Language of document : ECLI:EU:C:2022:689

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

15 ta’ Settembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) – Raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni – Ftehimiet ma’ operaturi ekonomiċi oħra bil-għan ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 36(1) – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Artikolu 80(1) – Użu tar-raġunijiet għall-esklużjoni u tal-kriterji ta’ għażla previsti fid-Direttiva 2014/24/UE – Offerenti li jifformaw unità ekonomika li ppreżentat offerti separati li ma huma la awtonomi u lanqas indipendenti – Neċessità ta’ elementi suffiċjentement plawsibbli sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE”

Fil-Kawża C‑416/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerisches Oberstes Landesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2021, fil-proċedura

Landkreis AichachFriedberg,

vs

J. Sch. Omnibusunternehmen,

K. Reisen GmbH,

fil-preżenza ta’:

E. GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Landkreis Aichach‑Friedberg, minn R. Wiemann, Rechtsanwalt,

–        għal J. Sch. Omnibusunternehmen u K. Reisen GmbH, minn J. R. Eydner u A. Kafedžić, Rechtsanwälte,

–        għal E. GmbH & Co. KG, minn H. Holz, S. Janka u U.‑D. Pape, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, V. Kazlauskaitė‑Švenčionienė u E. Kurelaitytė, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Landkreis Aichach‑Friedberg (id-Distrett ta’ Aichach‑Friedberg, il-Ġermanja) u, min-naħa l-oħra, J. Sch. Omnibusunternehmen (iktar ’il quddiem “J”) u K. Reisen GmbH dwar l-għoti, minn dan id-distrett, ta’ kuntratt pubbliku relatat ma’ servizzi ta’ trasport pubbliku permezz tal-karozza tal-linja.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 93/37/KEE

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), kien jinkludi l-lista tar-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ kull imprenditur.

 IdDirettiva 2014/24

4        L-ewwel paragrafu tal-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24 huwa fformulat kif ġej:

“Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. […]”

5        Skont l-Artikolu 2(1)(10) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tagħha, “operatur ekonomiku” tfisser, kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika, jew kull grupp ta’ dawn il-persuni u/jew entitajiet, inkluża kull assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru t-twettiq ta’ xogħolijiet u/jew ta’ xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq.

6        Skont l-Artikolu 4(c) tal-imsemmija direttiva, din tapplika għall-kuntratti li l-valur stmat tagħhom mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ikun ugwali għal jew ogħla minn EUR 221 000, b’mod partikolari, għall-kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti subċentrali u għall-kompetizzjonijiet organizzati minnhom.

7        L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, bit-titolu “Prinċipji tal-akkwist”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

8        L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi:

“[…]

4.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)      fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l- operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

(d)      fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(e)      fejn konflitt ta’ interess skont it-tifsira tal-Artikolu 24 ma jistax jiġi rimedjat b’mod effettiv minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

(f)      fejn id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-involviment ta’ qabel tal-operaturi ekonomiċi fit-tħejjija tal-proċedura tal- akkwist, kif imsemmi fl-Artikolu 41, ma tistax tiġi rimedjata minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

[…]

6.      Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis- sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

[…]

7.      Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. […]”

 IdDirettiva 2014/25/UE

9        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2364 tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/25”), jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il- frekwenza tas-servizz.”

10      L-Artikolu 15(a) tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi:

“Għajr fejn dawn jiġu preklużi permezz tal-esklużjonijiet fl-Artikoli 18 sa 23 jew skont l-Artikolu 34, rigward it-twettiq tal- attività inkwistjoni, din id-Direttiva għandha tapplika għal akkwisti b’valur mingħajr [il-VAT] li daqs jew ogħla mil-limiti stabbiliti li ġejjin::

(a)      EUR 443000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz kif ukoll għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn”.

11      L-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat”.

[…]”

12      Taħt it-titolu “Użu tar-raġunijiet ta’ esklużjoni u l-kriterji tal-għażla previsti fid-Direttiva [2014/24]”, l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

[…]

Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.”

 Iddritt Ġermaniż

13      L-Artikolu 1 tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi Kontra l-Limitazzjonijiet tal-Kompetizzjoni), tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1750), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“GWB”), jipprevedi:

“Għandhom ikunu pprojbiti l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

14      L-Artikolu 124(1) tal-GWB, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi fil-punt 4 tiegħu:

“Filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu lil impriża milli tipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fi kwalunkwe mument ta’ din il-proċedura meta:

[…]

4.      l-awtorità kontraenti jkollha elementi suffiċjentement plawsibbli sabiex tikkonkludi li l-impriża kkonkludiet ftehimiet jew laħqet ftehim dwar prattiki ma’ impriżi oħra li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jostakolaw, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni;

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, id-Distrett ta’ Aichach‑Friedberg ippubblika avviż ta’ kuntratt bil-għan tal-għoti, permezz ta’ proċedura miftuħa, ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ trasport pubbliku permezz tal-koarozza tal-linja, li l-valur stmat tiegħu jaqbeż il-limitu previst fl-Artikolu 4(c) tad-Direttiva 2014/24.

16      J huwa kummerċjant li jaġixxi f’ismu stess u K. Reisen hija kumpannija b’responsabbiltà limitata tat-trasport bil-karozza tal-linja li J huwa l-amministratur u l-uniku soċju tagħha.

17      Fis‑27 ta’ Frar 2020, kemm J kif ukoll K. Reisen ippreżentaw offerti relatati mal-avviż ta’ kuntratt permezz tal-istess persuna, jiġifieri J. Il-patrimonju ta’ J kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza fl‑1 ta’ Novembru 2019 u, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Diċembru 2019, l-istralċarju neħħa mill-kamp ta’ din il-proċedura l-attività indipendenti ta’ J. Fl-offerta tiegħu, J iddikjara li l-ebda proċedura ta’ insolvenza ma kienet intalbet u lanqas infetħet kontra l-impriża tiegħu.

18      Fit‑2 ta’ April 2020, J u K. Reisen ġew informati, minn naħa, li l-offerti tagħhom kienu ġew esklużi minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn dawn kienu ġew ippreparati mill-istess persuna, u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratt inkwistjoni kien ser jingħata lil E. Gmbh & Co. KG.

19      Wara li ressqu lment li ġie miċħud, J u K. Reisen ippreżentaw rikors quddiem il-Vergabekammer Südbayern (il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Jannar 2021, dan laqa’ dan ir-rikors filwaqt li ordna lid-distrett ta’ Aichach‑Friedberg jerġa jinkludi l-offerti ta’ dawn l-offerenti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni. B’mod partikolari, skont dan il-bord, fid-dawl tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324), l-aġir tagħhom ma jaqax taħt l-Artikolu 101 TFUE sa fejn dawn jifformaw unità ekonomika.

20      Id-distrett ta’ Aichach‑Friedberg appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerisches Oberstes Landesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bayern, il-Ġermanja). Skont dan id-distrett, il-fatt li żewġ offerenti li jkunu jiffurmaw unità ekonomika jitħallew jipparteċipaw fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ikun inkompatibbli mal-interessi tal-offerenti l-oħra u jkun jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari sa fejn dawn l-offerenti jkunu f’pożizzjoni li jiftehmu fuq l-offerti rispettivi tagħhom.

21      J u K. Reisen iqisu li, fid-dawl tas-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324), l-esklużjoni ta’ offerent minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun possibbli biss fil-każ li s-sitwazzjoni kkonċernata tkun taqa’ taħt l-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, in-natura eżawrjenti tar-raġunijiet għall-esklużjoni previsti mid-Direttiva 2014/24 tipprekludi l-użu tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti.

22      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li J u K. Reisen jiffurmaw unità ekonomika fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 101 TFUE. Dik il-qorti tistaqsi dwar jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jinftiehem fis-sens li jeżiġi, għall-applikazzjoni tar-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fih, li l-awtorità kontraenti jkollha indizji suffiċjentement plawsibbli ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Hija tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, peress li esklużjoni taħt din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 tippresupponi ksur ta’ regola tad-dritt tal-akkordji. Issa, tali ksur ma jistax jitqies fil-każ fejn l-impriżi kkonċernati jkunu jifformaw unità ekonomika u għalhekk jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-“privileġġ ta’ grupp”.

23      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-elenkar tar-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix li jkun jista’ jiġi invokat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ offerti ppreżentati minn żewġ offerenti li jkunu jifformaw unità ekonomika.

24      Konkretament, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731, punti 44 et seq), tistax tiġi trasposta għall-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja d-differenzi bejn il-lista tar-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 u dawk li jinsabu fid-direttivi preċedenti dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikompli jipprekludi teħid inkunsiderazzjoni ta’ offerti li ma jkunu la awtonomi u lanqas indipendenti ppreżentati minn impriżi konnessi.

25      Fl-aħħar, għandha tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-offerti li ma huma la awtonomi u lanqas indipendenti min-naħa tal-offerenti marbuta (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas, C‑531/16, EU:C:2018:324), għall-offerti ppreżentati minn offerenti li jkunu jikkostitwixxu unità ekonomika. Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi a fortiori li kuntratt ikun jista’ jingħata lil offerenti li jkunu jifformaw unità ekonomika u li ma jkunux f’pożizzjoni li jippreżentaw offerti awtonomi jew indipendenti.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il Bayerisches Oberstes Landesgericht (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Bayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      [Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4)] tad-Direttiva [2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kontraenti għandu jkollha indikazzjonijiet suffiċjentement plawżibbli biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku kiser l-Artikolu 101 TFUE?

[Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv:]

2.      L-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat bħala li jirregola b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni fis-sens li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament (Artikolu 18(1) ta’ din id-Direttiva) ma jistax jipprekludi l-għoti ta’ kuntratt fejn ikunu tressqu offerti li ma jkunu la indipendenti u lanqas awtonomi?

3.      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-għoti ta’ kuntratt lil impriżi li jikkostitwixxu unità ekonomika u li lkoll ikunu ressqu offerta?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

27      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1) u tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku relatat ma’ servizzi ta’ trasport pubbliku permezz tal-karozza tal-linja.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország, C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni jew l-operat ta’ networks intiżi għall-provvista ta’ servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport permezz tal-karozza tal-linja huwa espliċitament imsemmi, fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, fost l-oqsma li għalihom din tal-aħħar tapplika. Għalhekk, sa fejn, permezz tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-entità kontraenti tipprevedi tali tqegħid għad-dispożizzjoni jew tali operat ta’ networks u sa fejn dan il-kuntratt jaqbeż il-limitu indikat fl-Artikolu 15(a) ta’ din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li, fid-dawl tas-suġġett tiegħu, l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

30      F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, li skontu l-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat, u li jikkorrispondi, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24.

31      It-tieni, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, id-Direttiva 2014/25 ma tinkludix dispożizzjoni awtonoma, iżda tirreferi f’dan ir-rigward għad-Direttiva 2014/24.

32      B’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25 jipprovdi li, jekk l-Istati Membri jitolbu dan, ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u ta’ għażla tal-kandidati u tal-offerenti, b’mod partikolari fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, għandhom jinkludu l-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 “skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih”.

33      Għandu jiġi rrilevat li l-kliem “skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih” jirreferi għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 57(4) (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 33).

34      Konsegwentement, jekk, wara l-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li d-Direttiva 2014/25 tapplika għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, u, b’mod partikolari, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa speċifikament imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25 jippermetti lill-Istati Membri jirrendu l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 applikabbli f’tali proċeduri.

 Fuq lewwel domanda

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tkopri biss il-każijiet fejn ikunu jeżistu indizji suffiċjentement plawsibbli sabiex jiġi konkluż li operaturi ekonomiċi kisru l-Artikolu 101 TFUE.

36      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domandi ta’ din il-qorti fir-rigward tal-portata tar-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fl-imsemmi punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) huma bbażati fuq il-fatt li l-punt 4 tal-Artikolu 124(1) tal-GWB, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-istess punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4), jirriproduċi l-formulazzjoni tal-projbizzjoni tal-ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1 tal-GWB, li, essenzjalment, jirriproduċi, fid-dritt Ġermaniż, l-Artikolu 101 TFUE. Issa, hija tfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas, C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li dan l-aħħar artikolu ma huwiex applikabbli fil-każ fejn il-ftehimiet li huwa jipprojbixxi jiġu implimentati minn impriżi li, bħal f’dan il-każ, jifformaw unità ekonomika.

37      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati mill-Istati Membri jeskludu lil kull operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta l-awtorità kontraenti jkollha elementi suffiċjentement plawsibbli sabiex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku kkonkluda ftehimiet ma’ operaturi ekonomiċi oħra bil-għan ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

38      Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod ġenerali, “akkordji [konklużi] ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Il-formulazzjoni tagħha ma tirreferix għall-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, kuntrarjament għal dan tal-aħħar, ma tinkludix ir-rekwiżit li dawn il-ftehimiet jiġu konklużi “bejn impriżi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jkunu “jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

39      Minn dan isegwi li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jirreferi għal każijiet fejn operaturi ekonomiċi jikkonkludu ftehim antikompetittiv, ikun xi jkun, u ma jistax jiġi limitat għall-ftehimiet biss bejn impriżi msemmija fl-Artikolu 101 TFUE.

40      Sussegwentement, l-għan li fuqu huwa bbażat il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jikkonferma din l-interpretazzjoni.

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà, saħansitra l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li teskludi lil operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija b’mod partikolari intiża sabiex tippermettilha tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi. B’mod partikolari, ir-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq element essenzjali tar-relazzjoni bejn l-offerent rebbieħ tal-kuntratt inkwistjoni u l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-affidabbiltà ta’ dak tal-ewwel, li fuqha hija bbażata l-fiduċja li tagħtih l-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 41).

42      B’hekk, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 huwa intiż li jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jevalwaw u jieħdu inkunsiderazzjoni l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi, sabiex ikunu jistgħu jeskludu mill-proċeduri ta’ kuntratt lill-offerenti mhux affidabbli li magħhom huma ma jistgħux ikollhom relazzjoni ta’ fiduċja għat-twettiq tal-provvista tas-servizzi kkonċernati waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

43      Issa, tali għan jidher differenti minn dak previst fl-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa intiż li jneħħi l-aġir antikompetittiv tal-impriżi u li jiddiswadihom milli jwettqu tali aġir (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 37).

44      L-għan tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 iwassal għalhekk għal interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni li skontha, b’mod partikolari, ftehimiet bejn operaturi ekonomiċi li ma jaffettwawx il-kummerċ bejn Stati Membri għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tar-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fih.

45      Fl-aħħar, fir-rigward tal-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, il-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina”, li jkopri kull aġir ħażin li jkollu effett fuq il-kredibbiltà, l-integrità jew l-affidabbiltà professjonali tal-operatur ekonomiku inkwistjoni, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2019, Consorzio Nazionale Servizi, C‑425/18, EU:C:2019:476, punti 29 u 30).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jista’, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva espost fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jitqies bħala tip ta’ kondotta professjonali ħażina serja, ikun inkoerenti li l-kunċett ta’ “ftehimiet”, previst fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jingħata interpretazzjoni stretta, li tkun limitata għall-ftehimiet biss bejn impriżi msemmija fl-Artikolu 101 TFUE.

47      Dan iktar u iktar peress li l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, iddefinit fl-Artikolu 2(1)(10) tad-Direttiva 2014/24, ma jirreferix għall-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

48      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, għalkemm l-eżistenza ta’ ftehim fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE għandha titqies bħala li taqa’ taħt ir-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni li tinsab fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, xorta jibqa’ l-fatt li din l-aħħar dispożizzjoni għandha portata iktar wiesgħa, li tkopri wkoll il-konklużjoni, minn operaturi ekonomiċi, ta’ ftehimiet antikompetittivi li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101 TFUE. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li tali ftehim bejn żewġ operaturi ekonomiċi ma jaqax taħt dan l-artikolu ma jipprekludix li dan ikun jista’ jiġi kopert minn din ir-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni.

49      Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/24 tirrigwarda l-każ fejn ikun hemm elementi suffiċjenti li jippermettu lill-awtorità kontraenti tqis li ftehim ġie konkluż bejn żewġ operaturi ekonomiċi jew iktar bil-għan ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, fatt li neċessarjament jimplika li kien hemm qbil tal-intenzjonijiet ta’ mill-inqas żewġ operaturi ekonomiċi differenti.

50      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tindika l-Kummissjoni Ewropea, li f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jitqies li żewġ operaturi ekonomiċi li, essenzjalment, jgħaddu mill-istess persuna fiżika sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, jistgħu jikkonkludu “ftehimiet” bejniethom, sa fejn ma jidhirx li jeżistu żewġ intenzjonijiet distinti li jistgħu jikkonverġu. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tar-rabta eżistenti bejn J u K. Reisen, huwiex possibbli li dawn ikunu jistgħu jikkonkludu tali ftehimiet bil-għan li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, ir-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 ma tkunx tista’ tapplika għas-sitwazzjoni tagħhom.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista f’dan il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tkopri l-każijiet fejn ikunu jeżistu indizji suffiċjentement plawsibbli sabiex jiġi konkluż li operaturi ekonomiċi kkonkludew ftehim ipprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, iżda ma hijiex limitata għall-ftehimiet biss previsti f’dan l-aħħar artikolu.

 Fuq ittieni u ttielet domanda

52      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan l-Artikolu 57(4) jirregola b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, fatt li jipprekludi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, ikun jista’ jostakola l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil operaturi ekonomiċi li jkunu jifformaw unità ekonomika u li l-offerti tagħhom, għalkemm ippreżentati separatament, ma jkunu la awtonomi u lanqas indipendenti.

53      Fil-kuntest analogu tad-Direttiva 93/37, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, li, bħall-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, kien jinkludi lista tar-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, għandu jiġi moqri bħala li jelenka b’mod eżawrjenti l-kawżi li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ imprenditur mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal raġunijiet, ibbażati fuq elementi oġġettivi relatati mal-kwalitajiet professjonali tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kontraenti huma preklużi milli jikkompletaw il-lista inkluża fih permezz ta’ kawżi fakultattivi oħra għall-esklużjoni bbażati fuq kriterji relatati mal-kwalità professjonali (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki, C‑213/07, EU:C:2008:731, punt 43).

54      Bl-istess mod, l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24 jelenka b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal raġunijiet ibbażati fuq elementi oġġettivi relatati mal-kwalitajiet professjonali tiegħu kif ukoll ma’ kunflitt ta’ interessi jew ma’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tkun tirriżulta mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-preparazzjoni ta’ din il-proċedura.

55      F’dan ir-rigward, il-fatt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, li din id-dispożizzjoni issa tinkludi numru ikbar ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni mid-direttivi preċedenti tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jista’ jkollu ebda effett fuq in-natura eżawrjenti tal-lista prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.

56      Fil-fatt, b’rigward għan-natura tar-raġunijiet għall-esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-istess approċċ fir-rigward tad-diversi raġunijiet għall-esklużjoni li jinsabu fid-direttivi suċċessivi tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li jikkonsisti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731), f’li jqis biss raġunijiet għall-esklużjoni bbażati fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ fatti jew ta’ aġir tal-operatur ekonomiku kkonċernat stess, ta’ natura jew li jtellfu r-rispettabbiltà professjonali tiegħu jew il-kapaċità ekonomika jew finanzjarja tiegħu li jwettaq ix-xogħlijiet koperti mill-kuntratt pubbliku li fir-rigward tiegħu huwa jkun qiegħed jippreżenta offerta, jew, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/24, li joħolqu sitwazzjoni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, tkun taqa’ taħt il-kunflitt ta’ interessi jew taħt id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, każijiet previsti, rispettivament, fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) u fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) ta’ din id-direttiva.

57      Madankollu, il-fatt li r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jinsabu fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, li għalih jirreferi t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, huma elenkati b’mod eżawrjenti ma jipprekludix li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 36(1) ta’ din l-aħħar direttiva, ikun jista’ jostakola l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil operaturi ekonomiċi li jkunu jifformaw unità ekonomika u li l-offerti tagħhom, għalkemm ippreżentati separatament, ma jkunu la awtonomi u lanqas indipendenti.

58      Fil-fatt, tali elenkar eżawrjenti ma jeskludix il-possibbiltà tal-Istati Membri li jżommu jew li jistabbilixxu regoli sostantivi intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiggarantixxu, fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-prinċipju ta’ trasparenza li dan tal-aħħar jimplika, li huma imposti fuq l-entitajiet kontraenti f’kull proċedura ta’ għoti ta’ tali kuntratt u li jikkostitwixxu l-bażi tad-direttivi tal-Unjoni relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jkun osservat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 21 u tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 30).

59      B’mod partikolari, fil-każ ta’ offerenti marbuta, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25 jinkiser jekk jiġi aċċettat li dawn l-offerenti jistgħu jippreżentaw offerti kkoordinati jew miftiehma, jiġifieri la awtonomi u lanqas indipendenti, li jkunu jistgħu għaldaqstant jiksbulhom vantaġġi inġustifikati fir-rigward tal-offerenti l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas, C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 29).

60      F’dan il-kuntest, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li l-entità kontraenti tkun obbligata teżamina u tevalwa l-fatti, bil-għan li tiddetermina jekk ir-rapport eżistenti bejn żewġ entitajiet ikunx influwenza b’mod konkret il-kontenut rispettiv tal-offerti ppreżentati fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod li l-konstatazzjoni ta’ tali influwenza, irrispettivament mill-forma tagħha, tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriżi jkunu jistgħu jiġu esklużi mill-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, EU:C:2009:317, punt 32 u tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 38).

61      Fil-fatt, il-konstatazzjoni li r-rabtiet bejn l-offerenti kellhom influwenza fuq il-kontenut tal-offerti tagħhom ippreżentati fil-kuntest tal-istess proċedura tkun suffiċjenti sabiex dawn l-offerti ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-entità kontraenti, peress li dawn għandhom jiġu ppreżentati b’awtonomija u b’indipendenza sħiħa meta dawn ikunu jirriżultaw minn offerenti marbuta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas, C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 38).

62      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori għas-sitwazzjoni ta’ offerenti li ma jkunux sempliċement marbuta, iżda li jkunu jifformaw unità ekonomika.

63      Għaldaqstant, fil-każ li l-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konklużjoni, wara l-verifiki u l-evalwazzjonijiet neċessarji, li l-offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġewx ippreżentati b’mod awtonomu u indipendenti, l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25 jipprekludi l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lill-offerenti li jkunu ppreżentaw tali offerti.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-Artikolu 57(4) jirregola b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jkunu jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal raġunijiet ibbażati fuq elementi oġġettivi relatati mal-kwalità professjonali tiegħu kif ukoll ma’ kunflitt ta’ interessi jew ma’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tkun tirriżulta mill-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-proċedura. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 57(4) ma jipprekludix li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, ikun jista’ jostakola l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil operaturi ekonomiċi li jkunu jifformaw unità ekonomika u li l-offerti tagħhom, għalkemm ippreżentati separatament, ma jkunu la awtonomi u lanqas indipendenti.

 Fuq lispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat18 ta’ Diċembru 2017, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2364 tat18 ta’ Diċembru 2017,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ir-raġuni fakultattiva għall-esklużjoni prevista f’dan il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(4) tkopri l-każijiet fejn ikunu jeżistu indizji suffiċjentement plawsibbli sabiex jiġi konkluż li operaturi ekonomiċi kkonkludew ftehim ipprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, iżda ma hijiex limitata għall-ftehimiet biss previsti f’dan l-aħħar artikolu.

2)      L-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, kif emendata bir-Regolament Delegat 2017/2365, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, kif emendata bir-Regolament Delegat 2017/2364,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan l-Artikolu 57(4) jirregola b’mod eżawrjenti r-raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni li jkunu jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal raġunijiet ibbażati fuq elementi oġġettivi relatati mal-kwalità professjonali tiegħu kif ukoll ma’ kunflitt ta’ interessi jew ma’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tkun tirriżulta mill-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-proċedura. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 57(4) ma jipprekludix li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, kif emendata bir-Regolament Delegat 2017/2364, ikun jista’ jostakola l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lil operaturi ekonomiċi li jkunu jifformaw unità ekonomika u li l-offerti tagħhom, għalkemm ippreżentati separatament, ma jkunu la awtonomi u lanqas indipendenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.