Language of document : ECLI:EU:T:2006:150

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

7 ta’ Ġunju 2006(*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur postali – Impriża pubblika inkarigata minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali – Assistenza loġistika u kummerċjali provduta lil kumpannija sussidjarja li ma toperax f’settur riżervat – Appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Rinviju min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-kawża T-613/97,

Union française de l’express (Ufex), stabbilita f’Roissy-en-France (Franza),

DHL International SA, stabbilita f’Roissy-en-France,

Federal express international (France) SNC, stabbilita f’Gennevilliers (Franza),

CRIE SA, stabbilita f’Asnières (Franza),

irrappreżentati minn É. Morgan de Rivery u J. Derenne, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta mir-

Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, R. Abraham u F. Million, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

minn

Chronopost SA, stabbilita f’Issy-les-Moulineaux (Franza), irrappreżentata minn V. Bouaziz Torron u D. Berlin, avocats,

u minn

La Poste, stabbilita f’Parġi (Franza), irrappreżentata minn H. Lehman, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

                  intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/365/KE, ta’ l-1 ta’ Ottubru 1997, li tikkonċerna l-għajnuniet allegatament mogħtija minn Franza lil SFMI-Chronopost (ĠU 1998, L 164, p. 37),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili, J. Azizi, E. Cremona u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003,

wara li rat il-proċedura bil-miktub wara r-rinviju u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din is-sentenza qiegħda tingħata wara r-rinviju tal-kawża li sar bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs UFEX et (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, Ġabra p. I-6993; iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”), li annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, UFEX et vs Il-Kummissjoni (T‑613/97, Ġabra p. II-4055; iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-posta Franċiża (iktar ’il quddiem “La Poste”), li topera taħt sistema ta’ monopolju legali fis-settur tal-posta ordinarja, kienet tagħmel parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika Franċiża sa tmiem l-1990. Mill-1 ta’ Jannar 1991, din ġiet ittrasformata f’entità rregolata mid-dritt pubbliku, skond id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 90-568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069; iktar ’il quddiem il-“Liġi 90-568”). Din il-liġi tawtorizzaha sabiex twettaq ċerti attivitajiet li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari dawk ta’ konsenja espressa.

3        Is-Société française de messagerie internationale (iktar ’il quddiem “SFMI”) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt privat li kienet fdata bil-ġestjoni tas-servizz ta’ konsenja espressa ta’ La Poste minn tmiem l-1985. Din l-impriża kienet ġiet stabbilita b’kapital azzjonarju awtorizzat ta’ 10 miljun frank Franċiż (FRF) (madwar EUR 1,524,490), maqsum bejn Sofipost (66%), kumpannija finanzjarja ikkontrollata 100% minn La Poste, u TAT Express (34%), kumpannija sussidjarja tal-kumpannija tal-linja ta’ l-ajru Transport aérien transrégional (iktar ’il quddiem “TAT”).

4        Ir-regoli dettaljati dwar l-operazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz ta’ konsenja espressa imwettaq minn SFMI bl-isem EMS/Chronopost ġew iddefiniti f’ċirkulari tal-Ministeru Franċiż tal-Posta u tal-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni tad-19 ta’ Awwissu 1986. Skond din iċ-ċirkulari, La Poste kellha tipprovdi lil SFMI b’assistenza loġistika u kummerċjali. Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn La Poste u SFMI kienu rregolati minn diversi ftehim, li l-ewwel wieħed minnhom imur lura għall-1986.

5        Fl-1992, l-istruttura ta’ l-attività ta’ konsenja espressa mwettqa minn SFMI ġiet modifikata. Sofipost u TAT ħolqu kumpannija ġdida, Chronopost SA, li tagħha huma komplew jikkontrollaw rispettivament 66% u 34% ta’ l-ishma. Il-kumpannija Chronoposta, li kellha aċċess esklużiv għan-netwerks ta’ La Poste sa l-1 ta’ Jannar 1995, ikkonċentrat ruħha fuq is-servizz ta’ konsenja espressa nazzjonali. SFMI ġiet akkwistata minn GD Express Worldwide France, li hija kkontrollata minn impriża komuni internazzjonali li tiġbor fiha l-kumpannija Awstraljana TNT u l-amministrazzjonijiet postali ta’ ħames pajjiżi, konċentrazzjoni li kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 1991 (Każ IV/M.102 – TNT/Canada Post, DBP Postdienst, La Poste, PTT Poste u Sweden Post) (ĠU C 322, p. 19). SFMI żammet l-attività ta’ konsenja espressa internazzjonali, billi użat lil Chronopost bħala aġent u fornitur tas-servizzi għall-ipproċessar fi Franza tal-konsenji internazzjonali tagħha (iktar ’il quddiem “SFMI-Chronopost”).

6        Is-Syndicat français de l’express international (iktar ’il quddiem “SFEI”), li minfloku daħlet l-Union française de l’express (iktar ’il quddiem “UFEX”), u li t-tliet rikorrenti l-oħra huma membri tiegħu, huwa assoċjazzjoni kummerċjali stabbilita taħt id-dritt Franċiż li tiġbor fiha kważi l-kumpanniji kollha li joffru servizzi ta’ konsenja espressa u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ SFMI-Chronopost.

7        Fil-21 ta’ Diċembru 1990, SFEI ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni fejn sostna, b’mod partikolari, li l-assistenza loġistika u kummerċjali mogħtija minn La Poste lil SFMI kienet għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 87 KE). Fl-ilment issemma b’mod partikolari l-fatt li r-remunerazzjoni mogħtija minn SFMI għall-għajnuna mogħtija minn La Poste ma kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. Id-differenza bejn il-prezz tas-suq għall-akkwist ta’ servizzi ta’ din ix-xorta u dak effettivament imħallas minn SFMI tikkostitwixxi, skond SFEI, għajnuna mill-Istat. Studju ekonomiku mwettaq f’isem SFEI mill-kumpannija ta’ konsulenza Braxton associés ġie anness ma’ l-ilment sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat l-ammont ta’ l-għajnuna għall-perijodu 1986-1989.

8        B’ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni informat lil SFEI li l-każ dwar l-ilment tiegħu ngħalaq. Fis-16 ta’ Mejju 1992, SFEI u impriżi oħra ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kien hemmx lok sabiex wieħed jipproċedi bil-kawża (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1992, SFEI et vs Il-Kummissjoni, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 1992, li permezz tagħha ġiet irrevokata d-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1992.

9        Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża bagħtitilha informazzjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar, permezz ta’ faks tat-3 ta’ Mejju u permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 1993.

10      Fis-16 ta’ Ġunju 1993, SFEI u impriżi oħra ressqu, quddiem it-Tribunal de commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Pariġi), rikors kontra SFMI, Chronopost, La Poste u oħrajn. Ma’ dan ir-rikors kien anness studju ieħor tal-kumpannija Braxton associés, li kien jaġġorna d-data ta’ l-ewwel studju u kien jestendi l-perijodu ta’ stima ta’ l-għajnuna sa l-aħħar ta' l-1991. Permezz ta' sentenza tal-5 ta’ Jannar 1994, it-Tribunal de commerce de Paris issottometta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 92 u ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE), li waħda minnhom kienet tikkonċerna l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fiċ-ċirkustanzi ta' din il-kawża. Il-Gvern Franċiż ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala anness ma' l-osservazzjonijiet tiegħu ta’ l-10 ta’ Mejju 1994, studju ekonomiku mwettaq mill-kumpannija Ernst & Young. Permezz ta' sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-93/94, Ġabra p. I-3547; iktar ’il quddiem is-“sentenza SFEI”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali min-naħa ta’ impriża pubblika lill-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti skond id-dritt privat li huma attivi f’settur miftuħ għall-kompetizzjoni ħielsa tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat meta r-remunerazzjoni riċevuta bħala korrispettiv tkun inqas minn dik li kieku kienet tintalab f’kundizzjonijiet normali tas-suq” (punt 62).

11      Sadanittant, b’ittra tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Marzu 1996, ir-Repubblika Franċiża ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat. Fit-30 ta’ Mejju 1996 hija bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

12      Fis-17 ta’ Lulju 1996, il-Kummissjoni ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat, dwar l-għajnuna allegatament mogħtija minn Franza lil SFMI-Chronopost (ĠU C 206, p. 3).

13      Fis-17 ta’ Awwissu 1996, SFEI issottometta quddiem il-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan l-avviż. Ma’ l-osservazzjonijiet tiegħu, huwa annetta studju ekonomiku ġdid imwettaq mill-kumpannija Bain & Co. Barra minn hekk, SFEI wessa’ l-kuntest ta’ l-ilment tiegħu tal-21 ta’ Diċembru 1990 għal ċerti elementi ġodda, partikolarment għall-użu ta' l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste, għall-aċċess privileġġjat għall-frekwenzi ta’ Radio France, għal ċerti privileġġi doganali u fiskali u għall-investimenti ta’ La Poste fil-pjattaformi għad-dispaċċ.

14      F’Settembru 1996, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża l-osservazzjonijiet ta’ SFEI. B’risposta, ir-Repubblika Franċiża bagħtet ittra lill-Kummissjoni bi studju ekonomiku mwettaq mill-kumpannija ta’ konsulenza Deloitte Touche Tohmatsu anness magħha (iktar ’il quddiem ir-“rapport Deloitte”).

15      B’ittra tas-7 ta’ Novembru 1996, SFEI insista mal-Kummissjoni sabiex jinstema’ dwar l-elementi kollha ta' l-inkartament. Fl-ittra huwa talab li jintbagħtu r-risposti li l-Gvern Franċiż kien diġà bagħat lill-Kummissjoni u li ma kinux għadhom waslu għandu (jiġifieri l-ittri tal-21 ta’ Jannar u tat-18 ta’ Ġunju 1993), kif ukoll, hekk kif jaslu, l-elementi komplementari provduti lill-Kummissjoni mill-Gvern Franċiż.

16      B’ittra tat-13 ta’ Novembru 1996, il-Kummissjoni rrifjutat li tħalli lil SFEI jikkonsulta l-elementi msemmija ta' l-inkartament.

17      Fil-21 ta’ April 1997, SFEI bagħat ittra oħra lill-Kummissjoni fejn talabha tinformah dwar l-istadju eżatt li fih kienet waslet l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, li tinformah min-naħa waħda, dwar ir-risposti tal-Gvern Franċiż relatati ma’ l-ittra tal-ftuħ tal-proċedura u dwar l-osservazzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Awwissu 1996 kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar ir-reazzjonijiet u l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni. Fit-30 ta’ April 1997, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika d-dokumenti li kellha fil-pussess tagħha minħabba n-natura strettament kunfidenzjali tagħhom.

18      Fl-1 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 98/365/KE li tikkonċerna l-għajnuniet allegatament mogħtija minn Franza lil SFMI-Chronopost (ĠU 1998, L 164, p. 37, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet ikkomunikata lil SFEI b’ittra li kienet iġġib id-data tat-22 ta’ Ottubru 1997.

19      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kien jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ miżuri. L-ewwel kategorija tikkonsisti fil-provvista minn La Poste, min-naħa waħda, ta’ l-assistenza loġistika, jiġifieri t-tqegħid ta' l-infrastrutturi postali għal-ġbir, għas-selezzjoni, għat-trasport u għad-distribuzzjoni tal-konsenji tagħha għad-dispożizzjoni ta’ SFMI-Chronopost u, min-naħa l-oħra, fl-assistenza kummerċjali, jiġifieri l-aċċess ta’ SFMI-Chronopost għall-klijenti ta’ La Poste u t-tgawdija, min-naħa ta' SFMI-Chronopost, ta’ l-avvjament ta' La Poste. It-tieni kategorija tikkonsisti f’miżuri partikolari, bħall-aċċess privileġġjat għal Radio France u l-privileġġi fiskali u doganali.

20      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwistjoni rilevanti kienet “jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-operazzjonijiet bejn La Poste u SFMI-Chronopst [kinux] paragunabbli għal dawk ta’ operazzjonijiet ekwivalenti bejn kumpannija parent privata, anki jekk f’sitwazzjoni ta’ monopolju (per eżempju minħabba li għandha drittijiet esklużivi), u l-kumpannija sussidjarja tagħha”. Skond il-Kummissjoni ma kien ikun hemm l-ebda vantaġġ finanzjarju li kieku l-prezzijiet interni tal-prodotti u tas-servizzi skambjati bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp kellhom jiġu “kkalkulati abbażi ta’ l-ispejjeż kollha (jiġifieri l-ispejjeż totali flimkien mar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-pagamenti li saru minn SFMI-Chronopost ma kinux ikopru l-ispejjeż totali matul l-ewwel sentejn ta' operazzjoni, imma kienu jkopru l-ispejjeż kollha ħlief dawk ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali. L-ewwelnett, hija ma kinitx tqis bħala anormali l-fatt li, matul il-perijodu tal-bidu, il-pagamenti li jsiru minn impriża ġdida, jiġifieri minn SFMI-Chronopost, kienu jkopru biss l-ispejjeż varjabbli. It-tieninett, dejjem skond il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża segħet turi li, mill-1988, ir-remunerazzjoni mħallsa minn SFMI-Chronoposta kienet tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste, kif ukoll ir-remunerazzjoni għall-investiment kapitali magħmul minn din ta’ l-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkulat li r-rata interna tar-rendita (iktar ’il quddiem l-“IRR”) ta’ l-investiment ta’ La Poste bħala azzjonista kien ferm akbar min-nefqa tal-kapital tal-kumpannija fl-1986, jiġifieri r-rata tar-rendita normali li investitur privat jippretendi f’ċirkustanzi simili. Għaldaqstant, La Poste pprovdiet assistenza loġistika u kummerċjali lill-kumpannija sussidjarja tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk din l-għajnuna ma tirrappreżentax għajnuna mill-Istat.

22      Fir-rigward tat-tieni kategorija, jiġifieri d-diversi miżuri speċifiċi, il-Kummissjoni kkunsidrat li SFMI-Chronopost ma kienet tgawdi mill-ebda vantaġġ fir-rigward tal-proċedura għar-rilaxx mid-dwana, tat-taxxa tal-boll, tat-taxxa fuq is-salarji jew fir-rigward tat-termini ta’ pagament. L-użu tal-vetturi ta’ La Poste bħala mezz pubbliċitarju kellu jitqies, skond il-Kummissjoni, bħala assistenza kummerċjali normali bejn kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha u, barra minn hekk, SFMI-Chronopost ma kienet tibbenefika mill-ebda trattament preferenzjali fir-rigward tar-reklamar fuq Radio France. Il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tassigura ruħha wkoll li l-impenji li daħlet għalihom La Poste meta l-impriża komuni ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 1991 ma kinux jirrappreżentaw għajnuniet mill-Istat.

23      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata dan li ġej:

“[L]-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lill-kumpannija sussidjarja tagħha SFMI-Chronopost, it-tranżazzjonijiet finanzjarji l-oħra bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ir-relazzjoni bejn SFMI-Chronopost u Radio France, is-sistema doganali applikabbli għal La Poste u għal SFMI-Chronopost, is-sistema tat-taxxa fuq is-salarji u t-taxxa tal-boll applikabbli għal La Poste u għall-investiment tagħha […] fil-pjattaformi ta’ dispaċċ mhumiex għajnuniet mill-Istat favur SFMI-Chronopost” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Fit-2 ta’ Diċembru 1997, SFEI sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex qabel is-17 ta’ Diċembru 1997 tikkomunikalu l-faks tat-3 ta’ Mejju 1993, in-nota tat-30 ta’ Mejju 1996 u r-rapport Deloitte, li lkoll issemmew fid-deċiżjoni kkontestata. Dakinhar stess, ir-rikorrenti talbu wkoll lill-Ministeru Franċiż ta’ l-Ekonomija, tal-Finanzi u ta’ l-Industrija sabiex jgħaddilhom ir-rapport Deloitte. Huma għamlu l-istess talba lill-Commission d'accès aux documents administratifs (Kummissjoni responsabbli għall-aċċess ta' dokumenti amministrattivi) fid-9 ta’ Diċembru 1997.

25      B’ittra tal-15 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ SFEI billi rreferiet għall-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41). Hija sostniet li, meta t-talba tikkonċerna dokument li jinsab għand istituzzjoni imma li l-awtur tiegħu huwa persuna fiżika jew persuna legali oħra jew Stat Membru, l-imsemmija talba għandha tkun indirizzata direttament lill-awtur tad-dokument. Barra minn hekk, hija qajmet l-eċċezzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tas-segretezza fi kwistjonijiet kummerċjali u industrijali u mal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità.

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Diċembru 1997, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

27      Fit-12 ta’ Marzu 1998, ir-rikorrenti ppreżentaw talba inċidentali għal produzzjoni ta' dokumenti bil-għan li l-Kummissjoni tipprovdi d-dokumenti li jissemmew fid-deċiżjoni u li għalihom huma ma kellhomx aċċess qabel l-adozzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, jiġifieri l-faks tat-3 ta’ Mejju 1993, in-nota tat-30 ta’ Mejju 1996, in-nota b’risposta għall-osservazzjonijiet ta’ SFEI tax-xahar ta’ Awwissu 1996 u r-rapport Deloitte, dokumenti li ntbagħtu lill-Kummissjoni mill-Gvern Franċiż. B'nota tas-7 ta’ Mejju 1998, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi l-aħħar żewġ dokumenti mitluba. Dawn id-dokumenti ntbagħtu fis-26 ta’ Mejju 1998.

28      B'att ippreżentat fir-Reġistru fit-2 ta’ Ġunju 1998, ir-Repubblika Franċiża talbet sabiex tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-konvenuta. B'atti ppreżentati fir-Reġistru fil-5 ta’ Ġunju 1998, Chronopost u La Poste għamlu l-istess talba.

29      B’digrieti tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Lulju 1998, kienu awtorizzati l-interventi min-naħa tar-Repubblika Franċiża, ta’ Chronopost u ta’ La Poste in sostenn tal-konvenuta.

30      Fit-23 ta’ Lulju 1998, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza talba inċidentali oħra għal produzzjoni ta' dokumenti. B’ittra ta’ l-10 ta’ Novembru 1998, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkomunikat lir-rikorrenti d-deċiżjoni tagħha li, f'dak l-istadju, ma kinitx ser tilqa’ l-imsemmija talba.

31      Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti talbu li jingħata trattament kunfidenzjali lid-dokumenti kollha ċċitati fl-Anness 10 tar-replika, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss jista’ jkollha aċċess għal dawn id-dokumenti. B’ittri tal-5 ta’ Jannar u ta’ l-10 ta’ Frar 1999, ir-rikorrenti ppreċiżaw li din it-talba kienet tikkonċerna biss lil La Poste u lil Chronopost. B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 1999, intlaqgħet it-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerta data fil-konfront ta’ La Poste u ta’ Chronopost.

32      Ir-rikorrenti invokaw erba’ motivi għal annulament in sostenn tar-rikors tagħhom, l-ewwel wieħed ibbażat fuq “ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal konsultazzjoni ta' l-inkartament”, it-tieni fuq “insuffiċjenza ta’ motivazzjoni”, it-tielet fuq “żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni” u r-raba’ fuq “ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat”. Ir-raba’ motiv kien suddiviż f’żewġ partijiet, jiġifieri li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat billi, min-naħa waħda, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet normali tas-suq fl-eżami tar-remunerazzjoni ta’ l-assistenza mogħtija minn La Poste lil SFMI-Chronopst u, min-naħa l-oħra, billi eskludiet minn dan il-kunċett diversi miżuri li allegatament ibbenefikat minnhom SFMI-Chronopost.

33      Il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata billi laqgħet l-ewwel parti tar-raba’ motiv. Fir-rigward tal-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża, u l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżbalji ta’ fatt u fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li m’għandhomx jitħawwdu ma’ dawk li diġà kienu eżaminati fl-kuntest tar-raba’ motiv. Fiż-żewġ każijiet, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti ġew miċħuda.

34      B'atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 u fit-23 ta’ Frar 2001 rispettivament, Chronopost, La Poste u r-Repubblika Franċiża appellaw minn din is-sentenza, skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35      In sostenn ta' l-appell tagħhom, Chronopost, La Poste u r-Repubblika Franċiża ressqu diversi motivi, li l-ewwel wieħed fosthom, ibbażat fuq allegat ksur ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, kien jikkonċerna l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”.

36      B’sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza billi laqgħet l-ewwel motiv, bagħtet lura l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u rriżervat id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

 Il-proċedura wara r-rinviju

37      Il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Wara l-modifika tal-kompożizzjoni ta’ l-awli, li saret b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2004 (ĠU C 251, p. 12), l-imħallef relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla Estiża, u għaldaqstant din il-kawża ġiet allokata lil din l-awla.

38      Skond l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti u l-konvenuta ppreżentaw nota ta' osservazzjonijiet. Skond l-Artikolu 119(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-konvenuta ġew awtorizzati sabiex jippreżentaw nota addizzjonali ta' osservazzjonijiet. In-noti ta' osservazzjonijiet ta’ l-intervenjenti ġew ippreżentati, skond l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li ġew ippreżentati n-noti addizzjonali tal-partijiet prinċipali.

39      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura kif previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jissottomettu ċerti dokumenti u sabiex iwieġbu għal xi mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet taw ir-risposti tagħhom fit-termini mogħtija.

40      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet li għamlitilhom il-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2005. Fit-tmiem ta' din is-seduta, il-Kummissjoni u La Poste ġew mistiedna sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Barra minn hekk, ingħata terminu lill-partijiet l-oħra sabiex matulu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn id-dokumenti. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu mogħti.

41      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-23 ta’ Awwissu 2005.

42      B’ittri ppreżentati fit-30 ta’ Settembru u fl-4 ta’ Ottubru 2005, Chronopost u La Poste talbu sabiex jiġu awtorizzati jissottomettu risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mad-dokumenti ppreżentati wara t-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet saret waqt is-seduta.

43      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-fażi orali, skond l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura.

44      Il-Qorti tal-Prim'Istanza adottat ukoll miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li kienet tikkonsisti fl-inklużjoni fil-proċess tal-kawża ta' l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Chronopost u La Poste fit-30 ta’ Settembru u fl-4 ta' Ottubru 2005 rispettivament. L-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra ġew ukoll inklużi fil-proċess tal-kawża.

45      Wara dan, il-proċedura orali ngħalqet mill-ġdid fid-19 ta’ Diċembru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

46      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż tal-Kawża T‑613/97;

–        tikkundanna in solidum lir-Repubblika Franċiża, Chronopost u La Poste sabiex ibatu l-ispejjeż fil-Kawżi C 83/01 P, C 93/01 P u C 94/01 P u T-613/97 għall-parti ta’ wara r-rinviju.

47      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn La Poste, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

48      Chronopost titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment tiddikjara r-rikors inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

 Id-dritt

1.     Osservazzjonijiet preliminari

49      Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti sostanzjalment isostnu t-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv imqajma matul il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta' motivazzjoni, dak ibbażat fuq l-ineżatezzi materjali u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami tar-remunerazzjoni ta’ l-assistenza provduta minn La Poste, u l-motiv ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. Dan l-aħħar motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, min-naħa waħda, fuq il-ksur tal-kunċett ta' kundizzjonijiet normali tas-suq kif ġie żviluppat fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċerti elementi tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

50      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba żball ta' dritt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-iżball jinsab fil-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat, fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha dwar jekk l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost kinitx għajnuna mill-Istat jew le, jekk l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste sabiex tagħti din l-assistenza loġistika kinux jikkorrispondu għall-fatturi li impriża li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq imissha tikkunsidra meta tiffissa r-remunerazzjoni għas-servizzi provduti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonkludiet li l-Kummissjoni kien imissha, minn ta' l-inqas, ivverifikat jekk il-korrispettiv li rċeviet La Poste kienx paragunabbli għal dak mitlub minn kumpannija finanzjarja privata jew minn grupp privat ta’ impriżi li ma joperawx f’settur riżervat, li jsegwu politika strutturali, globali jew settorali u li jkunu ggwidati minn prospetti għal perijodu twil ta’ żmien. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din l-evalwazzjoni, ivvizzjata minn żball ta' dritt, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li impriża bħal La Poste tinsab f’sitwazzjoni ferm differenti minn dik ta’ impriża privata li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq u f’dan ir-rigward ippreċiżat dan li ġej (punti 34 sa 40 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja):

“ 34  Fil-fatt, La Poste hija responsabbli għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-sens ta' l-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86(2) KE) (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punt 15). Servizz ta’ din ix-xorta sostanzjalment jikkonsisti fl-obbligu li tinġabar, tiġi ttrasporata u tiġi distribwita l-posta, għall-benefiċċju ta' l-utenti kollha, fit-territorju kollu ta’ l-Istat Membru kkonċernat, b’tariffi uniformi u b’kundizzjonijiet ta’ kwalità simili.

35       Għal dan il-għan, La Poste kellha tgħammar lilha nfisha jew ġiet mgħammra b’infrastrutturi u b’mezzi sinjifikattivi (in-‘netwerk postali’) sabiex tkun tista’ tipprovdi servizz postali bażilari lill-utenti kollha, anki fiż-żoni fejn ma tantx joqogħdu nies, fejn it-tariffi ma kinux ikopru l-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz in kwistjoni.

36       Minħabba l-karatteristiċi tas-servizz li għandu jiġi assigurat bis-saħħa tan-netwerk ta’ La Poste, l-għamla u l-manutenzjoni ta’ dan in-netwerk ma jimxux skond loġika purament kummerċjali. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, UFEX et ammettew li jidher b'mod ċar li netwerk bħal dak li setgħet tibbenefika minnu SFMI-Chronoposta mhuwiex netwerk tas-suq. Għaldaqstant, dan in-netwerk qatt ma seta’ jinbena minn impriża privata.

37       Minbarra dan, il-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali hija konnessa b'mod inseparabbli man-netwerk ta’ La Poste, peress li fil-fatt din l-assistenza tikkonsisti preċiżament fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk, li ma jeżistix l-ekwivalenti tiegħu fuq is-suq, għad-dispożizjoni ta' SFMI-Chronoposta.

38       F'dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li s-sitwazzjoni ta’ La Poste titqabbel ma’ dik ta’ grupp privat ta’ impriżi li ma joperax f’settur riżervat, il-‘kundizzjonijiet normali tas-suq’, li bilfors huma ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli.

39       F’dan il-każ, l-ispejjeż sostnuti minn La Poste għall-provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali lill-kumpannija sussidjarja tagħha stess jistgħu jkunu elementi oġġettivi u verifikabbli ta’ din ix-xorta.

40       Fuq din il-bażi, tista’ tiġi eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost jekk, min-naħa waħda, jiġi aċċertat li l-korrispettiv mitlub ikopri b’mod xieraq l-ispejjeż addizzjonali varjabbli kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali flimkien ma’ remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali safejn dawn ikunu ddestinati għall-attività miftuħa għall-kompetezzjoni ta’ SFMI-Chronopost, u jekk, min-naħa l-oħra, l-ebda ħjiel ma jġiegħel lil min jaħseb li dawn l-elementi ġew sottovalutati jew stabbiliti b’mod arbitrarju”.

51      Fir-rigward ta' dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat, l-ewwelnett, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-motivi bbażati fuq ineżattezzi materjali u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li jikkoinċidu ma' xulxin, ser jiġu eżaminati flimkien iktar tard.

2.     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet sempliċi referenza għar-rapporti ekonomiċi li fuqhom kienet fasslet id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma indikat l-elementi ta’ dawn ir-rapporti li wassluha sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuniet favur SFMI-Chronopost u li jistgħu jiġu kkontrollati mill-qorti Komunitarja.

53      L-ewwelnett, ir-rikorrenti jsostnu li ma jistax jiġi miċħud li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata prinċipalment fuq il-konklużjonijiet tar-rapport Deloitte li l-Kummissjoni rrifjutat li tgħaddilhom u li biss seta’ jiġġustifika l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rapport Deloitte, li huwa element essenzjali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien imissu ġie kkomunikat lir-rikorrenti mhux iktar tard minn meta ġew informati bid-deċiżjoni meħudha fil-konfront tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittjiet tagħhom.

54      It-tieninett, ir-rikorrenti jsostnu li l-motivazzjoni relatata ma’ l-assistenza loġistika mhijiex suffiċjenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fl-ebda punt ma indikat b’liema mod tqassmu l-“ispejjeż kollha” li hija tqis għas-servizzi kollha li jikkaratterizzaw l-attività ta’ konsenja espressa. Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt hija manifestament insuffiċjenti sabiex tinftiehem mir-rikorrenti u sabiex tiġi kkontrollata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li din ma tindikax l-elementi ta’ fatt li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tqis li “ir-remunerazzjoni totali mħallsa minn SFMI-Chronopost għas-sostenn loġistiku provdut minn La Poste kienet għola mill-ammont totali ta’ l-ispejjeż ta' l-operat matul il-perijodu 1986-1995” u għalhekk ma kinitx tagħti l-possibbiltà li tkun affermata l-eżistenza ta’ għajnuniet. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55      It-tieletnett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-motivazzjoni relatata ma’ l-assistenza kummerċjali mhijiex suffiċjenti. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tindika liema hija l-parti ta’ “l-ispejjeż kollha” li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta' l-assistenza kummerċjali, u lanqas x'inhu eżatt dak li din il-parti tħallas bħala servizz speċifiku fil-kuntest ta' l-assistenza kummerċjali. Barra minn hekk, verifika ta’ din ix-xorta hija diffiċli, fin-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu “spejjeż ta’ promozzjoni”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni rrispondiet biss bi kritika vaga għall-valutazzjonijiet ferm dettaljati provduti mill-istess rikorrenti fir-rigward ta' l-ispejjeż tal-promozzjoni tal-prodotti ta’ SFMI u l-valur ta’ l-użu ta' l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste.

56      Skond ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha inkludiet it-tabelli li rċeviet mingħand il-Gvern Franċiż u li jindikaw l-ispejjeż fid-dettall, u ma setgħetx tiġġustifika n-nuqqas ta’ motivazzjoni billi ssostni li l-ħsieb tagħha kien li ma ttaqqalx id-deċiżjoni kkontestata jew billi tinvoka s-sigriet kummerċjali. Huma jirrilevaw li l-perijodu ta’ referenza ta’ l-ilment inizjali (1986-1990) diġà kien “kummerċjalment antik”. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet astratta u l-motivazzjoni mhijiex suffiċjenti.

57      Ir-rabanett, ir-rikorrenti jirrilevaw l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ekwivalenti għal nuqqas ta’ motivazzjoni, dwar l-użu tal-metodu magħruf bħala “estrapolazzjoni b’lura”. Fil-fatt il-Kummissjoni tispjega, fl-ewwel lok, li l-prezz ta’ l-assistenza loġistika jiġi kkalkulat billi n-numru ta’ l-oġġetti pproċessati jew il-piż tagħhom jiġi mmultiplikat bil-prezz unitarju tad-diversi operazzjonijiet, filwaqt li tikkonstata, fit-tieni lok, li, sa l-1992, La Poste ma kellhiex kontabbiltà analitika.

58      Ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, li, f’din il-kawża, jiġġustifikaw motivazzjoni partikolarment approfondita. Dawn iċ-ċirkustanzi huma n-nuqqas ta’ notifika, it-tul twil wisq tal-proċedura amministrattiva (id-deċiżjoni ngħatat 81 xahar wara li tressaq l-ilment inizjali), id-diffikultajiet notevoli rikonoxxuti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-miżuri li sar ilment dwarhom setgħux jiġu kkwalifikati bħala għajnuniet mill-Istat, il-probabbiltà ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna rikonoxxuta mill-Kummissjoni, ir-revoka ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ ċaħda wara li din ġiet ikkontestata b'rikors għal annullament, in-nuqqas totali ta’ diliġenza min-naħa tal-Kummissjoni għal perijodu ta’ tliet snin (bejn id-data tar-revoka tad-deċiżjoni tagħha, jiġifieri d-9 ta’ Lulju 1992, u d-data tas-seduta pubblika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għas-sentenza SFEI, jiġifieri l-24 ta’ Ottobru 1995), l-eżistenza tas-sentenza SFEI, li tipprovdi linji ta' gwida, ir-rifjut li tagħti aċċess għall-inkartament, anki mingħajr il-kontenut kunfidenzjali eventwali tiegħu u r-reġistrazzjoni tal-miżuri kkontestati fir-reġistru ta’ l-għajnuniet mhux innotifikati. Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jżidu jgħidu li huma bagħtu lill-Kummissjoni studji ekonomiċi dejjem iktar preċiżi.

59      Il-Kummissjoni tqis li fid-deċiżjoni kkontestata (fil-punt D.1) hija kienet indikat il-mod li bih tqassmu l-“ispejjeż kollha”, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti. Hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-metodu li ntuża minn La Poste, u li ġie aċċettat mill-Kummissjoni, ġie deskritt fl-imsemmija deċiżjoni fil-fażijiet differenti tiegħu, l-istess bħar-riżultat tiegħu, jiġifieri r-rata ta’ kopertura ta’ l-“ispejjeż kollha” sostnuti minn La Poste matul id-diversi snin. Skond il-Kummissjoni, sabiex tkun iddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna huwa suffiċjenti li ssir referenza għall-metodu użat u għar-riżultati miksuba, mingħajr ma ssir referenza għat-tabelli relatati, li kienu jtaqqlu wisq it-test tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Hija żżid tgħid li l-ġurisprudenza ma titlobx li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, b’mod partikolari meta jkunu involuti għażliet tekniċi.

60      Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tqassim ta’ l-ispejjeż kollha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha mill-awtoritajiet Franċiżi fit-30 ta’ Mejju 1996. Dan it-tqassim essenzjalment jagħmel distinzjoni, b’varjazzjonijiet żgħar skond is-snin, bejn id-diversi operazzjonijiet ta’ l-uffiċċji postali, taċ-ċentri ta’ selezzjoni u ta’ l-impjegati ta’ La Poste. L-imsemmija tabelli jagħmlu dejjem referenza għall-ispejjeż kollha u jqabblu dawn l-ispejjeż mal-prezzijiet unitarji ta’ subappalt għal kull servizz, bil-għan li tiġi ffissata rata ta’ kopertura annwali. Din id-data numerika għandha n-natura ta’ sigriet kummerċjali safejn turi l-istruttura ta’ l-ispejjeż u tal-flussi finanzjarji bejn kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha.

61      Chronopost tenfasizza li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni fil-konfront tal-lanjant jitlob l-espożizzjoni tar-raġunijiet għalxiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madanakollu, ma tistax tintalab motivazzjoni speċifika la għal kull waħda mill-għażliet tekniċi magħmula u lanqas għall-elementi li manifestament mhumiex rilevanti, huma bla sens jew jidher biċ-ċar li huma sekondarji.

62      Chronopost tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti. Hija tenfassizza li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li fid-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-kalkoli ta' kontabbiltà analitiċi kollha. Chronopost tosserva wkoll li l-allegat nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx rilevat la mill-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm dan in-nuqqas ta' motivazzjoni huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku li, bħala tali, jista’ jitqajjem ex officio. Kuntrarjament għall-konklużjoni li r-rikorrenti jiġbdu mill-ġurisprudenza, ikun suffiċjenti li l-Kummissjoni tagħti indikazzjoni tal-kalkoli li użat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Referenza għall-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni

63      Għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE) għandha tkun adegwata għan-natura ta’ l-att ikkonċernat u għandha turi b’mod ċar u inekwivokabbli r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u b'tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha. Ir-rekwiżit ta' motivazzjoni għandu jiġi evalwat fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi esposti u ta’ l-interess li d-destinatarji ta’ l-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom sabiex jingħataw spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċfika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni ta' jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, imma anki tal-kuntest tagħha u tan-normi legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C 367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara ineżistenti allegata għajnuna mill-Istat irrapportata minn lanjant, il-Kummissjoni hija fi kwalunkwe każ obbligata tispjega b’mod adegwat lil-lanjant ir-raġunijiet għalxiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt esposti fl-ilment ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madanakollu, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu pożizzjoni dwar elementi li manifestament mhumiex rilevanti, huma bla sens jew jidher biċ-ċar li huma sekondarji (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

65      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fil-każijiet fejn il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha, ir-rispett tal-garanziji provduti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ quddiemha u li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14).

66      Barra minn hekk, anki jekk fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li tadotta sabiex tassigura l-applikazzjoni tan-normi dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex tadotta deċiżjoni bħal din, hija madanakollu obbligata, skond l-Artikolu 190 tat-Trattat, issemmi għall-inqas il-fatti u l-kunsiderazzjoni li għandhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, sabiex b’hekk il-qorti Komunitarja u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-kundizzjonijiet li fihom hija applikat it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II-3141, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għajr għal ċirkustanzi eċċezzjonali, deċiżjoni trid tkun mogħnija b’motivazzjoni inkluża fit-test tagħha u din il-motivazzjoni ma tistax tiġi espressa għall-ewwel darba, ex post, quddiem il-qorti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T-295/94, Ġabra p. II-813, punt 171, u European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, fil-prinċipju, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti interessata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jissewwa bil-fatt li l-parti interessata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, minn C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 463). Għaldaqshekk, jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 92 tat-Trattat hija vvizzjata minn omissjonijiet importanti, il-Kummissjoni ma tistax issib rimedju għalihom billi tinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza data u elementi oħra ta’ analiżi li abbażi tagħhom jista' jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tagħha ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat kienet tajba, sakemm ma jkunux involuti elementi ta’ analiżi li ma kinux ikkontestati mill-ebda waħda mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza European Night Services et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

68      Minn dan isegwi li l-argumenti ppreżentati mill-aġenti tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux jirrimedjaw għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02, Ġabra p. II-143, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-fatt, id-dispożittiv u l-motivi ta’ deċiżjoni, li bilfors trid tkun immotivata skond l-Artikolu 190 tat-Trattat, jikkostitwixxu ħaġa sħiħa u komposta, tant li huwa biss il-Kulleġġ tal-Kummissarji, permezz tal-prinċipju tal-kolleġġjalità, li jista’ jadotta kemm dispożittiv u motivi, u huwa esklużivament il-Kulleġġ li jista' jagħmel kwalunkwe modifika għall-motivi li ma tkunx korrezzjoni sempliċement ta' l-ortografija u tal-grammatika (sentenza Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 124, li tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I-2555, punti 66 sa 68).

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-qorti Komunitarja hija obbligata, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq skond l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 230 KE), tillimita ruħha għal kontroll tal-legalità ta’ l-att ikkontestat. Għaldaqstant, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ssib rimedju għall-eventwali nuqqas ta’ motivazzjoni, jew li tikkompleta l-imsemmija motivazzjoni tal-Kummissjoni billi żżid jew tissostitwixxi elementi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata stess.

71      Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, itteħditx in konformità mal-prinċipji li għadhom kemm ġew indikati. B’mod partikolari, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 66 sa 70 iktar 'il fuq, ir-rispett, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi vverifikat biss billi jitqiesu l-motivi inklużi fit-test tad-deċiżjoni kkontestata stess.

 Fuq il-portata tal-kontroll tar-rispett ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni f'dan il-każ

72      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija obbligata tivverifika r-rispett, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skond l-Artikolu 190 tat-Trattat fir-rigward tal-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost. Fid-dawl tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, riprodotti fil-punt 50 iktar 'il fuq, din il-verifika tinvolvi b’mod partikolari l-eżami tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward, min-naħa waħda, tal-kwistjoni jekk il-korrispettiv mitlub minn SFMI-Chronopost ikoprix, l-ewwelnett, l-ispejjeż kollha varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali, it-tieninett, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u, it-tieletnett, remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali safejn dawn huma ddestinati għall-attività miftuħa għall-kompetizzjoni ta’ SFMI-Chronopost, u, min-naħa l-oħra, tal-kwitjoni jekk jeżistux jew le indizji li dawn l-elementi kienu sottovalutati jew stabbiliti b’mod arbitrarju.

73      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, minkejja li r-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni rrifjutat il-metodu ta' kalkolu ta’ l-ispejjeż propost mir-rikorrenti jirriżultaw b’mod ċar mill-motivi indikati fil-premessi 49 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-motivazzjoni xorta għandha tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-mod li bih il-Kummissjoni, meta użat il-metodu magħruf bħala ta' l-“ispejjeż kollha”, ikkalkulat u vvalutat l-ispejjeż ta’ La Poste – inklużi l-ispejjeż meqjusa bħala rilevanti f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fuq appell – kif ukoll fir-rigward tal-korrispettiv mitlub minn SFMI-Chronopost sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tikkontrolla l-legalità ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Chronopost li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti peress li la l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas il-Qorti tal-Ġusizzja ma qajmu n-nuqqas ta' motivazzjoni, li huwa motiva ta’ ordni pubbliku. Fil-fatt, la l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienu obbligati jqajmu, bħala motiv ta' ordni pubbliku, in-nuqqas ta' motivazzjoni, fid-dawl ta' l-annullament mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel istanza, tad-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ dritt fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat biss (punti 64 sa 79 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza), u tal-limitazzjoni tal-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-legalità ta' l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza in sostenn ta' din il-konklużjoni (punti 31 sa 42 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja).

74      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-Kummissjoni mmotivatx b’mod suffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha, l-ewwelnett, fir-rigward tal-kopertura ta’ l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali, it-tieninett, fir-rigward tal-kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u, it-tieletnett, fir-rigward tar-remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali

75      Fir-rigward ta' l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali min-naħa ta’ La Poste lil SFMI-Chronopost, fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata huwa affermat dan li ġej:

“Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont totali ta’ l-assistenza mogħtija lil SFMI-Chronopost, La Poste tikkalkula l-ewwelnett l-ispejjeż ta' l-operat diretti tagħha, esklużi l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali, skond il-firxa ta’ produzzjoni li tikkorrispondi għas-servizz (katina ta’ operazzjonijiet elementari) u tal-volumi reali ta’ traffiku. L-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali mbagħad jinqasmu fi proporzjon għall-ispejjeż ta’ kull servizz.

Fir-rigward tal-firxa ta’ produzzjoni, La Poste ma kellhiex sistema ta’ kontabbiltà analitika li kienet tagħtiha l-possibbiltà li tikkalkula l-ispejjeż reali marbuta mal-provvista ta’ l-assistenza loġistika lil SFMI-Chronopost. Sa l-1992, dawn l-ispejjeż kienu jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ stimi. Is-servizzi mogħtija lil SFMI-Chronopost kienu maqsuma f’sekwenza ta’ operazzjonijiet elementari li, qabel l-1992, ma kienx jiġi kkalkulat kemm jieħdu ħin. Sabiex jiġu stabbiliti dawn l-ispejjeż, La Poste kienet tassimila dawn is-servizzi ma’ servizzi postali eżistenti u ta' natura simili li għall-operazzjonijiet differenti tagħhom kien diġà ġie kkalkulat kemm jieħdu ħin u ġew stmati (per eżempju, id-depożitu ta’ ittra rreġistrata). Fl-1992, it-tul u l-ispiża ta’ l-operazzjonijiet ikkonċernati ġew ikkalkulati billi tqiesu l-volumi reali tat-traffiku pproċessat bħala konsenja espressa. Abbażi ta' dawn il-kalkoli La Poste setgħet tagħmel stima ta' l-ispiża reali ta’ l-assistenza loġistika tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

76      F’dan ir-rigward, fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tqis li l-prezzijiet interni li kienu applikati għall-prodotti u għas-servizzi skambjati bejn il-kumpanniji ta’ l-istess grupp ma jagħtu l-ebda vantaġġ finanzjarju, ta' kwalunkwe tip, jekk ikunu prezzijiet ikkalkulati abbażi ta’ l-ispejjeż kollha (jiġifieri l-ispejjeż totali flimkien mar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali). F’dan il-każ, il-pagamenti li saru minn SFMI-Chronopost ma kinux ikopru l-ispejjeż totali matul l-ewwel sentejn ta' operazzjoni, imma kienu jkopru l-ispejjeż kollha ħlief dawk ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali. Il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni mhijiex anormali peress li d-dħul mill-attività ta’ impriża ġdida li tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji, matul il-perijodu tal-bidu, jista’ jkopri biss l-ispejjeż varjabbli. Meta l-impriża tkun ikkonsolidat il-pożizzjoni tagħha fuq is-suq, id-dħul li tipproduċi għandu jkun għola mill-ispejjeż varjabbli b'tali mod li din l-impriża tikkontribwixxi għall-kopertura ta’ l-ispejjeż fissi tal-grupp. Matul l-ewwel sentejn finanzjarji (1986 u 1987), il-pagamenti li għamlet SFMI-Chronopost kienu jkopru mhux biss l-ispejjeż varjabbli, imma anki ċerti spejjeż fissi (per eżempju l-proprjetà immobbli u l-vetturi). Franza uriet li mill-1988, ir-remunerazzjoni mħallsa minn SFMI-Chronopost għall-assistenza li ngħatatilha tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste, flimkien ma' kontribuzzjoni għar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali. Għaldaqstant, l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lill-kumpannija sussidjarja tagħha ngħatat skond il-kundizzjonijiet normali tas-suq u ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

77      Dawn il-motivi ma jindikawx b’mod suffiċjenti l-portata eżatta li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħti lill-kunċetti ekonomiċi u ta' kontabbiltà użati f’dan il-kuntest, u lanqas in-natura preċiża ta’ l-ispejjeż li eżaminat sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, sabiex b’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tagħmel il-kontroll tagħha dwar jekk dawn l-ispejjeż jikkorrispondux effettivament għall-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

78      Fil-fatt, fir-rigward tal-kunċett ta’ l-ispejjeż ta' l-operat diretti, li jissemma fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Mejju 2005 li nkitbet b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat biss li dawn kienu spejjeż attribwibbli. F’din l-ittra, il-Kummissjoni żiedet tgħid li, fi ħdan La Poste, l-imsemmija spejjeż attribwibbli kienu jinkludu wkoll parti mill-ispejjeż fissi, minbarra l-ispejjeż għall-uffiċċju prinċipali u għall-uffiċċji reġjonali.

79      Issa, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata biss, mhuwiex possibbli li wieħed ikun jaf liema kienu l-ispejjeż ta' l-operat diretti, lanqas liema huma l-ispejjeż li, fil-kontabbiltà ta’ La Poste, huma direttament attribwibbli għall-attivitajiet differenti. Fil-fatt, l-ispejjeż attribwibbli jvarjaw fid-diversi impriżi skond is-sistema ta’ kontabbiltà li tintuża.

80      Sussidjarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din il-kwistjoni lanqas ma ġiet iċċarata permezz tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni li ġew ippreżentati wara l-bidu tal-kawża, li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tqishom fil-kuntest ta’ l-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali (ara l-punti 66 sa 70 iktar 'il fuq). Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tispjega li, fuq il-bażi tal-kontabbiltà analitika li tipprevedi separazzjoni adegwata tad-diversi entrati fil-karti tal-bilanċ, il-metodu segwit fid-deċiżjoni kkontestata kellu l-iskop li jiġbor l-ispejjeż differenti fi gruppi (akkwisti esterni ta’ oġġetti u ta’ servizzi, persunal, deprezzament u manutenzjoni ta’ assi fissi) skond in-natura tagħhom, jew bħala spejjeż ta' l-operat (attivitajiet ta’ uffiċċju, ta’ trasport, ta’ distribuzzjoni, ta’ selezzjoni, finanzjarji) – fir-rigward ta' l-ispejjeż diretti (varjabbli, jiġifieri attribwibbli għal oġġett ipproċessat, jew fissi) – jew bħala spejjeż strutturali (strutturi amministrattivi reġjonali jew nazzjonali għall-attività postali jew għas-servizzi finanzjarji, strutturi komuni) – fir-rigward ta' l-ispejjeż indiretti (kompletament fissi). B’hekk, l-ispejjeż indiretti (fissi) ta’ l-istrutturi (kemm l-ispejjeż komuni kif ukoll dawk speċifiċi għall-attività postali jew għas-servizzi finanzjarji) ġew attribwiti għall-attivitajiet “postali” bi proporzjon għall-ispejjeż ta' l-operat (diretti) ikkawżati minn kull attività. Għalhekk, għall-erba’ attivitajiet “postali” (ġbir, distribuzzjoni, selezzjoni u trasport), l-ispejjeż indiretti (l-ispejjeż ta’ l-istrutturi mhux operazzjonali, inklużi l-ispejjeż tar-reklamar u kummerċjali ċentrali u tad-dipartimenti) ġew attribwiti fi proporzjon għall-ispejjeż direttament marbuta ma’ kull waħda mill-imsemmija attivitajiet. In-nefqa ta’ l-unitajiet differenti tax-xogħol (f'minuti ta’ xogħol jew f'tunnellati ttrasportati) tirriżulta mid-diviżjoni ta’ l-ispejjeż reali kollha relatati ma’ kull attività bin-numru eżatt tal-minuti ta’ xogħol maħduma (jew ta’ tunnellati ttrasportati). Jekk din in-nefqa unitarja tiġi mmultiplikata bil-ħin iddedikat għas-servizzi li ngħataw lil SFMI-Chronopost (jew għall-piż ittrasportat) wieħed jasal sabiex jiddetermina l-ispiża totali tas-servizzi provduti minn La Poste lill-kumpannija sussidjarja tagħha.

81      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dawn l-ispjegazzjonijiet jispiċċaw sabiex isaħħu l-konklużjoni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala tali hija bil-wisq ġenerika sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tivverifika l-legalità ta' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kopertura, jew in-nuqqas tagħha, ta’ l-ispejjeż kollha kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali minn La Poste lil SFMI-Chronopost. L-insuffiċjenza tal-motivazzjoni hija enfasizzata wkoll mill-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel użu minn diversi kunċetti ekonomiċi u ta' kontabbiltà b’mod mhux preċiż. Fil-fatt, minn qari tal-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontesta, li tipprovdi li “matul l-ewwel sentejn finanzjarji (1986 u 1987), il-pagamenti li għamlet SFMI-Chronopost kienu jkopru mhux biss l-ispejjeż varjabbli, imma anki ċerti spejjeż fissi (per eżempju l-proprjetà immobbli u l-vetturi)”, ma jistax jiġi ddeterminat bi preċiżjoni liema kienu dawn iċ-“ċerti spejjeż fissi", li suppost kopriet SFMI-Chronopost. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

82      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni tal-mod kif is-servizzi provduti lil SFMI-Chronopost kienu maqsuma f’serje ta’ operazzjonijiet elementari, jew tal-mod kif La Poste assimilat dawn is-servizzi mas-servizzi postali eżistenti u ta’ natura simili. Issa, billi qabel l-1992 ma kienx jiġi kkalkulat kemm kienu jieħdu ħin s-servizzi provduti lil SFMI-Chronopost u billi, sa l-1992, l-ispejjeż reali marbuta mal-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost minn La Poste kienu kkalkulati fuq il-bażi ta’ stimi, kien meħtieġ li fid-deċiżjoni kkontestata jiġi spjegat il-mod li bih saret din l-assimilazzjoni, b’tali mod li d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata u l-partijiet interessati l-oħra, flimkien mal-Qorti tal-Prim’Istanza, ikunu jistgħu jivverifikaw il-preżenza jew in-nuqqas ta’ żbalji eventwali ta’ fatt jew ta’ evalwazzjoni f’dak il-metodu.

83      Spjegazzjonijiet preċiżi kienu partikolarment meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi vverifikat il-mod li bih l-assistenza kummerċjali provduta lil SFMI-Chronopost minn La Poste ittieħdet in kunsiderazzjoni fl-ispejjeż kollha. Hekk kif is-servizzi provduti lil SFMI-Chronopost, li kienu marbuta ma’ prodott partikolari, ġew, skond il-Kummissjoni, iżolati mill-attivitajiet l-oħra ta’ La Poste, kien jeħtieġ li l-preżenza u l-ammont ta' l-ispejjeż marbuta ma’ l-assistenza kummerċjali jiġu mmotivati. Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżulta bl-ebda mod kif assistenza bħal din tqieset fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż kollha.

84      Għaldaqstant, kien jeħtieġ li fid-deċiżjoni kkontestata tiddaħħal motivazzjoni adegwata f’dan ir-rigward u, għall-inqas, sommarju ġenerali tal-kalkoli ta' kontabbiltà analitiċi relatati mas-servizzi provduti lil SFMI-Chronopost, fejn eventwalment ma tiġix inkluża d-data kunfidenzjali.

85      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma timmotivax b’mod suffiċjenti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali.

 Fuq il-motivazzjoni relatata mal-kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali

86      Fir-rigward tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali, mill-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali […] jiġu attribwiti fi proporzjon għall-ispejjeż ta’ kull servizz”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

87      Għandu jiġi osservat li, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata biss, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat liema tipi ta’ spejjeż huma inklużi f’dawn l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tivverifika jekk, skond l-opinjoni tal-Kummissjoni, parti mill-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali tistax tiġi kkwalifikata bħala spejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u li, għalhekk, kellhom jitqiesu għall-kalkolu tal-korrispettiv mitlub mingħand SFMI-Chronopost. Issa, din il-kwalifikazzjoni hija partikolarment importanti minħabba li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat ukoll li l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali ta’ La Poste ma ġewx koperti 100% mill-pagamenti li saru minn SFMI-Chronopost matul is-snin 1986 u 1987. Għall-kuntrarju, mill-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rata tal-kopertura ta’ l-ispejjeż kollha kienet biss ta’ 70.3% għall-1986 u ta’ 84.3% għall-1987.

88      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma indikatx b'mod preċiż liema kienu, fil-fehma tagħha, l-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk ta’ La Poste minn SFMI-Chronopost. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax jekk jeżistux spejjeż fissi oħra minbarra l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali li kellhom jitqiesu bħala spejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u li, għaldaqstant, ma kinux jidħlu fil-kategorija ta’ l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tivverifika jekk din il-parteċipazzjoni għall-ispejjeż fissi saritx b’mod korrett fid-dawl tar-rekwiżiti indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

89      Għaldaqstant, f'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata b’mod suffiċjenti, minħabba li ma tagħtix il-possibbiltà lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tivverifika, min-naħa waħda, jekk l-ispejjeż ta’ l-uffiċċju prinċipali u ta’ l-uffiċċji reġjonali jinkludux spejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u, min-naħa l-oħra, jekk kinux jeżistu spejjeż fissi oħra ta’ La Poste marbuta ma’ l-użu tan-netwerk postali li kellu jkopri l-korrispettiv mitlub mingħand SFMI-Chronopost skond ir-rekwiżiti ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha mogħtija fl-appell.

 Fuq il-motivazzjoni relatata mar-remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali

90      Fir-rigward tar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali, fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li “Franza wriet li mill-1988, ir-remunerazzjoni mħallsa minn SFMI-Chronopost għall-assistenza li ngħatatilha tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste, flimkien ma' kontribuzzjoni għar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali”. Madanakollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax liema kienet il-kontribuzzjoni li tat SFMI-Chronopost bħala remunerazzjoni għall-investiment kapitali ta’ La Poste.

91      Huwa minnu li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkulat l-IRR. Madanakollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax jekk dan il-kalkolu ta’ l-IRR sarx sabiex jintwera li l-kriterju ta’ l-investitur privat kien sodisfatt u/jew sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni għall-investiment kapitali. F'dan ir-rigward, fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata ġie indikat biss li “il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-kwistjoni ta' jekk l-imġiba La Poste, bħala azzjonista ta’ SFMI-Chronopost, tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-investitur li jopera f’ekonomija tas-suq […]” u li “sabiex jiġi aċċertat jekk La Poste aġixxietx bħala investitur li jopera f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni għandha teżamina r-rendita għall-kumpannija parent f’termini ta’ dividendi u ta' żieda fil-valur tal-kapital”.

92      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissupponi li l-kalkolu ta’ l-IRR, kif riprodott fid-deċiżjoni kkontestata, serva sabiex tkun ivverifikata r-remunerazzjoni għall-investiment kapitali destinat għall-attività miftuħa għall-kompetizzjoni ta’ SFMI-Chronopost, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddeterminax l-identità tal-kapital li l-Kummissjoni tqis li huwa effettivament iddestinat għal din l-attività sabiex tikkonkludi li ma teżistix għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċement tafferma li “sabiex tikkalkula l-IRR, il-Kummissjoni qieset, min-naħa waħda, il-kontribuzzjoni ta’ kapital magħmula minn La Poste fl-1986 u, min-naħa l-oħra, id-dividendi mħallsa minn SFMI-Chronopost matul il-perijodu 1986-1991 u l-valur ta’ din il-kumpannija fl-1991”. Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid tgħid li hija “ikkalkulat l-IRR u [qabblitha] man-nefqa tal-fondi proprji ta’ SFMI-Chronopost fl-1986 (13.65 %), is-sena meta ġiet stabbilita l-kumpannija u meta bdiet topera, eżerċizzju li ta l-possibbiltà li tivverifika jekk il-profittabbiltà ta’ l-investiment kollu kinitx suffiċjenti”, biex minn dan tikkonkludi li “l-IRR ikkalkulata mill-Kummissjoni hija ferm akbar min-nefqa tal-kapital fl-1986 ” u li “għalhekk, it-tranżazzjonijiet finanzjarji li kien hemm bejn La Poste u l-kumpannija sussidjarja tagħha matul il-perijodu 1986-1991 ma kienu jinkludu l-ebda element ta’ għajnuna”. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata tindika biss li, min-naħa waħda, il-Kummissjoni qieset il-kontribuzzjoni tal-kapital li għamlet La Poste fl-1986 u, min-naħa l-oħra, ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji li kien hemm bejn La Poste u l-kumpannija sussidjarja tagħha fil-perijodu 1986-1991, mingħajr ma l-Kummissjoni indikat bi preċiżjoni suffiċjenti liema kienu dawn it-tranżazzjonijiet finanzjarji. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

93      Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissupponi li l-IRR tirrifletti bi preċiżjoni suffiċjenti r-remunerazzjoni għall-investiment kapitali destinat għall-attività miftuħa għall-kompetizzjoni ta’ SFMI-Chronopost, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fi kwalunkwe każ, ma tistax tivverifika jekk din ir-remunerazzjoni eventwali ta' l-investiment kapitali kinitx adegwata fis-sens tal-punt 40 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jitqies li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax il-kalkolu numeriku ta’ l-IRR.

 Fuq il-motivazzjoni relatata mal-kopertura ta’ l-ispejjeż b’mod ġenerali

94      Fejn għandhom x’jaqsmu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, imsemmija fil-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li “matul l-ewwel sentejn finanzjarji (1986 u 1987), il-pagamenti li għamlet SFMI-Chronopost kienu jkopru mhux biss l-ispejjeż varjabbli, imma anki ċerti spejjeż fissi (per eżempju l-proprjetà immobbli u l-vetturi)” u li “Franza uriet li mill-1988, ir-remunerazzjoni mħallsa minn SFMI-Chronopost għall-assistenza li ngħatatilha tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste, flimkien ma' kontribuzzjoni għar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali”, għandu jiġi osservat li dawn huma affermazzjonijiet purament perentorji. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi la eżami dettaljat tal-fażijiet distini tal-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ l-assistenza kkonċernata jew ta’ l-ispejjeż ta’ l-infrastruttura li jistgħu jkunu marbuta ma’ din l-assistenza, u lanqas data numerika ta' l-analiżi ta’ l-ispejjeż relatati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement tafferma li l-ispejjeż kollha ta’ La Poste kienu koperti mir-renumerazzjoni ta’ SFMI-Chronopost, mingħajr madanakollu ma tippreċiża ċ-ċifri u l-kalkoli li fuqhom ibbażat l-analiżi u l-konklużjonijiet tagħha.

95      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-Qorti tal-Prim’Istanza huwa impossibbli li tivverifika jekk il-metodu użat u l-fażijiet differenti ta’ l-eżami tal-Kummissjoni kinux mingħajr żbalji u jekk kinux kompatibbli mal-prinċipji indikati fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun iddeterminata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat.

 Fuq il-ħtieġa ta' motivazzjoni dettaljata

96      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-każ li, jekk ikun il-każ, jistgħu jiġġustifikaw motivazzjoni iktar dettaljata.

97      F’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw motivazzjoni iktar dettaljata jinsabu fil-fatt li, l-ewwelnett, din kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet relatati ma’ kwistjoni kumplessa, fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-settur ta’ l-għajnuniet mill-Istat, tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ kumpannija parent li topera f’suq riżervat u li tipprovdi assistenza loġistika u kummerċjali lill-kumpannija sussidjarja tagħha li ma toperax f’suq riżervat. It-tieninett, ir-revoka ta’ l-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, wara li tressaq rikors għal annullament u s-sentenza SFEI tal-Qorti tal-Ġustizzja kien imisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex timmotiva l-pożizzjoni tagħha b’iktar diliġenza u preċiżjoni fir-rigward tal-punti kkontestati. Fl-aħħarnett, il-fatt li r-rikorrenti ppreżentaw diversi studji ekonomiċi matul il-proċedura amministrattiva kien imissu wkoll wassal lill-Kummissjoni sabiex tipprepara motivazzjoni preċiża filwaqt li twieġeb għall-argumenti essenzjali tar-rikorrenti, ibbażati fuq dawn l-istudji ekonomiċi.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija limitata għal spjegazzjoni ferm ġenerali tal-metodu ta’ valutazzjoni ta’ l-ispejjeż li ntuża mill-Kummissjoni u tar-riżultat finali miksub, mingħajr ma tnaqqsu, bil-preċiżjoni meħtieġa, l-ispejjeż differenti ta’ La Poste kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost u l-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali, u mingħajr ma kienet indikata r-remunerazzjoni għall-investiment kapitali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 190 tat-Trattat.

99      Fir-rigward ta' l-argument tal-Kummissjoni li d-data numerika relatata ma’ dawn il-kalkoli hija sigriet kummerċjali, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet spjegat aħjar il-metodi li ntużaw u l-kalkoli li saru mingħajr ma tikxef sigrieti kummerċjali eventwali. Din il-possibbiltà, barra minn hekk, ġiet ikkonfermata mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni waqt din il-proċedura, b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet tagħha u fir-risposti tagħha għall-mistoqsijiet orali u għall-mistoqsijiet bil-miktub li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza. Ikun xi jkun il-każ, il-Kummissjoni setgħet provdiet data bl-informazzjoni kunfidenzjali moħbija u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ din l-analiżi.

100    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika l-eżistenza u l-ammont ta’ l-ispejjeż differenti li huma inklużi fil-kunċett ta’ spejjeż kollha, kif ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika l-legalità ta' l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u l-kompatibbiltà tagħha mal-kriterji ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha dwar l-appell sabiex tkun affermata l-ineżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

101    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta' motivazzjoni safejn tikkonkludi li l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lil SFMI-Chronopst mhijiex għajnuna mill-Istat.

3.     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

 Osservazzjonijiet preliminari

102    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, mhuwiex possibbli li jkunu eżaminati l-argumenti, invokati mir-rikorrenti fl-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ kopertura ta’ l-ispejjeż ta’ SFMI-Chronopsta, fuq is-sottovalutazzjoni u fuq il-karattru arbitrarju ta’ ċerti elementi li użat il-Kummissjoni, fuq żbalji fir-rettifiki ta' kontabbiltà li saru fl-Anness 4 tar-rapport Deloitte, fuq il-livell għoli b’mod anormali ta’ l-IRR jew fuq ir-raġunijiet tal-profittabbilà ta’ SFMI-Chronopost.

103    Fir-rigward ta' l-argumenti l-oħra li r-rikorrenti qajmu taħt l-ewwel parti tar-raba’ motiv, jiġifieri l-allegati żbalji manifesti marbuta mal-metodu magħruf bħala “estrapolazzjoni [lineari] b’lura” u man-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika ta’ La Poste fil-perijodu rilevanti, dawn ser jiġu diskussi iktar ’il quddiem.

 Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq

 Fuq l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura

–       L-argumenti tal-partijiet

104    Ir-rikorrenti jqisu li, meta jitqies in-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika fi ħdan La Poste fl-1992, il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura tal-kalkoli għas-snin 1986 sa 1992 ma kienx iġġustifikat. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni kienet taf bin-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li, fl-1996, il-Conseil de la concurrence (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Franċiż) kien diġà rrileva li l-kontabbiltà ta’ La Poste ma kinitx tippermetti tqassim ta’ l-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż tan-netwerk. Għaldaqstant, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kien imissha rrifjutat li taċċeta metodu ta’ valutazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste bbażat fuq dan it-tip ta’ kontabbiltà.

105    Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-Kummissjoni ma setgħetx tattribwixxi l-ispejjeż ta' l-operat tas-subappalt ta’ La Poste.

106    Ir-rikorrenti jirrilevaw tliet żbalji. L-ewwelnett, in-nefqa unitarja totali ta' produzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ konsenja espressa mhijiex fissa imma tikber notevolment biż-żieda fil-volum ta' produzzjoni. Issa, il-metodu magħżul mill-Kummissjoni ma jqisx ir-rendita ta' skala li tiżdied. Għaldaqstant, dan il-metodu jwassal sabiex jiġu sottovalutati l-ispejjeż ikkawżati mis-servizzi ddestinati għal SFMI-Chronopost fil-perijodu inizjali, u dan iktar u iktar minħabba li huwa involut tip ta’ servizz fejn, sa mill-bidu ta’ l-attività, kien jeħtieġ spejjeż fissi sinjifikattivi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jqisu li l-għażla tal-metodu ta’ estrapolazzjoni lineari b’lura wasslet sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż bi proporzjon ta’ 3 għal 1.

107    It-tieninett, il-“kriterju ta' deflazzjoni” magħżul, jiġifieri r-rata ta’ tkabbir tas-somma totali tas-salarji, mhuwiex adattat mill-aspett ekonomiku. Ir-rikorrenti jsostnu li l-iżvilupp tas-somma totali tas-salarji ma tistax isservi bħala “kriterju ta' deflazzjoni” ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste, peress li l-ispiża ta' l-ipproċessar ta’ konsenja ta’ SFMI-Chronopost ma tiddependi bl-ebda mod miż-żieda fin-numru ta’ impjegati ta’ La Poste. Seta’ kien hemm ingaġġi sostanzjali minħabba raġunijiet temporanji jew minħabba attivitajiet oħra bl-ebda rabta ma’ l-attivitajiet ta’ SFMI-Chronopost. Sabiex jinkisbu l-ispejjeż ta’ attività waħda (is-subappalt għal SFMI-Chronopost) kien imissha ntużat ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa għal minuta xogħol fl-uffiċċji postali u fiċ-ċentri ta’ selezzjoni. Skond ir-rikorrenti, għalhekk, l-użu tal-“punt 539”, jiġifieri r-rata ta’ tkabbir tan-nefqa għal minuta xogħol kien ikun iktar adattat.

108    It-tieletnett, ir-rikorrenti jqisu li minflok il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura l-Kummissjoni kien imissha użat il-fatturi bbażati fuq parametri ta’ prezzijiet ta’ bejgħ. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura mhuwiex iġġustifikat minħabba li, mill-1986, La Poste u SFMI-Chronopost kienu kkonkludew kuntratti li kienu jiddefinixxu b’mod preċiż metodu sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż kollha tas-subappalti u minħabba li dawn l-ispejjeż kollha kienu effettivament ġew implementati.

109    F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jsostnu li huma pprovdew il-prova ta’ l-eżistenza ta’ metodu alternativ u iktar preċiż minn dak ta’ estrapolazzjoni b’lura.

110    Fir-rigward ta' l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-argument relatat mal-metodu ta’ estrapolazzjoni lineari b’lura huwa ilment ġdid, ir-rikorrenti jsostnu li l-kontenut tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq” ġie mmodifikat mill-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux mill-motiv imressaq mir-rikorrenti. Huma jsostnu li l-motiv tagħhom kien dejjem jikkonċerna wkoll il-kwistjoni ta' jekk kinux koperti l-ispejjeż ta’ La Poste għall-provvista ta’ l-assistenza loġistika. Skondhom, formulazzjoni ġdida ta' wieħed mill-argumenti mressqa minnhom wara r-rikors hija ammissibbli. Kull ma għamlu r-rikorrenti huwa li mmodifikaw il-preżentazzjoni tal-motivi sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

111    Ir-rikorrenti jaffermaw ukoll li ma setgħux ikunu jafu d-dettalji tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li kien biss wara l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza li setgħu jaraw ir-rapport Deloitte u minħabba li, għalhekk, kien biss fir-replika li huma setgħu jippreċiżaw l-argumenti tagħhom dwar il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura.

112    Prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li l-kritika dwar in-natura lineari tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura li, fil-fehma tar-rikorrenti, kellu jikkunsidra l-ekonomiji ta’ skala, hija ilment ġdid li, għalhekk, għandu jiġi ddikkjarat bħala inammissibbli.

113    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament relatat ma’ l-ekonomiji ta’ skala jkollu sens biss jekk l-impriża kienet bdiet toħloq in-netwerk tagħha ex novo. Issa, SFMI-Chronopost hija biss il-prodott tad-diversifikazzjoni ta’ La Poste li b’hekk twettaq, permezz tan-netwerk tagħha, ekonomiji ta’ diversifikazzjoni effikaċji, billi twettaq attività ferm simili għall-attività prinċipali tagħha. Hija tfakkar li l-volum ta’ l-operazzjonijiet ta’ Chronopost meta mqabbel ma’ dawk ta’ La Poste kien ta’ 1/3000 fl-1992.

114    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li kien biss mill-1992 li l-operazzjonijiet postali kollha ġew soġġetti għal kalkoli preċiżi u omoġeni sabiex jaraw kemm jieħdu ħin u li fi ħdan La Poste bdiet tiġi applikata kontabbiltà analitika affidabbli, billi ġie pperfezzjonat il-kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ l-“unitajiet tax-xogħol” fil-waqt stess li jinħolqu l-ispejjeż. Hija tindika li din hija r-raġuni għalxiex, għas-snin finanzjarji passati, hija kellha taċċetta l-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura, li kien propost minn esperti. Hija tosserva li dan il-metodu kien ibbażat fuq data affidabbli għal-1992, u kien ġie applikat għall-operazzjonijiet passati ta’ SFMI-Chronopost li kienu jitniżżlu kull sena fil-kontabbilità mill-1986 u li kienu jiġu vverifikati mill-awdituri.

115    Hija ssostni li l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' tip simili ta’ metodoloġija “globalizzanti” kien ġie fil-prinċipju aċċettat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni (T‑106/95, Ġabra p. II-229, punti 103 et seq.), flimkien mad-data ta' kontabbiltà li abbażi tagħha ġiet applikata din il-metodoloġija.

116    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li r-rikorrenti ma pprovawx la, min-naħa waħda, l-eżistenza ta’ metodu alternattiv iktar preċiż u lanqas, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq fatti materjalment ineżatti jew qabżet il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha f'dan il-qasam.

117    Fir-rigward tad-data provduta għall-1992, il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet Franċiżi, fl-24 ta’ Mejju 1996, ikkomunikaw ir-rettifika għall-1992, flimkien mal-kalkoli għas-snin 1986 sa 1991 li, minn dak iż-żmien, kienu bbażati fuq it-tariffi reali u fuq l-ispejjeż unitarji ta’ l-1992 estrapolati b’lura, l-istess bħall-kalkoli li jikkonċernaw is-snin 1993 sa 1995, li kienu bbażati fuq id-data tal-kontabbiltà analitika tas-sena meqjusa.

118    Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha enfasizzat li l-”kundizzjonijiet normali tas-suq” għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi l-kontabbiltà li kien hemm fl-1992 kienet l-unika waħda disponibbli, hija ma kellha l-ebda raġuni sabiex tixħet dubju fuq din id-data, fin-nuqqas ta’ data oħra iktar preċiża.

119    Fir-rigward tal-“kriterju ta' deflazzjoni” użat għall-estrapolazzjoni b’lura, li kien dak ta’ l-iżvilupp tas-somma totali tas-salarji, il-Kummissjoni ssostni li dan intuża bħala indiċi ta’ l-iżvilupp ta’ l-ispejjeż peress li kien meqjus bħala l-iktar wieħed rappreżentattiv ta’ l-ispejjeż totali ta’ La Poste sabiex ikunu jistgħu jiġu attwati l-ispejjeż wara l-1992, ladarba s-somma totali tas-salarji kienet tikkostitwixxi madwar 75% ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma setgħux jipproponu indiċi iktar adattat għall-perijodu meqjus. Il-punt 539 huwa indiċi wisq parzjali, peress li jeżistu żewġ punti 539, wieħed għall-uffiċċji u wieħed għas-selezzjoni, li magħhom tiżdied l-“istatistika 742” għad-distribuzzjoni u għall-ispiża tat-tunnellati ttrasportati. Il-Kummissjoni tafferma li l-fatt li għażlet kriterju ta' deflazzjoni iktar globali ma jistax ikun żball manifest ta’ evalwazzjoni. Hija tiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li r-rikorrenti lanqas biss ippruvaw juru l-ispejjeż miżjuda skond il-metodu alternattiv għall-perijodu 1986-1992.

120    Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim dwar it-tariffi li ġew konklużi bejn La Poste u SFMI huma kompletament inadegwati sabiex jiġu ddeterminati l-ispejjeż kollha, peress li l-iskop tagħhom kien li tiġi ddefinita r-remunerazzjoni relatata mas-servizzi ta' operazzjoni kif ukoll ir-remunerazzjoni kummerċjali ta’ La Poste. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ispejjeż kollha li kienu effettivament sostnuti kellhom jiġu kkalkulati b’mod differenti sabiex imbagħad jiġu mqabbla mar-remunerazzjoni mħallsa, b’mod li tkun tista' tintlaħaq konklużjoni dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ għajnuniet mill-Istat.

121    Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li kien biss fl-1991 li La Poste kienet obbligata tippreżenta kontabbiltà tat-tip ippreżentata mill-impriżi kummerċjali, fil-kuntest tar-riforma ġenerali li daħlet fis-seħħ bil-Liġi 90-568. Hija żżid li La Poste elaborat metodi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż preċiżi u omoġeni biżżejjed li, mill-1992, ippermettewlha tipperfezzjona l-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż reali li kellha minħabba l-attivitajiet tal-kumpannija sussidarja tagħha. Hija għalhekk tqis li l-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien ibbażat fuq l-elementi ta’ analiżi ta’ l-ispejjeż l-iktar affidabbli, filwaqt li ttieħdet in kunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni ta’ impriża bħalma hija La Poste.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

122    Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ilment tar-rikorrenti dwar il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura huwa ġdid u għalhekk inammissibbli.

123    Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

124    F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti diġà kkritikaw, fil-punti 212 sa 220 tar-rikors tagħhom, il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura li wassal għall-istima ta’ l-ispejjeż għall-perijodu 1986-1991 abbażi ta’ l-ispejjeż għall-1992. B’mod partikolari, ir-rikorrenti sostnew li “l-estrapolazzjoni b’lura […] [kienet] tippresupponi li l-ispejjeż u l-prezzijiet tas-subappalt [żviluppaw] b’mod kostanti u parallel”. B’hekk, filwaqt li ċċaraw l-argumenti tagħhom dwar in-natura lineari ta’ l-estrapolazzjoni b’lura, ir-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda motiv ġdid jew differenti, imma żviluppaw ir-raġunament tagħhom dwar dan il-punt, li diġà kien inkluż fir-rikors.

125    Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti kellhom iressqu r-rikors tagħhom mingħajr ma setgħu jaraw la r-rapport Deloitte u lanqas ir-risposti tal-Gvern Franċiż. Fil-fatt, kien biss wara li ttieħdu l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’Mejju 1998 li dawn id-dokument intbagħtu lir-rikorrenti.

126    F’dan ir-rigward, ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura ġie deskritt fil-qosor, peress li huwa jiġi spjegat biss fil-premessi 33 u 43 ta’ din l-istess deċiżjoni. Issa, minn dawn il-premessi ma jirriżultax b’mod inekwivokabbli li l-estrapolazzjoni b’lura kienet lineari.

127    F'dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax ilum lir-rikorrenti li ma kkritikawx b’mod dettaljat, fir-rikors tagħhom, il-linearità tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura. Minn dan isegwi li l-argument relatat mal-linearità tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura huwa ammissibbli.

128    Fuq il-mertu, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-mod li bih l-ispejjeż ta’ La Poste kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lill-kumpannija sussidjarja tagħha ġew ikkalkulati fin-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika, timplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Issa, il-Kummissjoni, meta tadotta att li jimplika evalwazzjoni ekonomika kumplessa, għandha diskrezzjoni wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att, għalkemm fil-prinċipju huwa “komprensiv” fir-rigward tal-kwistjoni jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(1) tat-Trattat, huwa limitat għall-verifika ta’ jekk humiex irrispettati r-regoli dwar il-proċedura u l-motivazzjoni, ta' l-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta' poter. B’mod partikolari, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika ta’ l-awtur tad-deċiżjoni bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T‑126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 81; tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, punt 105 u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II-435, punt 282).

129    Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, f’dan il-każ, il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura kien jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ kriterju ta' deflazzjoni għan-nefqa ta’ kull prodott billi bħala sena ta' referenza tintuża n-nefqa ta' l-1992, u bħala kriterju ta' deflazzjoni r-rata ta’ tkabbir tas-somma totali tas-salarji u, imbagħad, fil-multiplikazzjoni tan-nefqa wara d-deflazzjoni miksuba b'dan il-mod bil-volum ta’ attività relatata mal-prodott partikolari għas-sena kkonċernata.

130    Ir-rikorrenti jikkontestaw, sostanzjalment, in-natura lineari ta’ l-estrapolazzjoni b’lura peress li dan il-metodu ma jieħux in kunsiderazzjoni r-redditi ta’ skala li jiżdiedu. Skond ir-rikorrenti, in-nefqa unitarja totali ta' produzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ konsenja espressa kellha tonqos biż-żieda fil-volum ta' produzzjoni.

131    Dan ir-raġunament jirreferi għall-każ ta’ impriża privata li tibda topera u, b’mod partikolari, għall-eventwalità li hija toħloq ex novo in-netwerk tad-distribuzzjoni tagħha. Dan ir-raġunament ma japplikax għall-ħolqien ta’ attività ġdida li tirrappreżenta biss parti żgħira minn attività li diġà teżisti u li għaliha diġà tħallsu l-parti l-kbira ta’ l-ispejjeż fissi. Fil-fatt, f’settur bħala dak li qed jitqies hawnhekk, fejn l-ispejjeż fiss huma ferm importanti, imma jirriżultaw mill-eżistenza stess tan-netwerk ta’ La Poste u m’għandhomx rabtiet ma’ l-attività tal-kumpannija sussidjarja, it-teżi tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

132    Barra minn hekk, il-kjarifiki tal-Kummissjoni – li jipprovdu, b’mod partikolari, li peress li l-proporzjon ta’ l-operazzjonijiet għal SFMI-Chronopost baqgħet marġinali meta mqabbla ma' l-attività kollha ta’ La Poste, m'huwiex possibbli li jitwettqu ekonomiji ta’ skala veri – ma ġewx kontradetti mir-rikorrenti.

133    F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-metodu ta’ estrapolazzjoni lineari b’lura.

134    Fir-rigward tal-kritika tar-rikorrenti dwar l-għażla tas-sena li minnha bdiet titwettaq l-estrapolazzjoni b’lura, għandu jiġi mfakkar li, sa l-1991, La Poste kienet tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika Franċiża u ma kellhiex l-obbligu li żżomm kontabbiltà analitika. Fil-fatt, kien biss wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi 90-568 li l-obbligi ta' kontabbiltà ta’ La Poste ġew assimilati ma’ dawk ta’ l-impriżi privati.

135    Minbarra dan, fir-rigward ta' l-għażla ta’ l-1992 bħala punt ta’ tluq għall-estrapolazzjoni b’lura ta’ l-ispejjeż, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li kien biss mill-1992 li l-kalkoli tal-ħin preċiżi u l-kontabbiltà analitika ppermettew kalkolu eżatt ta’ l-ispejjeż tas-servizzi favur SFMI-Chronopost.

136    Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha ssib rimedju għan-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika fi ħdan La Poste qabel l-1992. Peress li l-kontabbiltà ta’ l-1992 kienet l-ewwel waħda li saret bis-sistema tal-kontabbiltà analitika, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tagħmel referenza għaliha. Dan jgħodd iktar u iktar minħabba li, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, il-kundizzjonijiet normali tas-suq kellhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx juru li kien hemm data oħra iktar preċiża.

137    Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni sabet rimedju għan-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika fi ħdan La Poste qabel l-1992 billi għamlet użu mill-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura jaqa' fid-diskrezzjoni wiesgħa li hija għandha f’dan is-settur.

138    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li r-rikorrenti ma pprovawx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tas-sena li abbażi tagħha twettqet l-estrapolazzjoni b’lura.

139    Fir-rigward ta' l-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq ir-rapport tal-Cour des comptes française (il-Qorti ta’ l-Awdituri Franċiża), għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma pprovawx liema elementi oġġettivi l-Kummissjoni kien imissha użat minflok il-kontabbiltà ta’ La Poste ta’ l-1992. B’hekk, anki jekk wieħed jammetti li l-kontabbiltà ta’ La Poste ta’ l-1992 ma kinitx analitika, ma jista’ jiġi rrilevat l-ebda żball manifest tal-Kummissjoni peress li din setgħet tuża b’mod leġittimu l-kontabbiltà ta’ La Poste, li kienet l-unika li setgħet tippermetti evalwazzjoni tas-sussidju kkonċernat meta mqabbel ma' l-ispejjeż reali fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

140    Fir-rigward tal-kriterju ta' deflazzjoni magħżul, jiġifieri r-rata ta’ tkabbir tas-somma totali tas-salarji, li tikkorrispondi għas-salarji u għall-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa mill-prinċipal, il-Kummissjoni ċċarat li din kienet għażla loġika, peress li s-salarji kienu jirrappreżentaw 75% ta’ l-ispejjeż tan-netwerk operattiv ta’ La Poste.

141    Huwa tabilħaqq minnu li r-rata ta’ tkabbir tas-somma totali tas-salarji hija marbuta maż-żieda globali fin-numru ta’ impjegati ta’ La Poste u li l-użu tan-nefqa unitarja tax-xogħol kellu jippermetti li tinkiseb b’mod iktar preċiż il-nefqa ta’ attività waħda. Kif jirriżulta mir-rapport Deloitte ta’ l-1996, jekk nefqa tiġi stmata bħala 100 fl-1992 u s-somma totali tas-salarji kibret b’5% bejn l-1991 u l-1992, in-nefqa estrapolata b’lura għall-1991 tiġi stmata bħala 95.2.

142    Madanakollu, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li s-salarji huma l-komponent prinċipali ta’ l-ispejjeż ta’ La Poste, hija żbaljata u li, għalhekk, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet is-somma totali tas-salarji bħala kriterju ta' deflazzjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma pprovaw li l-użu ta’ kriterju ta' deflazzjoni ieħor kien iwassal għal żieda fl-ispejjeż ta’ La Poste kif jirriżultaw mill-estrapolazzjoni b’lura.

143    Barra minn hekk, b’risposta għall-affermazzjonijiet li għamlu r-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, La Poste issottomettiet żewġ rapporti addizzjonali tal-kumpannija Deloitte, jiġifieri rapport ta’ l-1999 u wieħed ta’ l-2004, li fihom sar il-kalkolu ta’ l-estrapolazzjoni b’lura billi ntuża l-punt 539 (uffiċċji) u n-nefqa medja għal impjegat. Ir-riżultati ta’ dawn il-kalkoli, li ġew ippreżentati fl-Anness 4 tar-rapport ta’ l-1999 u fil-paġna 17 tar-rapport ta’ l-2004, juru li l-użu ta’ dawn iż-żewġ koeffiċjenti jwassal sabiex jitnaqqsu bi ftit l-ispejjeż kollha ta’ La Poste għall-perijodu 1986-1992 meta mqabbel ma' l-użu tas-somma totali tas-salarji bħala kriterju ta' deflazzzjoni. B’dan il-mod, dawn il-kalkoli juru li l-kriterju ta' deflazzjoni propost mir-rikorrenti ma jwassalx sabiex l-ispejjeż kollha ta’ La Poste għall-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lill-kumpannija sussidjarja tagħha jitqiesu li huma iktar għoljin.

144    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxielhomx juru li l-estrapolazzjoni b’lura kienet twassal għal riżultati differenti – u inqas u inqas għal riżultati li jindikaw spejjeż iktar għoljin għal La Poste – li kieku l-Kummissjoni użat kriterju ta' deflazzjoni ieħor. Minn dan isegwi li għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-għażla tagħha tal-kriterju ta' deflazzjoni.

145    Fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kien imissha użat il-ftehim eżistenti bejn La Poste u SFMI-Chronopost minflok il-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura, huwa suffiċjenti li wieħed josserva, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-ftehim bejn La Poste u SFMI-Chronopost mhumiex adattati sabiex jiġu ddefiniti l-ispejjeż kollha, peress li l-iskop tagħhom huwa li jiddefinixxu r-remunerazzjoni għas-servizzi operattivi u r-remunerazzjoni kummerċjali ta’ La Poste. Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li ftehim tariffarju mhuwiex ekwivalenti għal kontabbiltà analitika u għalhekk huwa irrilevanti għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż.

146    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma spjegawx b’liema mod l-użu ta’ dawn il-ftehim seta’ jwassal għal evalwazzjoni iktar preċiża ta’ l-ispejjeż ikkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost meta mqabbel ma’ l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura.

147    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda safejn tirreferi għall-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura.

 Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċerti elementi fil-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

 Fuq it-trasferiment ta’ Postadex

–        L-argumenti tal-partijiet

148    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta qieset li t-trasferiment bla ħlas ta’ Postadex jidħol fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ta’ l-istess grupp. L-ewwelnett, il-Kummissjoni għamlet żball meta qieset li t-trasferiment bla ħlas ta’ assi intanġibbli, bħall-avvjament, kien att normali u tipiku tar-relazzjoni bejn kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha. Skond ir-rikorrenti, bħala regola ġenerali, it-trasferiment ta’ assi minn soċjetà parent lill-kumpannija sussidjarja tagħha jinvolvi remunerazzjoni, jew fil-forma ta' kontribuzzjoni ta’ kapital jew ikun suġġett għal kreditu favur il-kumpannija parent. Huwa rari li jkun fl-interess ta’ kumpannija parent li titrasferixxi assi bla ħlas.

149    Huma jqisu li, li kieku espert indipendenti kkalkula l-valur ta’ Postadex, din kienet tiġi vvalutat għal iktar minn 38 miljun Frank Franċiż (FRF) (madwar EUR 5,793,062). Fil-fatt, l-aħħar fatturat annwali ta’ Postadex, fil-mument tat-trasferiment, kien jindika dan il-valur.

150    Ir-rikorrenti jsostnu li, jekk il-Kummissjoni tqis il-valur stmat ta’ Postadex (FRF 38 miljun) bħala kontribuzzjoni ta’ kapital minn La Poste fi SFMI, TAT, b’sottoskrizzjoni ta’ FRF 3.4 miljuni (EUR 518,326.66) mill-kapital totali ta’ FRF 10 miljuni (EUR 1,524,490.17), ma jkollhiex 34% imma biss 7% tal-kapital ta’ SFMI.

151    It-tieninett, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li, kuntrarjament għal dak li jseħħ fi grupp privat, kien bis-saħħa tar-riżorsi tal-monopolju legali li La Poste setgħet toħloq, tiffinanzja u tiżviluppa s-servizz Postadex, servizz li ma jagħmilx parti mis-settur riżervat. Il-Kummissjoni hawnhekk kisret il-prattika deċiżjonali tagħha fis-settur tal-mezzi tat-telekomunikazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu referenza għal-linji ta' gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1991, C 233, p. 2). Skond dawn il-linji ta' gwida, “is-sussidjar ta' attivitajiet soġġetti għal kompetizzjoni, kemm jekk jikkonċernaw servizzi jew apparat, permezz ta' l-attribuzzjoni ta' l-ispejjeż tagħhom għal attivitajiet taħt monopolju, […] jaf iwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bi vjolazzjoni ta' l-Artikolu 86”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

152    It-tieletnett, il-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta qieset li t-trasferiment ta’ Postadex, peress li ma jagħti l-ebda vantaġġ fi flus lil SFMI-Chronopost, mhuwiex għajnuna mill-Istat favur din ta’ l-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jfakkru li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ddefinit fid-dawl ta' l-effetti tal-miżura kkontestata u mhux fid-dawl tan-natura tal-vantaġġ mogħti.

153    Il-Kummissjoni ssostni li t-trasferiment ta’ Postadex ma involva l-ebda spiża għal La Poste u li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha, għamlet referenza biss għar-remunerazzjoni sabiex ikunu koperti l-ispejjeż.

154    Il-Kummissjoni tqis li t-trasferiment ta’ Postadex lil SFMI-Chronopost huwa konsegwenza diretta tat-trasferiment lill-kumpanniji sussidjarji tas-servizz ta’ konsenja espressa fi ħdan La Poste. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-klijenti ta’ Postadex ma kellhomx valur fis-sens ta' kontabbiltà u li kien impossibbli li jitkejjel il-benefiċċju ekonomiku ta’ dan l-element. Għal dawn il-motivi, il-Kummissjoni tqis li ma kinitx involuta għajnuna mill-Istat.

155    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tfakkar li hija aċċettat l-istima, provduta mil-lanjanti, b'valur ta’ FRF 38 miljun (madwar EUR 5,793,062) għat-trasferiment ta’ Postadex sabiex jintwera li r-rata interna tar-rendita baqgħet għola min-nefqa tal-kapital.

156    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, peress li t-trasferiment ta’ Postadex kien konformi mar-realtà tal-grupp u peress li għal La Poste, fil-kapaċità tagħha ta' investitur, dan it-trasferiment ħalla rendita suffiċjenti, hija ma qisitx li kien meħtieġ li tirreferi għal valutazzjonijiet addizzjonali oltre dawk inklużi fl-ilment.

157    Il-Kummissjoni żżid li l-allegata valutazzjoni ġdida tas-sehem ta’ TAT fil-kapital ta’ SFMI hija ilment ġdid, li ma jirriżultax minn fatti li seħħew matul il-proċedura u li, għalhekk, huwa manifestament inammissibbli. Sussidjarjament, hija ssostni li, safejn id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-kwistjoni ta' jekk kienx hemm verament għajnuniet mill-Istat favur SFMI-Chronopost bl-interċessjoni ta' La Poste, għajnuna eventwali lil TAT għandha, fil-prinċipju, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni oħra b'suġġett differenti minn dak tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

158    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta' l-Artikolu 92 tat-Trattat, għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna. Din id-dispożizzjoni fil-fatt għandha l-iskop li tevita li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun influwenzat minn vantaġġi, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li jwasslu għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi jiffavorixxu impriżi partikolari jew prodotti partikolari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 26, u tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I-877, punt 12). Il-kunċett ta’ għajnuna jkopri għalhekk mhux biss servizzi pożittivi, bħalma huma s-sussidji, imma wkoll interventi li, f’għamliet differenti, itaffu l-piżijiet li normalment ikunu inklużi fil-bilanċ ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, jkunu ta' l-istess natura u jipproduċu effetti identiċi (sentenza Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

159    Għandu jiġi osservat li fost il-vantaġġi indiretti li jipproduċu l-istess effetti bħas-sussidji hija inkluża l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C‑126/01, Ġabra p. I-13769, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 92(1) tat-Trattat ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istat skond il-kawża jew l-iskop tagħhom, imma jiddefinihom skond l-effetti tagħhom (ara s-sentenza GEMO, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Fir-rigward tat-trasferiment ta’ Postadex, il-Kummissjoni sostanzjalment tafferma li dan ma ħoloq l-ebda spiża u li, għalhekk, mhuwiex għajnuna mill-Istat peress li, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza biss għar-remunerazzjoni destinata sabiex ikunu koperti l-ispejjeż.

162    Issa, l-argument tal-Kummissjoni li t-trasferiment tal-klijenti ta’ Postadex kien konsegwenza loġika tal-ħolqien ta’ kumpannija sussidjarja u li, għalhekk, dan it-trasferiment mhuwiex għajnuna mil-Istat, ma jistax jintlaqa’.

163    L-ewwelnett għandu jiġi rrilevat li din hija miżura separata mill-assistenza loġistika u kummerċjali.

164    Huwa fil-fatt paċifiku li La Poste ttrasferiet lil SFMI-Chronopost il-klijenti tas-servizz Postadex tagħha mingħajr l-ebda korrispettiv. Mir-risposti tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li SFMI-Chronopost bl-ebda mod ma ħallset għat-trasferiment tal-klijenti ta’ Postadex.

165    Issa, il-klijenti ta’ Postadex kienu assi intanġibbli mogħnija b’valur ekonomiku. Għandu jiġi mfakkar ukoll li huwa bis-saħħa ta' riżorsi ġejjin mill-monopolju legali li La Poste setgħet toħloq is-servizz Postadex. It-trasferiment ta’ dawn l-assi huwa vantaġġ għall-benefiċjarju.

166    Bl-istess mod, id-deċiżjoni li Postadex tiġi ttrasferita lil SFMI-Chronopost tista’ tiġi attribwita lill-Istat. Fil-fatt, ir-regoli dettaljati dwar l-operazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz ta’ konsenja espressa li SFMI kienet tiggarantixxi bl-isem EMS/Chronopost kienu ġew iddefiniti b’ċirkulari tal-Ministeru Franċiż tal-Posta u tal-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni tad-19 ta’ Awwissu 1986.

167    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li t-trasferiment ta’ Postadex lil SFMI-Chronopost huwa għajnuna mill-Istat, peress li SFMI-Chronopost ma ħallset l-ebda korrispettiv lil La Poste.

168    Din il-konstatazzjoni mhijiex invalidata mill-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-klijenti ta’ Postadex ma kellhomx valur kontabbli.

169    Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li dan huwa element li diffiċli li jiġi vvalutat, ma tfissirx li m’għandux valur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-preparazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ listi ta’ indirizzi għal ċerti attivitajiet jikkostitwixxu, bħala tali, attivitajiet ekonomiċi.

170    F’dan il-każ huwa paċifiku, kif jirriżulta barra minn hekk mill-ittra tal-21 ta’ Jannar 1993 ta’ l-awtoritajiet Franċiżi, li l-kuntratti tal-klijenti tas-servizz Postadex ġew ittrasferiti lil SFMI. Barra minn hekk, ir-rapport tal-bord tad-diretturi ta’ SFMI tat-12 ta’ Mejju 1987 jindika li “it-trasferiment ta’ l-attività ta’ Postadex lil Chronopost sar b’mod gradwali mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 1986” u li “wieħed seta’ jqis li, f’din id-data, l-imsemmi trasferiment twettaq mingħajr telf rilevanti ta’ klijenti”.

171    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta qieset li t-trasferiment tal-klijenti ta’ Postadex ma kienx għajnuna mill-Istat peress li ma wassal għall-ebda vantaġġ fi flus. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annulata safejn il-Kummissjoni qieset li t-trasferiment ta’ Postadex minn La Poste lil SFMI-Chronopost mhijiex għajnuna mill-Istat.

 Fuq l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste

–       L-argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ dritt meta qieset li l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste ma kinitx element distint tat-trasferiment tas-servizz Postadex jew ta’ l-aċċess għan-netwerk. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste tirrappreżenta assi intanġibbli, li għandu valur ekonomiku fih innifsu, li jirriżulta mill-elementi rappreżentattivi kollha ta’ La Poste (il-kulur isfar, il-logo u s-sinjal). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-valur ekonomiku ta’ l-immaġni ta’ La Poste jirrappreżenta vantaġġ rilevanti f’termini ta’ kompetizzjoni li jista’ jkun determinanti sabiex jintrebaħ suq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li, ladarba l-impriża tirbaħ sehem rilevanti mis-suq minħabba l-vantaġġ mogħti mill-immaġni tat-trade mark, dan il-vantaġġ ikun wieħed definittiv.

173    It-trasferiment bla ħlas lil SFMI-Chronopost ta’ l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste, mogħnija b’valur ekonomiku rilevanti u ffinanzjata mid-dħul miksub mill-monopolju, huwa għalhekk għajnuna mill-Istat.

174    Ir-rikorrenti jallegaw li anki jekk l-użu ta’ l-immaġni ta’ La Poste bħala tali ma sewa xejn lil La Poste, xorta waħda għandha tittieħed in kunsiderazzjoni “nefqa ta’ opportunità”. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-ispejjeż reali biss safejn għandu x’jaqsam l-aċċess għan-netwerk li ma jagħmilx parti minn loġika purament kummerċjali. Issa, f’sitwazzjoni fejn La Poste tippermetti li kumpannija sussidjarja tagħha tuża, per eżempju, il-vetturi tagħha għal skopijiet pubbliċitarji, La Poste imissha titlob kumpens għal dan.

175    Il-Kummissjoni ssostni li l-immaġni tat-trade mark ma tikkawża la spiża u lanqas telf ta' qligħ għal La Poste li ma ġewx diġà kkunsidrati mill-metodu ta’ l-ispejjeż kollha. Hija tikkonstata li r-rikorrenti jkomplu jirraġunaw f’termini mhux ta’ spejjeż imma ta’ vantaġġi “inkrementali”, billi jippruvaw jiddeterminaw ir-remunerazzjoni “korretta” ta’ l-attività ta’ SFMI-Chronopost. Issa, raġunament simili mhuwiex konformi mal-metodu ta’ l-“ispejjeż kollha”, metodu globali li jqis anki d-deprezzament u l-manutenzjoni tal-bini tal-kumpannija parent.

176    Hija żżid tgħid li la jeżisti suq u lanqas interess għall-ispazju ta' reklamar jew għall-immaġni ta’ La Poste.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

177    Jekk jitqies li l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste hija assi intanġibbli, dan mhux bilfors ikun ifisser li l-użu tagħha huwa element distint ta' l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost. Fin-nuqqas ta’ elementi li juru li l-immaġni tat-trade mark għaddiet minn trasferiment separat ta’ din ix-xorta, għandu jitiqes li l-użu ta’ l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste jirriżulta pjuttost mill-provvista, bħala tali, ta’ l-imsemmija assistenza loġistika u kummerċjali u jikkostitwixxi element aċċessorju tagħha. L-elementi provduti mir-rikorrenti fl-Anness 4 ta' l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ma jitfgħux dubju fuq din il-konklużjoni. Ir-rikorrenti jirreferu biss għar-reklami ta’ La Poste li jippreżentaw lil Chronopost bħala wieħed mis-servizzi tagħha kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet ta’ SFMI-Chronopost li jindikaw ix-xewqa tagħha li “tagħmel użu mill-kuntatti ta’ La Poste mal-fornituri l-kbar sabiex tavviċina bl-aħjar mod ċerti klijenti potenzjali”. Bil-kontra, dawn l-elementi jikkonfermaw in-natura aċċessorja ta’ l-użu ta’ l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste fir-rigward ta' l-assistenza loġistika u kummerċjali li La Poste tafferma li pprovdiet b'korrispettiv minn ta' l-inqas ekwivalenti għall-ispejjeż kollha tagħha.

178    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni m’għamlitx żbalji meta qieset li l-użu ta’ l-immaġni ta’ La Poste mill-kumpannija sussidjarja tagħha ma kienx għajnuna mill-Istat separata mir-remunerazzjoni ta’ l-ispejjeż kollha ta’ La Poste. F’dan ir-rigward, madanakollu, għandu jiġi mfakkar ukoll, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 72 sa 85 iktar 'il fuq fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tivverifika jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost, inkluż l-użu ta’ l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste.

179    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tintlaqa’ fir-rigward tat-trasferiment tas-servizz Postadex u għandha tiġi miċħuda fir-rigward ta' l-użu ta’ l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste.

4.     Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ineżattezzi materjali

 Osservazzjonijiet ġenerali

180    Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ineżattezzi materjali, uħud mill-ilmenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv diġà ġew miċħuda fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ma kinux is-suġġett ta' l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn huma, b’mod partikolari, l-ilmenti relatati mar-reklami fuq Radio France, mal-proċedura ta’ rilaxx mid-dwana tal-konsenji ta’ SFMI-Chronopost u mat-taxxa tal-boll (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 sa 124). Fir-rigward ta' l-argumenti li fadal, mill-punti 92 u 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll mis-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, jirriżulta li dawn l-argument jikkoinċidu mal-motivi li diġà ġew eżaminati f’din is-sentenza. Dan jirriżulta espliċitament mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti (punt 84). Fil-fatt l-unika parti ta’ dan il-motiv ta’ annullament li ma ġietx ittrattata hija dik relatata ma’ l-allegat vantaġġ ta’ SFMI-Chronopost li jirriżulta mill-eżenzjoni ta’ La Poste mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u mill-fatt li hija soġġetta għal taxxa mnaqqsa fuq is-salarji.

 L-argumenti tal-partijiet

181    Ir-raġunament tar-rikorrenti għandu l-għan, sostanzjalment, li jafferma li La Poste kienet soġġetta għal rata fiskali uniformi fuq is-salarji ta’ 4.25% filwaqt li l-impriżi l-oħra kienu jħallsu rata medja ta’ 9.15%. Skond ir-rikorrenti, dan il-vantaġġ għadda għand SFMI-Chronopost peress li, anki jekk din kienet ħallset l-ispejjeż kollha ta’ La Poste, dawn l-ispejjeż xorta kienu jkunu inqas minn dawk li kien ikollha tħallas impriża normali.

182    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-vantaġġ miksub minn La Poste minħabba li kienet soġġetta għal rata fiskali mnaqqsa fuq is-salarji iktar minn tpatta bl-iżvantaġġ tal-VAT li hija tħallas fuq l-akkwisti tagħha. La Poste ma ġietx soġġetta kompletament għat-taxxa fuq is-salarji bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra li ma ġewx soġġetti għall-VAT fuq mill-inqas 90% tal-fatturat tagħhom. Ir-rikorrenti jaffermaw li r-rata normali tat-taxxa fuq is-salarji hija ta’ 4.25%, imma li din ir-rata ġiet miżjuda għal 8.50% għall-parti tal-pagi individwali annwali ta’ bejn FRF 40,780 (EUR 6,216.87) u FRF 81,490 (EUR 12,423.07) u għal 13.60 % għall-pagi individwali annwali li ta' aktar minn FRF 81,490 (EUR 12,423.07). Issa, sa l-1 ta’ Settembru 1994, La Poste ibbenefikat mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi mnaqqsa ta’ 4.25% għat-taxxa fuq is-salarji, ikkalkulata biss fuq il-pagi bażiċi (bl-esklużjoni tal-bonus u tal-benefiċċji mhux fi flus). Għaldaqstant, il-vantaġġ ta’ din ir-rata mnaqqsa meta mqabbla mar-rata medja mwieżna ta’ 9.15% (skond l-istruttura tas-somma totali tas-salarji) huwa evidenti. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jkunx hemm il-kumpens ma' l-eżenzjoni mill-VAT iżda, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tissarraf f’telf ta’qligħ għall-Istat.

183    Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll in-nuqqas ta’ komparabbiltà u n-nuqqas ta’ denominatur komuni fis-sitwazzjon fiskali ta’ La Poste fir-rigward tat-taxxa fuq is-salarji u tal-VAT. Fil-fatt, il-bażi tat-taxxa fuq is-salarji hija komposta mis-somma totali tas-salarji ta' l-impriża, filwaqt li l-bażi ta’ stima tal-VAT hija komposta mill-bejgħ tal-beni u mill-provvista ta' servizzi. Barra minn hekk, ir-rata normali tal-VAT ta’ 20.6% u r-rati tat-taxxa fuq is-salarji ta’ 4.25%, 8.50% jew 13.60 % mhumiex komparabbli. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jikkontestaw id-dimensjonijiet tal-piż fiskali ta’ La Poste minħabba l-eżenzjoni tagħha mill-VAT.

184    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-kumpens għal vantaġġ fiskali bi spejjeż fiskali sostnuti x’imkien ieħor, ma jibdilx in-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dan il-vantaġġ. It-talba tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex iwaqqfu dan il-vantaġġ turi li dan huwa vantaġġ fiskali. Ir-rikorrenti josservaw ukoll li, f’dan il-każ, l-“ispiża addizzjonali” ta’ l-eżenzjoni mill-VAT li minnha tibbenefika La Poste mhijiex marbuta ma’ funzjoni ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta' l-attivitajiet ta’ SFMI-Chronopost li huma miftuħa għall-kompetizzjoni.

185    Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwelnett, li s-sistema fiskali ta’ La Poste hija iktar iebsa minn dik tal-kompetituri tagħha. Dan ir-raġunament huwa kkonfermat mid-data kkomunikata mill-awtoritajiet Franċiżi li tikkalkola li, fl-1993, il-VAT mhux rekuperabbli mħallsa minn La Poste tlaħħaq FRF 274 miljun (EUR 41,771 030.72) u t-taxxa mħallsa fuq is-salarji tlaħħaq FRF 74 miljun (EUR 11,281,227.28), li jfisser li La Poste kellha piż fiskali totali ta’ FRF 352 miljun (EUR 53,662,054.07). Dawn il-piżijiet m’għandhomx ekwivalenti għall-kompetituri tagħha li mhumiex soġġetti għat-taxxa fuq is-salarji u li jistgħu jnaqqsu l-VAT li jħallsu.

186    It-tieninett, l-allegat vantaġġ kummerċjali li ġej mill-fatt li l-klijenti ta’ La Poste m'għandhomx għalfejn iħallsu l-VAT fuq is-servizzi ta’ din ta’ l-aħħar mhuwiex reali. Il-Kummissjoni tallega li l-eżenzjoni ta’ La Poste mill-VAT tikkumpensa l-vantaġġ li tibbenefika minnu fir-rigward tat-taxxa fuq is-salarji. Fil-fatt, skond l-informazzjoni mgħoddija mill-awtoritajiet Franċiżi, il-parti l-kbira tal-fatturat ta’ La Poste (83.4 %) issir minn klijenti soġġetti għall-VAT, li allura jistgħu jnaqqsu l-VAT li jħallsu lill-kompetituri ta’ La Poste, imma mhux it-taxxa fuq is-salarji inkluża fil-prezzijiet ta’ La Poste. Dan l-element tan-nefqa finali ikun sostanzjalment akbar mill-obbligu li tkun antiċipata somma bħala VAT rekuperabbli, li jissarraf fi żvantaġġ kummerċjali għal La Poste.

187    Ir-Repubblika Franċiża tafferma li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti meta jaffermaw li “ir-rata normali tat-taxxa fuq is-salarji tirriżulta minn simulazzjonijiet numeriċi preċiżi tal-Gvern Franċiż, li jippermettu li jintlaħaq il-bilanċ […]”, ir-rata tat-taxxa fuq is-salarji u l-limiti ta’ applikazzjoni relatati ma ġewx iddeterminati bil-għan li jintlaħaq bilanċ ma’ l-impriżi soġġetti għall-VAT. Hija żżid tgħid li fil-prattika huwa impossibbli li titwettaq soluzzjoni ta’ din ix-xorta, meta jitqies li dawn iż-żewġ ħlasijiet jaħdmu b’mod daqstant differenti. Barra minn hekk, sabiex jinżamm il-bilanċ ekonomiku, kull bidla fir-rata tal-VAT tkun tinvolvi bidla korrelattiva fir-rata tat-taxxa fuq is-salarji, li mhijiex realistika.

188    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża għamlet tagħha l-argument tal-Kummissjoni li La Poste m’għandha l-ebda vantaġġ f’termini ta’ kompetizzjoni minħabba l-eżenzjoni mill-VAT. Hija tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-taxxa fuq is-salarji tirrappreżenta piż fiskali parzjalment definittiv (li jista’ jitnaqqas mill-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-kumpanniji), filwaqt li l-VAT titnaqqas kollha (taxxa fuq taxxa), u meta jkun il-każ, hija rimborsabbli. Hija tikkonkludi li l-piżijiet ta’ La Poste huma b’hekk aggravati mill-ħlas tat-taxxa fuq is-salarji u min-nuqqas tad-dritt li titnaqqas il-VAT imħallsa fuq l-ispejjeż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

189    Sostanzjalment, ir-rikorrenti jaffermaw li anki jekk huwa suffiċjenti li wieħed iqis biss l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste sabiex tipprovdi l-assistenza loġistika u kummerċjali lil SFMI-Chronopost, xi ħaġa li huma jiċħdu, dawn l-ispejjeż huma inqas minn dawk li kieku kien ikollha ssostni impriża privata, minħabba li La Poste tista’ tipprovdi l-istess servizzi bi prezz irħas peress li hija eżentata mill-VAT u soġġetta għal taxxa fuq is-salarji mnaqqsa.

190    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja titlob biss li l-ispejjeż ta’ l-impriża pubblika jkunu rimborsati mill-kumpannija sussidjarja tagħha. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx distinzjoni dwar jekk dawn l-ispejjeż humiex inqas minn dawk ta’ kumpannija li topera fíl-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk wieħed jammetti li parti mill-ispejjeż ta’ La Poste huma sussidjati mill-miżuri fiskali li sar ilment dwarhom mir-rikorrenti, il-verifika ta’ l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tkunx influwenzata minn dan peress li, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa suffiċjenti li l-ispejjeż ikkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali jkunu ġew koperti.

191    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud safejn huwa bbażat fuq il-vantaġġ indirett li minnu gawdiet SFMI-Chronopost minħabba l-allegati vantaġġi fiskali ta’ La Poste.

 Fuq l-ispejjeż

192    Fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ġiet ikkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u 90% ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti. L-intervenjenti ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

193    Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ta’ l-aħħar irriżervat id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li, f’din is-sentenza, għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż kollha relatati ma’ l-istanzi differenti tal-kawża, skond l-Artikolu 121 tar-Regoli tal-Proċedura.

194    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqassam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq waħda jew diversi kapi. F’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura wara r-rinviju, intlaqgħu l-parti l-kbira tal-talbiet tar-rikorrenti.

195    Għaldaqstant tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi li jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 75 % ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti, ħlief dawk li ġew ikkawżati mill-interventi, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-bqija ta’ l-ispejjeż tagħhom, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

196    Ir-Repubblika Franċiża, Chronopost u La Poste, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-ewwel u t-tielet paragrafi ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/365/KE, ta’ l-1 ta’ Ottubru 1997, li tikkonċerna l-għajnuniet allegatament mogħtija minn Franza lil SFMI-Chronopost, hija annullata inkwantu tikkonstata li la l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lill-kumpannija sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat favur SFMI-Chronopost.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 75 % ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti, ħlief dawk li ġew ikkawżati mill-interventi, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

3)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-bqija ta’ l-ispejjeż tagħhom, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

4)      Ir-Repubblika Franċiża, Chronopost SA u La Poste għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Jaeger

Tiili

Azizi

Cremona

 

       Czúcz

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ġunju 2006 .

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

       President

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura wara r-rinviju

It-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

Id-dritt

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Referenza għall-ġurisprudenza dwar il-motivazzjoni

Fuq il-portata tal-kontroll tar-rispett ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni f'dan il-każ

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' l-ispejjeż varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista ta’ l-assistenza loġistika u kummerċjali

Fuq il-motivazzjoni relatata mal-kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali

Fuq il-motivazzjoni relatata mar-remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali

Fuq il-motivazzjoni relatata mal-kopertura ta’ l-ispejjeż b’mod ġenerali

Fuq il-ħtieġa ta' motivazzjoni dettaljata

3.  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq

Fuq l-użu tal-metodu ta’ estrapolazzjoni b’lura

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċerti elementi fil-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat

Fuq it-trasferiment ta’ Postadex

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq ineżattezzi materjali

Osservazzjonijiet ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.