagħha u għalhekk tista' tkun is-suġġett ta' rikors awtonomu (sentenza Akzo, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Diċembru 1994, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94 R, Ġabra p. II‑1141, punt 25).

62     Fil-kawża T-214/01, id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi l-perspettiva ta' l-uffiċjal tas-smigħ fuq il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ. Din id-deċiżjoni ġiet meħuda abbażi tad-Deċiżjoni 2001/462, li tipprovdi li d-deċiżjonijiet ta' l-uffiċjal tas-smigħ li jikkomunika l-oġġezzjonijiet lil terz jistgħu jiġu kkontestati. Il-komunikazzjoni ta' verżjoni ta' l-oġġezzjonijiet, anki jekk tkun verżjoni mhux kunfidenzjali, tirrapreżenta inkonvenjent irreversibbli għall-impriża kkonċernata. Barra minn hekk, il-verżjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 li kellha tintbagħat lill-FPÖ tinkludi, f'kull każ, ħafna informazzjoni kunfidenzjali koperta mill-garanzija tal-kunfidenzjalità, bħalma huma l-ismijiet ta' persuni u tal-banek ikkonċernati mill-proċedura. Id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Diċembru 2001, mogħti fil-kuntest tal-proċedura sommarja, għalhekk ikkunsidra li l-miżura kkontestata tista' tibdel il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti.

63     Ir-rikorrenti jsostnu li r-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ, taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, u d-dritt tal-FPÖ għall-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju. Fis-sentenza Akzo, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet hija suġġetta għal tali stħarriġ mhux biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-portata ta' l-informazzjoni li trid tiġi protetta, iżda wkoll fil-prinċipju. Barra minn hekk, minħabba l-ksur gravi tad-drittijiet għall-preżunzjoni ta' innoċenza u għall-protezzjoni ta' data personali previsti fl-Artikoli 8 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta") li tista' tikkostitwixxi l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant ta' terz ma jistax jaqa' taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni, iżda huwa suġġett għall-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98, ħaġa li tista' tiġi mistħarrġa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

64     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti b'mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni ġuridika tiegħu b'mod ċar, jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u sentenza Cimenteries, punt 28).

65     Bħala regola, il-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali għalhekk ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati. Madankollu jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-atti adottati matul il-proċedura preparatorja li fihom infushom jikkostitwixxu l-għeluq finali ta' proċedura speċjali distinta minn dik li tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-mertu, u li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu l-pożizzjoni ġuridika tiegħu b'mod ċar jikkostitwixxu atti kontestabbli huma wkoll (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 10 u 11).

66     Għaldaqstant, jirriżulta mill-ġurisprudenza, b'mod ċar u inekwivoku, li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinforma impriża li kontriha tkun tressqet proċedura ta' ksur bil-fatt li l-informazzjoni provduta minnha mhijiex koperta mit-trattament kunfidenzjali garantit mid-dritt Komunitarju u għalhekk tista' tiġi kkomunikata lill-terz li jagħmel ilment tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta' l-impriża in kwistjoni billi tbiddel b'mod ċar il-pożizzjoni ġuridika tagħha safejn il-Kummissjoni tirrifjutalha l-benefiċċju ta' protezzjoni prevista mid-dritt Komunitarju u hija ta' natura definittiva u indipendenti mid-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-possibbiltà li għandha l-impriża li tressaq rikors kontra d-deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mhijiex ta' natura li ttiha protezzjoni adegwata tad-drittijiet tagħha f'din il-materja. Minn naħa, il-proċedura amministrattiva tista' ma twassalx għal deċiżjoni ta' konstatazzjoni ta' ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikors li jista' jitressaq kontra din id-deċiżjoni, jekk dan isir, madankollu ma jagħtix lill-impriża l-mezz biex jiġu evitati l-effetti rreversibbli li ġġib magħha komunikazzjoni illegali ta' wħud mid-dokumenti tagħha (sentenza Akzo, punti 18 sa 20). Deċiżjoni bħal din għalhekk tista' tkun is-suġġett ta' rikors għal annullament.

67     Dawn ir-rikorsi huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta' l-uffiċjal tas-smigħ tal-25 ta' Lulju 2001 u tad-9 ta' Awwissu 2001 li jibgħat lill-FPÖ il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet relattivi għall-proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 dwar il-fissazzjoni tat-tariffi bankarji (COMP/36.571 – Banek Awstrijaċi), u dan kontra l-pożizzjoni tar-rikorrenti, li kienu kkonċernati minn dawn il-komunikazzjonijiet u li kienu opponew il-komunikazzjoni tagħhom lill-FPÖ.

68     Il-leġiżlazzjoni applikabbli tirrikonoxxi lit-terzi li jippretendu li għandhom interess leġittimu d-dritt li jakkwistaw il-komunikazzjoni ta' verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, u dan bil-għan li jkunu jistgħu jgħarrfu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 jiddisponi li l-persuni naturali jew legali li jsostnu li għandhom interess leġittimu huma intitolati li jagħmlu applikazzjoni sabiex jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 jindika wkoll li, meta l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet dwar punt li għalih hija tkun irċeviet xi applikazzjoni jew ilment, hija għandha tipprovdi lill-applikant jew lil min jilmenta b'kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet sabiex huwa jkun jista' jgħarraf l-opinjonijiet tiegħu bil-miktub.

69     Madankollu, jirriżulta mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462 li, meta l-impriża li kontriha tkun tressqet proċedura ta' ksur taħt l-Artikoli 81 u 82 KE topponi għall-iżvelar lil terz ta' informazzjoni li tista' tikkostitwixxi sigriet tan-negozju, iżda l-informazzjoni tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni li mhijiex protetta u li għalhekk tista' tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat f'deċiżjoni motivata li għandha tkun notifikata lill-impriża kkonċernata.

70     F'dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-213/01 ittemm il-proċedura ta' komunikazzjoni lill-FPÖ tal-"verżjoni attwali adattata" tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 kif ukoll tad-dikjarazzjoni supplimentari ta' l-oġġezzjonijiet tal-21 ta' Novembru 2000. Din id-deċiżjoni tiċħad kemm l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għall-komunikazzjoni lill-FPÖ ta' dawn id-dokumenti kif ukoll it-trattament kunfidenzjali pretiż minnha f'dak li jikkonċerna ċerta informazzjoni li huma kien fihom. Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-214/01, min-naħa tagħha, tiċħad b'mod definittiv l-oppożizzjoni tar-rikorrenti għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet in kwistjoni lill-FPÖ. Iż-żewġ deċiżjonijiet ittieħdu abbażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2001/462, li jipprovdi li, meta l-impriża kkonċernata topponi għall-iżvelar ta' informazzjoni iżda l-uffiċjal tas-smigħ jikkunsidra li l-informazzjoni mhijiex protetta u li għalhekk tista' tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat f'deċiżjoni motivata li għandha tkun notifikata lill-impriża kkonċernata, u d-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata – data li m'għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika. F'dan il-każ, l-uffiċjal tas-smigħ talab lir-rikorrenti jinfurmawh, fi żmien ġimgħa, jekk kinux biħsiebhom iressqu rikors jew jippreżentaw talba għal proċedura sommarja. F'dan ir-rigward ġie indikat li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet ma kinux ser jintbagħtu lill-FPÖ qabel l-iskadenza ta' l-imsemmi terminu.

71     Għaldaqstant id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu l-għeluq finali ta' proċedura speċjali distinta mill-proċedura ġenerali ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE billi jistabbilixxu b'mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kwistjoni tal-komunikazzjoni tal-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ. Dawn id-deċiżjonijiet neċessarjament jimplikaw li tiġi rikonoxxuta, minn qabel, lill-FPÖ, il-kwalità ta' applikant li għandu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, peress li hija din il-kwalità li tagħti d-dritt lill-FPÖ għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98.

72     Konsegwentement, ir-rikorrenti jistgħu jikkontestaw fir-rikorsi tagħhom kemm id-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-smigħ li jibgħat il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ kif ukoll l-element indispensabbli li huwa l-bażi ta' din id-deċiżjoni, jiġifieri r-rikonoxximent mill-Kummissjoni ta' l-interess leġittimu tal-FPÖ, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17. Fin-nuqqas, ir-rikorrenti ma jkunux f'pożizzjoni li jwaqqfu l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom mill-Kummissjoni milli jiġu mgħarrfa lil terz li jkun għamel applikazzjoni jew ilment li ma jkollux l-interess leġittimu meħtieġ mill-leġiżlazzjoni Komunitarja, jew – fil-każ li din il-komunikazzjoni tkun diġà seħħet – li jitolbu li l-użu mill-imsemmi terz ta' l-informazzjoni in kwistjoni jiġi ddikjarat illegali.

73     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv ta' inammissibiltà bbażat fuq in-nuqqas ta' effetti ġuridiċi tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-214/01 u tal-pożizzjonijiet meħuda mill-uffiċjal tas-smigħ fid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-213/01, rispettivament, u relattivi għar-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ u għad-dritt tal-FPÖ għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet rispettivament, għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorsi tressqu tard wisq

 L-argumenti tal-partijiet

74     Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom biss natura konfermattiva fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ u fir-rigward tad-dritt ta' dan ta' l-aħħar għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, ir-rikorsi tressqu wara li skada t-terminu f'dan ir-rigward.

75     F'dak li jikkonċerna r-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lill-FPÖ fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tispjega li hija adottat deċiżjoni definittiva fuq dan il-punt matul is-sena 1999, u informat lir-rikorrenti biha b'ittri tal-5 ta' Novembru 1999. Fl-ittra tiegħu tas-27 ta' Marzu 2001, l-uffiċjal tas-smigħ illimita ruħu li jikkonferma li l-interess tal-FPÖ li jagħmel applikazzjoni kien ġie rikonoxxut u tenna l-ispjegazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward. F'kull każ, anki jekk l-ittra tas-27 ta' Marzu 2001 kien fiha deċiżjoni f'dan ir-rigward, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestatha. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti stess irrikonoxxew fir-rikorsi tagħhom li d-deċiżjoni kkontestata kienet biss "tikkonferma" il-pożizzjoni proċedurali mogħtija lill-FPÖ permezz ta' deċiżjoni preċedenti.

76     Fir-rigward tad-dritt għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet tal-FPÖ, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet diġà informat lir-rikorrenti, oralment fil-bidu ta' Ottubru 1999 imbagħad b'ittri tal-5 ta' Novembru 1999, li hija kien biħsiebha tipproċedi skond l-imsemmi Artikolu 7 tar-Regolament 2842/98. Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni kienet adottat "deċiżjoni" li tikkonċerna d-dritt tal-FPÖ li jirċievi d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u jekk din kienet att kontestabbli, id-deċiżjoni kkontestata sempliċement tikkonfermaha fuq dan il-punt u għalhekk ma tistax tkun is-suġġett ta' rikors.

77     Ir-rikorrenti jsostnu li r-rikorsi ma tressqux wara l-iskadenza tat-terminu. Huma biss id-deċiżjonijiet ikkontestati li jistabbilixxu l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kwalità ta' applikant tal-FPÖ u l-komunikazzjoni lilu tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, billi l-ittri ta' qabel ta' l-uffiċjal tas-smigħ u tas-servizzi tal-Kummissjoni jikkostitwixxu sempliċi miżuri preparatorji. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet li jtemmu l-proċedura ta' komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ mhumiex atti purament konfermattivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

78     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet iktar 'il fuq li r-rikorrenti jistgħu jikkontestaw, fil-kuntest tar-rikorsi preżenti kontra d-deċiżjonijiet finali li jtemmu l-proċeduri speċjali ta' komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ, l-element li huwa l-bażi ta' dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri r-rikonoxximent mill-Kummissjoni ta' l-interess leġittimu u l-kwalità ta' applikant tal-FPÖ fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, li minnu joħroġ id-dritt tiegħu li jirċievi l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98.

79     Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni utilment li r-rikorrenti kien imisshom resssqu rikors kontra miżuri intermedjarji differenti meħuda fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri ta' komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet sabiex minn dan tikkonkludi li l-preżenti rikorsi – imressqa kontra deċiżjonijiet li jagħlqu l-imsemmija proċeduri – ma jistgħux jikkontestaw il-miżuri intermedjarji li minnhom ġew adottati dawn id-deċiżjonijiet.

80     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ta' inammissibiltà bbażat fuq il-fatt li r-rikorsi tressqu tard wisq għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

81     Ir-rikorrenti jinvokaw seba' motivi sabiex isostnu r-rikorsi tagħhom. L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura. Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba li l-oġġezzjonijiet ġew ikkomunikati lill-FPÖ tard wisq. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq id-dekadenza tal-FPÖ mid-dritt tiegħu li jintervjeni fil-proċedura. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 moqri flimkien ma' l-Artikolu 287 KE, billi l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ kisret id-dritt tagħhom għall-kunfidenzjalità tas-sigrieti tagħhom tan-negozju. Fl-aħħar nett, is-seba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni

82     Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-smigħ li jibgħat id-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ hija illegali safejn dan ta' l-aħħar ma jistax ikun ikkwalifikat bħala applikant fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98.

83     Sabiex isostnu t-teżi tagħhom, ir-rikorrenti jaffermaw, l-ewwel nett, li ma teżistix rabta kawżali bejn l-applikazzjoni magħmula mill-FPÖ u l-ftuħ tal-proċedura, it-tieni nett, li l-FPÖ m'għandux interess leġittimu fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet, it-tielet nett, li l-Kummissjoni la vverifikat u lanqas immotivat l-eżistenza ta' tali interess min-naħa tal-FPÖ.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' rabta kawżali bejn l-applikazzjoni magħmula mill-FPÖ u l-ftuħ tal-proċedura

–       L-argumenti tal-partijiet

84     Ir-rikorrenti jsostnu li l-FPÖ mhuwiex applikant fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98, minħabba li l-applikazzjoni tiegħu ma tatx bidu għall-proċedura ta' ksur. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 jistabbilixxi li l-proċeduri jinfetħu "fuq applikazzjoni jew fuq l-inizjattiva [tal-Kummissjoni]". Fil-każ fejn proċedura tkun infetħet fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma sseħħx iktar "fuq applikazzjoni". F'dan il-każ, kien biss xahrejn wara l-ftuħ ta' proċedura fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni li l-FPÖ għamel l-applikazzjoni tiegħu. Konsegwentement, l-FPÖ ma jistax jakkwista l-istatus ta' applikant fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 17, billi din il-parti tista' l-iktar l-iktar tikkwalifika bħala terza persuna li għandha interess biżżejjed fis-sens ta' l-Artikolu 19(2) tar-Regolament 17 u ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2842/98.

85     Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-differenza bejn ilment formali u l-komunikazzjoni informali ta' elementi ta' ksur. Issa, huwa biss ilment formali li joħloq drittijiet procedurali.

86     Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, li hija tikkwalifika bħala żbaljati u infondati. Għalhekk huwa irrilevanti jekk il-proċedura nfetħitx fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara ilment magħmul skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17. Il-proċedura formali ta' ksur tinfetaħ biss permezz tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u sseħħ sew wara r-rikonoxximent ta' dritt li titressaq applikazzjoni. F'dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta' ksur fl-10 ta' Settembru 1999, meta adottat l-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jiġifieri sentejn wara l-applikazzjoni tal-FPÖ. F'kull każ, fil-mument meta l-FPÖ għamel l-applikazzjoni tiegħu, dan ta' l-aħħar ma kienx jaf bl-eżistenza ta' kwalunkwe proċedura, għaliex il-Kummissjoni ħarset is-sigriet tax-xogħol preparatorju sabiex tassigura l-effettività tal-verifiki li saru f'Ġunju 1998.

87     Fl-aħħar nett, id-distinzjoni bejn ilmenti formali u lmenti informali, imressqa mir-rikorrenti, mhijiex fondata. Il-persuna li tagħmel l-ilment li tippretendi li għandha interess leġittimu għandha drittijiet qabel il-ftuħ ta' proċedura u anki jekk tali proċedura ma tkunx infetħet, bħad-dritt li tressaq rikors għal annullament taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 17.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

88     L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 jiddisponi li, jekk, "fuq applikazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha", il-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81 KE jew ta' l-Artikolu 82 KE, hija tista', permezz ta' deċiżjoni, tobbliga lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi kkonċernati sabiex itemmu dan il-ksur.

89     Jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 2842/98 li l-"applikant" huwa persuna naturali jew legali li, filwaqt li tippretendi li għandha interess leġittimu għal dan il-għan, titlob lill-Kummissjoni tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81 KE jew ta' l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet iċċitati tar-Regolament Nru 2842/98 jikkwalifikaw tali applikant bħala "min jagħmel l-ilment" għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 tad-19 ta' Lulju 1968 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permezz tal-passaġġi ta' l-ilma interni (ĠU L 175, p. 1), Nru 4056/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (ĠU L 378, p.4), u Nru 3975/87 ta' l-14 ta' Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU L 374, p.1). Skond l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-Istati Membri huma wkoll intitolati, mingħajr il-bżonn, madankollu, li jinvokaw xi interess, li jagħmlu tali "applikazzjonijiet" jew "ilmenti" intiżi sabiex jiġi kkonstatat ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni fuq imsemmija.

90     Ir-rikorrenti jsostnu, sostanzjalment, li, meta proċedura ta' ksur tinfetaħ fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, m'hemmx iktar lok li tinġħata lil terz il-kwalità ta' applikant. Madankollu, din it-teżi ma tistax tiġi milqugħa.

91     Fil-fatt, ir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98 ma jeżiġux, għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment, li l-applikazzjoni jew l-ilment in kwistjoni tagħti bidu għall-ftuħ, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-proċedura ta' ksur, u b'mod partikolari tal-fażi ta' investigazzjoni preliminari ta' din il-proċedura. Għalhekk, il-persuni naturali jew legali li jippretendu li għandhom interess leġittimu sabiex jiġi kkonstatat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu applikazzjoni jew ilment għal dan il-għan anki jekk tkun infetħet, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq applikazzjoni ta' ħaddieħor, il-fażi ta' investigazzjoni preliminari tal-proċedura ta' ksur. Li kieku ma kienx hekk, il-persuni li għandhom tali interess leġittimu jiġu preklużi milli jeżerċitaw, waqt li tkun għaddejja l-proċedura, id-drittijiet proċedurali assoċjati mal-kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment.

92     It-teżi tar-rikorrenti twassal sabiex tiġi imposta fuq terzi kundizzjoni addizzjonali li mhijiex prevista fir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98. Ir-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment ikun jiddependi mhux biss mill-għemil ta' applikazzjoni jew ta' lment u mill-ġustifikazzjoni ta' interess leġittimu f'dan ir-rigward, imma wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx fetħet l-investigazzjoni tagħha fuq il-ksur ilmentat. Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat, fid-dawl tal-fatt li l-ftuħ ta' l-investigazzjoni normalment jinżamm sigriet sabiex tiġi assigurata l-effettività tal-passi li jkunu jridu jittieħdu, it-terz li għandu interess leġittimu normalment ma jkunx f'pożizzjoni li jkun jaf jekk l-Kummissjoni tkunx diġà fetħet l-investigazzjoni fuq l-akkordji jew il-prattiċi in kwistjoni jew le.

93     Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, f'dan il-każ, l-applikazzjoni tal-FPÖ saret immedjatament wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-FPÖ għamel l-applikazzjoni inizjali tiegħu fl-24 ta' Ġunju 1997, jiġifieri seba' ġimgħat wara l-ftuħ, fis-6 ta' Mejju 1997, tal-proċedura ta' investigazzjoni. Ma jirriżultax mill-proċess li l-Kummissjoni rrendiet pubbliku l-ftuħ ta' din l-investigazzjoni.

94     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-fatt li l-investigazzjoni dwar il-ksur allegatament imwettaq mir-rikorrenti nfetħet qabel ma l-FPÖ għamel l-applikazzjoni tiegħu ma jistax jipprekludi r-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant lil dan ta' l-aħħar fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98.

95     Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-differenza bejn ilment formali u l-"komunikazzjoni informali ta' elementi ta' ksur", invokata mir-rikorrenti, din mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-kawżi preżenti. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li l-FPÖ ma llimitax ruħu, f'dan il-każ, li jagħti informazzjoni lill-Kummissjoni, iżda talab il-ftuħ ta' investigazzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE, sabiex l-istituzzjonijiet bankarji kkonċernati jiġu obbligati jwaqqfu dan il-ksur u sabiex jiġu imposti multi fuq dawn l-istituzzjonijiet.

96     Minn dan isegwi li din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta' ġustifikazzjoni mill-FPÖ ta' interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2), tar-Regolament Nru 17

–       L-argumenti tal-partijiet

97     Ir-rikorrenti jsostnu li l-FPÖ ma tistax tiġi kkwalifikata bħala applikant, għaliex l-interess ekonomiku invokat minn dan il-partit politiku ma jikkostitwixxix interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17.

98     Fl-ewwel lok, huma jallegaw li l-fatt li wieħed ikun klijent ta' banek huwa biss sempliċi pretest u li l-interess tal-FPÖ huwa esklużivament politiku. L-FPÖ jippretendi li jkollu aċċess għad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet bl-għan waħdieni li jisfruttahom politikament. Il-ġrajjiet li seħħew wara l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ jikkonfermaw din l-evalwazzjoni. Konsegwentement, l-interess tal-FPÖ mhuwa bl-ebda mod "leġittimu" fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

99     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, f'kull każ, il-fatt waħdieni li wieħed ikun klijent ta' banek ma jippermettix li jiġi rrikonoxxut li l-FPÖ għandu interess leġittimu. L-interess leġittimu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 jippressupponi li l-allegata imġieba antikompettitiva tista' taffettwa l-interessi ekonomiċi ta' l-applikant, fis-sens li huwa jrid jopera fis-suq ikkonċernat sabiex jista' jippretendi li qed isofri preġudizzju personali. Fil-fatt, s'issa, il-Kummissjoni llimitat ir-rikonoxximent ta' tali interess leġittimu biss għal persuni naturali jew legali li huma "affettwati fl-attivitijatijiet kummerċjali tagħhom" minn imġieba antikompettitiva. Hija saħansitra kellha t-tendenza li tinterpreta l-kunċett ta' interess leġittimu strettament, billi tirrifjuta li tirrikonoxxi tali interess lill-kompetituri li ma kinux attivi fl-istess suq in kwistjoni bħall-impriża kkonċernata mill-proċedura. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-każ għalhekk tikkostitwixxi taqliba radikali fil-prassi tagħha. Fil-fatt, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għadhom irrikonoxxew interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 lill-klijenti finali tal-bejgħ bl-imnut, bħalma huma l-klijenti tal-banek. F'dan is-sens, ir-referenza magħmula mill-Kummissjoni għall-każ tal-bastimenti tal-ġarr Griegi (ara punt 103, iktar 'l isfel) hija qarrieqa, għaliex, f'din il-kawża, hija m'awtorizzatx il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-klijenti finali.

100   Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li interpretazzjoni iktar wiesgħa ta' l-interess leġittimu twassal sabiex tiftaħ it-triq għall-azzjoni popolari, ħaġa li ġġib magħha konsegwenzi dannużi. Minn naħa, il-Kummissjoni tkun kostretta li teżamina u li tittratta kwantità kbira ħafna ta' lmenti u, barra minn hekk, il-fatt li l-konsumaturi kollha jkollhom id-dritt li jaċċedu għall-oġġezzjonijiet u li jipparteċipaw fis-smigħ jagħmilha impossibbli li l-proċeduri jitwettqu b'diliġenza. Barra minn hekk, dan jista' jwassal għal abbużi, b'mod partikolari fil-proċeduri li jkollhom riperkussjonijiet fuq il-pubbliku in ġenerali, peress li kulħadd ikun jista' jaċċedi għall-oġġezzjonijiet minħabba s-sempliċi fatt li jkun klijent finali.

101   Min-naħa l-oħra, interpretazzjoni bħal din tmur kontra l-loġika tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98. Bil-fatt li ddistingwa bejn l-"applikanti li għandhom interess leġittimu" (l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 2842/98), it-"terzi persuni li għandhom interess biżżejjed" (l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2842/98) u t-"terzi partijiet oħra" (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2842/98), il-leġiżlatur stabbilixxa skala skond l-intensità tal-preġudizzju magħmul lill-interessi ekonomiċi ta' terzi. Din id-distinzjoni tkun mingħajr sens jekk il-klijenti finali kollha jiġu kkunsidrati bħala applikanti li għandhom interess leġittimu skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Il-klijent finali jkollu l-possibiltà li jagħmel ilment kontra l-impriżi li huwa jissuspetta li għamlu akkordji li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni, u l-interess tiegħu li jiddaħħal fil-proċedura jkun jista' jiġi protett, jekk juri "interess biżżejjed", billi jinstema' u jiġi informat mill-Kummissjoni fuq l-andament tal-proċedura, iżda mingħajr ma jikkwalifika l-ilment tiegħu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u mingħajr ma jintbagħtulu d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet. Għalhekk il-protezzjoni tal-konsumaturi mid-dritt tal-kompetizzjoni ma tistax tasal sal-punt li, fil-prinċipju, jiġi rrikonoxxut lilhom interess leġittimu jekk ma jidħlux in kwistjoni xi aspetti addizzjonali.

102   Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti bħala li huma infondati. L-FPÖ, bħala benefiċjarju ta' servizzi bankarji, huwa kkonċernat mill-akkordju preżunt u għalhekk, għandu interess leġittimu li jagħmel applikazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, mingħajr ma jkun involut l-eventwali interess politiku tiegħu fir-rikonoxximent ta' dan l-istatus. Fil-każ fejn l-FPÖ ikollu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tivverifika l-eżistenza ta' xi motivazzjonijiet oħra tiegħu.

103   F'dak li jikkonċerna l-interess ekonomiku tal-FPÖ, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni addizzjonali invokata mir-rikorrenti li "wieħed ikun attiv fil-qasam ta' attività kkonċernata" mhija bl-ebda mod ġuridikament fondata. Id-dritt tal-kompetizzjoni huwa intiż l-iktar sabiex jipproteġi l-konsumatur li, għal din ir-raġuni, għandu interess leġittimu li jilmenta jekk huwa kkonċernat minn imġieba fis-suq. Barra minn hekk, il-prattika tal-Kummissjoni tikkonferma dan il-prinċipju (ara, per eżempju, id-Deċiżjoni tagħha 1999/271/KE, tad-9 ta' Diċembru 1998, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/34.466 – Bastimenti tal-ġarr Griegi) (ĠU 1999, L 109, p. 24). Madankollu dan ma jfissirx li hija tassimila l-interess leġittimu ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 ma "interess popolari li kulħadd jista' jgawdi". Bħala prinċipju, mhux il-klijenti kollha għandhom interess li jagħmlu applikazzjoni, imma biss dawk il-klijenti li jkunu direttament ikkonċernati mill-akkordju. F'dan il-każ, il-Kummissjoni affermat li l-FPÖ ma kienx ikkonċernat mill-proċedura bħal "kull persuna oħra", imma li kien direttament affettwat fl-interessi ekonomiċi tiegħu bħala klijent tas-servizzi bankarji minn akkordju li kien ikopri l-aspetti kollha ta' dawn is-servizzi.

104   Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, il-kwistjoni ta' diffikultajiet imposti minn proċeduri amministrattivi li jinvolvu diversi persuni li jagħmlu ilment u l-argumenti dwar l-aċċettazzjoni ta' "ilmenti popolari" m'għandhom l-ebda rabta ma' l-interess leġittimu biex tiġi magħmula applikazzjoni skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq id-drittijiet ta' terzi li għandhom interess "biżżejjed" mhumiex applikabbli. Ir-Regolament Nru 2842/98 jipproteġi l-pożizzjoni proċedurali ta' min jagħmel l-ilment, li hija nettament aħjar mill-pożizzjoni ta' terzi partijiet l-oħra fil-proċedura.

105   Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, f'kull każ, il-kwistjoni tar-rikonoxximent tal-kwalità proċedurali tal-FPÖ mhijiex rilevanti f'dan il-każ, għaliex hija tista', f'kull każ, tibgħat verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet anki lill-persuni li mhumiex ikkonċernati mill-proċedura, jekk jidhrilha li dan ikun utli. Konsegwentement, anki kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddikjara li l-FPÖ ma kellux interess leġittimu li jagħmel applikazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha s-setgħa diskrezzjonali li tibgħatlu verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet (digriet Postbank vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar 'il fuq, punt 8).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

106   Għall-finijiet ta' din il-kawża, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta' ksur tal-persuni naturali jew legali barra mill-impriżi li kontrihom il-Kummissjoni ressqet oġġezzjonijiet hija rregolata mir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98. Dawn ir-Regolamenti jiddistingwu f'dan ir-rigward bejn, l-ewwel nett, l-"applikant jew min jagħmel l-ilment li jsostnu li għandhom interess leġittimu", li lilhom il-Kummissjoni tibgħat kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet, meta hija tressaq oġġezzjonijiet li jikkonċernaw kwistjoni li dwarha tkun ġiet sottomessa lilha l-applikazzjoni jew l-ilment in kwistjoni (l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 2842/98); it-tieni nett, it-"terza persuna li għandha interess biżżejjed", li, jekk titlob li tinstema', għandha dritt li l-Kummissjoni tinformaha bil-miktub bin-natura u s-suġġett tal-proċedura, kif ukoll li jesprimi lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tagħha bil-miktub (l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 2842/98); it-tielet nett, "terzi partijiet oħra", li l-Kummissjoni tista' tagħtihom l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom bil-fomm (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 2842/98). Il-leġiżlatur stabbilixxa wkoll skala, skond l-intensità tal-preġudizzju magħmul lill-interessi tagħhom, fil-parteċipazzjoni fi proċedura ta' ksur ta' dawn it-terzi differenti.

107   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li kull applikant u kull min jagħmel l-ilment li jippretendi li għandu interess leġittimu għandu dritt li jirċievi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Fir-rigward ta' terzi li għandhom interess biżżejjed, ma jistax jiġi eskluż, skond l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2842/98, li l-Kummissjoni tista', mingħajr madankollu ma hija obbligata, jekk iċ-ċirkustanzi tal-każ hekk jiġġustifikaw, tibgħatilhom verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, sabiex ikunu għal kollox f'pożizzjoni li jipprovduha utilment bl-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-allegat ksur li jifforma s-suġġett tal-proċedura in kwistjoni.

108   Apparti ż-żewġ ipoteżijiet deskritti fil-punt preċedenti, mhuwiex previst, fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament Nru 2842/98, li l-Kummissjoni tibgħat id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-persuni naturali jew legali barra mill-impriżi li kontrihom ressqet dawn l-oġġezzjonijiet.

109   F'dan il-każ, l-FPÖ ngħata mill-Kummissjoni l-istatus ta' applikant fil-proċedura ta' ksur mibdija kontra r-rikorrenti, fost impriżi oħra. Għalhekk irid isir magħruf jekk l-FPÖ kellux interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17.

110   Fl-ittra tiegħu tat-2 ta' Ġunju 1998, l-FPÖ sostna li kien ġie ekonomikament ippreġudikat, bħala klijent finali tas-servizzi bankarji Awstrijaċi, mill-akkordju li dwaru sar l-ilment. Il-fatt li, fl-ewwel talba tiegħu ta' l-24 ta' Ġunju 1997, il-FPÖ kien igawdi interess ġenerali, bħalma hija l-protezzjoni ta' l-ordni ġuridiku, ma setax iċaħħdu mill-possibiltà li sussegwentement isostni, bil-għan li juri li għandu interess leġittimu fis-sens tar-Regolament Nru 17, l-istatus tiegħu ta' klijent tal-banek li kontrihom inbdiet il-proċedura, kif ukoll il-preġudizzju ta' natura ekonomika li huwa allegatament sofra b'riżultat ta' l-akkordji in kwistjoni.

111   Madankollu r-rikorrenti jsostnu, sostanzjalment, li s-sempliċi fatt li wieħed ikun klijent finali ta' servizzi bankarji mhuwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-eżistenza ta' interess leġittimu, li jeżisti biss għall-applikant li jopera fis-suq ikkonċernat u li huwa affettwat fl-attivitajiet kummerċjali tiegħu mill-allegata imġieba antikompetittiva.

112   Għandu madankollu jiġi rrilevat xorta waħda li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet li assoċjazzjoni ta' impriżi setgħet issostni li kellha interess leġittimu li tagħmel applikazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 anki jekk hija ma kinitx direttament ikkonċernata, bħala impriża li topera fis-suq in kwistjoni, mill-imġieba li dwarha sar l-ilment, madankollu bil-kundizzjoni, b'mod partikolari, li l-imsemmija mġieba setgħet tippreġudika l-interessi tal-membri tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 1995, BEMIM vs Il-Kummissjoni, T-114/92, Ġabra p. II‑147, punt 28).

113   Fir-rigward, b'mod iktar partikolari, tal-klijenti finali xerrejja ta' merkanzija jew ta' servizzi, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi kurrenti tagħha turi li l-konsumatur għandu interess leġittimu li jilmenta jekk huwa jkun ikkonċernat minn imġieba antikompetittiva fis-suq. Madankollu, b'risposta għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni stess ammettiet li l-ebda konsumatur finali m'akkwista verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġeżżjonijiet wara li ttieħdet deċiżjoni fuq l-interess tiegħu. Għalhekk il-FPÖ kien l-ewwel klijent finali li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kellu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u għalhekk id-dritt għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

114   Issa l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkkunsidra li xejn ma jipprekludi klijent finali xerrej ta' merkanzija jew ta' servizzi milli jkun jista' jissodisfa l-kunċett ta' interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li klijent finali li juri li ġie ppreġudikat jew li jista' jiġi ppreġudikat fl-interessi ekonomiċi tiegħu minħabba r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni in kwistjoni għandu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 sabiex jagħmel applikazzjoni jew ilment sabiex il-Kummissjoni tikkonstata ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

115   F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-regoli intiżi sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għandhom għandhom bħala għan finali li jżidu l-benesseri tal-konsumatur. B'mod partikolari, dan l-għan jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, għalkemm il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta' din id-dispożizzjoni tista' tiġi ddikjarata inapplikabbli għal akkordji li jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni jew biex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, din il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 81(3) KE, hija b'mod partikolari suġġetta għall-kundizzjoni li sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom ikun irriżervat għall-konsumaturi ta' l-imsemmija prodotti. Għalhekk id-dritt u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom impatt li ma jistax jinċaħad fuq l-interessi ekonomiċi konkreti ta' klijenti finali xerrejja ta' oġġetti jew ta' servizzi. Issa, ir-rikonoxximent lil tali klijenti – li jsostnu li jkunu sofrew preġudizzju ekonomiku minħabba kuntratt jew imġieba li tista’ tirrestrinġi jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni – ta' interess leġittimu li l-Kummissjoni tikkonstata ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

116   Bil-kontra ta' dak li jippretendu r-rikorrenti, din il-kunsiderazzjoni ma twassalx biex tbattal il-kunċett ta' interess leġittimu mis-sustanza tiegħu billi tagħtih tifsira wiesgħa żżejjed, u lanqas ma tiftaħ it-triq għal xi allegata "azzjoni popolari". Fil-fatt, li wieħed jaċċetta li konsumatur li jkun kapaċi juri li l-interessi ekonomiċi tiegħu sofrew preġudizzju li jirriżulta minn akkordju li huwa jilmenta dwaru jista', minħabba f'hekk, ikollu interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, ma jammontax għall-kunsiderazzjoni li kull persuna naturali jew legali għandha interess bħal dan.

117   Bl-istess mod, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq iż-żieda kbira fl-ilmenti u fuq id-diffikultajiet tal-proċeduri amministrattivi li jirriżultaw mir-rikonoxximent lill-klijenti finali tal-kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment lanqas ma jistgħux jiġu aċċettati. Kif issostni tajjeb il-Kummissjoni, dawn l-oġġezzjonijiet ma jistgħux jiġu validament invokati sabiex jirrestrinġu r-rikonoxximent ta' interess leġittimu għal klijent finali li juri li jkun ġie ppreġudikat ekonomikament minn prattika antikompettitiva li huwa jilmenta dwarha.

118   Fl-aħħar nett, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, u kif tirreleva l-Kummissjoni, meta l-applikant juri li għandu interess leġittimu validu, hija ma tistax tkun obbligata tivverifika l-eżistenza possibbli ta' motivazzjonijiet oħra ta' dan l-applikant.

119   Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-FPÖ seta’ validament jinvoka l-istatus tiegħu ta' klijent ta' servizzi bankarji fl-Awstrija u l-fatt li ġie ppreġudikat fl-interessi ekonomiċi tiegħu minn prattiċi antikompetittivi, bl-iskop li juri li għandu interess leġittimu biex jagħmel applikazzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni li l-imsemmija prattiċi jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

120   Għalhekk hemm lok li tiġi miċħuda din it-tieni parti, ibbażata fuq l-allegata ineżistenza ta' interess leġittimu, fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, min-naħa tal-FPÖ.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq nuqqas ta' verifika u ta' motivazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-eżistenza ta' interess leġittimu tal-FPÖ

–       L-argumenti tal-partijiet

121   Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni la vverifikat, u lanqas immotivat, li l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 ġew sodisfatti f'dan il-każ. B'hekk, minn naħa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma wriet li l-FPÖ kellu interess leġittimu, billi ma vverifikatx jekk huwa kienx wettaq operazzjonijiet bankarji mal-banek ikkonċernati, liema servizzi uża u għaliex l-interess tiegħu kien imur lil hinn minn interess "biżżejjed" jew minn interess "ieħor". Il-fatt li wieħed jafferma li għandu kontijiet bankarji mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi rikonoxxuta lil din il-parti l-kwalità ta' applikant, inqas u inqas meta din iċ-ċirkostanza kienet fatt diġà magħruf mill-Kummissjoni meta hija adottat id-deċiżjoni ta' rifjut tas-26 ta' Frar 1998. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma spjegatx kif l-ilment tal-FPÖ jippreżenta l-karatteristiċi ta' applikazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u lanqas ma spjegat ir-raġunijiet favur ir-rikonoxximent ta' interess leġittimu tal-FPÖ meta inizjalment hija kienet tal-parir oppost u meta l-FPÖ rrinunzja, bin-nuqqas ta' attività tiegħu għal iktar minn sentejn, li jsostni l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-proċedura.

122   Ir-rikorrenti jirrimarkaw ukoll li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Cimenteries, il-Kummissjoni kienet iddistingwiet żewġ tipi ta' oġġeżżjonijiet skond is-suq ikkonċernat u kienet ikkkomunikat l-oġġezzjonijiet b'mod differenti skond is-swieq fejn kienu stabbiliti l-impriżi kkonċernati (sentenza Cimenteries, punti 4 sa 7). Għalhekk il-Kummissjoni kien ukoll imissha stabbiliet u mmotivat, f'dan il-każ, l-interess ekonomiku tal-FPÖ fir-rigward tad-diversi swieq bankarji kkonċernati. Barra minn hekk, l-uffiċjal tas-smigħ kien obbligat li jivverifika, qabel ma jibgħat id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, jekk l-FPÖ kellux interess leġittimu, minflok ma jikkunsidra li l-kwistjoni kienet diġà ġiet deċiża bl-ittra tad-DĠ "Kompetizzjoni" tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 1999. Fil-fatt, mhux biss ir-Regolament Nru 2842/98 ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar l-allegat effett intern vinkolanti ta' l-imsemmija pożizzjoni meħuda mid-DĠ "Kompetizzjoni", imma d-Deċiżjonijiet Nru 94/810 u Nru 2001/462 fuq it-termini ta' referenza ta' l-uffiċjal tas-smigħ kienu fdaw b'mod wiesa' lil dan ta' l-aħħar il-kwistjonijiet relattivi għad-dritt tas-smigħ [ara, b'mod partikolari, l-Artikolu 4(1) u(2)(b) tad-Deċiżjoni Nru 2001/462].

123   Il-Kummissjoni tippretendi li l-kritika tar-rikorrenti ma tapplikax, peress li r-rikonoxximent ta' l-interess leġittimu tal-FPÖ huwa sempliċi miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, li ma tipproduċix effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-affermazzjonijiet li jolqtu l-oneru ta' prova mhumiex fondati, għaliex din il-kwistjoni tikkonċerna biss lill-Kummissjoni u lill-applikant, jiġifieri lill-FPÖ. F'kull każ, id-deskrizzjoni tas-servizz bankarju konkretament użat mill-FPÖ ma kinitx neċessarja f'dan il-każ, għaliex l-allegat akkordju jkopri l-aspetti kollha ta' sistema bankarja Awstrijaka.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

124   Fl-ewwel lok, f'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-obbligu ta' verifika ta' l-interess leġittimu tal-FPÖ u fuq l-oneru ta' prova korrispettiv li f'dan ir-rigward jaqa' fuq l-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, it-terz applikant jew li jagħmel l-ilment iridu isostni li għandu interess leġittimu li jiġi kkonstatat ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81 KE jew ta' l-Artikolu 82 KE. Konsegwentement il-Kummissjoni hija suġġetta għall-obbligu ta' verifika li t-terz jissodisfa l-imsemmija kundizzjoni.

125   F'dan il-każ, jirriżulta mill-ittri skambjati bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-interess leġittimu tal-FPÖ minħabba l-istatus tiegħu ta' klijent ta' servizzi bankarji fl-Awstrija. Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess li l-Kummissjoni talbet lill-FPÖ dokumenti li jistgħu juru li huwa effettivament kien klijent tal-banek kkonċernati mill-proċedura in kwistjoni u li ġew applikati tariffi bankarji miftiehma fil-konfront tal-kontijiet tiegħu, b'applikazzjoni ta' l-akkordji in kwistjoni. B'risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat dan il-fatt, billi rrikonoxxiet li hija ma kienet wettqet l-ebda verifika, u lanqas ma qieset li kien neċessarju li titlob il-produzzjoni effettiva tal-provi offerti mill-FPÖ dwar l-interess leġittimu ta' din il-parti fis-sens ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Madankollu, il-Kummissjoni ġġustifikat il-pożizzjoni tagħha billi sostniet li kien ċar li l-FPÖ kien klijent tal-banek ikkonċernati u li, fid-dawl tal-portata ta' dawn l-akkordji, ma setax jiġi miċħud li l-akkordji magħmula bejn il-banek "neċessarjament ippreġudikaw mill-aspett ekonomiku" lill-FPÖ u "bilfors ħolqulu preġudizzju".

126   Fir-rigward ta' l-istatus ta' FPÖ bħala klijent ta' servizzi bankarji, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li kien għal kollox loġiku li jiġi kkunsidrat li, għat-tmexxija ta' l-attivitajiet tiegħu, dan il-partit politiku ried ikollu diversi kontijiet bankarji u kien iwettaq operazzjonijiet bankarji regolari fl-Awstrija. Fil-fatt, matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti qatt ma kkontestaw li l-FPÖ kien jagħmel użu minn tali servizzi bankarji.

127   F'dak li jikkonċerna l-portata tal-prattiċi li dwarhom jirrigwarda l-ilment, jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 li l-akkordji li huma s-suġġett tal-proċedura kienu jikkonċernaw "il-prestazzjonijiet kollha ta' servizzi" tipikament ipprovduti lill-individwi u lill-impriżi mill-banek universali (depożiti, krediti, operazzjonijiet ta' ħlas, eċċ.) (punt 10 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet) u li l-akkordji konklużi "kienu wisq kompleti fil-kontenut tagħhom, istituzzjonalizzati fil-parti l-kbira tagħhom kif ukoll marbuta flimkien u kienu jkopru t-territorju kollu ta' l-Awstrija 'sa l-iżgħar villaġġ'" (punt 42 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet). Barra minn hekk, skond din id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, numru kbir ta' banek ipparteċipaw fil-prattiċi in kwistjoni (punt 383 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet). Għalhekk, id-destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kellhom "rwol importanti fis-suq bankarju Awstrijak minħabba l-kobor tagħhom (punt 383 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet). Dan kien il-każ tal-banek u tal-gruppi ta' banek Awstrijaċi prinċipali, li l-ishma tagħhom fis-suq meħudin flimkien kienu jirrapreżentaw 99% tas-suq Awstrijak (punt 10 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet). Barra minn hekk, jirriżulta mill-Anness A ta' din id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li jelenka l-entitajiet bankarji kollha li pparteċipaw fid-diversi laqgħat, li l-istabbilimenti bankarji involuti fl-akkordji kienu ħafna iktar numerużi mit-tmien destinatarji ta' l-oġġezzjonijiet.

128   Min-naħa tagħha, id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tal-21 ta' Novembru 2000 kienet indirizzata lill-istess destinatarji tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-akkordju relattiv għall-fissazzjoni tar-rata tal-kambju tal-flus tal-karta u ta' muniti taż-żona euro. L-istess kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq fir-rigward tal-portata ta' l-akkordju huma għalhekk applikabbli għall-akkordju previst f'din id-dikjarazzjoni. 

129   Minn dan isegwi li l-prattiċi kkontestati fil-proċedura amministrattiva in kwistjoni kienu mifruxa ħafna, billi kienu jkopru l-aspetti kollha tas-sistema bankarja Awstrijaka kif ukoll it-territorju nazzjonali kollu ta' l-Awstrija. Għaldaqstant, għandu bilfors jiġi kkonstatat li l-akkordji kkontestati fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet neċessarjament kienu jirriskjaw li jippreġudikaw ekonomikament lill-FPÖ, bħala klijent tas-servizzi bankarji Awstrijaċi.

130   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, għalkemm huwa minnu li l-bank identifikat mir-rikorrenti waqt is-seduta – jiġifieri dak li jappartjeni għall-Gvern tal-Land ta' Carinthia – bħala l-bank li fih l-FPÖ kellu l-kontijiet tiegħu ma kienx wieħed mit-tmien destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa' l-fatt li dan il-bank jidher fost l-entitajiet bankarji indikati fl-Anness A tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, li pparteċipaw b'mod regolari fil-laqgħat relattivi għall-akkordji in kwistjoni.

131   L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kien imissha mmotivat espressament l-interess ekonomiku tal-FPÖ fir-rigward ta' kull wieħed mid-diversi swieq bankarji kkonċernati ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, ir-rikonoxximent tal-kwalità ta' applikant jew ta' min jagħmel ilment lil klijent finali jiddependi, kif ġie indikat, mill-possibiltà li dan isofri preġudizzju ekonomiku minħabba l-prattiċi in kwistjoni, u mhux, għalhekk, mill-parteċipazzjoni tiegħu f'kull wieħed mis-swieq ta' prodott suġġett ta' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni (ara punti 112 u 114, iktar 'il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq il-prattika segwita mill-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva li tikkorispondi għall-kawża li tat lok għas-sentenza Cimenteries. F'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet iddistingwiet l-imġieba kkritikata li kienet tikkorispondi għall-pjan internazzjonali minn dik relattiva għal kull suq nazzjonali affettwat, u l-kapitoli tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li kienu jikkonċernaw dawn ta' l-aħħar intbagħtu biss lid-destinatarji ta' l-oġġezzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru in kwistjoni (sentenza Cimenteries, punt 6). Issa għandu jiġi mfakkar li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet in kwistjoni fil-kawżi preżenti kienet tirreferi biss għal suq ġeografiku wieħed, jiġifieri dak kostitwit mit-territorju Awstrijak kollu.

132   Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda wkoll it-teżi tar-rikorrenti li skondha l-uffiċjal tas-smigħ kellu huwa stess jivverifika jekk l-FPÖ kellux interess leġittimu qabel jipproċedi għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98, il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-applikant jew lil min jagħmel l-ilment toħroġ neċessarjament mir-rikonoxximent ta' tali kwalità lit-terz li għandu interess leġittimu. Skond id-Deċiżjoni Nru 2001/462, l-uffiċjal tas-smigħ għandu biss id-dover li jassigura li s-smigħ jitmexxa b'mod korrett u jikkontribwixxi għall-oġġettività tas-smigħ innfisu u ta' kull deċiżjoni li tittieħed sussegwentement (Artikolu 5), li jieħu konjizzjoni ta' l-applikazzjonijiet ta' terzi biex jinstemgħu (Artikoli 6 u 7) u ta' l-applikazzjonijiet għal aċċess għall-fajl (Artikolu 8), kif ukoll li jassigura li ma tiġix żvelata informazzjoni protetta li tikkostitwixxi sigrieti tan-negozju ta' l-impriżi (Artikolu 9).

133   Minnn dan jirriżulta li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta' verifika ta' l-eżistenza ta' interess leġittimu min-naħa tal-FPÖ fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17.

134   Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adegwata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b’mod ċar u inekwivoku, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura li ttieħdet u lill-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. M’hemmx bżonn li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissoddisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b'referenza għall-kliem tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-14 ta' Frar 1990, Declare et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 16, u tat-2 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink's France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

135   F'dan il-każ, jirriżulta mill-kuntest li fih ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati u, b'mod partikolari, mill-kontenut ta' l-ittri tal-5 ta' Novembru 1999 tas-servizzi tad-DĠ "Kompetizzjoni" u tas-27 ta' Marzu 2001 ta' l-uffiċjal tas-smigħ, li indikaw li l-FPÖ kien klijent tas-servizzi banakarji, li d-deċiżjonijiet ikkontestati b'mod impliċitu rrikonoxxew l-interess leġittimu tal-FPÖ fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 minħabba l-istatus tiegħu ta' klijent finali tas-servizzi bankarji Awstrijaċi kkonċernati mill prattiċi li dwarhom jirrigwarda l-ilment.

136   Issa, f'dan il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-portata tal-prattiċi li dwarhom jirrigwarda l-ilment, tali motivazzjoni għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti.

137   L-oġġezzjoni tar-rikorrenti għalhekk ma tistax tiġi milqugħa.

138   Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li din it-tielet parti, li skondha l-Kummissjoni naqset mill-obbligi ta' verifika u ta' motivazzjoni ta' l-eżistenza ta' interess leġittimu min-naħa tal-FPÖ, hija infondata.

139   Il-motivi bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet, ir-raba' u l-ħames motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ekonomija tal-proċedura u tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tad-dekadenza tal-FPÖ mid-dritt tiegħu li jintervjeni fil-proċedura

140   Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ li jeżisti dritt eventwali tal-FPÖ li tintbagħatlu d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, din il-komunikazzjoni f'dan l-istadju tal-proċedura, minn naħa, hija illegali minħabba d-dekadenza tal-FPÖ mid-dritt tiegħu li jintervjeni fiha u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura u tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq id-dekadenza tal-FPÖ mid-dritt tiegħu li jintervjeni fil-proċedura

–       L-argumenti tal-partijiet

141   Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk kien jeżisti d-dritt tal-FPÖ għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet u għall-parteċipazzjoni fil-proċedura, l-FPÖ ddekada minn dan id-dritt. Miċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tiegħu fi Frar ta' l-1998, il-FPÖ ma ħa l-ebda passi sabiex ikun jista' jipparteċipa fil-proċedura qabel is-smigħ u, għaldaqstant, minħabba n-nuqqas ta' interess tiegħu, huwa rrinunzja għad-dritt tiegħu.

142   Barra minn hekk, ir-rikorrenti jippretendu li, anki jekk il-fatt li d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet saret tard wisq huwa imputabbli lill-Kummissjoni, xorta waħda huwa applikabbli l-prinċipju tad-dekadenza. Skond il-prinċipju ġenerali li l-awtorità amministrattiva għandha teżerċita s-setgħat tagħha fi żmien raġjonevoli, il-Kummissjoni m'għandhiex iktar id-dritt li tikkomunika l-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1970, Boehringer vs Il-Kummissjoni, 45/69, Ġabra p. 769, punt 6). B'differenza mid-deċiżjonijiet ta' għeluq fil-mertu li jirrikjedu investigazzjoni iktar fit-tul, il-kwistjoni ta' l-għoti ta' l-aċċess għall-fajl lil terzi setgħet tiġi eżaminata u deċiża f'kull ħin, qabel ma seħħ is-smigħ. F'dan l-istadju tal-proċedura, il-Kummissjoni tista' biss tirrifjuta l-parteċipazzjoni tal-FPÖ, peress li l-oġġezzjonijiet ikunu diġà ntbagħtu lill-banek ikkonċernati, is-smigħ ikun diġà sar, il-fatti jkunu ġew stabbiliti u l-proċedura tkun prattikament magħluqa. Għaldaqstant, din il-komunikazzjoni, li l-funzjoni essenzjali tagħha hija dik li tippermetti lil min jagħmel l-ilment li, qabel is-smigħ, jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-fatti u li jipprepara ruħu għas-smigħ, diġà ma jkollha l-ebda sens.

143   Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma irrilevanti. L-FPÖ ma rrinunzjax għad-drittijiet tiegħu, għaliex ma kienx jaf bl-adozzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, l-FPÖ ma tilifx id-dritt tiegħu li jakkwista l-oġġezzjonijiet minħabba l-fatt li ma sostniex l-interess tiegħu immedjatament u ma pparteċipax fis-smigħ, għaliex persuna li tkun ġiet rikonoxxuta bħala applikant tista' tintervjeni sakemm il-proċedura ma tkunx ingħalqet u sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bagħtet l-abbozz tad-deċiżjoni lill-Kumitat konsultattiv dwar prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti. F'dan il-każ, il-proċedura ma kinitx għadha ngħalqet, peress li l-ebda deċiżjoni definittiva ma kienet ġiet adottata u l-Kummissjoni kienet għadha tista' timmodifika l-oġġezzjonijiet inizjalment ifformulati, fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet tal-partijiet, inkluż l-FPÖ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

144   Għandu jingħad, fl-ewwel lok, li mill-ittra mibgħuta mill-FPÖ lill-Kummissjoni fit-13 ta' Marzu 2001, jirriżulta li l-FPÖ ma ġiex informat bl-andament tal-proċedura u lanqas bid-dati tas-smigħ. Għalhekk, din l-ittra tispjega li l-Kummissjoni kienet informatu, b'ittri tal-5 ta' Ottubru 1999 u tas-16 ta' Marzu 2000, li huwa kellu jirċievi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet imma li, minħabba li din il-verżjoni qatt ma ntbagħtitlu, l-FPÖ kien ikkuntattja lill-Kummissjoni li informatu li s-smigħ kien diġà sar u li l-proċedura kienet ser tingħalaq. L-FPÖ għalhekk talab il-komunikazzjoni immedjata ta' l-oġġezzjonijiet u l-possibbiltà li jifformula osservazzjonijiet u li jipparteċipa fi smigħ orali addizzjonali.

145   Barra minn hekk, jirriżulta mill-imsemmija ittri tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 1999 u tas-16 ta' Marzu 2000, prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li din kienet innotifikat lill-FPÖ li huwa kien ser jirċievi l-oġġezzjonijiet mingħajr dewmien, filwaqt li saħansitra indikat, fl-ittra tal-5 ta' Ottubru 1999, li "[hija ser tagħmel mill-aħjar] sabiex tgħaddi[lu] l-imsemmija verżjoni mhux kunfidenzjali matul l-aħħar ġimgħatejn ta' dan ix-xahar" u, fl-ittra tas-16 ta' Marzu 2000, li "għadu ma [kienx] possibbli li tibgħat […] il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kif kien ippreveda li jagħmel id-Direttorat Ġenerali tal-kompetizzjoni […] għaliex [kien] għad baqa' xi kwistjonijiet relattivi għas-sigrieti tan-negozju li ma [kinux] għadhom ġew definittivament riżolti". Għaldaqstant, din il-parti ma tistax tiġi kkritikata li ma ħadet l-ebda passi bil-għan li takkwista l-oġġezzjonijiet iktar kmieni, għaliex, fid-dawl ta' dawn l-avviżi, il-FPÖ seta' validament jistenna li jirċievi l-imsemmija komunikazzjoni bil-għan li jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema' u li jipparteċipa fil-proċedura.

146   Konsegwentement, it-teżi tar-rikorrenti li l-FPÖ rrinunzja għad-dritt tiegħu għall-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ma tistax tiġi milqugħa.

147   Ir-rikorrenti jallegaw li, f'kull każ, f'dan l-istadju tal-proċedura l-FPÖ iddekada mid-dritt tiegħu u, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex iktar id-dritt li tibgħatlu d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet.

148   Għandu jiġi rilevat li r-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98 ma jipprovdux terminu speċifiku li fih terz applikant jew li jagħmel ilment li juri li għandu interess leġittimu, għandu jeżerċita d-dritt tiegħu li jirċievi l-oġġezzjonijiet u li jinstema' fil-kuntest ta' proċedura ta' ksur. Fil-fatt, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 2842/98 jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu li l-Kummissjoni għandha tibgħat l-oġġezzjonijiet lill-imsemmi applikant jew persuna li tagħmel l-ilment u tiffissa terminu li fih dan jista' jgħarraf l-opinjonijiet tiegħu bil-miktub, filwaqt li dan it-terz jista' wkoll, jekk huwa hekk jitlob, jinstema' oralment. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2001/462 tippermetti lill-applikant jew lil min jagħmel l-ilment li jinstema' fi kwalunkwe mument tal-proċedura, billi tindika espressament, fl-Artikolu 12(4) tagħha, li, in vista tal-ħtieġa li jkun assigurat il-jedd tas-smigħ, l-uffiċjal tas-smigħ jista' "jagħti lill-persuni, intrapriżi, assoċjazzjonijiet ta' persuni jew intrapriżi l-opportunità li jagħtu aktar kummenti bil-miktub wara li jkunu nstemgħu oralment", billi jiffissa terminu li fih dawn għandhom jiġu ppreżentati. Minn dan isegwi li d-dritt ta' applikant jew ta' min jagħmel l-ilment għall-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u li jinstema' fil-proċedura amministrattiva ta' konstatazzjoni ta' ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE jista' jiġi eżerċitat sakemm il-proċedura tkun għadha għaddejja.

149   Barra minn hekk, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-Kumitat konsultattiv dwar prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti għandu jiġi kkonsultat qabel ma tittieħed kull deċiżjoni wara proċedura ta' konstatazzjoni ta' ksur ta' l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Issa, skond il-ġurisprudenza, tali konsultazzjoni tirrapreżenta l-aħħar stadju tal-proċedura qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 35). Għalhekk, sakemm il-Kumitat konsultattiv dwar prattiċi restrittivi u pożizzjonijiet dominanti ma jkunx ta l-opinjoni prevista fl-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 17 fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mibgħut mill-Kummissjoni, l-applikant jew min jagħmel l-ilment m'għandux jiġi kkunsidrat li ddekada mid-dritt tiegħu li jirċievi l-oġġezzjonijiet u li jinstema'. Fil-fatt, sakemm il-Kumitat konsultattiv ma jkunx ta l-opinjoni tiegħu, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li teżamina l-osservazzjonijiet ta' terzi partijiet u li tibqa' timmodifika l-pożizzjoni tagħha, fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet.

150   F'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx għadha bagħtet l-abbozz tad-deċiżjoni lil dan il-Kumitat. Minn dan jirriżulta li, fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, il-FPÖ ma kienx iddekada mid-dritt tiegħu li jirċievi l-oġġezzjonijiet u li jipparteċipa fil-proċedura.

151   Fl-aħħar nett, f'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kellhiex fid-dritt li tibgħat id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, minħabba li naqset li tadotta deċiżjoni fi żmien raġjonevoli, għandu jiġi rilevat, fl-ewwel lok, li, f'dan il-każ, l-oppożizzjoni kostanti tar-rikorrenti għall-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ kienet fil-parti l-kbira l-kawża tad-dewmien fit-tul tal-proċedura ta' komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet. Issa r-rikorrenti ma jistgħux japprofittaw ruħhom minn sitwazzjoni li huma stess ikkontribwew biex joħolqu. Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppruvawx li l-proċedura ta' komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ pprovokat kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konstatazzjoni tal-ksur, li seta' jikser id-drittijiet ta' difiża tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jinvokaw sitwazzjonijiet futuri u ipotetiċi, li ma jistgħu jikkostitwixxu bażi għal tali ksur (ara punt 162 iktar 'il fuq).

152   Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur taż-żmien raġonevoli ma jistax jiġi milqugħ. 

153   Fid-dawl ta' dak li ntqal, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-dekadenza tal-FPÖ mid-dritt tiegħu li jintervjeni fil-proċedura għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura u tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

154   Ir-rikorrenti jippretendu li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet f'dan l-istadju tal-proċedura jikser il-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura u d-drittijiet tagħhom tad-difiża.

155   Skond ir-rikorrenti, il-possibiltà li jintbagħtu l-oġġezzjonijiet lill-applikanti kollha sal-mument meta jiġi fformulat l-abbozz tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tmexxi l-proċedura b'diliġenza. Fil-fatt, jekk it-terz jipprovdi informazzjoni ulterjorment ikun jeħtieġ li l-impriżi jinstemgħu mill-ġdid u jseħħ dewmien fil-proċedura, bi ksur tal-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura. 

156   Barra minn hekk, komunikazzjoni magħmula tard twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Kieku l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma kellhiex twassal biex tippermetti lill-FPÖ li jesprimi l-opinjoni tiegħu, ma kienx ikun neċessarju li jintbagħtulu l-oġġezzjonijiet, u sempliċi komunikazzjoni informali fuq l-istat tal-proċedura kien ikun bizejjed. Kieku, min-naħa l-oħra, l-FPÖ kellu jesprimi l-opinjoni tiegħu u l-Kummissjoni kellha tagħti lid-destinatarji ta' l-oġġezzjonijiet l-okkażjoni li jiddefendu ruħhom mill-ġdid, il-proċedura tiġi indebitament imtawla kontra l-interessi ta' l-impriżi kkonċernati, billi timpedixxihom milli jorganizzaw id-difiża tagħhom. Kieku, fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kellhiex tagħti lill-impriżi okkażjoni oħra li jesprimu ruħhom wara l-intervent tal-FPÖ, id-drittijiet tad-difiża jiġu wkoll miksura għaliex l-impriżi jkunu jistgħu jsiru jafu b'dan l-intervent biss fil-kuntest ta' rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ulterjuri. Għaldaqstant, l-għoti lit-terzi tas-setgħa li jinfluwenzaw il-proċeduri billi jagħzlu l-mument ta' l-intervent tagħhom jaffettwa b'mod irraġonevoli d-drittijiet tagħhom tad-difiża.

157   Fl-aħħar nett, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni saħansitra ma spjegatx għaliex mill-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ hija kienet qed tistenna provi addizzjonali għall-investigazzjoni, peress li, sa dak iż-żmien, il-FPÖ ma kien ipprovda l-ebda kontribuzzjoni sabiex jiġu ċċarati l-fatti.

158   Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati. Il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma jostakolax l-andament normali tal-proċedura sakemm il-Kummissjoni ma tkunx bagħtet l-abbozz tad-deċiżjoni lill-membri tal-Kumitat konsultattiv, bħal f'dan il-każ. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 jipproteġi lit-terzi li jkunu għamlu applikazzjoni skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, u din il-pożizzjoni proċedurali hija nettament aħjar minn dik tat-terzi l-oħra partijiet fil-proċedura. Il-Kummissjoni għalhekk mhijiex awtorizzata li tirrestrinġi d-dritt ta' dan it-terz li jinstema'.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

159   L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu milqugħa.

160   L-ewwel nett, f'dak li jikkonċerna l-oġġezzjoni bbażata fuq l-eżiġenzi ta' l-ekonomija tal-proċedura, għandu jiġi mfakkar li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-FPÖ ddekada mid-dritt tiegħu li jirċievi d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet meta l-proċedura amministrattiva tkun għadha għaddejja u meta l-Kumitat konsultattiv ikun għadu ma rċeviex l-abbozz tad-deċiżjoni fuq il-mertu. Għaldaqstant, kunsiderazzjonijiet ta' l-ekonomija tal-proċedura ma jistgħux jiġu validament invokati sabiex jillimitaw id-dritt ta' l-applikant jew ta' min jagħmel l-ilment li jirċievi d-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

161   It-tieni nett, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża minħabba li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ saret tard, għandu jiġi kkonstatat li f'dan il-każ ir-rikorrenti jinvokaw biss sitwazzjonijiet futuri u ipotetiċi li fihom id-drittijiet tagħhom tad-difiża jistgħu allegatament jiġu miksura minħabba li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ saret tard. Issa l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata b'referenza għas-sitwazzjoni ta' fatt u ta' dritt li tkun teżisti fid-dati li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tas-17 ta' Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87). Għalhekk ma tistax tiġi evalwata skond avvenimenti futuri u ipotetiċi.

162   Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża mhuwiex fondat.

163   Fl-aħħar nett, l-argument imressaq mir-rikorrenti li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex mill-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ hija kienet qed tistenna provi addizzjonali għall-proċedura, m'għandu l-ebda rilevanza. L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 2842/98 ma jagħmlux il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-applikanti jew lill-persuni li jagħmlu l-ilment li jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 dipendenti mill-fatt li wara dawn it-terzi sussegwentement jipprovdu lill-Kummissjoni kontribuzzjonijiet sabiex jiġu ċċarati l-fatti in kwistjoni fil-proċedura li tkun pendenti.

164   Minn dan jirriżulta li l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ekonomija tal-proċedura u tad-drittijiet tad-difiża huma mhumiex fondati.

165   Fid-dawl ta' dak li ntqal, hemm lok li t-tielet, ir-raba' u l-ħames motivi invokati mir-rikorrenti jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 moqri flimkien ma' l-Artikolu 287KE, billi l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ tikser id-dritt għall-kunfidenzjalità tas-sigrieti tan-negozju

166   Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet kkontestati huma illegali, għaliex id-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li kellhom jintbagħtu lill-FPÖ fihom sigrieti tan-negozju u informazzjoni oħra kunfidenzjali fir-rigward ta' l-imsemmi terz, bi ksur tad-drittijiet tagħhom għall-kunfidenzjalità tas-sigrieti tagħhom tan-negozju previsti fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 moqri flimkien ma' l-Artikolu 287 KE.

 Fuq l-ammissibbiltà

–       Fuq ir-rispett tal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura

167   Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta' dan il-motiv, billi ssostni li r-rikorsi f'din il-kawża ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, fil-kawża T-213/01, ir-rikorrenti tikkuntenta ruħha li telenka prinċipji tad-dritt, mingħajr ma tindika l-fatti u torbothom ma' regola u mingħajr ma tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw in-natura kunfidenzjali ta' l-indikazzjonijiet in kwistjoni. Bl-istess mod, fil-kawża T-214/01, ir-rikorrenti tikkuntenta ruħha b'sempliċi referenza, fir-replika tagħha, "għal ammont kbir ta' informazzjoni" li hija koperta bil-kunfidenzjalità (punt 44) u għal "provi konsiderevoli" imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni (punt 49), mingħajr ma tiċċita passaġġ wieħed mid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li dwaru tista' titlob trattament kunfidenzjali.

168   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li r-rikors għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim'Istanza li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli fir-rigward ta' l-imsemmi Artikolu, li l-elementi essenzjali ta' fatt u ta' dritt li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b'mod koerenti u li jistgħu jinftiehmu sewwa, mit-test tar-rikors innifsu (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20).

169   F'dak li jikkonċerna l-kawża T-213/01, mill-kliem tal-punti 18 u 29 tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra li l-indikazzjonijiet relattivi għall-identità u għall-portata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, kif ukoll l-informazzjoni ċċitata testwalment fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet estratti mid-dokumenti annessi magħhom u li għalihom intalbet il-garanzija ta' kunfidenzjalità (ara punt 18 iktar 'il fuq), jimmeritaw trattament kunfidenzjali. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tqis li din l-informazzjoni għandha tkun kunfidenzjali joħorġu b'mod legalment suffiċjenti min-noti tagħha.

170   Fir-rigward tal-kawża T-214/01, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti sostniet fir-rikors tagħha li l-Kummissjoni hija obbligata li ma tiżvelax l-informazzjoni li hija ġabret u li hija koperta mis-sigriet professjonali, billi tispeċifika li d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet fihom sigrieti tan-negozju u billi ssostni li, f'dan il-każ, id-dritt tagħha li ma tiġix żvelata l-informazzjoni li hemm fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet jinkiser b'mod irrimedjabbli fil-każ ta' komunikazzjoni lill-FPÖ (ara r-rikors, punti 44 sa 46). Ir-rikorrenti rrimarkat b'mod partikolari li l-verżjoni "mhux kunfidenzjali" ta' l-oġġezzjonijiet ippreparata mill-uffiċjal tas-smigħ kienet inżammet anonima biss b'mod insuffiċjenti (ara rikors, punt 17). Sussegwentement ir-rikorrenti speċifikat u żviluppat dan l-ilment fir-replika tagħha, billi fakkret b'mod partikolari li l-Kummissjoni kien imissha ħassret mill-oġġezzjonijiet l-ismijiet kollha tal-persuni u tal-banek (ara punti 44 sa 49).

171   Minn dan jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

172   Dan il-motiv ta' inammissibiltà għandu għalhekk jiġi miċħud.

–       Fuq ir-rispett tal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura

173   Fil-kawża T-213/01, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta' l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kunfidenzjalità ta' l-oġġezzjonijiet kollha fir-rigward tal-FPÖ u dwar l-invokazzjoni ta' l-Artikoli 8 u 48 tal-Karta, minħabba li tressqu tard wisq, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-kawża T-214/01, hija ssostni li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħha li l-imsemmija verżjonijiet jinkludu informazzjoni kunfidenzjali jikkostitwixxu motiv ġdid u, għaldaqstant, imressaq tard wisq.

174   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi lill-partijiet milli jressqu motivi ġodda matul il-kawża, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta' dritt jew ta' fatt li joħorġu matul il-proċedura.

175   F'dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 sostniet fir-replika tagħha li l-oġġezzjonijiet kollha huma kunfidenzjali fir-rigward tal-FPÖ, billi dan il-partit politiku ma jiġġustifikax interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament nru 17 u billi, għalhekk, m'għandux bażi legali sabiex jaċċedi għad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet. Bl-istess mod, ir-rikorrenti invokat il-prinċipji previsti fl-Artikoli 8 u 48 tal-Karta sabiex issaħħaħ it-teżi tagħha, li tidher fir-rikors, li skondha, billi l-FPÖ m'għandux interess leġittimu fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u, għaldaqstant, ma jikkwalifikax bħala applikant jew persuna li tagħmel ilment, l-oġġezzjonijiet kollha għandhom jiġu ttrattati, skond dawn il-prinċipji, bħala kunfidenzjali fil-konfront tal-FPÖ. Issa l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-argumenti tar-rikorrenti huma marbuta korrettament ma' l-elementi tad-dritt li ħarġu matul il-proċedura.

176   Fir-rigward tal-kawża T-214/01, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif ġie indikat (ara punt 170 iktar 'il fuq), l-imsemmijha argumenti li jidhru fir-replika sempliċement jispeċifikaw u jiżviluppaw l-ilment imressaq mir-rikorrenti fir-rikors tagħha.

177   Għalhekk hemm lok li l-motiv ta' inammissibbiltà bbażat fuq l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

178   Ir-rikorrenti jsostnu li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ tikser l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 moqri flimkien ma' l-Artikolu 287 KE, peress li d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li kellhom jintbagħtu lil din il-parti fihom sigrieti tan-negozju u informazzjoni oħra kunfidenzjali.

179   Prinċipalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni kollha li hemm fl-oġġezzjonijiet hija kunfidenzjali fir-rigward tal-FPÖ. Skond l-Artikoli 8 u 48 tal-Karta, l-oġġezzjonijiet kollha għandhom jiġu kkunsidrati kunfidenzjali fil-konfront ta' terzi li m'għandhomx bażi leġittima prevista mil-liġi, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-preżunzjoni ta' l-innoċenza. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx li l-FPÖ kellha interess leġittimu u, għaldaqstant, l-oġġezzjonijiet kollha huma kunfidenzjali. Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet ma ġewx ifformulati wara li saret proċedura kontradittorja u, għaldaqstant, kieku l-FPÖ kellu aċċess għalihom, huwa kien jista' jiġbed konsegwenzi inġustifikati u kien jikkundanna lir-rikorrenti bil-quddiem.

180   Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, din il-kunfidenzjalità hija partikolarment neċessarja fil-konfront tal-FPÖ, għaliex l-attività tiegħu mhijiex li jipproteġi l-interessi tiegħu bħala klijent, iżda biss li jiddefendi interessi politiċi. Il-Kummissjoni m'għandhiex mezzi legali sabiex tevita li l-oġġezzjonijiet mibgħuta ma jkunux is-suġġett ta' abbuż, u azzjoni għal responsabbiltà kontra l-Kummissjoni ma tippermettix li jiġi rimedjat preġudizzju għar-reputazzjoni tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-interess leġittimu tar-rikorrenti li l-oġġezzjonijiet jinżammu sigrieti għandu jipprevalixxi fuq allegat interess tal-FPÖ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkonfermaw li, wara l-komunikazzjoni, l-FPÖ effettivament sfrutta l-oġġezzjonijiet għal finijiet politiċi, billi pprovdihom lill-istampa u billi ta immaġini deformata tal-kontenut tagħhom u tas-sinifikat tagħhom. Fil-fatt, fis-27 ta' Jannar 2002, il-Gvernatur tal-Land ta' Carinthia, membru u ex-President tal-FPÖ, J. Haider, żvela, f'intervista televiżiva, il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni u għamel akkużi kontra l-banek ikkonċernati. Sussegwentement, din il-kritika ġiet irrapurtati fuq diversi siti ta' l-Internet, fosthom dak tal-FPÖ. Fl-1 ta' Frar 2002, is-Sur Haider tenna l-akkużi tiegħu waqt konferenza stampa. Dawn id-dikjarazzjonijiet ġew irreġistrati mill-medja Awstrijaċi li ppublikaw artikoli li jiċċitaw litteralment siltiet mid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999. L-ismijiet tar-rikorrenti ġew iċċitati diversi drabi. Għalhekk, minħabba l-kundanna magħmula fil-medja, dawn sabu ruħhom f'pożizzjoni li ma setgħu jagħmlu xejn quddiem it-telf ta' fiduċja min-naħa tal-klijenti.

181   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jippretendu li, peress li, f'dan il-każ, il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma setgħetx taqdi iktar il-funzjoni essenzjali tagħha li tikkonsisti filli tippermetti lil min jagħmel l-ilment li jipprepara ruħu għas-smigħ (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-18 ta' Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 10), għaliex dan kien diġà sar, il-Kummissjoni wettqet bilanċ żbaljat ta' l-interessi kkonċernati, billi ssubordinat l-interess leġittimu tar-rikorrenti li l-oġġezzjonijiet jinżammu kompletament sigrieti għar-rispett formali ta' dritt ta' aċċess għall-fajl allegat mill-FPÖ.

182   Sussidjarjament, ir-rikorrenti jippretendu li l-verżjonijiet allegatament mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet li kellhom jintbagħtu lill-FPÖ fihom ammont sostanzjali ta' informazzjoni li dwaru għandhom id-dritt li jeżiġu l-kunfidenzjalità.

183   Għalhekk, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 issostni li l-informazzjoni li hemm f'punti 216, 218 u 219 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, relattiva għall-mod u għall-portata tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-FPÖ. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li din l-informazzjoni mhijiex sigriet tan-negozju, għaliex l-FPÖ diġà jaf l-identità tar-rikorrenti, mhijiex eżatta għaliex l-FPÖ ma semmihiex fl-applikazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni li toħroġ mid-dokumenti mibgħuta volontarjament mir-rikorrenti u ċċitati fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet huma wkoll kunfidenzjali, skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 2842/98 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-proċedura interna għat-trattament ta' l-applikazzjonijiet għal aċċess għall-fajl fil-każ ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 KE, ta' l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEEA u tar-Regolament (KEE) nru 4064/89 tal-Kunsill (ĠU C 23, tat-23 ta' Jannar 1997, p. 3). Issa d-deċiżjoni ta' l-uffiċjal tas-smigħ li ma jibgħatx dawn id-dokumenti mhijiex bizzejjed sabiex tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tagħhom, għaliex huma jinsabu litteralment riprodotti fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

184   Fil-kawża T-214/01, ir-rikorrenti tirrimarka li l-uffiċjal tas-smigħ żbalja meta ċaħad it-talba tagħha tat-18 ta' Novembru 1999 li jiġu mħassra l-ismijiet tal-persuni u tal-banek kkonċernati billi kkunsidra li s-sigrieti tan-negozju biss jibbenefikaw minn trattament kunfidenzjali. Hija żżid li d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet fihom ħafna iktar informazzjoni koperta mill-garanzija ta' kunfidenzjalità.

185   Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

186   Ir-rikorrenti jippretendu, prinċipalment, li l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet hija kunfidenzjali fil-konfront tal-FPÖ, għaliex dan m'għandux interess leġittimu fis-sens ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17.

187   Dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, ġie deċiż li l-FPÖ f'dan il-każ kellu interess leġittimu sabiex jiġi kkonstatat l-allegat ksur ta' l-Artikolu 81 KE, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (ara punti 110 sa 118 iktar 'il fuq). Għaldaqstant, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98, l-FPÖ, fil-kwalità tiegħu ta' applikant, kellu d-dritt li jirċievi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet.

188   Din il-kunsiderazzjoni la tista' titqiegħed fid-dubju mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar l-eventwali użu abużiv ta' l-oġġezzjonijiet min-naħa tal-FPÖ u lanqas minħabba l-fatti li seħħew wara l-komunikazzjoni effettiva ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ.

189   L-ewwel nett, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, abbażi ta' sempliċi suspetti dwar eventwali użu abużiv ta' l-oġġezzjonijiet, li tirrestrinġi d-dritt għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 favur terz applikant li juri validament li għandu interess leġittimu. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li f'dan il-każ il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-FPÖ għall-fatt li l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kienet qed issir biss fil-kuntest u għall-finijiet tal-proċedura ta' ksur. Fil-fatt, jirriżulta mill-ittra ta' l-uffiċjal tas-smigħ tat-30 ta' Jannar 2002, li l-Kummissjoni informat lill-FPÖ li l-komunikazzjoni kellha l-għan waħdieni li tiffaċilitalu l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ta' applikant, li l-oġġezzjonijiet kienu jirriflettu l-opinjoni proviżorja tal-Kummissjoni, li kull użu tad-dokumenti jew tal-kontenut tagħhom għal finijiet estranji għall-proċedura kien ipprojbit u li l-banek kkonċernati mill-proċedura – li kienu kkontestaw l-oġġezzjonijiet – kellhom jiġu kkunsidrati bħala mhux ħatja sakemm il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni fuq il-proċedura fil-mertu.

190   It-tieni nett, fir-rigward tal-fatti li seħħew wara l-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ, hemm lok li jiġi mfakkar li l-legalità ta' att għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' dritt u ta' fatt li jkunu jeżistu fil-mument meta tkun ġiet adottata din id-deċiżjoni, b'mod li atti li jiġu wara deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 16, u tas-17 ta' Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni, 85/87, Ġabra p. 3137, punt 49). Dawn l-avvenimenti għalhekk ma jistgħux jiġu validament invokati sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

191   Fl-aħħarnett, għar-raġunijiet spjegati fil-punt 148 iktar 'il fuq, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, f'dan il-każ, il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma setgħetx iktar taqdi l-funzjoni essenzjali tagħha li kienet tikkonsisti filli tippermetti lil min jagħmel l-ilment li jipprepara ruħu għas-smigħ.

192   Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-kunfidenzjalità ta' l-oġġezzjonijiet kollha fil-konfront tal-FPÖ ma jistgħux jiġu milqugħa.

193   Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li ċerta informazzjoni li hemm fid-dikjarazzjoniet ta' l-oġġezzjonijiet hija kunfidenzjali fir-rigward tal-FPÖ.

194   Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 tippretendi li l-informazzjoni li hemm f'punti 216, 218 u 219 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 f'dak li jikkonċerna l-identità tagħha kif ukoll il-mod u l-portata tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għandhom jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali u, għaldaqstant, għandhom jiġu mħassra mill-verżjonijiet tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li jridu jinbagħtu lill-FPÖ.

195   Fir-rigward ta' l-identità tar-rikorrenti, għandu jiġi rilevat li din ma tispjegax għaliex isimha għandu natura kunfidenzjali. Għalhekk, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud, peress li ma ġiex sostnut b'mod suffiċjenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rilevat li, qabel il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ, ir-rikorrenti kienet diġà ġiet iċċitata bħala waħda mill-konvenuti f'azzjoni kollettiva mressqa fir-rigward ta' dawn l-istess prattiċi quddiem il-qrati ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, waqt l-udjenza tal-proċedura sommarja, ir-rikorrenti kkontestat biss li isimha kien diġà ssemma mill-istampa b'relazzjoni mal-kawża in kwistjoni. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-investigazzjonijiet in kwistjoni kienet diġà magħrufa mill-pubbliku. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li s-sempliċi fatt li l-isem tar-rikorrenti ma kienx jidher fl-applikazzjoni magħmula mill-FPÖ lill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 1997 mhuwiex biżżejjed sabiex isimha jkun informazzjoni kunfidenzjali għal terzi applikanti.

196   Għalhekk l-ilment ibbażat fuq in-natura kunfidenzjali ta' l-identità tar-rikorrenti ma jistax tiġi milqugħ.

197   Fir-rigward ta' l-informazzjoni relattiva għall-portata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża T-213/01 fil-prattiċi li dwarhom jirrigwarda l-ilment, il-punti tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 iċċitati iktar 'il fuq fihom referenzi għall-karigi ta' persuni li jaħdmu mar-rikorrenti li pparteċipaw fil-laqgħat antikompetittivi. Ir-rikorrenti madankollu ma tispjegax kif dawn ir-referenzi jippreġudikaw l-interessi tagħha u lanqas għal liema raġunijiet dawn ir-referenzi għandhom jiġu koperti mill-benefiċċju tal-kunfidenzjalità fir-rigward ta' terzi applikanti.

198   Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet bankarji li jinsabu f'punt 219 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999, li allegatament ġew diskussi waqt laqgħa bejn il-banek li fil-konfront tagħhom ittieħdu l-proċeduri., hemm lok li jiġi rilevat li l-informazzjoni sensittiva ta' natura kummerċjali ta' l-impriżi kkonċernati fi proċedura tal-ksur tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali li tista' tibbenefika mill-garanzija ta' kunfidenzjalità. Fil-fatt, l-Artikolu 287 KE jirreferi espressament għat-"tagħrif li jirreferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom" bħala informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali.

199   Madankollu għandu jiġi osservat li n-natura kunfidenzjali ta' dawn id-data tista' tiġi faċilment eskluża minħabba li l-informazzjoni in kwistjoni hija antika (digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Novembru 1990, Rhône-Poulenc et vs Il-Kummissjoni, T-1/89 sa T-4/89 u T-6/89 sa T-15/89, Ġabra p. II‑637, punt 23, u tad-19 ta' Ġunju 1996, NMH Stahlwerke et vs Il-Kummissjoni, T-134/94, T-136/94 sa T-138/94, T-141/94, T-145/94, T-147/94, T-148/94, T-151/94, T-156/94 u T-157/94, Ġabra p. II‑537, punt 24). F'dan il-każ, jirriżulta mill-punti 216, 218 u 219 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li l-informazzjoni in kwistjoni tikkonċerna essenzjalment ir-rati minimi ta' imgħax fuq self għad-diversi prodotti bankarji li r-rikorrenti tgħid li kienu ngħataw minnha u mill-banek l-oħra li fil-konfront tagħhom ittieħdu l-proċeduri, f'April 1996. Għaldaqstant, peress li din l-informazzjoni kienet ta' iktar minn ħames snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-smigħ seta' validament jikkonkludi f'din id-deċiżjoni li din l-informazzjoni kienet saret antika u li għalhekk setgħet tiġi kkomunikata lill-FPÖ.

200   Minn dan isegwi li l-argumenti li r-rikorrenti fil-kawża T-213/01 ibbażat fuq in-natura kunfidenzjali ta' l-informazzjoni li tinsab f'punti 216, 218 u 219 tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 għandhom jiġu miċħuda.

201   Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża T-213/01 issostni li l-informazzjoni ċċitatata testwalment fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet misluta mid-dokumenti annessi magħhom u li għaliha ngħatat il-garanzija ta' kunfidenzjalità għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali.

202   Madankollu hemm lok li jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tinvoka dan l-argument mingħajr ma tidentifika liema hija din l-informazzjoni, f'liema partijiet tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet tinsab u għal liema raġunijiet preċiżi u speċifiċi din l-informazzjoni tista' tibbenefika mill-garanzija ta' kunfidenzjalità.

203   Għalhekk, hemm lok li jiġi konkluż li l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża T-213/01 li jikkonċernaw in-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tinsab fl-oġġezzjonijiet huma infondati.

204   Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 issostni li l-uffiċjal tas-smigħ kien imissu ħassar l-ismijiet tal-persuni u tal-banek ikkonċernati. Issa għandu jiġi rilevat li r-rikorrenti kienet espressament ċċitata fl-applikazzjoni magħmula mill-FPÖ lill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 1997. Bl-istess mod, hija kienet tidher ukoll fost il-konvenuti fl-azzjoni kollettiva mressqa quddiem il-qrati ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, għandu jiġi osservat li l-identità ta' dawn il-persuni ma tidhirx fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet, li, kif diġà ntqal, kienu jagħmlu referenza biss għall-karigi okkupati jew għall-funzjonijiet ġeneriċi eżerċitati minn dawn il-persuni (ara punt 197, iktar 'il fuq).

205   Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża T-214/01 issostni wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet fihom ħafna informazzjoni oħra koperta mill-garanzija ta' kunfidenzjalità. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward li r-rikorrenti bl-ebda mod m'identifikat din l-informazzjoni jew immotivat l-allegata natura kunfidenzjali tagħha.

206   Fid-dawl ta' dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża T-214/01 li jikkonċernaw in-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li hemm fid-dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet in kwistjoni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

207   Minn dan isegwi li s-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 17 moqri flimkien ma' l-Artikolu 287 KE għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

208   Ir-rikorrenti jsostnu li l-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet lill-FPÖ tikser ukoll il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi. Huma kkooperaw mal-Kummissjoni fir-rikostruzzjoni komuni tal-fatti, billi pprovdew numru kbir ta' dokumenti bil-kundizzjoni li din l-informazzjoni ma tkunx aċċessibbli għal terzi. Madankollu, il-Kummissjoni litteralment iċċitat fl-oġġezzjonijiet siltiet minn dawn id-dokumenti mibgħuta taħt ir-rabta tal-kunfidenzjalità. Bil-fatt li ppermettiet lill-FPÖ li jaċċedi għalihom, il-Kummissjoni kisret il-pożizzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi li fiha hija kienet qiegħdet lill-banek f'dak li jikkonċerna l-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Mejju 1978, Töpfer vs Il-Kummissjoni, 112/77, Ġabra p. 1019, 1032). Barra minn hekk, it-teżi avanzata mill-Kummissjoni tikkontradixxi barra minn hekk il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-regoli tal-proċedura interna għat-trattament ta' l-applikazzjonijiet għal aċċess għall-fajl, iċċitat iktar 'l fuq, li tirreferi għan-neċessità li tiġi protetta l-informazzjoni li għaliha tkun intalbet il-kunfidenzjalità u li tinkludi "ċerti tipi ta' informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni, […] b'mod partikolari dokumenti miġbura waqt verifika li jappartjenu lil impriża u li din l-impriża titlob li ma jiġux żvelati" (it-tieni paragrafu tal-punt I A 2 tal-Komunikazzjoni).

209   Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 jirrikonoxxi lil kull min jagħmel ilment id-dritt għall-komunikazzjoni ta' verżjoni mhux kunfidenzjali ta' l-oġġezzjonijiet. Il-wegħdiet kollha ta' protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-partijiet relattivi għal informazzjoni pprovduta volontarjament mill-banek kkonċernati bl-ebda mod ma jistgħu ibiddlu dan id-dritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

210   Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li jsib ruħu f'sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja nibbtet fih speranzi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74). Madankollu, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Jannar 1998, Dubois et Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II‑125, punt 68, u tat-18 ta' Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T-290/97, Ġabra p. II‑15, punt 59).

211   Hemm lok li jiġi mfakkar li r-rikorrenti u l-banek l-oħra kkonċernati mill-proċedura talbu, f'nota preliminari annessa mad-dikjarazzjoni komuni tal-fatti ppreżentata lill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 1998, li jingħata trattament kunfidenzjali lill-imsemmija dikjarazzjoni fir-rigward ta' terzi. Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti l-assigurazzjoni li hija ma kinitx ser tikkomunika d-data li hemm f'din id-dikjarazzjoni lil terzi applikanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ipproduċew elementi jew indizji li jistgħu jipprovaw li jeżisti ftehim min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-allegat trattament assolutament kunfidenzjali ta' dawn l-annessi.

212   F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi ġie miksur.

213   Din il-kunsiderazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li l-uffiċjal tas-smigħ espressament indika fil-lista 1 li d-dokumenti annessi mad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ta' l-10 ta' Settembru 1999 ma kinux ser jintbagħtu lil terzi applikanti. Il-kontenut ta' din il-lista ma setax joħloq aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti peress li, minbarra l-fatt li hija tirreferi strettament għad-dokumenti annessi bħala tali, id-dettall spjegat f'din il-lista 1 tal-punti preċiżi tad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li kienu ser jiġu nnotifikati qatt ma inkluda t-tħassir jew il-ħabi tas-siltiet minn dawn l-annessi riprodotti fid-dikjarazzjoni. Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi osservat li, bil-kontra ta' dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq it-trattament ta' l-applikazzjonijiet għal aċċess għall-fajl, iċċitata iktar 'il fuq, ma tistabbilixxix dritt assolut għall-kunfidenzjalità tad-dokumenti li jappartjenu lil impriża u li din l-impriża titlob li ma jiġux żvelati lil terzi.

214   Is-seba' motiv għalhekk għandu jiġi miċħud bħala infondat.

215   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-rikorsi jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

216   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

217   Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' dan il-każ, b'mod partikolari minħabba li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż li jirriżultaw mill-motivi relattivi għall-ammissibbiltà, li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiffissa bħala terz ta' l-ispejjeż relattivi għall-proċedura prinċipali. Ir-rikorrenti għandhom ibatu żewġ terzi ta' l-ispejjeż relattivi għall-proċedura prinċipali u l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċeduri sommarji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu żewġ terzi ta' l-ispejjeż relattivi għall-proċedura prinċipali u l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċeduri sommarji.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati terz ta' l-ispejjeż relattivi għall-proċedura prinċipali.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta' Ġunju 2006.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

      P. Lindh


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.