Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2024 – NTT Data Belgique et vs BEI

(Kawża T-161/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: NTT Data Belgique (Brussell, il-Belġju), Sopra Steria PSF Luxembourg SA (Leudelange, il-Lussemburgu), UniSystems Luxembourg Sàrl (Bertrange, il-Lussemburgu), Netcompany – Intrasoft (Ixelles, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Troncoso Ferrer, L. Lence de Frutos, R. Fernández de la Cruz u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-BEI tal-4 ta’ Marzu 2024 li permezz tagħha caħad l-offerta fil-proċedura għal kuntratt pubbliċi intitolata “CFT-1699 - IT Consultancy for EIB-specific applications (TAILOR)” sottomessa mill-OMNIA Consortium bħala anormalment baxxa;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni imwettaq minn BEI billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ ċaħda tal-offerta (i) fuq is-salarji imħallsa mill-applikanti u (ii) fuq il-marġni ta’ profitt ġġenerati minn OMNIA consortium. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konsistenti mal-kriterji ta’ BEI stess skont proċeduri oħra ta’ kuntratti pubbliċi simili u riċenti fejn kważi offerti identiċi ġew proposti u aċċettati.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu (i) l-esklużjoni tal-offerta, ibbażata biss fuq il-prezzijiet offruti minn OMNIA consortium, hija sproporzjonata; u (ii) l-BEI ma jidhirx li ħa inkunsiderazzjoni fatturi oħra li huma relevanti fid-dawl tas-servizzi pprovduti abbażi tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż skont il-proċedura ta’ kuntratti pubbliċi.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix il-motivazzjoni segwita mill-BEI sabiex tadotta tali miżura. Min-naħa l-oħra, it-talba għal kjarifiki sottomessa mill-BEI fl-1 ta’ Settembru 2023 ma tispjegax b’mod adegwat għalfejn il-BEI ikkunsidra r-rati ta’ fuq il-post proposti mill-applikanti bħala anormalment baxxi; għalhekk, l-applikanti ma kinux f’pożizzjoni sabiex b’mod sħiħ u effettiv juru li l-offerta hija ġenwina.

____________